• TAGĦLIM GĦAT-TFAL TAL-KOTTONERA

    INTERVISTA: DENISE CHETCUTI -   Uliedha: Kayleigh u Kayden jattendu fiċ-Ċentru Tbexbix

    Kif sirt taf b’Ċentru Tbexbix?

    Sirt naf bih mingħand in-nies. Niftakar kont smajthom jitkellmu li hemm post fejn it-tfal setgħu jitgħallmu l-Ingliż. Tħajjart mill-ewwel għax dak iż-żmien, binti Kayleigh, kienet daqsejn batuta f’din il-lingwa.

    X’kienet l-impressjoni tiegħek taċ-Ċentru hekk kif bdejt tuża s-servizzi tiegħu?

    Kayleigh, Denise u Kayden ChetcutiGħall-ewwel ikolli nammetti illi t-tifla sabitha naqra bi tqila peress li fiċ-Ċentru jitkellmu bl-Ingliz minħabba li bosta min-nies li kienu jaħdmu hemm kienu barranin. Iżda ma ħallejtiex taqta’ qalbha u ftit ftit drat tagħmel sforz biex tkellimhom b’Ingliż tajjeb. Swielha ħafna ta’ ġid għax illum nista’ ngħid li għamlet progress tajjeb fil-lingwa Ingliża. Ftit wara, saħansitra bdejt nibgħat liż-żgħir Kayden ta’ 4 snin. Anki hu diġà qed jitgħallem jikkomunika magħhom bl-Ingliż!

    X’jitgħallmu t-tfal f’Ċentru Tbexbix?

    Ħafna affarijiet! Fiċ-Ċentru Tbexbix l-aktar li jagħfsu hu fuq it-tagħlim tal-lingwa Ingliża imma apparti minn dan it-tfal jitgħallmu d-drama, l-arti, il-kompjuter, il-yoga, il-qari, il-kant, it-tisjir, jagħmlu l-krafts u jipprattikaw l-atletika (fil-grawnd tal-Marsa). Xi drabi jorganizzawlhom ukoll ħarġiet edukattivi bħal per eżempju, meta żaru t-tempji megalitiċi jew l-esebizzjoni tal-istatwi tat-terrakotta tas-suldati Ċiniżi li kienu l-Belt. Fis-Sajf ħaduhom ukoll Kemmuna jgħumu u dan l-aħħar marru weekend f’dar apposta tal-YTC viċin in-Buskett.

    Kemm il-darba fil-ġimgħa jattendu ċ-Ċentru?

    Il-kbira tattendi erba’ darbiet fil-ġimgħa mit-3:30pm sal-5:00pm għax tipprattika wkoll l-atletika. Iż-żgħir imur tlett darbiet fil-ġimgħa. Fis-Sajf il-ħinijiet jinbidlu u ċ-Ċentru jiftaħ mid-9:00am sa n-12:00pm.

    U dan is-servizz jingħatalkom b’xejn?

    Iva. Dawk li jħaddmu ċ-Ċentru qatt ma talbuni flus. Jiena nagħti donazzjoni minn jeddi. Imma naċċertak li nieħu lura ħafna aktar. Il-kunfidenza li issa sar għandhom fihom it-tfal hija inkredibbli. U l-mod kif uliedi jħarsu lejn it-tagħlim, inbidel għal kollox. Ikunu qed jistennew bil-ħerqa biex isir il-ħin ħa jfittxu jmorru ċ-Ċentru. Il-materjal li jużaw, it-taħriġ li jieħdu, il-kotba… kollox b’xejn jingħata għax iċ-Ċentru jaħdem permezz tal-volontarji. Saħansitra lit-tfal jippreparawlhom packed lunch meta joħorġuhom.

    Issib diffikultà biex it-tfal ilaħħqu jlestu x-xogħol tal-iskola?

    Lanqas xejn. Anzi! Il-progress fl-Ingliż għen lil binti tavvanza aktar il-quddiem. Saret taf taqra, titkellem u tifhem ħafna aħjar. U l-Ingliż ikopri diversi suġġetti għax ħafna mill-kotba huma bl-Ingliż (anki ta’ suġġetti oħra). Fuq kollox fiċ-Ċentru ma jagħtuhomx xogħol biex jagħmluh id-dar.

