• XI JFISSER GĦALIK IL-MILIED?

    Ġej il-Milied! Il-kelma biss ukoll kapaċi tqanqal dak il-ferħ speċjali li dan iż-żmien iġib miegħu. Il-Milied jasal kull sena u miegħu jinħolqu memorji u tikiriet ġodda għas-snin ta’ wara. Hija kurjuża kif bosta drabi, meta niftakru fil-ġranet tal-Milied l-imgħoddija, huma l-aktar affarijiet sempliċi li jibqgħu miftakra b’għożża. Il-Milied huwa l-ħlewwa tal-passat, il-kuraġġ għall-preżent u t-tama għall-futur. Xi jfisser għalik il-Milied?

    INTERVISTA: LORRIE COLLINS – PRO & SALES MANAGER – ESL GROSS MARKET

    Kif jibda joqrob il-Milied, x’inhu l-ewwel ħsieb li jiġik?

    Lorrie CollinsBla dubju, l-ewwel ħsieb li jiġini huwa x-xogħol. Minħabba li aħna qegħdin fin-negozju tal-ġugarelli, nibdew naħdmu fuq l-ordni tal-Milied minn xi tlett xhur qabel. Kieku ma nagħmlux hekk, kieku żgur ma nlaħħqux fil-ħin u r-riżultat ma jkunx ħlief stress, diżappunt u telfien ta’ bosta klijenti li jmorru jinqdew għand ħaddieħor. Għaldaqstant bilfors trid taħseb daqshekk bil-quddiem. Bħala l-Public Relations Officer tal-kumpanija, għandi f’idejja l-pubbliċità li din ukoll trid tibbukkjaha minn kmieni. Temminni jekk ngħidlek illi biex fil-Milied inġib individwu ta’ xi stazzjon tar-radju biex ixandar minn hawnhekk, irrid navżah minn sena qabel u ġieli anki iktar? Aħna nużaw żewġ tipi ta’ riklamar: min-naħa biex niġbdu lill-klijenti l-ġodda u min-naħa l-oħra, biex inżommu lill-klijenti eżistenti tagħna kuntenti sabiex jerġgħu jiġu jinqdew minn għandna darb’oħra. It-tip ta’ reklamar li semmejt fl-aħħar jieħu diversi forom bħal kalendarji bir-ritratti tat-tfal li jiġu jixtru minn għandna, djarji għas-sena l-ġdida u affarijiet oħrajn li jżommu l-klijenti tagħna jiftakru fina matul is-sena kollha. Hekk jew hekk il-ġugarelli jinxtraw għal bosta okkażżjonijiet oħra barra mill-Milied u aħna dejjem inkunu armati b’dak kollu li wieħed jixtieq.

    X’inhi l-isbaħ memorja tiegħek tal-Milied?

    Kont għamilt żmien nilbes ta’ Father Xmas u nqassam il-ġugarelli lit-tfal fid-djar tagħhom. Ir-reazzjonijiet differenti tat-tfal hekk kif kienu jarawni ma nista’ ninsihom qatt. Min kien jibża’ minni u jinfaqa’ f’bikja kbira, min kien jagħtini xi kartolina jew xi ittra u min ilestili l-ħelu u l-biskuttini. Niftakar darba waħda, tifla partikolari kienet ippreparatli l-ħalib sħun u qagħdet tistennieni sakemm nixorbu kollu. Għalkemm dak il-ħin ma kelli aptitu xejn, kelli ndawwar wiċċi, ngħolli d-daqna biex ma nxarrabhiex u biex ma taranix it-tifla u nixorbu bilfors! Imma nammetti li meta rajt wiċċha ferħan se jtir, il-ħalib li kont ħadt, niżilli għażel. L-innoċenza tat-tfal hija ħelwa wisq. Għalhekk neħodha bi kbira ħafna meta nisma’ bi tfal li jiġu abbużati. Il-Milied huwa ż-żmien tat-tfal u fil-ferħ tagħhom tara l-kobor t’Alla. Jaqbadni swied ta’ qalb meta niftakar fit-tfal abbandunati ġewwa l-istituti f’dawn iż-żminijiet. Għalkemm dawn it-tfal, permezz tal-ġenerożità ta’ ħafna, ma jkunux neqsin mir-rigali u mill-parties, ikollhom l-egħżeż ħaġa nieqsa – l-imħabba tal-ġenituri tagħhom. Nemmen li l-isbaħ rigal għal dawn it-tfal ikun li l-ġenituri jeħduhom f’darhom fil-ġranet tal-Milied u possibilment iżommuhom għal kollox.

    Liema hu dak ir-rigal li qlajt fil-Milied li l-aktar li għoġbok?

