• ID-DINJA ANTIKA TA’ TFULITI

    Li kieku kellek l-opportunità li treġġa’ lura l-arloġġ u tgħix mill-ġdid żogħżitek, x’tagħżel? Il-preżent jew il-passat?

    Niftakar li meta kont tifla kont nixtieq ħafna li jkolli dar tal-pupi…. waħda bħal dawk li kont nara fuq il-kotba li kienu jagħtuna naqraw l-iskola jew li kont nissellef mill-librerija. Kienet tkun dar kbira, imqassma bi kmamar sbieħ u mimlija b’għamara ċkejkna. Il-karozza kienet tkun ipparkjata fil-garaxx, iż-żwiemel jistrieħu fl-istalel u pjanti mill-isbaħ kienu jżejnu l-konservatorju mal-ġenb tad-dar. Kont nintilef inħares lejn l-istampa filwaqt li noħlom li meta nikber ikolli dar bħalha eżatt. Naturalment ma kellix idea kemm ridt flus biex nixtri dar bħal dik. Ta’ tifla li kont, lanqas biss kont intbaħt li anki biex nixtri dar tal-plastik kienet problema dak iż-żmien.

    Minflok, missieri b’ħafna mħabba u paċenzja kien għallimni kif nikkonverti kaxxa mdaqqsa tal-kartun f’dar tal-logħob. Konna npinġu l-bibien u t-twieqi mad-dawra tagħha u mbagħad naqtgħuhom min-nofs bl-imqass biex jinfetħu. Wara konna naqsmu l-kaxxa permezz ta’ żewġ kartuniet u b’hekk kien ikolli erbat ikmamar. Il-bqija kien kollu f’idejja hekk kif kont naqbad biċċiet tal-karti u npinġihom biex nagħmel il-wallpaper, l-art u dak kollu li jiġini f’moħħi. Il-ġugarelli ż-żgħar li kienu joqogħdu fil-kmamar, kollha kont insibilhom xi post x’imkien…. anki lil xi suldat li kont nieħu baxx baxx mingħand ħija. L-immaġinazzjoni kienet is-sigriet tal-kuntentizza tiegħi.

    Illum binti għandha dar ċkejkna tal-pupi imma bilkemm tħares lejha. Lanqas taf b’liema ġugarell ser taqbad tilgħab daqs kemm għandha. Kamra mimlija ġugarelli jixxenqu biex jintrefgħu u jilgħabu ma’ xi ħadd. Ġieli jagħtini li nintefa’ nilgħab bihom jien imma l-ħajja mgħaġġla ta’ daż-żmien ftit tħallilek ċans…. Għaldaqstant ħassejtni tassew kurjuża meta l-ħabiba tiegħi Liliana tarrfitli illi taf wieħed illi jikkollezzjona d-djar tal-pupi. “Huma l-għożża tiegħu,” qaltli. “Issa nlaqqgħak miegħu u tifhem għaliex.”

    Reginaldo Schembri laqagħni għandu daqs li kieku kien ilu jafni s-snin. Illum jgħodd it-73 sena imma għadu fuq ruħu mhux ħażin. Inkejjuż u ċajtier u kif kienet qaltli Liliana, d-djar tal-pupi huma d-dinja tiegħu.

    “Ejja ħa tarahom, ejja,” sejjaħli l-ġewwa f’daru hekk kif beda jagħti l-istruzzjonijiet lil bintu Suzanne biex tiftaħ il-faċċati tad-djar waħda wara l-oħra.

    “Dan il-passatemp l-ieħor tiegħu tafx, li jgħajjatli l-ħin kollu,” lissnet bit-tbissima Suzanne hekk kif b’paċenzja u bi ħlewwa kbira bdiet iżżarma l-faċċati tad-djar kbar li għandu Reginaldo f’diversi kmamar.

