• MOD ĠDID TA’ KIF WIEĦED JISTA’ JUŻA’ ĦSIBIJIETU B’MOD KREATTIV

    Il-Professur Edward De Bono m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni. Kien il-bniedem li ħoloq il-kunċett tal-’lateral thinking’ u ddedika ħajtu biex jgħallem madwar id-dinja kollha dan il-mod ġdid ta’ kif wieħed jista’ juża ħsibijietu b’mod kreattiv.

    Sal-lum kiteb 82 ktieb li ġew tradotti f’41 lingwa. Ġie mistieden biex jgħaddi t-tagħlim tiegħu f’61 pajjiż. Hu magħruf mad-dinja kollha bħala l-aqwa ħassieb modern. Ġie inkluż f’lista ta’ 250 persuna li taw l-aktar kontribuzzjoni sinifikanti lill-umanità. Ġurnal imsemmi ħafna għażlu bħala wieħed mill-għoxrin viżjunarji li għadhom ħajjin. Kumpanija kbira ta’ konsulenti, innominatu fl-20 post f’lista ta’ 50 persuna li huma ikkunsidrati bħala l-aktar nies influwenti fil-qasam tan-negozju. Din is-sena ġie magħżul bħala l-Ambaxxatur tal-Ħsieb fl-Unjoni Ewropea għas-sena 2009 li hi iddedikata għall-kreattività. Il-ġimgħa li għaddiet fi Kiev, l-Ukranja ġie msemmi bħala wieħed mill-aqwa 10 psikoloġisti tad-dinja.

    B’lista bħal din wara ismu kont imħassba x’tip ta’ bniedem jista’ jkun dan il-Professur Edward De Bono. Bżajt li ser insib xi ras kbira. Iżda l-kurżità biex insir naf aktar dwaru, għelbitni u ttantajt niltaqa’ miegħu. Ma kinetx diffiċli. Emmnuni, nies ta’ kalibru ħafna inqas minn tiegħu, ġieli qalgħuli qalbi mhux ħażin biex tawni appuntament! Saħansitra stedinni f’daru biex flimkien ngħidu kelma u b’hekk inkun nista’ nibni stampa aktar ċara ta’ min hu dan l-individwu.

    Jiena u sejra għall-intervista, ftakart meta xi snin ilu kont iltqajt miegħu għall-ewwel darba. Kont mort għall-lecture li kien ta dwar il-‘lateral thinking’. L-istess kont ħsibt dak iż-żmien… Min jaf kontx ser nifhem dak li kien ser jgħid? Dan il-‘lateral thinking’ x’jaħbat? Niftakar li bqajt impressjonata kemm wara kollox kliemu kien sempliċi filwaqt li biex ifiehem aħjar, sikwit kien jirrakkonta l-istejjer u jpinġi l-figuri kif jaf hu, bin-nies stikek tas-sulfarini.

    Eżempju partikolari biex ifiehmna x’inhu l-‘lateral thinking’, baqa’ f’moħħi sal-lum. L-istorja kienet tgħid li darba kien hemm grupp ta’ tfal qegħdin jilgħabu. Raġel li kien qiegħed jistenna l-karozza tal-linja Prof. Edward De Bono fil-qrib, innota kif dawn it-tfal qabbdu mal-aktar wieħed żgħir fosthom. Urewh tlett muniti Maltin (minn dawk l-antiki li ċ-ċenteżmu kien ħamrani u kbir) u qalulu biex jagħżel munita minnhom. It-tifel għażel l-akbar munita imma li kienet tiswa l-anqas. It-tfal tgħidx kemm daħku bih u tawh il-munita. Din l-istorja baqgħet tirrepeti ruħha kuljum, jum wara jum, quddiem l-għajnejn attenti ta’ dan ir-raġel. Qalbu kienet tingħafas meta kien jara lil dawk it-tfal jiżżuffjettaw b’dak it-tifel ċkejken li kien qiegħed kull darba jagħżel l-akbar munita li ftit li xejn kienet tiswa. Darba waħda, ma felaħx aktar u wara li telqu t-tfal l-oħra, r-raġel sejjaħ liċ-ċkejken ħdejh. Staqsih għaliex kull darba kien qed jagħżel dik il-munita. “M’intix tirrealizza sabiħ li dik ma tiswa xejn?” qallu r-raġel. It-tifel b’ħarsa makakka tbissem u wieġbu, “U żgur li naf. Però li kieku jien għażilt l-ogħla munita mill-ewwel, kienu jagħtuni 10 ċenteżmi u l-logħba kienet tieqaf hemm. Hekk ara kemm ilni neħdilhom ċenteżmi jum wara jum!” Ir-raġel baqa’ iċċassat lejh.