    Qatt ħajjart lil xi ħadd biex jattendi ċ-Ċentru?

    Iva. Hekk kif jiena sirt naf min-nies oħra, jiena wkoll nitkellem dwar il-vantaġġi taċ-Ċentru u mhux l-ewwel darba li tħajru jattendu nies oħra permezz tiegħi.

    Għedtli li bgħatt lit-tifla tiegħek ta’ 8 snin weekend il-Buskett. X’kienet l-esperjenza tagħha u ma ddejjaqtx tibgħata weekend weħidha f’età daqshekk żgħira?

    Għalkemm għadha żgħira aċċettajt li tmur il-weekend fil-Buskett għax lil taċ-Ċentru Tbexbix nafdahom b’għajnejja magħluqa. Rasi mistrieħa minnhom għax huma nies veru dedikati mat-tfal. Waqt il-weekend it-tfal kellhom jieħdu ħsieb tagħhom infushom: jinħaslu, jilbsu, jagħmlu xaharhom, is-sodda, jaħslu l-platti tagħhom … kollox weħidhom. Fil-għaxija kienu anki joffru id-divertiment lil xulxin billi jippreżentaw xi żifna jew reċta li huma stess ikunu ħolqu matul il-ġurnata. Esperjenza hekk timmaturahom ħafna lit-tfal apparti li hi xi ħaġa ġdida għalihom u jieħdu pjaċir ħafna.

    X’taħseb fuq il-kunċetti taċ-Ċentru Tbexbix bħall-ikel veġetarjan u l-yoga?

    Fiċ-Ċentru jistgħu jieklu biss ikel veġetarjan. Anki meta marru l-Buskett, jien xejn ma tajtha magħha. Kollox huma ippreparaw. Imma ara taħseb li baqgħet bil-ġuħ taf? Tgħallmet kemm hemm ikel differenti fejn il-laħam ma jintużax; bħall-ħobż, l-għaġin, iċ-ċereali, l-insalati, il-frott. Wara kollox huwa ikel sustanzjuż u bnin. Għaliex le? Rigward il-kunċett tal-yoga jiena naqbel miegħu. Nixtieq niċċara li l-yoga li jitgħallmu hija speċifikament mfassla għat-tfal. Tgħallimhom iserrħu l-menti u jsiru aktar flessibbli fiżikament. L-għan taċ-Ċentru mhiex biss l–edukazzjoni skolastika imma l-istat totali tal-bniedem li jitgħallem jgħix aħjar sa minn ċkunitu.

    ——————————————————————————————————————————————-

    INTERVISTA:

    DIDI RASAMAYII – Direttriċi tal-Proġett: Ċentru Tbexbix

    KATHERINE AZZOPARDI – Ko-ordinatriċi tal-Programmi: Ċentru Tbexbix

    Kif oriġinat l-idea ta’ dan il-post?

    Katherine Azzopardi u Didi RasamayiiAħna nagħmlu parti mill-organizzazzjoni internazzjonali Ananda Marga (Women’s Welfare Department). L-għan ta’ din l-organizzazjoni huwa it-titjib fis-soċjetà permezz ta’ servizzi li jingħataw lin-nisa u lit-tfal sabiex dawn jissaħħu kemm b’mod individwali kif ukoll fil-kommunità in ġenerali. Din l-organizzazzjoni taħdem bil-filosofija neo-umanistika li tgħallem l-imħabba kemm għall-persuni, kif ukoll għal dak kollu li hawn madwarna bħall-annimali, il-pjanti u l-oġġetti inanimati. Xtaqna niftħu post fejn inkunu nistgħu nagħtu edukazzjoni b’xejn lit-tfal u lin-nisa. Domna ħafna infittxu sakemm fl-aħħar sibna proprjetà li ma kinetx tiswa ħafna. Kienet fil-Kottonera: dar antika, ser taqa’ biċċiet u kienet mimlija b’kull xorta ta’ imbarazz. Permezz ta’ xi volontarji, l-għajnuna tal-ġirien u xogħol ieħor professjonali, ftit ftit il-post ħa r-ruħ u nbidel f’dan iċ-Ċentru sabiħ li qed tara illum. Ħadna sebgħa snin biex lestejna kollox!

