• L-ABBUŻ SESSWALI FUQ IT-TFAL HUWA MARD JEW REAT KRIMINALI?

    F’pajjiżna jeżisti l-abbuż sesswali fuq it-tfal? Pedofelu kif jintagħraf? Il-pedofelija titfejjaq jew titrażżan biss? X’nista’ nagħmel bħala ġenitur biex nipproteġi lil uliedi? Li kieku kelli nirraporta abbuż sesswali, jemmnuni? Lil min nista’ nitlob għajnuna u x’miżuri jittieħdu? Għandu jinħareġ reġistru ta’ dawk li jabbużaw mit-tfal?

    INTERVISTA: RUTH SCIBERRAS – Manager – Appoġġ Children’s Services (Servizzi tat-Tfal tal-Aġenzija Appoġġ).

    Kemm hi mifruxa l-problema tal-abbuż sesswali fuq it-tfal f’Malta?

    Bejn Jannar u Ġunju tal-2008, l-Aġenzija Appoġġ kellha 68 każ ta’ abbuż sesswali. Madanakollu dawn huma biss il-każi li ġew quddiem l-Aġenzija u għalhekk in-numru ta’ vittmi jista’ fil-fatt ikun akbar minn dak rappurtat.

    Spiss nassoċċjaw l-abbuż fuq it-tfal ma’ dak sesswali biss, iżda hemm abbużi oħra li persuna tista’ tgħaddi minnhom, li huma l-abbuż fiżiku, l-abbuż emozzjonali u meta persuna tiġi traskurata u ma tingħatax dak li bi dritt hu tagħha.

    Fil-fatt, is-Servizz għall-Protezzjoni tat-Tfal fi ħdan l-Appoġġ, bejn Jannar u Ġunju 2008 ta servizz lil 1179 każ.

    Normalment kif issiru tafu b’abbuż bħal dan?

    L-Aġenzija Appoġġ tirċievi rapporti dwar allegat abbuż jew dwar tfal li jinsabu f’riskju ta’ abbuż minn diversi sorsi fosthom: is-Supportline 179, servizzi oħra tal-Aġenzija, skejjel, Pulizija, qraba, tobba, ħaddiema fi sptarijiet u ċentri tas-saħħa, Qrati u professjonisti oħra.

    X’azzjonijiet jittieħdu hekk kif ikun hemm suspett ta’ abbuż fuq it-tfal?

    Dawn l-allegazzjonijet jiġu investigati mis-Servizz għall-Ħarsien tat-Tfal tal-Aġenzija. Dan it-tim hu magħmul minn professjonisti mħarrġa fil-qasam spezjalizzat fil-protezzjoni tat-tfal. Meta tinġabar l-Ruth Sciberrasinformazzjoni kollha u jkun deċiż li l-abbuż ikun seħħ tassew jew għadu jseħħ, jitħejja pjan li jassigura l-aħjar interessi tat-tfal. Kull każ huwa individwali u għalhekk il-pjan ta’ azzjoni jista jvarja minn każ għall-ieħor. Issir ukoll ħidma mal-familjari tal-minuri billi jiġu ggwidati dwar x’għandu jsir, bħal referenza lejn għajnuna legali; referenza lejn il-Pulizija jekk il-każ ikun għadu ma ġiex rappurtat u l-familjari jkunu jixtiequ jmexxu l-każ; u referenza lejn għajnuna medika u psikoloġika.  Jekk l-abbuż ikun qed isir minn xi ħadd tal-familja, il-ħaddiema soċjali jiżguraw li xi membru ieħor tal-familja ser jieħu r-responsabbilita’ u joffri l-protezzjoni lill-minuri.  Jekk dan ma jkunx il-każ, tista’ tittieħed azzjoni biex il-minuri jiġu mneħħija minn dak l-ambjent sabiex ikunu protetti.

    F’kazi bħal dawn, it-tfal dejjem jgħidu l-veritá? Ġieli jkun hemm każi fejn jigdbu/jitfixklu/jiġu mġiegħla jigdbu?