    “35 sena ilu ħdimt l-ewwel dar. Kont ħdimtha kollha jien, bl-għamara b’kollox. Wara li lestejtha kont tajtha lit-tifla ta’ ħabib tiegħi,” beda jgħidli. “Imbagħad ħames snin wara ħdimt din id-dar bil-faċċata Id-dar iċ-ċelestiċelesti. Din ukoll ivvintajtha kollha jien mill-bidu. Interessanti illi l-għamara li fiha hija dik li kelli fid-dar tiegħi fiż-żmien li ħdimtha. Innota l-gwardarobba kemm fiha xogħol,” kompla jispjegali b’ħeġġa, “dik għamiltha kollha jien b’idejja! Għandi għodda ċkejkna biex naħdem dawn l-affarijiet imma bis-sega tal-arkett nagħmel kollox. Dak kollu li jiġini f’moħħi.”

    “Ifakkruni f’żogħżiti,” qalli malli staqsejtu x’inhu l-iskop li jikkollezzjona dawn id-djar. “Permezz tagħhom inżomm l-isbaħ memorji tiegħi ħajjin.”

    Staqsejtu x’kien ix-xogħol li kien jagħmel meta kien żagħżugħ….

    Jien kont naħdem bħala kuntrattur ma’ missieri Ġużè Schembri. Missieri kien bniedem magħruf u maħbub ħafna. Kien negozjant kbir u kien iħaddem bosta nies miegħu. L-ewwel kellu banka tal-lottu Radio City Opera House - il-biduimbagħad rama garaxx bil-karozzi tal-kiri. Ftit ftit kellu wkoll fabbrika tal-madum, tax-xemgħa u oħra tal-għaġin. Meta fl-1939 missieri żar l-Amerika, huwa baqa’ mpressjonat ferm bir-Radio City Theatre t’hemmhekk. Tant hu hekk illi meta rritorna Malta qalilna illi jekk xi darba jibni teatru jsemmih l-istess. U hekk għamel! Baqa’ baqa’ sakemm bena r-Radio City Opera House li kienet magħrufa ħafna għall-operetti, t-teatrini u għall-artisti famużi li kienu joffru l-isbaħ spettakli fih.”

    Xtaqtu jsemmili xi nies magħrufa li jiftakar jieħdu sehem…

    “Ma nista’ qatt ninsa lill-Prinċipessa Russa Nathalie Poutiatine li kienet ballerina mill-iprem. Min jaf kemm qattajt siegħat sħaħ inħares lejha tiżfen! Kien jiġi wkoll ikanta t-tenur Malti Oreste Chircop. Lil Oreste jien niftakru għadu qed jitgħallem ikanta. Kien jitħarreġ għand Madame Ravaglia f’dar fil-Ħamrun li hi kienet tikri mingħand missieri wara li kien waqa’ t-Teatru Rjal bil-gwerra.”

    Reginaldo intilef jirrakkuntali dwar il-passat tiegħu. Kienet ovvja ħafna l-ammirazzjoni li huwa kellu lejn missieru li barra li kien bniedem ħabrieki, kien ukoll benefattur kbir.

    “Fir-Radio City darba nħadem dramm bl-isem ‘Il-magħżula minn Alla’ li kien jirrakkonta l-ġrajja ta’ Fatima. Kien deher fuq ħamest’ijiem u l-flus li kienu nġabru, kienu ngħataw bħala fondi għall-bini tal-Knisja ta’ Fatima li hemm fil-Guardamangia.”

    Ġużè Schembri kien ukoll politiku li wara l-qasma fil-Partit Laburista kien għażel li jaħdem flimkien mat-Tabib Boffa. Kien f’dawn iż-żminijiet illi l-familja Schembri għamlet ħbiberija mar-Reġina Eliżabetta.

    “Konna nikrulha l-Villa Guardamangia meta kienet tiġi Malta. Mhux darba u tnejn li fil-għodu kont immur inżurha u nsibha tixxemmex fuq it-taraġ. Kienet mara mill-aħjar magħna imma isma’ din,” qalli Reginaldo b’ħarsa mqarqċa. “Darba minnhom dehrilha illi waħda mit-twieqi tal-villa kellha bżonn laqgħa żebgħa u qabbdet lil min jiżbogħilha kif riedet hi. Taf li mbagħad naqqsitilna l-ispejjeż li ħallset, mill-kera li kellha tagħtina?”

