• KARRIERA ONORATA FIL-ĠURNALIŻMU

    Fit-18-il edizzjoni tal-Malta Journalism Awards li ġiet sponsorjata mill-Fondazzjoni Tumas Fenech għall-Edukazzjoni fil-Ġurnalizmu, Dr Joe Micallef Stafrace ġie pprezentat bil-Gold Award. Dan l-unur jingħata lil dik il-persuna li skond il-ġurija tkun sebqet ir-rekwiżiti tal-prattika normali fil-ġurnalizmu tul il-karriera ġurnalistika tagħha. Iltqajna ma’ Dr Joe Micallef Stafrace u miegħu tkellimna dwar il-karriera twila tiegħu. Ħadna wkoll il-kummenti tal-Prof. Guido Demarco, ħabib kbir tiegħu…

    INTERVISTA: DR JOE MICALLEF STAFRACE – Rebbieħ tal-Gold Award tat-18-il edizzjoni tal-Malta Journalism Awards

    Kif bdiet il-karriera ġurnalistika tiegħek?

    Kont għadni student tal-liġi fl-Università meta bdejt nikkontribwixxi b’xi artikli qosra fis-Sebħ u fil-Berqa. Il-ġurnal is-Sebħ kien joħroġ darbtejn fil-ġimgħa u l-editur tiegħu kien Nestu Laiviera. Fil-5 ta’ Diċembru 1955 l-avukat Ġużè Flores, li kien Speaker, irriżenja minn din il-pożizzjoni għax laħaq imħallef. Minfloku sar Speaker Nestu Laiviera u mill-10 ta’ Diċembru 1955 il-quddiem is-Sebħ għadda f’idejja bħala editur.

    Kont għadek żgħir. Kif ħadtha responsabbiltà bħal din?

    Dr Joe Micallef StafraceIs-Sebħ kien jinbiegħ ħafna. Kien jistampa ruħu fil-Union Press li kienet tinsab f’Mayfair House fi Strada Forni, kantuniera ma’ Triq l-Arċisqof, l-Belt. Dik il-ħabta għalkemm kont Laburista ma tantx kont midħla tal-Partit Laburista. Madanakollu kull fl-għaxija kont niltaqa’ fi Strada Rjali ma’ grupp ta’ żagħżagħ fostom ma’ Vincent Moran, Patrick Holland, l-Ispiżjar Joe Camilleri, Pawlu Mamo u oħrajn. F’dawk iż-żminijiet bejn il-ħamsa u d-disgħa ta’ fil-għaxija, Strada Rjali kienet tkun ippakkjata bin-nies. Ħafna kienu jinġabru l-Belt wara x-xogħol, jgħidu kelma ma’ sħabhom u wara jmorru lura d-dar. Sikwit kienu jiltaqgħu magħna Joe Attard Kingswell u Leli Tabone li kien il-President tal-Partit. Kien Leli Tabone li insista miegħi li nkun l-editur tas-Sebħ. Kont naf li kienet responsabbiltà kbira imma dħalt għaliha. La kont miġbud għall-politika u la kont inħobb il-kitba, aċċettajt mill-ewwel. Ftit wara kienu ġew jgħinuni Lino Cassar, Colin Cauchi u Lino Spiteri. Taħt idejja, minn darbtejn fil-ġimgħa, l-ġurnal is-Sebħ beda joħroġ kuljum. Dik kienet l-ewwel darba illi x-xellug f’Malta kellu gazzetta li toħroġ kuljum.

    Minħabba karikatura ta’ gvernatur Ingliż, inti spiċċajt erbat ijiem il-ħabs. Kif ġara dan il-każ?