    Ir-rapporti dejjem ikunu meqjusa bħala allegazzjoni, sakemm jiġi ppruvat mod ieħor. Ġieli jkun hemm sitwazzjonijiet fejn irriżulta li t-tfal kellhom bżonn aktar attenzjoni, jew sitwazzjonijiet fejn it-tfal jintużaw minn ġenitur kontra ġenitur ieħor. Iżda dan ma jseħħx fil-maġġoranza tal-każijiet rappurtati.

    Il-ġibda sesswali lejn it-tfal titfejjaq jew titrażżan?

    Ir-responsabbilta’ ta’ min iwettaq abbuż fuq persuna oħra, f’dan il-każ fuq minorenni, hija dejjem tal-persuna li tkun wettqet dan l-aġir, irrispettivament minn xi jkun ikkawża din l-imġieba.  Persuna li tabbuża mit-tfal għandha bżonn tirċievi kull tip ta’ għajnuna neċessarja, psikoloġika jew medika, sabiex b’hekk tkun tista tikkontrolla l-imġieba tagħha u l-ġibdiet sesswali tagħha.  Din l-għajnuna għandna tibqa tingħata fuq medda ta’ żmien fit-tul sabiex jiġi evitat li jerġa jseħħ dan l-abbuż.

    Taqbel li għandu jinħareġ reġistru ta’ dawk l-individwi li jwettqu atti sesswali fuq it-tfal?

    F’Malta għandu jkollna reġistru b’dawk li jinstabu ħatja li jkun wettqu abbuż fuq minuri. Pero m’għandux ikun aċċessibli għall-pubbliku – aċċess għal dan ir-reġistru għandu jkun ristrett għal entitajiet soċjali u professjonali li jaħdmu mat-tfal. Entitajiet li jaħdmu u/jew joffru servizz lill-minorenni (taħt it-18-il sena) ikun obbligatorju għalihom li jagħmlu screening ta’ persuni li jkunu ser jimpjegaw fl-organizzazzjoni/entita` tagħhom.

    Il-ħabs hu l-post adattat għal dawk li jwettqu atti sesswali fuq it-tfal?

    Il-piena tal-ħabs tingħata lil kull persuna li tkun wettqet att kriminali u li skont il-ġudikatura jkun ħaqqha din il-piena.  Dan għandu jkun il-każ ukoll f’sitwazzjoni ta’ atti kriminali li jikkonċernaw abbuż fuq minorenni.  Iżda nemmnu li għandu jkun hemm ukoll programmi terapewtiċi speċjalizzati għall-agressuri kif ukoll moniteraġġ kemm matul is-sentenza kif ukoll wara meta jkunu fil-komunita’. Dan minħabba r-riskju ta’ offiżi oħra mill-agressur. Jekk, per eżempju, ikun hemm bdil fl-indirizz ta’ fejn qed joqgħod, il-Pulizija għandhom ikunu infurmati b’dan.

    X’jiġri jekk dak li jabbuża mit-tfal ikun wieħed mill-ġenituri? Kemm hija kbira l-possibilitá li l-istorja tirrepeti ruħha?

    L-Aġenzija APPOĠĠ toffri servizzi ta’ sapport lil dawk it-tfal vittmi ta’ abbuż, skont il-ħtieġa u rrelevanti ta’ min hu l-agressur. Jekk l-agressur ikun membru tal-familja, tkun aktar faċli wkoll li jintlaħaq milli kieku jkun barrani u issir ħidma ma’ din il-persuna wkoll sabiex dan l-abbuż jieqaf. F’każ li l-agressur ikun membru tal-familja, jekk ikun fl-aħjar interess tat-tfal, tista’ tinħareġ ukoll Ordni għall-Ħarsien biex jiġu protetti t-tfal.

    F’Malta m’għandniex riċerki dwar pedofelija imma riċerki li saru barra minn Malta juru li hemm ċans kbir li l-agressuri jerġgħu jagħmlu offiża/offiżi oħra.

    X’inhuma dawk il-miżuri li għandhom jieħdu l-ġenituri biex jevitaw dan il-periklu minn fuq uliedhom?