    Hekk kif wasalt id-dar tiegħu laqagħni fis-salott u mill-ewwel beda jkellimni dwar il-kreattività tal-ħsieb: “Waħda mill-problemi tal-kreattività hija illi kemm fil-lingwa Ingliża u naħseb f’kull lingwa oħra, m’hemm l-ebda mod kif tiddistingwi bejn il-kreattività artistika u l-kreattività tal-ħsieb. Tant hu hekk illi dan l-aħħar waqt konferenza tal-UE fi Praga, wieħed baqa’ jsostni miegħi illi l-kreattività ma tistax tgħallimha. Dan hu raġunament żbaljat ħafna! Hija l-kreattività artistika li wieħed ma jistax jgħallem, għax dik jew qegħdha fik jew le. Iżda l-kreattività tal-ħsieb tista’ titħarreġ fiha u titgħallimha.”

    Staqsejtu jekk hux kulħadd kapaċi jitgħallem dan il-kunċett imsejjaħ ‘creative thinking’. Tafu intom, mhux kulħadd għandu l-istess intelliġenza.

    Imma De Bono sostna: “Kulħadd jista’ jitgħallem juża’ moħħu b’mod kreattiv. Ovvjament, bħal f’kollox, ser ikun hemm min jaqbad ħafna u ser ikun hemm min jitgħallem sa ċertu punt. Imma kulħadd igawdi minn dan it-tip ta’ tagħlim. Ħa nagħtik eżempju ta’ x’inhi d-differenza bejn l-intelliġenza u l-ħsieb. Inti għandek karozza li għandha magna ta’ ċertu saħħa. Is-saħħa ta’ dik il-magna nistgħu nqabbluha mal-intelliġenza tal-bniedem. Imma inti jista’ jkollok l-aqwa karozza u ma tkunx kapaċi issuqha sew. Imbagħad ikun hemm karozza b’magna ta’ anqas potenza li jkollha xufier mill-aqwa. Ix-xufier jista’ jitqabbel mal-kapaċità tal-ħsieb.

    Kultant l-aktar nies intelliġenti mhumiex l-aqwa ħassieba. Uħud jinqabdu fin-nasba tal-intelliġenza. Jieħdu pożizzjoni dwar suġġett u jżommu magħha. Fuq kollox, jużaw l-intelliġenza tagħhom biss biex jiddefendu bil-qawwa dik l-opinjoni personali, bosta drabi mingħajr ma jindenjaw ruħhom jidħlu fil-fond tas-suġġett innifsu u mingħajr ma jixtarru l-possibilitajiet l-oħra. Dak mhux raġunament tajjeb. Anzi dak hu raġunament assolutament ħażin.

    L-intelliġenza u l-ħsieb huma żewġ affarijiet differenti. Waħda hija l-kapaċità operattiva. L-ieħor hu l-potenzjal. L-intelliġenza weħidha mhux biżżejjed.”

    Tista’ tispjegali fi ftit kliem x’inhu dan il-kunċett tal-‘lateral thinking’?

    “Fil-mediċina jiena studjajt kif jaħdem il-moħħ. Ħa nagħtik eżempju… Bniedem iqum fil-għodu u jrid jagħżel bejn 11-il-tip ta’ ħwejjeġ li jista’ jilbes. Jekk iqabbad lill-kompjuter tiegħu jagħmillu din l-għażla, dan jieħu madwar 40 siegħa biex joħroġ bir-riżultat għax finalment hemm 39,916800 possibilità b’dawk il-11-il-oġġett. Bniedem jagħlaq 76 sena jaħseb kull minuta ta’ ħajtu liema deċiżjoni ser jieħu biex joħroġ bl-istess riżultat.

    Kieku ħajjitna kellha tkun hekk, kienet tkun diffiċli ferm. Allura l-bniedem għandu moħħ apposta li kapaċi jibni mudelli sempliċi biex jimxi dejjem magħhom. Fil-fatt il-bnedmin jużaw dawn il-mudelli l-ħin kollu. Il-mudelli jgħidu per eżempju li wieħed jista’ jmur minn A għal B u minn Ċ għal A. Imma mhux minn A għal Ċ.

