• AĦNA GĦANDNA KĊINA MALTIJA?

    INTERVISTA: PETER DACOUTROS

    Peter DacoutrosŻgur li Peter Dacoutros m’għandu bżonn ta’ l-ebda introduzzjoni mal-qarrejja tagħna. Kull nhar ta’ Ħamis fis-6:00pm issibu jippreżenta flimkien ma’ Manuel Xuereb il-programm Aroma Kitchen. Karattru espansiv u kelma ma jaħsibiex darbtejn biex jgħidha. Huwa wkoll kok mill-aqwa u għadu kif ippubblika r-raba’ ktieb tiegħu tat-tisjir “Cooking with Peter – Your healthy autumn and winter recipes”. Id-dixxendenza Griega tiegħu tkompli tagħtih dak it-timbru partikulari u dik il-laqta oriġinali ta’ kif jipprepara l-ikel. Għaldaqstant xtaqna nkunu nafu kif jaħsibha dwar il-kċina Maltija.

    1. X’jidhirlek mill-ingredjenti lokali? Issib varjetà biżżejjed għat-tisjir tiegħek?

    Bħala ingredjenti naturali għandna minn kollox biex ninqdew. Jiena iffissat bl-ikel Mediterranju, speċjalment b’ikel li hu tajjeb għas-saħħa. Dejjem sibt dak li ridt biex insajjar ikliet varjati u tajbin għas-saħħa. Min-naħa l-oħra, hekk kif nippruvaw inkunu avventurużi u noħorġu ‘l barra mill-ikel Mediterranju, nibdew nużaw ingredjenti oħrajn. Ingredjenti li m’humiex lokali u li għalkemm huma tajbin fit-togħma, mhumiex neċessarjament tajbin għas-saħħa bħal ngħidu aħna, il-qali u x-xaħmijiet esaġerati. Nistagħġeb per eżempju kif fil-festi tagħna issib biss pastizzi, burgers, chips u hot dogs għall-ikel! Fejn huma l-ħobża Maltija biż-żejt, il-bigilla, id-dips Maltin, il-ġbejniet u t-tadam imqadded? Tinkwetani kif  għalkemm id-Dipartiment tas-Saħħa, it-tobba u n-nutrizzjonisti l-ħin kollu jagħtu pariri kontinwi dwar x’wieħed għandu jiekol, xorta waħda l-obeżità u d-dijabete dejjem jiżdiedu f’pajjiżna.

    2. Kif jikkomparaw l-ingredjenti Maltin ma’ dawk barranin?

    Fit-togħma l-ingredjenti Maltin huma tajbin ħafna. Imma l-preżentazzjoni tagħhom mhux daqshekk. Sfortunatament ħafna mill-Maltin m’għandhomx amor proprju f’dak li jagħmlu. Tixtri kaxxa frawli per eżempju u ta’ fuq ikunu sbieħ mentri ta’ taħt issibhom imħassra. Għaliex meta nsiefru barra minn Malta u mmorru x’imkien fejn ibiegħu l-ħaxix u l-frott, ngħidu xi ġmiel? Għax il-preżentazzjoni tagħhom tkun impekkabbli. Kollox f’postu. Xogħol jiġbdek biex tixtrih. Aħna l-Maltin kollox ejja ħa mmorru.

    3. Inti li għandek influwenzi u gosti ta’ pajjiż ieħor, temmen li riċetta Maltija għandha titħallat b’ingredjenti barranin?

    Lanqas qatt! Jien reliġjuż fuq il-platti tradizzjonali. Esperimentali trid tkun imma mhux f’dawn il-platti. Naċċetta li tibdel xi ingredjenti biex tvarja ftit it-togħma imma jridu jkunu ingredjenti lokali.

    4. Temmen li t-tisjir Malti jħabbatha ma’ dak barrani?

    Iva. Iħabbatha ma’ dak Mediterranju. F’Malta kellna x-xorti li ġew jgħixu fostna l-Kavallieri ta’ San Ġwann. Dawn ġabu magħhom it-togħmiet u l-gosti tal-pajjiżi kollha tagħhom, ovvjament dawk Ewropej. Huwa interessanti li nsemmi illi kienu huma li ntroduċew il-ġelat f’Malta. Kienu jġibu s-silġ mill-Etna u jittrasportawh s’hawnhekk bix-xwieni. Kienu wkoll jikkaċċjaw il-fenek selvaġġ ta’ Malta u minn għandhom jingħad li ġiet ir-riċetta tradizzjonali Maltija. Wara l-Kavallieri, ġew il-Franċiżi li ħallewlna ċerta finezza fit-tisjir tagħna. Imbagħad waslu l-Ingliżi u fuq il-mejda Maltija ġabu t-tajjeb flimkien mal-ħażin. Fil-fatt hekk kif mara ta’ gvernatur bajjdet fuq l-affreski tal-Verdala, hemm min beda jixħet il-curry fir-riċetta tal-fenek, biex ma nsemmix li f’dawn l-aħħar snin hemm min jitfa’ ċ-ċikkulata wkoll!