    Il-ġenituri għandhom ir-responsabbilta’ li jkunu qrib tat-tfal, ikunu jafu sew lil dawk li jkunu qed jafdaw bil-kura ta’ wliedhom u wkoll min huma l-ħbieb tagħhom. Meta l-ġenituri jkollhom relazzjoni fil-qrib mal-ulied, dawn ikunu aktar komdi li jikkomunikaw magħhom. Il-ġenituri għandhom ukoll rwol importanti li jedukaw lill-uliedhom dwar x’inhu abbuż u dwar l-importanza li jitkellmu ma’ persuna adulta li jafdaw jekk jgħaddu minn xi esperjenza simili.  Importanti li t-tfal ikunu assertivi u jafu jgħidu le għal affarijiet li ma jridux.  Fis-soċjeta’ tal-lum żdied ukoll il-periklu tal-abbuż tat-tfal fuq l-internet. Minn dan l-aspett, il-ġenituri għandhom ikunu konxji ta’ xi jkun qed jiġri meta wliedhom ikunu fuq l-internet u kemm jista’ jkun jimmonitorjaw il-websites li jkunu qed iżuru wliedhom filwaqt li jimblukkaw ċerti siti permezz ta’ firewalls.

    Rigward abbuż, speċjalment dak fiżiku u sesswali, il-ġenituri għandhom ikunu attenti għal sinjali u sintomi u jekk ikunu f’sitwazzjoni fejn qed jissuspettaw xi tip ta’ abbuż, kemm fuq uliedhom kif ukoll fuq tfal oħra, jistgħu jfittxu s-sapport u jirrappurtaw lill-awtoritajiet konċernati.

    Għaliex ċertu tfal ma jitkellmux mill-ewwel jew wisq agħar ma jitkellmu qatt?

    Jista’ jkun li wħud mill-vittmi ma jaslux li jgħidu lil ta’ madwarhom dwar dak li jkunu għaddejin minnu għal diversi raġunijiet:

    (a)   Jista’ jkun li l-vittma tkun mhedda mill-agressur;

    (b)  Jista’ jkun ukoll li l-vittma – b’mod partikulari tfal żgħar – ma tkunx taf kif u ma’ min tista’ tafda;

    (ċ)   Hemm ukoll sitwazzjonijiet fejn il-vittma ma tkunx konxja li dik is-sitwazzjoni li tkun fiha mhix ‘normali’ u li dak li qed iseħħ lilha hu fil-fatt abbuż.

    Il-vittmi jistgħu jibdew jaħsbu wkoll li jekk jikxfu lill-agressur – speċjalment jekk dan ikun membru tal-familja – ma jiġux emmnuti u ġieli wkoll ikun hemm il-biża’ li jingħataw il-ħtija huma minflok l-agressuri, speċjalment jekk ikun hemm nuqqas ta’ provi tanġibbli. Ikun hemm ukoll l-element ta’ mistħija peress li jistgħu jidhru koroh huma kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom, flimkien mal-biża’ li l-aggressur jista’ jpattihielhom wara.  Barra min hekk it-tfal jistgħu jħossuhom ħatja ta’ dak li jkun qed jiġri u jaħsbu li jekk jitkellmu ser jinqabdu li huma qed jagħmlu xi ħaġa ħażina.  Ma jirrealizzawx li r-responsabilita’ hi tal-persuna adulta.

    L-abbuż sesswali fuq it-tfal huwa mard jew reat kriminali?

    Kull abbuż hu kundannabbli b’mod speċjali meta jsir fuq minorenni. Ħafna drabi l-abbuż isir minn membri tal-familja, li huma fi dmir li jipproteġu lill-istess minuri. Madanakollu l-agressur, minbarra li jkun wettaq att kriminali, jkollu bżonn ukoll terapija.

    Min ikollu bżonn xi għajnuna jew aktar informazzjoni, jista’ jikkuntattja lill-Aġenzija APPOĠĠ 36, St. Luke’s Road, G’Mangia; Numru tat-Telefon: 2295 9000; websajt www.appogg.gov.mt.

    —————————————————————————————————————–

    INTERVISTA: Dr Michael Galea PhD – Clinical Psychologist and Family Therapist

    X’inhu l-abbuż tat-tfal?