    Kien rigal ta’ flus, proprjament kienet munita kbira tal-fidda li tani n-nannu meta kelli xi sitt snin. Fil-Milied konna ninġabru d-dar tan-nanna xi ħamsa jew sitt neputijiet u n-nannu kien idurna wieħed wieħed u jagħtina xi ħaġa tal-flus. Dak inhar kien tani tmintax irbiegħi – l-akbar munita li kellu! Qatt ma kont stennejt li kien ser jagħtini daqstant. Fi tfuliti għext f’familja li konna naqlugħa u nikluha. Tmintax irbiegħi għalija kienu dinja. Niftakar li nxtħett nifraħ biha fil-ħanut tax-xorb tan-nannu u xi klijenti li kellu, meta rawni daqstant kuntent, bdew jagħtuni xi soldi huma wkoll. Għamilt turrun bihom f’idejja u qgħadt nurihom lil kulħadd. Wieħed anzjan għamel tabirruħu li jrid jeħodhomli. Imma jien ma ridt nagħtihomlu b’xejn. Wara li tani kedda tajba, qabad jidħak u tani sold hu wkoll.

    X’differenza hemm bejn il-Milied ta’ meta kont tfajjel u l-Milied ta’ llum?

    Meta kont tfajjel kont inqatta’ ħafna ħin il-Mużew. Prattikament konna noqogħdu bieb ma’ bieb miegħu u sikwit kont immur hemm. Bosta drabi, meta kont niġġieled ma’ ħuti kont naqbad nirrabja, noħroġ il-barra u nitlaq il-Mużew. Nista’ ngħid illi l-Mużew kien ir-rifuġju u ċ-ċentru tal-attenzjoni tiegħi minħabba li kien ikun hemm diversi attivitajiet għaddejjin il-ħin kollu. Fi żmien il-Milied, kien ikun hemm min qed jibni l-grotti sabiex jingħataw lit-tfal, bil-kobor jgħodd skond l-attendenza tagħhom. Oħrajn kienu jkunu qed jgħallmu l-kant tal-Milied lit-tfal għal waqt il-purċissjoni tal-Bambin. Il-purċissjoni kienet xi ħaġa għall-qalbi ħafna u kull sena, sakemm kelli erbatax-il sena, bqajt nieħu seħem fiha. Memorja ħelwa ta’ dak iż-żmien kienet meta darba waħda kienu qed iqassmu l-grotti u lili tgħidx kemm damu biex għajjtuli. Bdejt ninkwieta li dik is-sena, ma kienu ser jagħtuni xejn. Qlajt qalbi nistenna imma mbagħad sibt li kienu ħallewni għall-aħħar għax kelli l-akbar grotta. Mhux bilfors jekk kont il-ħin kollu dieħel u ħiereġ hemmhekk? Tifkiriet oħra sbieħ huma dawk ta’ meta konna ninġabru għand iz-zijiet u konna naqsmu magħhom il-ferħ tal-Milied. Illum li kbirt u qiegħed naħdem f’dan il-qasam, ingawdi l-Milied wara li jgħaddi kollox għax f’dawn il-ġranet l-aktar li nkunu mħabbtin. Aħna jkollna niċċelebraw il-Milied fil-ġranet ta’ wara li jgħaddi kollox. Għall-ewwel taraha stramba iżda mbagħad tidra taf. Madanakollu, dik il-quddiesa ta’ nofs il-lejl bqajt ma nitlifhiex. U biex żgur ma norqodx xi raqda tajba sforz l-għejja li jkolli, dejjem nagħżel xi kappella żgħira bħal dik ta’ San Ġakbu tax-Xgħajra jew ta’ Santa Marija f’Bubaqra ż-Żurrieq għax hekk inħossni aktar parteċipi f’dak kollu li jkun qed jiġri madwari.

    X’tixtieq f’dan il-Milied?

    Nixtieq ħafna affarijiet kieku, speċjalment dawk li nitlob għalihom fil-għodu hekk kif niftaħ għajnejja u dawk qabel nidħol norqod; bħal ngħidu aħna biex ikun hawn il-paċi u biex ma jkunx hawn faqar fid-dinja. Però dan il-Milied għandi xewqa kbira partikolari li nkun kuntent ħafna li kieku sseħħ. Bħalissa, ħabiba tiegħi qegħdha l-Ingilterra fejn ser tagħmel operazzjoni serja ħafna. L-ikbar rigal għalija dan il-Milied ikun li kieku din tirnexxielha mija fil-mija u nerġa’ naraha mill-ġdid f’saħħitha, qawwija u sħiħa.

    Xi jfisser għalik il-Milied?