    Fis-sajf tal-1958, wara l-istrajk ġenerali u l-irvelli f’April, il-marċi tal-festi kienu projbiti f’Malta. Iżda ġara li kien hemm patri, il-Profs. Serafin Zarb, li kien ħabib tal-Ingliżi u dan talab lill-gvernatur biex iħallih jagħmel il-marċ tal-festa ta’ San Duminku li kienet ser taħbat fl-4 t’Awwissu 1958. Il-gvernatur aċċetta u jien ħadt l-opportunità biex nagħmel karikatura tal-gvernatur qed jiċċelebra mal-folla waqt li dawn qed ikantawlu “Kemm għandu qalbu tajba”. Iżda din il-karikatura ma ntlaqgħet xejn tajjeb mill-gvern Ingliż ta’ dak iż-żmien. Fid-9 ta’ Jannar 1959 ġiet konfermata s-sentenza tal-appell u jiena bħala editur ġejt ikkundannat erbat ijiem ħabs u ħamsa u tletin lira multa fuq l-akkuża ta’ tkażbir tal-gvernatur. Reggie Miller bħala stampatur weħel ħames liri u ġiet sospiża l-liċenzja tiegħu bħala stampatur għal xahar. Il-ġurnal ġie sospiż għal xahrejn.

    Kontu bsartu x’ser jiġri meta ħriġtu din il-karikatura?

    Għall-ewwel le iżda meta fid-9 t’Ottubru 1958 saret is-sentenza tal-maġistrat u appellajna, bdejna nippreparaw f’każ li s-sentenza tiġi konfermata. Nestu Laiviera applika biex joħroġ ġurnal ġdid bl-isem ta’ Il-Ħelsien b’Joe Attard Kingswell bħala stampatur. Għaldaqstant hekk kif twaqqaf is-Sebħ, l-għada jew ġurnata wara beda joħroġ Il-Ħelsien u l-Laburisti xorta baqgħu bil-ġurnal tagħhom. Hekk kif ħareġ Il-Ħelsien il-pulizija qabżet fuqu mill-ewwel peress li l-istampa kienet se tkun l-istess waħda – il-Union Press. Iżda l-Qorti tal-Maġistrati ċaħdet dan għax qalet illi s-sospensjoni kienet qed tolqot individwu (lil Reggie Miller) u mhux lill-makkinarju wkoll.

    Inti għamilt ukoll żmien interdett. Fil-fatt kont wieħed minn dawk li kellek tiżżewweġ f’sagristija. Kif kienet ħaditha l-mara tiegħek dak iż-żmien?

    Is-Sebħ għamel żmien interdett, hekk ukoll min jikteb fih u min jaqrah. Fis-16 ta’ Settembru 1961 jiena u Yvonne iżżewwiġna fis-sagristija tal-Knisja ta’ San Pawl tar-Rabat. Jiena kelli l-privileġġ li Yvonne kienet taħdem fis-Segretarjat ta’ Reggie Miller. Kienet ukoll ġejja minn familja Stricklandjana u allura kienet tapprezza s-sitwazzjoni politika ta’ dak iż-żmien. Ma kelli l-ebda problema, la min-naħa tagħha u lanqas min-naħa tal-familja tagħha.

    Kif bdiet il-libertà tal-istampa?

    Il-libertà vera tal-istampa f’Malta bdiet taħt l-influwenza tal-European Convention fid-drittijiet tal-bniedem għall-libertà tal-espressjoni. Is-sentenzi tal-Qorti Ewropeja għad-drittijiet tal-bniedem, saru applikabbli għal Malta iktar u iktar meta fl-aħħar tat-tmeninijiet din il-Konvenzjoni saret parti mil-liġi Maltija. Qabel din ta’ min isemmi li fil-kostituzzjoni tal-1961, li nirreferu għaliha bħala l-Blood Commission (għaliex kienet preseduta minn Sir Hilary Blood), kienu tniżżlu l-ewwel darba b’mod organiku l-libertajiet u d-drittijiet tal-bniedem. Il-libertà tal-espressjoni sar aktar rikonoxxut u aktar imħaddem meta fl-1996, il-ġurnalisti ngħataw tlett drittijiet importanti:

    (i)                 ħadd ma jista’ jġiegħel ġurnalista jiżvela s-sors tal-informazzjoni. (Hawnhekk għall-ewwel darba l-liġi semmiet l-importanza tar-rwol tal-medja f’soċjetà demokratika. Qabel dan ma kienx rikonoxxut, almenu speċifikament);