    It-tisjir Malti ma nikkomparahx ma’ dak ta’ barra mill-Mediterran għax lejn dak l-ikel inħares b’għajnejn differenti.

    5. Teżisti l-kċina Maltija?

    Iva! U għandna nippromwovuha lill-barranin. Ibda minn meta jirfsu fuq ajruplan tal-linja nazzjonali fejn inħoss li l-ikel għandu jkun purament Malti, inkluża xi ftit mużika tradizzjonali Maltija. Barra minn dan, inħoss li kull ristorant għandu jkollu għażla ta’ platti mhejjija skont it-tradizzjoni Maltija.

    6. X’inhi l-impressjoni tat-turisti fir-rigward ta’ l-ikel Malti? Ifittxuh jew jippreferu jieklu ikel ieħor li huma imdorrijin għalih?

    It-turisti ta’ madwar il-Mediterran iriduh u jfittxuh ‘l ikel Malti. Però ma naħsibx li jsibuh malajr fir-ristoranti.

    7. Meta tistieden lil xi ħadd għandek għall-ikel, tagħżel li ssajjarlu ikel Malti?

    Le, ftit li xejn Malti, biex invarja naqra. Però l-għażla tiegħi dejjem tkun tikkonsisti f’ikel Mediterranju għax dak hu l-ikel tiegħi. Huwa l-pajjiż li jispirak għall-ikel tiegħu. Daqshekk ieħor huma l-ingredjenti li jikbru madwari li jispirawni għat-tisjir tiegħi. Ovvjament ma’ kull ikla dejjem ninkludi xi ħaġa Griega.

    8. Għadek kif ippubblikajt ktieb ġdid tat-tisjir. X’tgħidilna dwar ir-riċetti tiegħu?

    F’Mejju li għadda staqsewni jekk għandix proġetti għall-futur u jiena weġibt li nagħmel dejjem ix-xewqa ta’ dawk li jsegwuni. U dan il-ktieb dak li hu. Għal xi żmien kont ilni nħoss li għandi nħejji xi riċetti għall-persuni bi bżonnijiet speċjali f’saħħithom kif ukoll xi riċetti li fihom ammont baxx ta’ xaħmijiet. Proprju dil-ġimgħa ippubblikajt dan il-ktieb tat-tisjir li r-riċetti kollha tiegħu huma b’livell baxx ħafna ta’ xaħmijiet. Hemm ukoll ħafna riċetti gluten free u riċetti oħrajn għad-dijabetiċi. Insistejt illi l-prezz ta’ dan il-ktieb ikollu prezz raġonevoli sabiex kull min għandu bżonnu jkun jista’ jixtrih.

    ———————————————————————————————————————————————

    INTERVISTA: DIDIER SERGENT

    Dieder SergentIl-kok Franċiż Didier Sergent huwa magħruf ħafna għar-riċetti oriġinali tiegħu. Kull nhar ta’ Ġimgħa fn-12:05pm, fuq TVM, waqt il-programm 12:05, flimkien ma’ Ray Calleja, huwa jipprepara riċetti mill-aqwa għat-telespettaturi. Huwa wkoll is-sid tar-restorant Grotto Tavern li jinsab ir-Rabat, Malta. Jistqarr li dan ir-restorant huwa għal qalbu ħafna speċjalment il-grotta li hemm fil-qiegħan tal-post u li huwa jqis bħala t-teżor tiegħu. Jixħet biss xi kelma ‘l hemm u ‘l hawn bil-Malti imma jitkellem Ingliż tajjeb ħafna. Għandu karattru li tinġibed lejh mill-ewwel, kemm minħabba l-entużjażmu li jixgħel f’għajnejh hu u jkellmek, kif ukoll b’dik id-daħka ferrieħa li żżejjen il-manjieri tiegħu. Bħala kok Franċiż konna kurjużi kif Didier iħares lejn il-kċina Maltija.

    X’jidhirlek mill-ingredjenti lokali? Issib varjetà biżżejjed għat-tisjir tiegħek?

    Il-varjetà mhiex kbira. Madanakollu dak li hawn huwa tajjeb ħafna. Il-problema hija illi l-ingredjenti lokali huma għoljin fil-prezz meta kkomparati ma’ dawk barranin. Nagħtik eżempju wieħed: iż-żejt taż-żebbuġa – daqs kemm hu delizzjuz huwa għoli. Id-dehra tal-prodotti Maltin forsi mhiex sabiħa daqs dawk barranin imma t-togħma tagħhom iġġennek! Naħseb illi x-xemx u l-ftit ilma ta’ Malta huma s-sigriet wara l-benna tal-ħaxix u l-frott Malti. Biex insajjar ikel Malti ma nsibx problema iżda mhux l-istess meta nipprova nipprepara ikel barrani. L-ingredjenti mhux dejjem issibhom għax m’hawnx rikjesta għalihom u jekk issib, il-prezz tagħhom ikun m’għola hawn.