    Nibdew fuq it-tifsira, għax tajjeb nifhmu fuq hiex qed nitkellmu. Abbuż tat-tfal jirreferi għal kull azzjoni li tipperikola l-ġid sħiħ, emozzjonali u fiżiku, ta’ persuni li huma taħt it-18-il sena. Abbuż tat-tfal jinkludi abbuż:

    a)     Emozzjonali (kull attitudni jew azzjoni li tmur kontra l-iżvilupp soċjali jew saħħa mentali tat-tfal, eż: tgħajjir, laqmijiet, theddid, u oħrajn);

    b)    Sesswali (kull att sesswali bejn adult u tfal, inkluż mess, kliem vulgari, avvanzi u provokazzjonijiet, esibizzjoniżmu, prostituzzjoni tat-tfal, min iġiegħel lit-tfal jaraw u/jew jieħdu sehem f’pornografija, stupru, użu tat-tfal għall-gratifikazzjoni sesswali, u oħrajn);

    ċ)     Fiżiku (kull sofferenza mposta – allura mhux aċċidentali – fuq it-tfal;

    d)    Nuqqasijiet Fiżiċi u Emozzjonali (nuqqasijiet ta’ provvediment għall-bżonnijiet emozzjonali u fiżiċi tagħhom, eż. tfal abbandunati, mwarrbin apposta, mitluqa, mhux imħarsa b’mod responsabbli).

    Kemm hi mifruxa l-problema tal-abbuż sesswali fuq it-tfal f’Malta?

    Minn studju li kont għamilt fost studenti universitarji fl-2004, kien irriżulta illi 11% tal-parteċipanti kienu indikaw xi każ/każijiet ta’ abbużi ta’ natura severa. L-iktar tipi ta’ abbużi misjuba kienu: abbandun emozzjonali (6%), abbuż fiżiku (5%) u abbuż emozzjonali (5%). Statistika komprensiva tal-pajjiż li tkopri kull tip t’abbuż, kif imfissra hawn fuq, għad m’hawnx. Pero’ hemm diversi informazzjoni li turi li l-abbuż jeżisti sew f’pajjiżna. Ma ninsewx li spiss ir-realta’ hi ferm ikbar minn dak li jiġi irrapportat!

    X’inhu l-profil tipiku ta’ pedofelu?

    Klinikament, issir differenza bejn min jabbuża minn tfal żgħar (pedofelija) u min jabbuża mill-adoloxxenti (effebofilja). Bniedem hu pedofilu jekk hu interessat sesswalment fi tfal li għad ma żviluppawx, normalment ngħidu li għad m’għalqux il-ħdax-il sena. L-abbuż jista’ jkun fuq subien u/jew bniet, kemm minn adulti rġiel u/jew nisa. Iva, hemm nisa li jabbużaw ukoll – kontra kif jaħsbu ħafna. Legalment, biex att tali jkun abbuż, min jabbuża jrid ikun ta’ l-inqas 5 snin ikbar mill-vittma.

    Hemm min jaħseb li l-pedofilu hu xi annimal jew mostru li tagħrfu minn mil bogħod. Kemm sejjer żbaljat min jaħseb hekk! Ftakar li min irid jabbuża lit-tfal, irid jagħmilha magħhom, jirbħilhom il-fiduċja, Dr Michael Galeaforsi jilgħab magħhom, jgħaddi ħin fil-kumpanija tagħhom, jitkellem fuq dak li jitkellmu huma eċċ. Hemm xi red flags li ta’ min jagħti każ tagħhom (għalkemm mhux bilfors jindikaw abbuż): meta adult ikollu relazzjoni partikolari ma’ xi tifel/tifla fejn forsi jibda jgħaddi ħafna ħin mat-tifel biss filwaqt li jinjora tfal oħra; l-adult jibda joffri xi rigali lit-tifel konċernat jew jagħtih xi privileġġi; ikun hemm xi ċajt doppju sens, stampi u/jew magazines tal-adulti, messaġġi anke partikolari bil-mobile, PDAs; ċertu logħob fiżiku goff fejn l-adult imiss direttament lit-tifel waqt il-logħob; sigrieti bejniethom eċċ.

