• GĦANDI BIEX NAGĦMEL MUŻEW!

    Bosta psikologi jsostnu illi jeżisti bħall-bżonn fil-bniedem li jġiegħlu jikkollezzjona. Meta wieħed iġemma’ l-oġġetti, flimkien magħhom huwa jkun qed jiġbor ukoll il-memorji tas-sidien ta’ dawk l-affarijiet, it-tifkiriet li jqanqlu l-oġġetti nfushom, l-istorja tagħhom u mitt ħaġ’oħra. Fl-istess ħin, permezz ta’ kollezzjoni, il-bniedem jidentifika ruħu mal-passat tiegħu. Din il-ġimgħa ser inlaqqagħkom ma’ kollettur illi rnexxielu jdawwar ix-xogħol tiegħu f’kollezzjonijiet vasti u interessanti ferm…

    INTERVISTA: JOSEPH BORDA – Ex-Surġent tal-Pulizija u Kollettur ta’ oġġetti relatati mal-Pulizija

    X’ħajrek tidħol fil-korp tal-pulizija?

    Ommi minn dejjem kienet issostni illi hi mill-ewwel indunat li kont ser insir pulizija. Meta darba staqsejtha għaliex weġbitni illi meta kont għadni naqra ta’ tarbija u kienet tkun qed tisqini l-ħalib, hekk kif nixba kont ngħolli idi u ngħidilha ieqaf. U miskina hi jekk tipprova tbellagħli xi naqr’oħra! Kif għalaqt it-tmintax-il sena mal-ewwel tajtha raġun għax dlonk mort ningħaqad mal-korp. Kien l-1971 meta sirt pulizija u għamilt 32 sena nagħti servizz. Qatt ma ddispjaċini għal mument wieħed mill-għażla li għamilt.

    Liema huma l-agħar u l-aqwa rikordji f’dax-xogħol?

    Fix-xogħol tal-pulizija tara ħafna affarijiet b’għajnejk. Fis-snin sebgħinijiet kien hemm ħafna ġlied politiku li llum niżżi ħajr ‘l Alla spiċċa. Memorja li ma ninsa qatt kienet dik tal-ħtif tal-ajruplan minn Ali Joseph BordaRezaq u n-nies tiegħu. Niftakar illi wara d-diżastru li ħalla warajh l-attakk fuq l-ajruplan fl-ajruport, jiena kelli nitla’ fuq l-ajruplan maħruq u nagħmel il-lista tan-nies mejtin li kienu qed jitniżżlu minnu. Dakinhar rajt xeni grotteski li diffiċli biex ninsihom. Ir-riħa tan-nies maħruqin ma stajt naqlagħha b’xejn minn fuqi. L-uniformi li kont liebes kelli naħraqha għax ir-riħa tagħha ma stajtx nistaportiha. Madanakollu r-riħa tal-iġsma maħruqin bħal donnha baqgħet imwaħħla miegħi u ninħasel kemm ninħasel, ma riedet tmur b’xejn minn fuqi.

    Imma nsomma naqilbu s-suġġett…Esperjenzi sbieħ kelli wkoll. Waħda mill-isbaħ kienet meta ġie jżur il-gżejjer Maltin il-Papa Ġwanni Pawlu II u jiena kont wieħed mill-pulizija li kellu miegħu. F’ħin minnhom irnexxieli saħansitra naqbadlu jdejh. Tifkira oħra ħelwa kienet meta ġiet Tina Turner tkanta f’Malta. Jiena kont inkarigat biex ma nħalli ‘l ħadd jersaq lejha. Niftakar li kont ippruvajt inġib firma tagħha imma qaltli li ma tagħtix firem. Minflok imma kienet tagħtni t-shirt bħala rikordju tagħha. Xi ħaġa interessanti li nnutajt dwar din il-kantanta kien illi meta tkun fuq il-palk tkun diva u taraha mara twila u sabiħa. Imma hekk kif tidħol wara l-palk issir mara differenti. Qisha tinxtorob f’daqqa taħt għajnejk. Idawwrulha xugaman magħha u żewġ individwi jgħinuha tidħol fil-kamra tagħha. Bilkemm tagħrafha li tkun l-istess persuna!

    Allura finalment kif qbadt tikkollezzjona l-affarijiet tal-pulizija?