    Permezz tal-‘lateral thinking’ il-bniedem jipprovoka lil moħħu biex joħroġ il-barra minn dawn il-mudelli. B’hekk ikun jista’ joħroġ b’ideat ġodda. Il-provokazzjoni (jiena ħloqt il-kelma PO biex tiddeskriviha) tikkonsisti filli inti toħroġ b’idea li għall-ewwel tinstema’ impossibbli, kultant anki ridikola. Imma minflok kif jagħmel is-soltu l-moħħ u jinjora din l-idea, wieħed irid jisforza biex jara jistax juża’ dik l-idea biex joħroġ xi ħaġa li tagħmel sens minnha.

    Jekk nagħtik xi eżempji, niftiehmu aħjar. Darba minnhom kont preżenti waqt diskussjoni f’Kalifornja. Kien hemm 600 persuna li kollha bdew jinsistu fuq il-problema tat-tniġġis tal-ilma tax-xmara li kienuLateral thinking qed joħolqu l-fabbriki. Iddeċidejt li nibda operazzjoni tal-‘lateral thinking’ billi għedt: PO Il-fabbrika qegħdha l-isfel minnha innifisha. Idea li tinstema’ impossibbli. Kif tista’ fabbrika tkun f’A u f’B fl-istess ħin? Iżda minn din l-idea, ħarġet is-soluzzjoni – il-fabbriki li jinbnew fuq ix-xmara jridu jkunu l-ewwel oġġetti li jieħdu fihom l-ilma tax-xmara innifisha. Jiġifieri jekk iħammġuha, ser ikunu qegħdin fil-pożizzjoni li huma jaqalgħu l-ħmieġ tagħhom stess lura l-ewwel. Din l-idea tant intogħġbot illi ftit wara ħarġet bħala leġislazzjoni f’diversi pajjiżi oħra wkoll.

    Il-provokazzjoni hija għal kollox differenti mil-loġika li nafu aħna. Tgħinek toħroġ il-barra minn dak li hu solitu biex tasal għal xi ħaġa oriġinali u ġdida.”

    Imma kemm trid iddum titħarreġ biex titgħallem tuża’ l-ħsieb b’mod kreattiv?

    “Hemm diversi tipi ta’ programmi. Jiddependi wieħed x’jixtieq jitħarreġ fih. Ċertu taħriġ jieħu biss ftit siegħat u l-bniedem ikun diġà akkwista ir-raġunar bażiku ta’ dan it-tagħlim. Taħriġ ieħor, ngħidu aħna biex ikun jista’ jintuża għan-negozju, jieħu madwar ġurnata jew jumejn.”

    F’Malta hawn min hu kwalifikat biex jgħallem dawn it-tipi ta’ programmi?

    “Iva hawn numru ta’ professjonisti mħarrġa apposta f’dan il-qasam.”

    Liema hi l-aktar diffiċli: li tgħallem lit-tfal jew lill-kbar kif jaħsbu b’mod kreattiv?

    “Mistoqsija interessanti ferm din… Fir-realtà naħseb li m’hemmx ħafna differenza. Nemmen illi t-tfal huma aktar miftuħa għat-tagħlim. Min-naħa l-oħra, jekk ikollok adult li jixtieq jitgħallem mhux ser tkun diffiċli. Iżda jekk il-bniedem jintbagħat jitħarreġ mingħajr ma jkollu l-volontà, tkun iebsa ħafna biex tipperswadih biex igawdi mill-frott ta’ dan it-tagħlim. Sfortunatament, numru ta’ nies jaħsbu illi jafu biżżejjed u li m’għandhomx għalfejn ikomplu jitgħallmu.”

    Inti sikwit tinsisti illi l-‘Creative Thinking’ għandu jiġi introdott bħala wieħed mis-suġġetti fil-kurrikulu tal-edukazzjoni fl-iskejjel. Minn liema età jista’ jiġi mgħallem das-suġġett?

