• ANĠLU TAL-MELĦ

    Il-gżejjer Maltin huma xhieda ħajja ta’ l-istorja mżewwqa li l-poplu tagħna għex matul iż-żminijiet. Wieħed irid biss iħares madwaru biex isib illi saħansitra l-ġebel għandu r-rakkonti tiegħu. Fost dawn insibu s-salini tal-melħ imxerrda madwar il-medda tal-kosta ta’ Malta u Għawdex.

    Dawn il-ħofor ta’ kull daqs minquxin b’sengħa kbira fil-blat minn dejjem kienu jaffaxxinawni. L-għożża tiegħi kompliet tiżdied hekk kif jien mort noqgħod Wied il-Għajn; post fejn hemm wieħed mill-isbaħ eżempji ta’ dan il-wirt storiku.

    Anġlu tal-MelħDan l-aħħar kelli x-xorti niltaqa’ ma’ individwu li għex bosta snin minn ħajtu jaħdem fis-salini tal-melħ. Ilmaħtu ġurnata minnhom waqt li kien qed jaħdem fihom. Ma stajtx nirreżisti ma mmurx inkellmu waħda. Xejn xejn xtaqt illi binti ta’ sitt snin titgħallem xi ħaġa ġdida hija wkoll. Skoprejt illi dar-raġel kien sors kbir ta’ informazzjoni dwar dan is-suġġett. In-nies jafuh bħala Anġlu tal-Melħ.

    Anġlu jgħodd il-75 sena. Ilu jaħdem fis-salini minn meta kien tfajjel ċkejken fejn tgħallem is-sengħa minn missieru; sengħa li ilha tiġri f’familtu minn ġenerazzjoni għall-oħra. Fil-fatt Anġlu ħa ħsieb li jgħaddi l-istess tagħrif lill-uliedu. “Imma dax-xogħol huwa iebes u llum diffiċli tħajjar ‘l uliedek ikomplu warajk” stqarr Anġlu.

    Spjegali illi s-salini tal-melħ ġew imħaffra żmien twil ilu mill-Għarab. Kienu maħluqa bħala mezz li minnhom seta’ jinġabar ammont konsiderevoli ta’ melħ mnixxef mill-ilma baħar.

    “Meta jispiċċa żmien il-melħ, jiġifieri meta tkun ser tibda l-ħarifa u allura tkun ġejja l-ewwel xita, titkisser biċċa żgħira minn kull salina. Dan isir biex waħda tinfed fl-oħra u l-ilma ħelu tax-xita jibqa’ nieżel fil-baħar. B’hekk jiġi evitat li jitrabba’ l-ħaxix mal-blat,” beda jispjegali Anġlu tal-Melħ.

    “Żmien il-melħ jibda hekk kif joqrob is-Sajf, bejn wieħed u ieħor f’Mejju. L-ewwel jitnaddfu s-salini mill-blat il-kbir li jkun tella’ l-mewġ minn qiegħ il-baħar,” qalli Anġlu hekk kif urieni xi ġebel imfarrak fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-bajja. Stqarrejt li qatt ma bsart li l-baħar kellu s-saħħa jtella’ blat daqshekk kbir. Anġlu tbissem u kompla jfehemni.

    “Wara jerġgħu jingħalqu s-salini (billi tiġi ffurmata mill-ġdid il-parti li tkun tkissret fil-ħarifa) biex dawn ikunu jistgħu jżommu l-ilma.”

    Martina VellaAnġlu kompla jispjegali kif permezz ta’ xi makkinarju, jitnaddaf il-qiegħ tas-salini sabiex dawn ikunu lesti biex jilqgħu l-ilma baħar fihom. L-ilma baħar jimtela’ f’salina partikolari li tkun ħafna akbar fid-daqs u aktar fonda mill-oħrajn u hi magħrufa bħala l-“mamma”. L-għan ta’ dan huwa illi l-ilma baħar impoġġi fil-mamma, jitnaddaf mill-ilma ħelu, peress illi tnixxfu x-xemx. Hekk kif isir il-proċess, jibdew jimtlew is-salini ż-żgħar mill-ilma mielaħ li jkun fadal. Kif il-mamma tiżvojta, terġa’ timtela’ mill-ġdid u x-xogħol jibqa’ għaddej jirrepeti ruħu. Finalment, ix-xemx tnixxef l-ilma mielaħ tas-salini ż-żgħar u tħalli warajha saff melħ oħxon fil-qiegħ.

    L-imħabba lejn dan ix-xogħol hija evidenti ħafna f’Anġlu, hekk kif b’paċenzja u b’ħeġġa kbira qagħad ifehemni pass wara pass dak kollu li jinvolvi x-xogħol fuq is-salini tal-melħ.

    “Hija ħasra li ħadd ma juri nteress f’xogħli ħlief xi student ta’ l-università jew xi turisti li jgħaddu minn hawn,” stqarr Anġlu.

    B’bixra ddispjaċuta Anġlu ammetta illi l-biża’ tiegħu hija li din is-sengħa tintilef darba għal dejjem u li s-salini jiġu abbandunati għal rieħhom.

    “Lanqas fuq it-tabella ta’ l-informazzjoni tal-kunsill ta’ Wied il-Għajn ma ġew inklużi s-salini tal-melħ!” qalli ddiżappuntat hekk kif indikali ‘n-notice board’ li qegħdha proprju fuq is-salini nfushom matul il-promenad ta’ Wied il-Għajn. “It-turisti li jinżlu ħdejja u jinnutaw is-salini sikwit jistaqsuni għalxiex qegħdin. Uħud minnhom jaħsbu li nrabbu l-ħut fihom!”

    “Sfortunatament lanqas il-Gvern ma juri nteress fis-salini tal-melħ. Jien se nkompli nagħmel dax-xogħol sakemm tagħtini saħħti. Dan huwa dak li nieħu minnu,” qalli Anġlu hekk kif ferragħli f’idi ponn melħ oħxon abjad karti. Ma naqasx li jagħti ammont ikbar ta’ melħ f’idejn binti Martina li minn x’ħin iltaqgħet miegħu ma waqfitx tiġri warajh u tinnota dak kollu li kien qed jagħmel.

    L-għajnejn koħol t’Anġlu kienu jixegħlu bil-kburija, qishom l-ilma baħar li jnixxef il-melħ minnu. Bla dubju tkun tassew ħasra jekk is-sengħa ta’ dan ir-raġel tintilef.

    Tiskanta u tinxef aktar mill-ilma baħar innifsu meta tagħraf kif kull bniedem għandu storja kbira x’jgħidlek!

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-24 t’Awwissu 2008)