    Nibda billi ngħid illi jiena minn dejjem kont kollettur. Meta kont żgħir kont inġemma’ ħafna affarijiet. Imma meta dħalt fil-pulizija deherli illi jkun aħjar li kieku kelli niffoka fuq kollezzjoni waħda. Parti mill-kollezzjoni - brieret u uniformijietIddeċidejt li nibda nfaddal l-oġġetti tal-pulizija. Bdejt b’żewġ brieret ta’ pulizija barranin. Imbagħad darba waħda kont Tas-Sliema u ltqajt ma’ żewġ pulizija Ġermaniżi. Intfajt nitkellem magħhom u sirna ħbieb. Qabel infridna staqsejthom jekk kienx possibbli li jibgħatuli xi affarijiet mill-uniformi tagħhom biex nagħmilhom fil-kollezzjoni tiegħi  u huma aċċettaw. Ħsibt li kont qed nagħżaq fl-ilma imma wara xi ftit ġranet irċevejt pakkett minn għandhom. Tawni tlett uniformijiet kompluti bil-brieret b’kollox! Minn hemm beda kollox u qatt aktar ma erġajt ħarist lura.

    Fhiex jikkonsistu l-kollezzjonijiet tiegħek?

    Il-kollezzjonijiet tiegħi huma ffukati fuq oġġetti b’konnessjoni mal-pulizija. Għandi brieret, badges, helmets, uniformijiet, bokkli, ċintorini, manetti, statwetti ta’ kull xorta tal-pulizija… L-affarijiet kollha li qed tara b’għajnejk ġejjin minn madwar id-dinja kollha.

    Hemm ħafna stejjer wara kull oġġett. Brieret għandi madwar 700 u huma ta’ gradi differenti ta’ uffiċċjali tal-pulizija. Il-kollezzjoni tal-badges tal-pulizija ta’ Malta tmur lura sal-1850. Interessanti li tinnota illi fuq kull badge hemm is-salib ta’ Malta minbarra fuq   waħda, dik li intużat bejn l-1901 u l-1924. M’għandix idea għala s-salib ta’ Malta mhux hemm. Dawk il-badges l-oħra huma tal-pulizija tat-tribujiet Indjani li hemm jgħixu fir-riserva tagħhom fl-Amerika. Ara dawn il-manetti: dawn iż-żgħar jissejħu thumb-cuffs għax fihom jintrabtu s-swaba’ tal-individwu u dawn il-manetti ċkejknin kienu jintużaw fis-seklu dsatax meta f’ċertu pajjiżi kienu jintbagħtu t-tfal il-ħabs. Hawn manetti ta’ kull qies u użu, per eżempju dawn jissejjħu come-along cuffs. Dawn manetti moderni Franċiżi u jaħdmu bil-kalamita mentri dawn kienu jintużaw fi żmien Vittorjan fl-era ta’ Jack the Ripper.

    Dan l-aħħar żidt dawn iċ-challenge coins mal-kollezzjonijiet. Għandi madwar 60 minnhom. Jingħad illi l-oriġini taċ-challenge coins tmur lura għal żmien l-ewwel gwerra dinjija. Fi Franza, hekk kif bdiet l-ewwel gwerra, saret talba għal min kien interessat jidħol fi skwadra ta’ ajruplani tal-gwerra magħrufa bħala Lafayette. Bosta pilots sinjuri ngħaqdu ma’ din l-iskwadra, fosthom wieħed Amerikan li ddeċieda li joħroġ munita bl-arma tal-familja tiegħu u b’ismu u kunjomu ħalli jużaha bħala identifikazzjoni. Minn dak inhar ‘l hawn, din id-drawwa baqgħet ħajja fl-Amerika u illum għadek issib diversi challenge coins ta’ bosta reġimenti u skwadri oħra bħan-navy, l-iscouts, il-fire brigades, il-marines eċċ. Jgħidu illi jekk tkun ġo bar u xi ħadd jisfidak turih iċ-challenge coin u ma tkunx fuqek, ikollok tħallas round drinks lil kull min ikun hemm hemm ġew.

    Kollezzjoni oħra ġdida hija din tar-ritratti antiki ta’ Malta bis-suġġett tagħhom dejjem ikun il-pulizija.

    Ħarist ħarsa madwari. Il-kollezzjonijiet ta’ Joseph huma tassew impressjonanti. Jimpressjonak il-fatt kif kollox hu miżmum b’mod metikoluż. Kollox stivat pulit u kull oġġett hu mqassam skont il-pajjiż li ġej minnu. Ma flaħtx ma nistaqsihx…

    Dawn l-affarijiet kollha kif sabu ruħhom għandek?

    Ilni nibni din il-kollezzjoni għal dawn l-aħħar tletin sena. Sħabi l-pulizija ġieli jgħinuni nakkwista xi affarijiet. Barra minn hekk għandi ħafna kuntatti madwar id-dinja kollha. Li għandi favur tiegħi huwa illi jiena l-ikbar kollettur Malti ta’ dawn l-affarijiet. U allura kull min ikollu bżonn xi ħaġa simili ta’ Malta ser jirrikorri għandi.