    Kif jikkomparaw l-ingredjenti Maltin ma’ dawk barranin?

    Kull pajjiż għandu l-prodotti tiegħu. Ma tistax tikkompara. Iktar jiddependi x’kapaċi tagħmel bihom int. Wieħed jista’ jkollu l-aqwa ingredjenti u xorta ma jippreżentalekx platt tajjeb. Per eżempju hawn Malta ma jogħġbunix il-pasti u l-kejkijiet li jsiru. Mhu ser iħabbtuha qatt ma’ dawk ta’ Sqallija. Imma dan ma jiġrix għax hawn il-qamħ ħażin. Il-mod kif jissajru huwa l-problema.

    Bħala kok Franċiż, temmen li riċetta Maltija għandha titħallat b’ingredjenti barranin?

    Le. Mhux b’ingredjenti barranin. Imma li jinbidlu l-ingredjenti lokali tradizzjonali m’oħrajn Maltin iva. Inkella kif tibdel il-palat? Nisħaq fuqha din u fil-fatt fix-xogħol li nagħmel nagħfas ħafna fuq dan il-punt. Ngħidu aħna, waħda mill-ispeċjalitajiet tiegħi huwa l-fenek imsajjar fil-qoxra tal-lumi u l-inbid abjad. Il-Maltin għandhom ħabta jaħsbu illi ma tantx tista’ issajjar b’mod varjat, jekk issajjar ikel Malti. Jiena nagħmel minn kollox biex nurihom illi mhux il-każ. Ir-riċetti li nippreżenta waqt il-programm tat-tisjir huwa xhieda ta’ dan. L-ingredjenti huma bħan-noti tal-mużika jew bħal ‘palette’ kollha kuluri. F’idejk biex tagħraf toħroġ l-aħjar riżultat minnhom.

    Temmen li t-tisjir Malti jħabbatha ma’ dak barrani?

    Nemmen li kull pajjiż għandu dik il-kapaċità partikolari tiegħu. Hemm pajjiżi magħrufa għall-kantanti tagħhom, oħrajn għaż-żfin u hekk. Mhux bi ftaħir, imma nemmen li l-Franċiżi t-tisjir qiegħed f’demmhom. Nerġa’ ngħidlek, kif issajjar l-ikel huwa s-sigriet ta’ kollox.

    Teżisti l-kċina Maltija?

    Teżisti. Fi ftit restoranti li fadal li jippreżentaw ikel tipiku tradizzjonali Malti. Imma huwa importanti ħafna li f’dan il-qasam, jingħata każ għat-tibdil fil-palat, fil-gosti. In-nies jinbidlu, bħaż-żminijiet. Illum hawn ħafna iffissati fid-dieta u għalhekk nemmen li għandu jinbidel il-kunċett tat-tisjir. Ma tistax tibqa’ tippreżenta platti goffi u kbar, b’ħafna zlazi u xaħmijiet. Ikel hekk veru mhux tajjeb għas-saħħa. Jiena nistagħġeb kif per eżempju fil-festa, ħlief vannijiet ibiegħu c-chips u l-hot dogs ma tarax.

    X’inhi l-impressjoni tat-turisti fir-rigward ta’ l-ikel Malti? Ifittxuh jew jippreferu jieklu ikel ieħor li huma imdorrijin għalih?

    Hawnhekk, peress li qiegħed fil-pjazza tar-Rabat, jiġu ħafna turisti. Fil-fatt għandi menu apposta għalihom, ovvjament b’ikel Malti. Inti jekk tmur l-Italja, għalxiex tistaqsi? Mhux għall-ikel Taljan? U daqshekk ieħor jagħmlu t-turisti f’Malta. Jiena nippromwovi ħafna l-ikel Malti. Naturalment jiena nirranġa l-palat ta’ l-ikel skont it-turist li nsib quddiemi. Iva. L-ikel Malti jintogħġob mill-barrani, ħafna!

    Meta tistieden lil xi ħadd għandek għall-ikel, tagħżel li ssajjarlu ikel Malti?

    Le. Ovvjament Fraċiż! Jiena kburi ħafna b’pajjiżi.

    Inti għandek ir-restorant tiegħek “Grotto Tavern” fil-qalba tar-Rabat. X’toffri speċjali lil min jiġi jiekol għandek?

    L-ewwel nett, ikel ta’ l-aqwa kwalità imsajjar b’dedikazzjoni u b’immaġinazzjoni. L-ambjent tar-restorant huwa partikolari ħafna speċjalment il-grotta fejn għandna għażla vasta ta’ nbejjed kemm lokali u kemm barranin. Fil-grotta noffru wkoll ‘wine tasting’. Isservi wkoll bħala bar għal min ikun irid jgħaddi lejla relassanti jixrob l-ifjen inbid. L-għan finali tagħna huwa illi l-klijent joħroġ sodisfatt u kuntent bis-servizz tagħna.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tad-19 t’Ottubru 2008)