    Ifisser xogħol. Xogħol b’tali manjiera li kif għedtlek, meta n-nies ikunu qed igawdu, aħna nkunu qed naħdmu. U meta l-Milied jgħaddi u kulħadd ikun kwiet f’daru, aħna ngawdu. Per eżempju aħna parties ma mmorrux, la qabel u lanqas waqt il-Milied. Kollox wara irid isir għax ix-xogħol tagħna ma jippermettix. Bħala kumpanija, aħna nagħtu ħafna importanza li l-klijenti, b’mod speċjali t-tfal li jaqalgħu l-ġugarelli tagħna bħala rigali, ma joħorġux iddiżappuntati. Tkun dejjem f’moħħna li l-ġugarelli kollha jkunu jaħdmu sewwa u li kemm jista’ jkun, ikollna għażla kbira sabiex it-tfal isibu dak il-ġugarell li jixtiequ. Fi ftit kliem, għalija l-Milied ifisser il-kuntentizza tal-klijent u dik tat-tfal li jieħdu gost igawdu r-rigali li jinxtraw minn għandna.

    ————————————————————————————————————————————————-

    INTERVISTA: KAPPILLAN WALTER CAUCHI – PARROĊĊA SANT’ANNA, WIED IL-GĦAJN

    Kif jibda joqrob il-Milied, x’inhu l-ewwel ħsieb li jiġik?

    Kappillan Walter CauchiWaħda mid-diffikultajiet li jkolli bħala wieħed minn dawk responsabbli tal-organizzazzjoni tal-attivitajiet tal-Parroċċa ta’ Wied il-Għajn, hija dik li nimxi b’mod ġust biex nikkuntenta u nakkomoda lil kull min jitlob is-servizzi tagħna speċjalment peress li għandna sala waħda biss disponibbli. Barra minn hekk, kif jasal il-Milied nibda nkisser rasi sabiex nifhem it-tifsira tal-Milied għalija għal dik is-sena. Inkun irrid insib il-messaġġ ta’ Ġesù illum. Tgħidli mis-sena l-oħra ‘l hawn x’differenza tagħmel?  Iżda fir-realtà iva teżisti differenza għax kull sena Ġesù jitwieled mill-ġdid fiċ-ċirkustanza taż-żmien preżenti. Aħna nsejħulha l-kulturalizazzjoni ta’ Kristu u l-valuri Tiegħu fid-dinja ta’ llum. Barra minn hekk, din id-darba jiena qiegħed nibda bħala kappillan ġdid f’din il-parroċċa u għad irrid nistudja n-nies u l-kultura ta’ Wied il-Għajn. Innutajt illi l-poplu ta’ Wied il-Għajn hu magħmul minn nies li huma ġejjin minn diversi postijiet bħaż-Żejtun, Ħaż-Żabbar u l-Kottonera. Kollha għandhom il-kultura tagħhom. Il-ħolma tiegħi hija illi permezz tal-ġranet sbieħ tal-Milied, jiena nsir naf aktar lil dan il-poplu sabiex ftit ftit ningħaqdu kollha f’kultura waħda madwar il-Knisja ta’ Ġesù fil-Parroċċa ta’ Wied il-Għajn.

    X’inhi l-isbaħ memorja tiegħek tal-Milied?

    L-iktar li nara fil-Milied imqaddes hija l-provvidenza t’Alla. Darba niftakar li kelli esperjenza partikolari li tixhed dan biċ-ċar u tikkonferma kif Alla ma jinsik qatt. Niftakar dak iż-żmien kont għadni fil-Parroċċa tal-Gżira. Kelli d-drawwa li nagħmel xi laqgħat tat-talb maż-żagħżagħ fid-dar li kelli bħala kappillan. Lejla waħda, xi jumejn qabel il-Milied, ġie grupp ta’ żagħżagħ għandi. Jekk niftakar sewwa kienu għadhom kif ġew lura mid-diskoteka. Uħud minnhom telgħu ħdejjha u bdejna nitolbu flimkien filwaqt li xi oħrajn, bla ma ntbaħt jien, intefgħu fil-kċina u kielu l-ikel kollu li kelli fil-fridge. Letteralment ma ħallew xejn għalija u hekk kif telqu, għall-ħabta ta’ nofs il-lejl nieqes kwart, kelli aptit niekol il-mejda bil-ġuħ li kelli. Ma kontx naf x’ser naqbad nagħmel f’dak il-ħin. Bilkemm ridt nemmen meta smajt lil xi ħadd iħabbat ftit wara. Meta ftaħt, sibt raġel li ġie jagħtini suflè. Proprju f’dak il-ħin! Bqajt inħares lejh u għedt ara naqra, dawk iż-żagħżagħ kiluli kollox u Ġesù bgħatli suflè!

    Liema hu dak ir-rigal li qlajt fil-Milied li l-aktar li għoġbok?