    Pedofelu titwieled jew issir? Il-ġibda sesswali lejn it-tfal titfejjaq jew titrażżan?

    Pedofelu hu bniedem bi żbilanċ kimiku tal-moħħ li jikkawża interess partikolari lejn tfal żgħar. Bħala tali, dan hu mard u teżisti ċerta kura tiegħu. Illum hemm mezzi u mediċini fejn persuna tali titnaqqaslu l-ħerqa u l-għatx sesswali, imsejjaħ libidu, lejn it-tfal. Jeżistu anke strateġiji u postijiet apposta barra minn Malta fejn nies tali, jingħataw kura speċjalizzata u fejn ikun hemm astensjoni totali minn kuntatt mat-tfal (stampi, TV, films, u oħrajn) filwaqt li jingħataw superviżjoni stretta, kura medika, u tagħlim iffukat fuq il-problemi tagħhom.

    Jeżistu każijiet ukoll fejn adult ta’ ċerta personalita’ u attitudni jibdew jinteressawh ferm iktar it-tfal milli adulti bħalu. Dan jista’ jseħħ minħabba diversi kawżi bħal ngħidu aħna: esperjenza negattiva mas-sess oppost, kien/għadu jiffrekwenta postijiet/gruppi ta’ persuni bħalu u mhux imħalltin, mistħija esaġerata u self-esteem baxx ħafna, persuna sensittiva ħafna u tibża’ li ħaddieħor (speċjalment tas-sess oppost) tgħidilha ‘le’ (u għalhekk teħodha bħala falliment kbir), eċċ.

    Taqbel li għandu jinħareġ reġistru ta’ dawk l-individwi li jwettqu atti sesswali fuq it-tfal?

    Ħafna minna ninkwetaw ferm għax jista’ jkun hemm persuni pedofili fostna li kapaċi qed jiġru ma’ saqajna kontinwament u ma nafux bihom. Fost l-ideat li hemm nibtet din tar-reġistru dwar persuni tali biex l-awtoritajiet ikunu jafu b’dawn l-individwi ħalli jżommu għajnejhom fuqhom. Hemm anke min qed jitlob li jkun hemm reġistri pubbliċi, b’sistema ta’ ‘name and shame’, bl-iskop dejjem ikun biex jiġu skoraġġiti reati sesswali fuq it-tfal. Pero’ dawn l-ideat, għalkemm l-għan tagħhom hu tajjeb, mhux dejjem jintlaħaq. Spiss jidħlu vizzji, abbużi fis-sistema u vendikazzjonijiet illi flok jgħinu, ifixklu l-proċess.

    L-idea ta’ reġistru bid-dettalji ta’ persuni li jkunu abbużaw xi tfal (isem, natura tal-offiża u fejn seħħ ir-reat) ilha tissemma’ f’pajjiżi barranin. Iżda ħafna jiddubitaw kemm id-drittijiet ċivili taċ-ċittadini jkunu mħarsa b’reġistru bħal dan. Kien hemm każijiet fejn sar abbuż minn dettalji simili, fejn informazzjoni sensittiva spiċċat għand il-pubbliku. Sitwazzjonijiet bħal dawn aktar joħolqu deni milli ġid, apparti l-biża’, is-suspetti u l-paranoia li tinħoloq fil-komunita’. Ma ninsewx ukoll li informazzjoni bħal din tista’ twassal għall-vendikazzjonijiet, apparti affarijiet oħrajn.

    Alternattiva għar-reġistru hija li min irid jaħdem mat-tfal, ikollu bżonn speċi ta’ ID card partikolari, li tista’ tiġġedded kull tant żmien. Din l-ID card tinħareġ biss wara li l-persuna kandidata jkollha l-passat tagħha iċċekkjat minħabba reati relatati mat-tfal. Din l-idea rnexxiet f’xi postijiet fosthom fl-Awstralja.

    Bla tlaqliq ngħid li l-ideat huma kollha tajbin u għandu jkollna diskussjoni nazzjonali fuq das-suġġett. Għala le? Pero’ ma ninsewx l-iskop tas-suġġett. L-idea mhix li jkollok reġistru u tieqaf hemm imma li r-reġistru jew is-sistema ta’ ID card, fost l-oħrajn, inaqqsu l-abbużi. Inkella għalxejn ikunu saru!