    “Is-suġġett tas-‘Six Thinking Hats’ li jagħmel parti mill-kunċett tal-‘Creative Thinking’ jista’ jiġi mgħallem saħansitra lil tfal ta’ 4 snin. Huwa nteressanti tkun taf illi darba waħda persuna qaltli li marret tgħallem das-suġġett fil-highlands tal-Papua New Guinea. Issa għandek tkun taf illi hemmhekk hu wieħed mill-aktar postijiet primittivi li jeżistu fid-dinja illum, tant li għadhom jużaw sistema ta’ kultura kważi ta’ żmien il-ħaġar. Wara xahar, din reġgħet irritornat fl-istess post u n-nies tal-lokal qalulha kif it-tagħlim li tathom hi bidlilhom ħajjithom.”

    Minn xi riċerka li għamilt sibt illi fil-fatt das-suġġett diġà qed jiġi mgħallem f’xi skejjel ta’ pajjiżi oħra. X’kien ir-riżultat?

    “Ħa nagħtik eżempju klassiku. Kien hemm Professur tal-filosofija fl-Università ta’ Caracas fil-Venezuela li qara wieħed mill-kotba tiegħi ‘The Mechanisms of Mind’ u kien entużjat ħafna bih. Wara xi żmienThe mechanism of the mind hu ingħaqad ma’ partit politiku li kien ser jiggverna l-pajjiż. Meta dal-Professur ġie elett, staqsewh liema Ministeru xtaq. Hu qalilhom li xtaq ministeru ġdid – il-Ministeru Għall-Iżvilupp tal-Intellett – u hekk sar. Ġurnata waħda bagħat għalija u qalli “Issa jien għandi dan il-Ministeru u ma nafx kif ser naqbad immexxih”. Allura iddeċidejna li naħdmu flimkien billi jien ħarriġt 250 għalliem fi programm skolastiku apposta. U wara, dawn għallmu lil 107,000 għalliem. Mill-1984 ‘l hawn il-liġi tal-Venezuela tgħid illi dan is-suġġett għandu jiġi mgħallem f’kull skola. Instab illi meta t-tfal jiġu mgħallma s-suġġett tal-‘Creative Thinking’, il-kapaċità tagħhom titjieb mhux biss f’dak li hu ħsieb imma anki fis-suġġetti l-oħra kollha.”

    Hawn Malta qiegħed isir xi ħaġa biex dan is-suġġett jiġi mgħallem fl-iskejjel?

    “Meta Louis Galea kien il-Ministru tal-Edukazzjoni, konna bdejna proġett pilota fejn tħarrġu numru żgħir ta’ għalliema u dawn bdew jgħallmu das-suġġett f’xi skejjel partikolari. Iżda minn dak inhar ‘l hawn xejn aktar ma sar. Ikolli nammetti illi s-suġġett huwa wieħed avventuruż u hawn Malta t-tagħlim għadu tradizzjonali ħafna. Imma s-saqajn tqal biex isir xi ħaġa mhux qed jikkawżaw ħlief telfien ta’ opportunità għat-tfal Maltin.

    L-opportunitajiet li joħloq das-suġġett huma enormi. Ħa nagħtik xi eżempji: Xi żmien ilu, f’Londra il-Gvern ħareġ bi programm li kien jismu ‘The New Deal Program’ għal żagħżagħ bla xogħol. Wara ħames siegħat biss ta’ taħriġ fil-‘Creative Thinking’ ir-rata tal-impieg żdiedet b’500%. Hemm xi ħaġ’oħra li tagħti riżultati b’saħħithom daqs dawn?

    Għaliex il-‘Creative Thinking’ jagħmel daqstant bidla fil-bniedem?

    Faċli biex tifhimha. Li jiġri hu illi dawn it-tip ta’ tfal u żagħżagħ joħorġu mill-iskola bħala fallimenti: la jkunu tajbin fis-suġġetti u ovvjament ma jkunux għaddew mill-eżamijiet. Il-kunfidenza tagħhom tkun mal-art. Meta jiġu mħarrġa jaħsbu b’mod kreattiv, jirrealizzaw illi moħħhom kapaċi joħroġ b’ideat ġodda u li jagħmlu sens. Jindunaw li jistgħu jieħdu deċiżjonijiet tajba u li kapaċi jagħrfu li hemm diversi alternattivi fil-ħajja. Dan jagħtihom is-saħħa biex iqumu fuq saqajhom u jitgħallmu jgħixu aħjar. Ħajjithom tinbidel kompletament.”

    Dan l-aħħar il-Biblijoteka Nazzjonali tal-Belt ġiet magħżula bħala s-sit għall-‘Palace of New Thinking’. F’Villa Bighi fil-Kalkara hemm ukoll il-‘World Centre for New Thinking’. X’inhi l-funzjoni ta’ dawn it-tnejn?