    (ii)               meta l-ġurnalista jwassal tagħrif dwar xi ħaġa li ntqalet u li hi ta’ nteress pubbliku u li min qalha jkun jaf x’ser jiġi irrapurtat, dak ir-rapport igawdi privileġġ. (Dan ifisser illi jekk ikun każ ta’ xi inġurja, l-passi iridu jittieħdu kontra min qal id-diskors u mhux kontra min irrappurtah. Dan għaliex il-poplu għandu dritt ikun mgħarraf u l-ġurnalista għandu d-dritt jgħarraf).

    (iii)             Inħoloq id-dover tal-gvern li jistabilixxi proċeduri biex jagħti tagħrif lill-istampa u meta jagħmel dan, ma jistax jiddiskrimina bejn stampa u oħra.

    Fost id-diversi nkarigi tiegħek, inti kont ukoll Ministru tal-kummerċ, tal-industrija, tal-agrikoltura u tat-turiżmu. X’wassal għar-riżenja tiegħek wara biss ftit xhur minkejja li ħatra bħal din kienet timplika l-fiduċja li kellu fik il-Prim Ministru Duminku Mintoff?

    Ħafna jistaqsuhieli din… Jekk ngħidlek li b’mod serju, n-naturali tagħna ma qablux, inkun qed ngħidlek kollox. Iżda jien lil Mintoff għedtlu biex ikun ċert mill-vot tiegħi għax jien il-lealtà tiegħi kienet ser tibqa’ lejn il-Partit Laburista. Dak iż-żmien il-Partit Laburista kellu maġġoranza ta’ wieħed u addijo pairing. Infatti, darba minnhom, kont ma niflaħx sew u kelli nittieħed il-Parlament f’ambulanza. Dħalt nivvota, dak iż-żmien fil-Kamra tal-Arazzi, fuq siġġu tar-roti. Kemm dħalt nivvota u ħaduni lura d-dar. Madanakollu, mill-1976 ‘l hemm ma ħriġtx aktar għall-politika.

    Inti minn dejjem kont bniedem determinat li ġġib il-bidla. Temmen li bil-kitba tista’ ġġib il-bidla?

    Nemmen li ‘the pen is mightier than the sword’. Però l-pinna qegħdha biex tibni u biex tagħmel il-ġid u mhux biex tkisser u tirrovina n-nies. Jien nemmen fil-libertà tal-ħsieb, nemmen fil-libertà li wieħed jesprimi fhemtu u nemmen li trid tisma’ x’għandu x’jgħid ħaddieħor. Però fuq kollox nemmen fir-riflessjoni u li wieħed irid ikun animat minn spirtu tajjeb.

    ———————————————————————————————————————————————-

    INTERVISTA: PROF. GUIDO DEMARCO – Ħabib kbir ta’ Dr Joe Micallef Stafrace

    Waqt il-preżentazzjoni tal-Gold Award lil Dr Joe Micallef Stafrace, inti esprimejt sentimenti sbieħ ta’ ħbiberija bejnietkom. Kif bdiet din il-ħbiberija?

    Prof. Guido DemarcoJiena u Joe ilna ħbieb kbar sa miż-żminijiet meta t-tnejn konna l-Università. Joe kien fil-kors ta’ warajja. Kien għadu żagħżugħ fil-politika u editur tas-Sebħ fi żmien tassew diffiċli taħt gvern kolonjali b’dittatura kolonjali. Kien dejjem laburist u laburist sinċier. Jiena kont dejjem nazzjonalist. Imma dan qatt ma fixkel il-ħbiberija profonda li ilna f’dawn is-snin kollha inġeddu kważi kuljum. Nammirah għax hu taha wiċċ uman lill-ġurnaliżmu partiġġjan f’mumenti kbar ta’ firda fost il-poplu Malti. Għalkemm bħala partiti ma kienx hemm qbil, bejni u bejn Staffi, l-ħbiberija tagħna kienet sinċiera fir-rispett sħiħ tal-opinjonijiet diversi u l-ħbiberija kienet tirbaħ fuq kollox. Għadha tirbaħ illum ukoll.