    Pero’ jien nistaqsi: f’pajjiżna qed ikollna infurzar tal-liġi? Dil-ġimgħa stess smajna fuq każ ta’ persuna li ammettiet abbuż sesswali fuq minorenni u ngħatat sentenza sospiża. Dan mhux l-ewwel darba li ġara. Niftakar per eżempju meta ftit xhur ilu s-CEO tal-aġenzija Appoġġ, dak iż-żmien is-Sur Joe Gerada, kiteb u tkellem u iġġieled bl-iktar mod matur kontra deċiżjoni żbaljata tal-MFA wara li tawwlu l-kuntratt ta’ xogħol ta’ impjegat magħhom li kien akkużat b’reati simili. U Alla jbierek kollox baqa’ kif kien! Qed nitkellem fuq każijiet pubbliċi. Żgur li kulħadd sema’ bihom. Jekk le, skużani ħabib, m’intix tgħix f’Malta!

    Allura jien inkompli nistaqsi: xi skop hemm li nagħmlu reġistru? Sempliċiment biex nikkuppjaw lill-barranin – bħas-soltu, imma bla konvinzjoni u bla nfurzar tal-liġi? Reġistru għall-kurżita’ biss? Xi skop hemm li għandna saħansitra uffiċċju għad-drittijiet tat-tfal, jekk dan (indipendentement minn min imexxieh) ma jrendix? Sabiħ li jkollok liġijiet sbieħ imma ftit jiswa jekk dawn ma jitħarsux u meta jinkisru, qisu ma ġara xejn!

    X’inhuma r-riperkussjonijiet li jgħaddu minnhom it-tfal u kemm minn dawn il-problemi jaffetwaw il-ħajja futura adulta tagħhom?

    Tfal li ġew abbużati sesswalment iħossuhom mistħijin ħafna, ħatja (qisu tort tagħhom), ma jistgħu jafdaw kważi lil ħadd, imbeżża’, ostili u magħluqa fihom infushom. Spiss tinduna li tali tfal huma sottomessi wisq, jevitaw mess jew affezzjoni normali, juru sinjali ta’ rigressjoni (ta’ meta kienu iżgħar) u jaġixxu quddiem ħaddiehor b’mod stramb u mhux normali (għajjat, twerżieq f’daqqa, ixarrbu s-sodda u oħrajn). Sinjali oħra huma jekk it-tifel/tifla tibda timxi b’diffikulta’, tpinġi stampi b’temi sesswali, biża’ mhux tas-soltu biex torqod weħidha, eċċ. Dawn jistgħu jindikaw abbuż sesswali.

    Tfal vittmi ta’ abbuż sesswali spiss ikollhom problemi fl-iskola. Jistgħu jibdew jevitaw xi ħabib tal-familja, ġirien u/jew xi kuġin/ziju bla raġuni ovvja. Jista’ jkun hemm sintomi fiżiċi bħal irritazzjoni fil-ħalq, parti anali u/jew ġenitali. Tfal iktar imfarfrin jistgħu juru għemejjel ta’ ħsara personali (xorb tal-alkoħol, droga jew jippruvaw iweġġgħu lilhom infushom apposta).

    X’inhuma dawk il-miżuri li għandhom jieħdu l-ġenituri biex jevitaw dan il-periklu minn fuq uliedhom?

    Xi fatti li ta’ min jiftakar dwar l-abbuż sesswali tat-tfal huma:

    a) It-tfal kollha jistgħu jiġu abbużati, kemm bniet u kemm subien, speċjalment dawk ta’ bejn l-4 u 11-il sena. Attenzjoni partikulari għandha tingħata lil tfal li jġibu ruħhom kmieni u anki lil tfal b’xi diżabilita’;

    b) Spiss il-pedofelu hu persuna magħrufa mat-tfal (ġenitur/i, familja, ġirien, jew ħabib kbir);

    c) Abbuz sesswali tat-tfal spiss jinvolvi persważjoni, theddid u rikatt. Kull abbuż sesswali jiġi akkumpanjat b’abbużi emozzjonali imma mhux kull abbuż sesswali jinvolvi vjolenza fiżika;

    d) spiss tfal vittmi tal-abbuż jiġu abbużati ripetutament għax it-theddid iżommhom siekta minħabba biża’ jekk jitkellmu;

    e) l-abbuż jista’ jseħħ id-dar, l-skola, fid-dar tal-ġirien jew barra.