    Jiena naqla’ ħafna rigali taf? U daqs kemm naqla’ nagħti wkoll. Però, la qegħdha tistaqsini, niftakar ilu ħafna sewwa, meta kont għadni daqsxejn ta’ tfajjel, iz-ziju kien ġabilna trejn iddur fuq it-tracks. Jiena u ħuti tbellaħna fuqha. Ma konniex imdorrijin naqalgħu rigali hekk. Missieri kien jaħdem ħafna imma l-flus kien jiddedikahom kollha kemm huma għall-edukazzjoni tiegħi u tat-tlett ħuti l-oħra li kollha konna immorru fi skola privata. Kapriċċi ma tantx kien ikollna ħlief meta konna immorru għand in-nanna u kienet tagħtina xi lira biex immorru naraw xi film bħal Ben Hur jew The Ten Commandments.

    X’differenza hemm bejn il-Milied ta’ meta kont tfajjel u l-Milied ta’ llum?

    Meta kont tfajjel, il-gost tal-Milied kien meta kont immur il-Mużew u jagħtuni xi rigal. Dak iż-żmien bħala tfal konna nifirħu bix-xejn. B’daqsxejn ta’ presepju jew b’xi statwa żgħira tal-Bambin kont tagħmilna ferħanin. Konna nixegħlu u nżejnu quddiemhom bix-xemgħat u ndoqqu l-għanjiet tal-Milied fuq ir-rediffusion jew fuq ir-radju personali tagħna. Ovvjament, fil-Milied konna immorru għall-quddiesa wkoll għalkemm jiena qatt ma kont abbati. Dak iż-żmien ma kontx ‘tal-Knisja’ għax missieri kien jinsisti ħafna fuq l-edukazzjoni tagħna u għaldaqstant, ma tantx kien jifdalli ħin għal affarijiet oħra. Il-Milied konna nagħmluh id-dar. Ommi kienet issajjar u tlaqqagħna flimkien. Imbagħad konna immorru għand in-nanna u niltaqgħu mal-kuġini. Iżda meta dħalt għas-saċerdozju, il-Milied tbiddel għalija. Fejn fi tfuliti, l-Milied kont ngħixu d-dar, meta sirt saċerdot il-Milied bdejt ngħixu man-nies. Il-perspettiva tiegħi tal-Milied saret kif jiena ser nagħmel ambjent ta’ Milied u ħajja aħjar għal dawk li huma imġarrbin, imdejjqin jew weħidhom. L-għan tiegħi għal dawn iż-żminijiet ikun biex noħloq Milied bis-sens. Nemmen li għalhekk, f’kull parroċċa li kont fiha, in-nies dejjem fittxew il-knisja u dejjem imlewha daqs bajda għall-grazzja t’Alla. L-iskop tiegħi tal-Milied sar wieħed pastorali b’sens ta’ responsabbiltà u għajnuna għall-proxxmu.

    X’tixtieq f’dan il-Milied?

    Kif għedtlek aktar il-quddiem, l-ewwel nett f’dan il-Milied, nixtieq illi niltaqa’ aktar man-nies ta’ Wied il-Għajn biex insir nafhom aktar. Dan iż-żmien jagħtik bosta opportunità biex tagħmel dan. Barra minn hekk, dan il-Milied huwa marbut mal-pussess ġdid tiegħi għax proprju fil-21 ta’ Diċembru 2008, jiena ser ikolli din iċ-ċelebrazzjoni sabiex l-Isqof jafdali din il-Parroċċa ta’ Wied il-Għajn. Allura li nixtieq dan il-Milied huwa li nagħraf immexxi lil dan il-poplu li ser jiġi afdat f’idejja. Nikkwota dak li qal Salamun meta nħatar sultan u Alla staqsih x’ried li jagħtih: Mulej agħtini l-għerf u d-dehen biex inkun kapaċi nmexxi lil dan il-poplu. Dak li nixtieq jien għal dan il-Milied – li nagħraf il-missjoni tiegħi. Hija interessanti kif 27 sena ilu, eżatt fl-istess ġurnata, fil-21 ta’ Diċembru 1981, inzertajt ħadt il-pussess tal-Parroċċa tal-Gżira fejn domt tmien snin u nofs.

    Xi jfisser għalik il-Milied?

    Ifisser li irrid niftaħ għajnejja u widnejja biex nara min hu l-fqir tiegħi. Il-fqir tiegħi huwa differenti mill-fqir tiegħek. Il-fqir tiegħi huwa dak li għandu bżonn l-għajnuna tiegħi biss, dak li jiddependi minni għall-għajnuna. Dak li jiena għandi ċ-ċavetta tal-ferħ tiegħu. Fi ftit kliem, il-Milied tiegħi hu li jien noqgħod attent biex nara min għandu bżonn l-għajnuna tiegħi.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-21 ta’ Diċembru 2008)