    Fil-bidu l-proċess biex inġib xi ħaġa kien twil mhux ħażin. Kont nikkomunika bl-ittri u sakemm niftiehem ma’ dak li jkun x’irid u x’ser jagħtini lura tagħha, ġieli għaddew ix-xhur. Illum nikkuntattjaw lilKollezzjoni statwetti tal-Pulizija xulxin bl-emails u ejja ħa mmorru. Imma xorta waħda jiena dejjem inpartat u mhux nixtri. Tista’ tgħid li qatt ma xtrajt xejn għall-kollezzjoni tiegħi. Jiena ma naqbilx illi wieħed jixtri l-affarijiet biex jagħmel kollezzjoni bihom. Għax jekk isir hekk, jekk għandek il-flus, tista’ tixtri li trid.

    Għalija s-sabiħ ta’ kwalunkwe passatemp huwa ż-żmien kemm domt biex akkwistajt l-oġġett, il-korrispondenza involuta, kif jirnexxielek issib dak li trid u l-istennija tal-oġġett sa kemm jasal għandek bil-posta. Jekk oġġett tista’ tmur f’ħanut u tixtrih, titlef il-gost kollu. M’hemm preġju! Mhux qed ngħidlek li jiġuni b’xejn taf għax kultant il-pustaġġ veru jkun għoli. Imma dik li tħabatt biex ġibthom iżżid il-valur tagħhom għalija.

    Min-naħa l-oħra jkolli nammetti illi dari kienet ħafna aktar faċli biex iġġib affarijiet bħal dawn. Illum storja differenti. Qabel kont nibgħat madwar tletin ittra l-Amerika u għoxrin minnhom kienu jibgħatuli xi ħaġa. Imma minn mindu daħal dat-terroriżmu ġieli lanqas biss jirrisponduni. Min għadu ser jibda kollezzjoni bħal din illum nitħassru, għax diffiċli ħafna.

    Biex negħleb din il-problema tellajt websajt tiegħi u permezz tagħha erġajt irrankajt u żidt fil-kuntatti tiegħi. S’issa fil-websajt tiegħi www.joe-borda.de.vu daħlu aktar min 16,000 viżitatur. Fiha wieħed jista’ jara l-kollezzjonijiet tiegħi. Jikkuntattjawni diversi nies minn madwar id-dinja u permezz tat-tpartit magħhom inkompli nsawwar in-namra tiegħi.

    X’inhu l-iskop ta’ dawn il-kollezzjonijiet?

    Fuq kollox il-ħbiberija. Kif għedtlek, permezz tagħhom għandi ħbieb minn kullimkien. Sal-bieraħ ġie jżurni wieħed minn New Jersey l-Amerika. Ġie fuq cruise. Malta waqaf biss sebgħa siegħat. Jien mort għalih, dawwartu ma’ diversi postijiet u mbagħad ġibtu d-dar tiegħi u partatna xi affarijiet fosthom din il-beritta ta’ fuq rasi.

    Meta nsiefer jiena, bl-istess mod jilqgħuni huma. U meta mmur f’xi post fejn ma jkollix kuntatti, l-ewwel ħaġa li nagħmel hekk kif nissetilja fil-lukanda hi li nistaqsi fejn hi l-eqreb għassa. Immur nintroduċi ruħi mal-pulizija t’hemmhekk, nurihom l-identifikazzjoni tiegħi bħala membru tal-International Police Association u malajr insib inpartat xi ħaġa magħhom ukoll.

    Skop ieħor ta’ dawn il-kollezzjonijiet huwa illi nirriklama lil Malta mal-barranin. Tiskanta kemm għad hawn nies li lanqas biss jafu fejn hi Malta. Fil-websajt tiegħi fil-fatt, tellajt ħafna informazzjoni u ritratti dwar Malta sabiex b’hekk min jidħol ikun jista’ jara l-pajjiż li noqgħod fih jien. Kburi ħafna li jiena Malti u nħoss li rrid ngħid lil kulħadd b’pajjiżi. Barra minn hekk kull min jikkuntattjani jaf illi fuq dil-gżira ċkejkna għandhom ħabib u meta jridu jistgħu jiġu jżuruni.

    Ġieli jikkuntattjawni wkoll xi wħud li għandhom konnessjonijiet ma’ Malta. Mhux l-ewwel darba li għent lil xi ħadd biex jagħmel xi riċerka dwar qraba Maltin. Veru jkolli mmur niġri ‘l hemm u ‘l hawn u jinvolvi ħafna xogħol imma nieħu pjaċir nagħmlu.