    “Il-Biblijoteka qegħdha tintuża bħala post għall-laqgħat li jsiru darbtejn f’xahar fejn niddiskutu kwistjonijiet nazzjonali u internazzjonali. Villa Bighi hija ċ-Ċentru ta’ bosta attivitajiet fosthom tal-proġetti ERASMUS u COMENIUS tal-EU.

    L-idea tal-‘Palace for New Thinking’ hija li Malta tkun il-pjattaforma sabiex minnha jiġu iġġenerati ideat ġodda għall-bqija tad-dinja. Għal dan il-proġett għadni qed infittex bini aktar adattat. Xi ħaġa bħal The six value methodskastell ta’ Selmun per eżempju tkun ideali. Bħala lukanda din qatt ma rnexxiet. Però l-idea tiegħi hija illi issa kif qegħdin fis-sena illi l-Unjoni Ewropea iddedikata għall-kreattività, hawn Malta għandna noħolqu l-European Creative Academy. B’hekk diversi nies minn madwar l-Ewropa jkunu jistgħu jiġu Malta jitħarrġu fil-korsijiet tal-‘Creative Thinking’. Ikunu jistgħu joqogħdu fejn illum hemm il-lukanda u l-kastell innifsu jkun il-‘Palace of  New Thinking’.

    Għaliex dejjem tagħżel proprjetà antika u partikolari għall-proġetti tiegħek?

    “Għax ma tagħmilx sens illi proġetti bħal dawn ikunu f’xi uffiċini f’xi bini komuni. Għandek bżonn xi ħaġa ikonika, xi ħaġa sinifikanti – bini li għandu d-dinjità tiegħu.

    Din hija opportunità kbira li Malta m’għandix titlef. M’għandix dubju li ma jerġax ikun hawn oħra bħalha. Bħalissa jiena magħruf bħala l-aqwa ħassieb modern. Jekk ikollor ir-riżorsi f’pajjiżek, bħal ngħidu aħna ż-żejt taħt l-art, x’tagħmel? Tgħid u iva nħallih hemm… jew tara kif tagħmel u ittellgħu? L-istess hu dan il-każ. Jekk immut jien, jispiċċa kollox miegħi. Li hija ħasra.”

    Inti li dort mad-dinja kollha, kemm għadek tħossok Malti?

    Ħafna. Jiena Malti. Ma tantx għadni naf nitkellem bil-lingwa imma hawnhekk ġej u sejjer jien. Missieri kien Malti. Omm ommi kienet Maltija. Missierha kien Irlandiż. Imma jien defenittivament Malti.

    Meta kont tifel żgħir diġà kont taħseb b’dan il-mod partikolari? Kif beda kollox?

    Minn dejjem kont inħobb nara kif ser nivvinta xi ħaġa ġdida. Bħalissa qed niftakar fi ġrajja partikolari meta kelli xi għaxar snin. Kont qiegħed fis-Seminarju l-Imdina u kont skoprejt ix-xelters li kien hemm fih li kienu jibqgħu ħerġin sar-Rabat. Ġietni l-idea li nagħmel il-kopja taċ-ċwievet għall-bibien tagħhom. Dak iż-żmien jien ma kellix l-interess li noħroġ u li mmur nixrob u npejjep imma mhux l-istess l-istudenti l-kbar li kienu jiġu għandi biex jissellfuhom ħalli jiskappaw bil-moħbi!

    Wara xi żmien kont bdejt nistudja l-mediċina u għamilt ħabta naħdem bħala tabib kwalifikat. Komplejt nagħmel ir-riċerka tiegħi li kienet dwar is-sistemi kumplikati tal-ġisem: kif jaħdmu l-glandoli, il-kliewi, iċ-ċirkolazzjoni u r-respirazzjoni. Żviluppajt teorija ta’ sistemi li jorganizzaw lilhom infushom (self-organizing systems). Jiena kont studjajt ukoll il-Psikoloġija fl-Università ta’ Oxford u għalhekk iddeċidejt illi nirrelata dan il-prinċipju ma’ kif jaħdem il-moħħ tal-bniedem. Ir-riżultati ħriġthom fi ktieb jismu ‘The Mechanism of Mind’.