    Il-familja Schembri għamlet żmien tgħix f’Villa Parisio, Ħal-Lija. Imma Reginaldo li kien il-ħames wild, jiftakar illi l-biċċa l-kbira ta’ ħajtu qattagħha jgħix f’Villa Guardamangia. Bħala residenza tas-Sajf l-familja kellha wkoll il-Villa Rosa, f’San Ġorġ.

    “Kien f’dawk l-inħawi li ltqajt mal-mara tiegħi Tereża. Hi kienet taħdem ir-rakkmu ma’ Grixti tal-Belt. Niftakarha ċara l-ewwel darba li rajtha. Kont għedtilha int għalija. Anki hi ħadet grazzja miegħi mill-ewwel imma ma stajtx ngħid l-istess għall-kunjata li ma riditni b’xejn. Akkost li kont noqgħod inżiegħel biha u ndawwarha bil-karozzi lussużi li kellna! Iżda maż-żmien din l-istorja nqallbet ta’ taħt fuq għax qabel ma mietet kienet sejjħitli ħdejha u qaltli ‘Qatt ma rajt raġel bħalek.”

    B’nostalġija kbira f’għajnejh Reginaldo kompla jirrakkuntali kif martu mardet meta kienet għadha fit-tletinijiet tagħha….

    “Għamilt minn kollox biex naraha mfejjqa. Meta kienet għamlet l-aħħar ġranet tagħha fl-Isptar San Luqa kont norqod ħdejha kuljum. Iżda b’dispjaċir kbir tiegħi xorta waħda mietet u ħallietni. Ma nista’ Reginaldo u Terezaninsiha qatt. Lilha biss ħabbejt. Qatt ma ridt nerġa’ niżżewweġ. Kont naf li mhu ser insib lil ħadd aktar bħalha. Għadni naħseb fiha kuljum u nixtieq li qegħdha hawn ħdejja…. Għalhekk dan l-istil ta’ djar, din l-għamara. Nagħmel siegħat ħdejhom u mbagħad nagħlaq għajnejja u nibda nimmaġinani f’dawk iż-żminijiet meta kont ngħix ġo djar bħal dawk, niġri minn kamra għall-oħra.”

    Waħda mill-aktar djar għal qalbu hija l-Grosvenor Hall, dar li fiha ftit aktar minn ħames piedi għoli.

    “Ilni naħdem fuqha s-snin. Biex tlestiha dar bħal din trid ħafna xogħol u paċenzja.”

    Tlabtu jispjegali pass pass kif tinbena dar tal-pupi…

    “Jiena nirċievi numru ta’ rivisti mingħand kumpaniji li jbiegħu dawn id-djar. Ikolli nammetti miegħek illi anki nħares lejhom biss fuq l-istampi nitgħaxxaq. Minn fuqhom inkun nista’ nagħżel it-tip ta’ dar Reginaldo Schembri fl-isfond Grosvenor Hallli tolqotni. Id-dar tiġi f’kit, biċċa biċċa. Tkun tista’ tagħżel id-dar miżbugħa lesta, la kemm tgħaqqadha flimkien. Imma jien nippreferi nagħmel kollox jien skont il-gosti tiegħi. Anki l-madum nagħmel jien, kaxxa kaxxa, waħda sewda u waħda bajda kontra xulxin u noqgħod inwaħħalhom bil-mod. Mhux la kemm taqbad u tagħmilhom dawn l-affarijiet. Irid ikollok ċertu ħila u ħafna dedikazzjoni. L-għamara nordnaha minn fuq l-istess rivisti. Togħġobni ħafna l-għamara stil Vittorjan, bħal dik li kien ikollna ġod-djar tagħna f’żogħżiti. Għandi wkoll dar li żejjintha b’għamara fuq stil antik Malti u ġiet sabiħa ħafna wkoll. Hu daqsxejn passatemp għali għax kollox jiswa l-flus imma jien naf naħdem xi wħud mill-affarijiet  u nżidhom fid-djar tiegħi. Ara dawk l-inkwadri per eżempju… qed tarahom? Dawk jien u l-mara,” urieni Reginaldo hekk kif beda jidħak bil-qalb u jurini l-oġġetti żgħar u ħelwin li mela l-kmamar tad-djar tal-pupi bihom. “Dak li jagħmilhom uniċi… l-irtokki personali tiegħek. Dawk il-ballavostri jien żidthom. Anki dawk it-tapiti, il-purtieri, l-arloġġ antik Malti, il-platti taċ-ċeramika mal-ħitan u t-terrazzini. Il-bibien per eżempju kienu bojod imma jien tajthom lil wieħed mastrudaxxa biex jagħtihom il-lostru. Hekk għandhom dehra professjonali u aktar realistika. U dawk il-linef ordnajthom apposta mingħand kumpanija li taħdem il-ħġieġ.”