    L-edukazzjoni ta’ uliedna hi l-ewwel u l-aqwa tarka konta kull abbuż. X’għandek tgħidilhom?

    a) Ħadd m’għandu dritt imiss ġisimhom, partikolarment f’partijiet soltu mgħottija mill-malja;

    b) Mhux kull ma jitolbuhom il-kbar bilfors hu tajjeb;

    ċ) Għandhom jgħidu LE għal stediniet tal-kbar li ma jogħġbuhomx;

    d) Qatt m’għandhom iżommu sigrieti;

    e) Dejjem għandhom ikunu jafu jċemplu lill-pulizija u jinfurmaw lill-ġenituri;

    f) L-abbuż mhux tort tagħhom.

    Li titkellem ma’ uliedek huwa importanti ferm. Li tkun tafhom u tkun taf l-interessi tagħhom. Min huma ħbiebhom? Jekk uliedek iħossuhom komdi jitkellmu miegħek, isibuha aktar faċli biex jgħidulek dwar xi ħadd li qed jittantahom jew idejjaqhom. Tista’ anke tippjana minn qabel ma’ uliedek biex jekk jiġri xi abbuż, ikunu jafu x’għandhom jagħmlu. Dan mhux biex tbeżżagħhom imma biex tibnilhom is-saħħa ħalli jekk jiġri xi abbuż, ma jinfixlux imma jiffaċċjawh b’kuraġġ. Fuq kollox qatt m’għandek twaħħal fit-tfal, jiġri kif jiġri l-abbuż. Dejjem assigurahom minn imħabbtek.

    L-abbuż sesswali fuq it-tfal huwa mard jew reat kriminali?

    Din hi polemika perikoluża. Meta tgħid li persuna hi marida, allura tkun qed tiskużaha b’mod sħiħ jew parzjali ta’ għemilha. Jekk l-azzjoni hi reat kriminali, allura r-riżultat ikun aktar ċar. Spiss nisimgħu li persuna ġiet meħlusa minħabba raġunijiet ta’ saħħa mentali waqt l-att ta’ l-akkuża, qisek qed tgħid li l-persuna għamlet ir-reat għax kellha x’ifixkilha minħabba xi kundizzjoni mentali, bħal psikożi jew problemi fl-aġir minħabba taħwid fil-moħħ u għalhekk ma kinetx responsabbli għal dak li sar. Ovvjament se ssib min jara dan bħala logħob bil-kliem. Madanakollu irridu ngħidu illi jeżistu każijiet ta’ persuni li minħabba kundizzjonijiet mentali, jistgħu jaġixxu perikolużament lejn ħaddiehor. Ovvjament, f’każijiet simili, l-awtoritajiet għandhom kull dritt u dmir li jipproteġu lill-persuni vulnerabbli bħat-tfal minn dawn l-adulti – meta jsiru jafu bihom. Isir meta jsir, l-abbuż sesswali hu dejjem reat ikrah ferm u b’ħafna konsegwenzi serji. Iżda hu reat ferm agħar meta jseħħ minn persuna li taf x’qed tagħmel u li tixtieq tagħmel dak l-abbuż. Dawn huma l-veri għedewwa ta’ soċjeta’ sana. Il-problema hi li f’kull soċjeta’ tad-dinja, jeżistu persuni tali – imma li tkun taf min huma mhux tant faċli u hawnhekk tinsab il-problema vera.

    Fl-opinjoni tiegħi, soċjeta’ li ma tilqax u ma tipproteġix lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli fi ħdanha (żgħar, kbar u anzjani), hi soċjeta’ marida serjament.

    mgalea00@yahoo.com

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-15 ta’ Frar 2009)