    Ġara illi dan il-ktieb qrah wieħed mill-aqwa fiżiċisti tad-dinja il-Professur Amerikan Murray Gell-Mann li fl-1969 rebaħ il-Premju Nobel meta skopra il-‘quark’. Ir-riċerka tiegħi għoġbitu ħafna, tant li How to have creative ideasqabbad numru ta’ esperti tal-kompjuter u flimkien issimulaw dak li jien ktibt. Hu ikkonferma illi dak li għedt jien huwa korrett u illum huwa ħabib kbir tiegħi. Kelli 30 sena dak iż-żmien. Għall-ewwel darba fl-istorja tal-bniedem bdejna nirrelataw il-ħsieb ma’ kif jaħdem il-moħħ u mhux biss ma’ diversi filosofiji u kliem biss.

    Mill-kotba li ktibt ‘The Mechanism of Mind’ huwa l-aktar għall-qalbi għax huwa l-aktar wieħed fundamentali.”

    Semmejtli ħafna u ħafna xogħol. Qatt tistrieħ?

    Iva, mela. Fil-fatt inħobb norqod ħafna… meta jkolli ċ-ċans.

    Dwarek personali ftit li xejn nafu u allura inħolqu diversi għidut. Fosthom jingħad li inti għandek gzira tiegħek. Veru?

    Kelli erbgħa gżejjer, mhux waħda. L-isbaħ waħda jisimha Tessera u qegħdha f’Venezja. Kelli oħra fil-Bahamas. Fuqha kien hemm dar sabiħa ħafna. Fl-Irlanda kelli gżira ta’ madwar 110 acres. Kelli waħda wkoll fl-Awstralja. Fuq din jien iddiżinjajt dar partikolari ħafna biex noqgħod fiha u meta kienet lesta rbaħt it-‘Top Architecturally Ecological Award’ fl-Awstralja. Meta iddivorzjajt kelli nbiegħom kollha.

    Għandek tfal?

    Iva. Żewġ subien. Caspar huwa l-kbir. Interessanti tkun taf illi dan it-tifel meta kien żgħir kien dyslexic ħafna u jien għallimtu jaħseb. Illum huwa wieħed mill-Bord tal-Financial Times. Iż-żgħir jismu Charles u huwa perit.

    Xtaqt nibqa’ nistaqsih u nistaqsih meta rajt kemm huwa bniedem li jilqgħek. Imma kien sar il-ħin u iddeċidejt li nagħlaq id-diskussjoni. Xtaqt inkun naf jekk jaħsibx illi l-Maltin japprezzawhx biżżejjed. Ħasditni l-bixra iddiżappuntata ta’ wiċċu. Deher imqanqal ħafna għalkemm ipprova ma jurix wisq.

    “Mhux ħafna. In ġenerali, naħseb li le. Forsi ħafna ma jifhmux dwar xhiex inkun qed nitkellem. Oħrajn ma jinteressahomx. Oħrajn għandhom il-fini tagħhom. Forsi wara li jgħaddu xi ħamsin sena minn mewti jitgħallmu japprezzawni.”

    Daħak hu u jgħidli hekk. Qtajtha li nistaqsih l-aħħar ħaġa… Minn dawk it-titli kollha li ngħatawlu, kif jixtieq jibqa’ miftakar?

    “Ħa ngħidlek xi ħaġa interessanti. Fil-ħwienet tal-kotba jistaqsuni fejn nixtieq li jpoġġuli l-kotba tiegħi: fuq l-ixkaffa tal-psikoloġija, tal-business, tal-humour, tal-filosofija? Għaliex? Għax m’hemmx xkaffa dedikata għas-suġġett tal-ħsieb. Fl-Universitajiet mhemmx Fakultà tal-Intellett. Allura dak li rrid jien… li nibqa’ miftakar bħala ħassieb.”

    Tlaqt minn ħdejh b’diversi emozzjonijiet ġo fija… Kont kuntenta illi rnexxieli niltaqa’ miegħu u nżomm konverżazzjoni interessanti għaddejja. Kont kburija illi tani l-opportunità li nsir nafu ftit aktar. Kont mgħaġġla biex infittex immur id-dar ħalli niktbilkhom dan kollu. Imma fl-istess ħin ma stajtx inneħħi dak is-sens ta’ malinkonija minn fuq qalbi. Għaliex kultant kapaċi nkunu tant għomja għall-kapaċitajiet ta’ Maltin bħalna?

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-1 ta’ Marzu 2009)