    Kif jopera Ċentru Tbexbix?

    Dan iċ-Ċentru jopera permezz tad-donazzjonijiet li nirċievu. Għall-ewwel kienet ftit diffiċli sakemm in-nies saru jafu bina u bdew jafdawna. Però matul dawk is-sebgħa snin li domna biex irranġajna hawn, ħafna nies saru jafuna, drawna, apprezzaw il-ħidma tagħna u sal-lum għadhom jagħtuna d-donazzjonijiet tagħhom. Is-servizz li nagħtu huwa permezz tal-volontarji. Bħalissa għandna tlett volontarji barranin li ġew sponsorjati mill-European Youth in Action Program u disgħa Maltin, li tnejn minnhom huma studenti Universitarji. L-oħrajn huma kollha professjonisti fil-qasam tal-edukazzjoni.

    Kif bdejtu tiġbru t-tfal fiċ-Ċentru?

    Sakemm konna qed nirranġaw dan il-post, konna nispjegaw lil dawk li jistaqsuna, li meta ċ-Ċentru jitlesta, fih kien ser jingħata tagħlim b’xejn lit-tfal tal-inħawi. It-tfal weħidhom ġew hekk kif lestejna. Imbagħad wieħed jgħid lill-ieħor u illum għandna mal-51 tifel u tifla li l-età tagħhom tvarja bejn l-4 u t-13-il sena. Tant kellna talba kbira li għandna ċertu tfal li qed jistennew sakemm ikun hemm post biex anki huma jattendu ċ-Ċentru.

    Għandkom biżżejjed voluntiera?

    Bħalissa iva. Imma għad għandna bżonn volontarji bi kwalitajiet speċifiċi bħal fil-mużika, l-arti, id-drama, it-tagħlim tal-kompjuter u handyman! Permezz ta’ dawn inkunu nistgħu noħolqu ħafna aktar proġetti. L-importanti li min jiġi jkun dedikat għax-xogħol u mhux jiġi għal ftit imbagħad ma narawhx aktar.

    Għaliex toffru dawn is-servizzi b’xejn?

    Irridu inkunu ċerti illi ħadd mit-tfal ma jitħalla mingħajr l-opportunità li jitgħallem sempliċiment għax m’għandux biex iħallas. It-tagħlim jgħallmek tgħix aħjar. Kulħadd għandu d-dritt għat-tagħlim.

    Innutajt li dan iċ-Ċentru huwa ħafna għal qalb it-tfal. X’inhu s-sigriet tagħkom?

    Prinċiparjament għax it-tfal hawnhekk iħossuhom maħbubin u apprezzati. Huwa wkoll il-metodu partikolari li ngħallmu bih li jiġbed lit-tfal. Nippruvaw nagħmlu kollox bl-aktar mod interessanti, ħafna drabi f’forma ta’ logħba. Għaldaqstant it-tfal jitgħallmu b’mod naturali mingħajr kull tip ta’ sfurzar min-naħa tagħna. Jitgħallmu l-Ingliż per eżempju għax jitħaddtuh hawnhekk. Ġurnata wara l-oħra, l-Ingliż isir parti minn ħajjithom u dan jiswielhom ħafna fl-edukazzjoni skolastika tagħhom ukoll. Madanakollu nixtiequ niċċaraw li l-għan tagħna mhux li noħolqu xi ġenji akkademiċi mingħajr qalb; aħna nimmiraw li ntejjbu l-individwu kollu kemm hu.

    Għaliex tagħtu t-tagħlim tal-yoga u tippromwovu l-veġetarjaniżmu?

    Permezz tal-yoga, wieħed jitgħallem kif jivviżwalizza u jsir aktar b’saħħtu internament. Ngħallmu tipi differenti ta’ yoga lit-tfal u lill-kbar. Il-veġeterjaniżmu nissuġġeruh minħabba raġunijiet ta’ saħħa, għax ma naqblux li l-annimali għandhom jitrabbew u jinqatlu għall-ikel u sabiex ngħinu l-ekoloġija tad-dinja.