    Mal-ewwel daqqa t’għajn ma kontx intbaħt bihom dawn l-oġġetti kollha li beda jindikali. Imma ftit ftit, permezz tal-entużjażmu tiegħu, bdejt nifli l-kmamar aħjar u aktar ma beda jgħaddi l-ħin, aktar stajt nara d-dettalji u nifhem x’ifisser dan il-passatemp għalih.

    Kull kamra ġo kull dar kienet imżejjna b’mod realistiku, bl-aċċessorji kollha meħtieġa u b’ħafna lussu wkoll. Ġo waħda mill-kmamar tal-ikel, kien hemm sett sħiħ ta’ platti u kikkri taċ-ċeramika mpoġġija Kamra tal-ikel - linfa tal-ħġieġfuq il-mejda, donnhom għal-lest sakemm jaslu l-mistiedna. Minn wara l-ħġieġ tagħhom, l-armarji fil-kmamar differenti, kienu mogħnija bi platti u buqari ċkejknin… kollox irranġat sabiħ daqs li kieku l-id ta’ mara ħawtiela kienet tieħu ħsiebhom. L-umbrella kienet lesta għax-xita fl-entrata, il-kpiepel sbieħ tax-xemx imdendlin u ppreparati għall-ħarġa, il-gazzetti tal-ġurnata mpoġġija ħdejn is-sufan u d-dawl kien jixgħel fil-linef kbar u fil-lampi ta’ ħdejn is-sodod. Li kieku l-pupi li kienu qed iżejjnu l-kmamar kellhom jieħdu l-ħajja, ma kienu ser isibu xejn nieqes biex jgħixu ħajja mill-aħjar.

    “Qatt ma tlesti għax dejjem issib xi ħaġ’oħra x’tivvinta. U jien dak li noħlom bih nibqa’ nsostni fuqu sakemm nagħmlu. Hekk ngħaddiha l-ġurnata.”

    Reginaldo ħadni f’kamra żgħira mdawwra bl-affarijiet kollha li jkollu bżonn għal dan ix-xogħol: kolla, kuluri, żebgħa, biċċiet irqaq tal-injam, makkinarju u mitt ħaġ’oħra.

    “Inħoss sodisfazzjon u nofs meta nkun qed naħdem fuq id-djar tiegħi. Permezz tagħhom inżomm ħaj dak iż-żmien li dari kont ngħix fih. Iż-żmien modern ta’ llum xejn ma jolqotni. Nippreferi d-dinja antika ta’ tfuliti. Ikun hemm min jidħak meta jismagħni nitkellem hekk. Imma f’żogħżiti jiena għext f’kuntentizza kbira u hemm irrid nibqa’ ngħix,” sostna Reginaldo hekk kif induna li kienet iċċaqalqet biċċa għamara minn postha u sejjaħ lil Suzanne biex tiġi tirranġahielu malajr.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-23 t’Awwissu 2009)