    Meta kont qed nitkellem ma’ Dr Joe Micallef Stafrace huwa semma diversi okkażżjonijiet fejn inti kont tassew qrib tiegħu. Qalli li diffiċli tinsa ħbiberija bħal tagħkom. Tirrakkuntalna xi mumenti minn dawn?

    Iva. Huma diversi t-tifkiriet…

    Meta Joe ġie ikkundannat għal erbat ijiem ħabs, fuq karikatura li huwa ippubblika tal-gvern ta’ Malta ta’ dak iż-żmien, jien bqajt dejjem miegħu: l-ewwel ħdejn il-bank tal-akkużati, imbagħad sakemm ġiet il-karozza biex tieħdu l-ħabs. Niftakar li dak inhar, qabel rikeb, Joe qalli “Guido, għamilli pjaċir. Ċempel lil Yvonne u għidilha li jiena kollox sew.” Malli telaq jien ċempiltilha, ghaddejtilha l-messaġġ u għedtilha wkoll li Joe kellu moral għoli ħafna u li ċertament kien qed iħossu kburi bil-fatt li kien sejjer il-ħabs għax emmen fil-fehmiet tiegħu. Dik il-ħabta, jien kont għadni avukat prinċipjant, għadni nidħol fil-qasam tal-Kriminal. Fil-fehma tiegħi, Joe ma kellux jintbagħat il-ħabs.

    Wara xi żmien, Joe laħaq avukat u ried isib avukat ma’ min jieħu l-prattika. Staqsini jekk kontx ser naċċettah sabiex jagħmel l-eżami tal-warrant. Jien irrispondejtu bla tlaqliq ta’ xejn illi l-uffiċċju tiegħi seta’ jqisu bħala l-uffiċċju tiegħu. Niftakar wieħed avukat iktar anzjan kien ġie jistaqsini “Veru dak li qegħdin jgħidu? Li inti qed iżżomm miegħek lil Dr Joe Micallef Stafrace u lil Dr Patrick Holland biex jagħmlu l-prattika fl-uffiċċju tiegħek? Taf li int trid tagħmel ċertifikat ta’ kondotta tajba tagħhom meta inti taf li dawn għandhom kondotta mċappsa?” Lil dan l-avukat, jiena irrispondejtu hekk: “Lil Dr Joe Micallef Stafrace u lil Dr Patrick Holland nafhom jien bħala żewġ avukati żagħżagħ ta’ integrità u ta’ onestà. Huma nies li sinċerament jemmnu fil-fehmiet politiċi tagħhom u ta’ dan għandi rispett anki jekk il-fehmiet tagħhom ma jaqblux ma’ tiegħi. M’għandi xejn xi jżommni milli noħroġ ċertifikat u ngħid li huma, kif fil-fatt huma, żewġ avukati ġodda ta’ kondotta tajba.”

    Okkażżjoni oħra li resqitni u kompliet tressaqni lejn Joe kienet meta iżżewweġ. Dik il-ħabta kien hemm l-interdett. Jiena personalment ma kontx naqbel mal-ġlieda mal-Knisja li għamel il-Partit Laburista dak iż-żmien. Però lanqas ma kont naqbel mal-interdett għax kien jidhirli illi dik kienet miżura estrema. Naturalment jien la stajt nimponi l-interdett u lanqas stajt inneħħih. Kont żagħżugħ avukat fil-politika, il-bogħod minn xi influwenza fuq il-Kurja ta’ dak iż-żmien. Iżda biex nuri li l-valur tal-ħbiberija tirbaħ fuq kull ostaklu, kuntrarjament għal dak li setgħu għamlu uħud, jien bi pjaċir mort għall-festa tat-tieġ ta’ Joe u ta’ Yvonne. Mill-ġdid, il-ħbiberija tagħna rebħet kull ostaklu politiku.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċ tas-16 ta’ Novembru 2008)