    Nies mill-Kottonera biss jistgħu jattendu ċ-Ċentru Tbexbix?

    Iva mill-Kottonera biss. It-tfal huma mqassma skond l-età tagħhom imma kollha jattendu fl-istess ħin. Għandna klassijiet sbieħ u spazjużi imma m’hemmx post biżżejjed biex naċċettaw tfal minn postijiet oħra.

    L-adulti jużawh dan il-post?

    Għandna ħafna kommunikazzjoni mal-ġenituri, li jiġu jiddiskutu l-progress ta’ wliedhom regolarment. Kultant norganizzaw xi coffee morning u jkollna xi diskussjoni dwar suġġetti ta’ nteress għan-nisa. Għandna klassi tal-yoga darba fil-ġimgħa fil-għodu. Nixtiequ li aktar nisa jitħajjru jattendu.

    Dan l-aħħar organizzajtu weekend fil-Buskett għat-tfal taċ-Ċentru. X’kien l-għan aħħari?

    It-tfal tgħallmu bosta affarijiet u ħadu pjaċir ħafna. Qtajnihom mill-ambjent li huma imdorrijin fih is-soltu sabiex ikunu jistgħu jesperjenzaw xi jfisser li tgħix b’mod naturali. Ħadnihom qalb in-natura u viċin aktar ta’ xulxin. L-għan finali kien illi jirnexxielna noħolqu atmosfera ta’ familja fost it-tfal kollha, għandhom kemm għandhom żmien. Dan hu l-bidu ta’ soċjetà b’saħħitha.

    X’inhuma l-problemi li tiltaqgħu magħhom fiċ-Ċentru?

    L-edukazzjoni hija sfida minnha nnifisha. Trid tkun aġġornat il-ħin kollu, trid tkun taf x’inhu jiġri fl-iskejjel, trid tibni modi differenti ta’ tagħlim sabiex toħloq il-varjazzjoni, trid tkun kapaċi tagħraf id-diffikultajiet emozzjonali tal-individwi, is-saħħiet u dgħjufijiet ta’ kull wieħed u waħda mit-tfal. L-ikbar problema li nsibu hija fit-tfal ta’ età bejn l-10 u t-13-il sena. Uħud minnhom ikunu demoralizzati u demotivati għall-aħħar, ma jemmnux fihom infushom, jaħsbu li m’huma kapaċi għal xejn, moħħhom biex jikkomparaw ruħhom ma’ ħaddieħor u jħossuhom inferjuri. Hija biċċa xogħol iebsa mhux ħażin biex treġġa’ lura din il-ħsara. Imma bil-perseveranza tagħna u bi ftit sforz min-naħa tat-tfal u l-ġenituri tagħhom, nippruvaw nagħmlu mill-aħjar biex inbiddlu din l-attitudni.

    Kemm huma importanti id-donazzjonijiet għaċ-Ċentru Tbexbix?

    Mingħajr fondi ma tagħmel xejn. Ovvjament aktar ma jkollna finanzi b’saħħithom, aktar inkunu nistgħu noħolqu proġetti differenti għat-tfal. Aħna ma nitolbux donazzjonijiet lill-ġenituri. Min jixtieq, jagħti minn jeddu għax irid u mhux għax iħossu obbligat. Dan ix-xogħol aħna nagħmluh minn qalbna. Nemmnu li min isir jaf bix-xogħol tagħna u jkun jista’ jagħti daqqa t’id, japprezza l-ġid li qegħdin nagħmlu u waħdu jersaq lejna.

    Għal min jixtieq jagħti donazzjoni lil Ċentru Tbexbix hemm dawn il-kontijiet bankarji: HSBC 013-085675-001 jew BOV 400-1705136-1. Għal aktar dettalji tistgħu ukoll iċċemplu fuq 21/27805130 jew tidħlu fil-website www.tbexbix.org

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-30 ta’ Novembru 2008)