    Finalment ma jistax jonqos illi permezz ta’ kollezzjonijiet bħal dawn titgħallem ħafna xorti u tkabbar it-tagħrif tiegħek. Barra minn hekk, ftit ftit, qed nibni rikordju tal-istorja ta’ Malta u ta’ bosta pajjiżi oħra fil-qasam tal-Pulizija.

    Liema huma l-aktar oġġetti għal qalbek?

    Kollha ngħożżhom bl-istess mod imma jekk ikolli nagħżel l-aktar tnejn għal qalbi huma uniformi ta’ kummissarju Malti u l-aħħar beritta tar-Royal Ulster Constabillary minn Ireland, liema korp illum sar magħruf bħala Police Service for Northern Ireland u ovvjament għandhom uniformi ġdida.

    Hemm xi ħaġa li tixtieq takkwistaha imma s’issa ma rnexxielekx?

    Iva. Nixtieq ħafna nakkwista beritta tal-pulizija tal-vatikan. Ilni nipprova imma s’issa ma rnexxilix. Imma mhux ser naqta’ qalbi tafx! Minn hawn jew minn hemm inġibha żgur.

    Qatt għamilt xi wirjiet b’dawn il-kollezzjonijiet tiegħek?

    Iva. B’kollox għamilt xi ħmistax-il waħda. Id-depot kien ikollna il-wirja tal-hobbies u jien dejjem kont nieħu sehem. Tellajt ukoll wirjiet f’diversi postijiet oħra.

    Ikun hemm interess mill-pubbliku?

    Ħafna. L-aktar li jiġbdu l-attenzjoni huma l-uniformijiet. Dawn imorru lura sat-tletinijiet u huma kompluti minn kollox. Ħafna mill-uniformijiet, bħal ngħidu aħna tas-sheriff u tal-highway patrol man aħna narawhom biss fil-films. Permezz tal-kollezzjoni tiegħi, għall-ewwel darba, jarawhom reali.

    Anki barranin iżuru l-wirjiet tiegħi. Ħafna minnhom ikunu kolletturi u jispiċċaw isiru ħbieb tiegħi. Jibqgħu impressjonati bil-kwantità ta’ oġġetti li rnexxieli nġemma’. Fil-fatt għandi l-pjaċir ngħid illi fuq websajt ta’ kolletturi bħali li għandha 48,000 membru, jiena qiegħed imniżżel bħala it-18-il wieħed li nagħmel l-aktar kuntatti u attività f’dan il-qasam. Dan l-aħħar issemmejt ukoll fil-ktieb ‘Police and Crime Museums of The World’ li ħareġ mill-ITA tal-Ġermanja u għandi paġna sħiħa iddedikata għall-kollezzjonijiet tiegħi.

    Aktar ma bdejt ngħaddi ħin ma’ Joseph, aktar beda jurini oġġetti li jagħmlu parti mill-kollezzjonijiet tiegħu. Domt għandu mhux ħażin u tiskanta, xorta ma rnexxiliex nara kollox. F’ħin minnhom ngħaqdet ukoll magħna l-mara tiegħu Lillian. Qaltli li hi tieħu pjaċir tarah involut f’din il-kollezzjoni.

    “Li għandu hu illi ma jibbasta jieqaf qatt. Jibqa’ nieżel ifittex fil-fond sakemm isib l-oġġett. Ma jaqtax qalbu. Iddedikat ħafna għall-kollezzjonijiet tiegħu u ara kemm qed tara oġġetti… kollox hu jnaddaf u jieħu ħsieb. Ftit ftit ittieħdet il-familja kollha minnu għax kollha nġemmgħu xi ħaġa aħna,” qaltli Lillian bid-daħka.

    Staqsejtu għall-aħħar kumment…

    “Jien taf x’nixtieq? Li kieku l-Kunsill ta’ Birkirkara (il-post fejn noqgħod jien) jew xi entità oħra, jipprovduli xi bini fejn inkun nista’ narma l-kollezzjonijiet tiegħi ħalli dawn ikunu aktar aċċessibbli u b’hekk ikunu jistgħu jitgawdew minn ħafna nies oħra. Meta jkollok kollezzjoni tkun trid turiha u toqgħod tkellem lin-nies dwarha. Imma meta mbagħad ikollok kollezzjonijiet ta’ dad-daqs, dawn jagħmlu anki prestiġju lill-post li jilqagħhom. Tant għandi affarijiet li hawn biex nagħmel mużew. Ilni s-snin nipprova nirranġa xi ħaġa imma s’issa ħadd ma wera nteress. Però bħal f’kull ħaġ’oħra, jiena qatt ma naqta’ qalbi!”

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-28 ta’ Ġunju 2009)