• JIEN KONT HAWN!

    Huwa biss permezz ta’ analiżi storika li nistgħu niskopru kif jitfassal il-bniedem peress li hija l-Istorja nnifisha li tiffurmah…. Émile Durkheim


    L-istorja minn dejjem kienet tqanqalni. Nemmen illi l-bniedem in ġenerali mhux ħlief riżultat tal-passat tiegħu. Ibdel ħaġa waħda mill-passat u magħha tibdel katina sħiħa ta’ ġrajjiet u ta’ ħajjiet ta’ Perit Ruben Abelabnedmin. Nithenna nara l-mod inġenjuż ta’ kif il-bniedem jirnexxielu jissoppravvivi akkost il-problemi tal-mument li jsib ruħu fihom. Fuq kollox niggustah kemm iħobb iħalli t-tifkira tiegħu, il-firma, is-sinjal…. jien kont hawn! Hekk nismagħhom jgħannuli d-daqqiet tal-mazza fuq il-ġebel, il-lavur mirqum u l-binjiet kbar u storiċi. Ma nistax allura ma napprezzax ix-xogħol siewi ta’ dawk li huma kapaċi jirrestawraw u jikkonservaw dawn il-binjiet antiki li min jaf kemm memorji jħaddnu fihom.

    Dan l-aħħar ġejt mistiedna mill-Perit Ruben Abela sabiex immur insegwi x-xogħol ta’ restawr u konservazzjoni li qiegħed isir fuq l-Oratorju tas-Sagrament li jinsab anness mal-Parroċċa ta’ Santa Katerina taż-Żejtun.

    Illum l-Oratorju tas-Sagrament jinsab fil-lista ta’ bini skedat ta’ Grad 1. Huwa ġojjell arkitettoniku tal-Barokk fl-aqwa tiegħu. Flimkien mal-Parroċċa ta’ Santa Katerina u maċ-Ċentru Pastorali li nbena aktar tard, l-Oratorju igawdi minn pożizzjoni elevata mill-bqija taż-Żejtun peress li ttella’ fuq għolja fin-naħat magħrufa bħala ‘il-Gwiedi’ (plural ta’ Gudja li tfisser għolja).

    Il-bini tal-Oratorju beda fl-1743 u tlesta fi żmien tlett snin. Ikkontribbwixxew għall-bini tiegħu b’mod speċjali l-aħwa Żwieten; Maria u Giacomo Bianco. L-iskop prinċipali tal-Oratorju kien li jservi bħala lok fejn setgħu jiltaqgħu l-membri ta’ waħda mill-eqdem fratellanzi  – il-Fratellanza tas-Sagrament.

    Matul dawn l-aħħar snin il-bini tal-Oratorju kien fi stat ħażin ħafna tant illi fl-2004 kellu jinħatt parti mill-kampnar tiegħu peress li kien hemm il-periklu li l-ġebel seta’ jaqa’ fuq in-nies. L-Oratorju għamel erbgħa snin bl-iscaffolding quddiemu sakemm bl-għajnuna ta’ benefattriċi seta’ jinbeda x-xogħol ta’ restawr fuqu.

    “Dan ma tridx tarah hekk,” beda jispjegali l-Perit hekk kif rani nifli l-faċċata tal-bini. “Ilna għaddejjin fuqu ftit aktar minn sentejn, għalkemm mhux b’mod kontinwu. L-ispejjeż telgħu għal aktar minn €46,500. Ix-xogħol tar-restawr fuq il-bini qiegħed isir minn żewġ Mastri: Charles Camilleri u Antoine Borg. Jgħinu u jitħarrġu magħhom hemm grupp ta’ studenti mill-MCAST. Ix-xogħol qed jiġi superviżjonat minni f’isem Heritage Malta.  Ħadmu fuqu wkoll studenti fil-Baċċellerat ta’ Konservazzjoni (B.Cons) taħt is-superviżjonji ta’ Frank Chetcuti.

    L-Oratorju kellu diversi ħsarat li riedu jiġu restawrati jew konservati fostom it-taraġ, il-kampnar u l-ħsara konsiderevoli li kienet ikkaġunata mill-użu tas-siment. Naturalment l-iskop prinċipali tagħna dejjem jibqa’ illi aħna naħdmu dejjem bl-akbar rispett lejn ix-xogħol oriġinali li sibna.”

    Xtaqt inkun naf x’inhi d-differenza bejn restawr u konservazzoni…

    “Il-konservazzjoni ssir meta inti tippreserva u tikkonserva dak li sibt eżatt kif kien jiġifieri ma taqlax u ma tibdilx ġebel. Ara, eżempju ta’ xogħol ta’ konservazzjoni sar fuq dik l-arma tal-ewkaristija li Il-konsentura u l-ħsara fuq l-arma tal-ewkaristijahemm fin-nofa tal-faċċata. Meta eżaminajna l-ħsara li kellha l-arma, sibna konsentura kbira fin-nofs tagħha. Barra minn hekk, l-anġli li hemm fuq kull tarf kellhom diversi partijiet neqsin minn ġisimhom. Għal dan ix-xogħol iddeċidejna li nużaw il-metodu magħruf bħala plastic repair. Dan isir b’taħlita ta’ tajn li tixbah lill-plasticine u li tkun tista’ tiffurmaha b’idejk bħal kif taħdem il-pasturi mit-tafal. Biex nissudaw l-istruttura u ma nħalluhiex fuq it-tajn biss, bnejna wkoll anima tal-istainless steel. Ix-xogħol tal-immudellar u l-iffurmar fuq l-istatwi sar minn Frank Chetcuti li huwa wkoll skultur. Jgħinuh kien henn ukoll l-istudenti tal-B Cons. tal-Università ta’ Malta. Nixtieq niċċara li dax-xogħol li għamilna huwa kollu riversibbli u li fl-ebda mument ma użajna s-siment biex ħdimna.”

    “Każ ta’ restawr kellu jsir fuq il-kampnar tal-Oratorju li jrid jerfa’ fuqu l-piż tal-qanpiena. Meta l-ħsara tkun konsiderevoli u ma jkunx possibbli li l-oġġett jiġi kkonservat, il-ġebel l-antik ikollu jitbiddel ma’ dak ġdid u allura dak jissejjaħ restawr. Kellna wkoll nsawwru mill-ġdid il-gastri li kien hemm mal-ġnub tiegħu. Sa l-2002 dawn kienu għadhom fuq il-post imma meta dħalna aħna ma sibniehomx. Ħadna xogħol mhux ħażin biex sibna l-forma eżatta ta’ kif kienu. Fittixna ritratti antiki u kkonsultajna anki ma’ xi individwi li kienu għadhom jiftakruhom. Iżda fl-aħħar Frank irnexxielu joħroġ kopja tagħhom mill-iprem. Ta’ min jgħid illi dawn il-gastri kellhom jiġu iffurmati minn ġebel kbir, magħruf bħala tal-ordni, li l-qies tiegħu huwa ta’ ftit aktar minn ħames piedi għoli.”

    Ħarsti weħlet fuq ritratt minnhom li kien antik mhux ħażin…. Kien juri l-Oratorju u biswitu kien hemm ġnien kbir li jien ma niftakarx. Sirt naf illi dan il-ġnien kien inqered biex inbena ċ-Ċentru Parrokkjali. Fatt interessanti ieħor huwa illi l-ġebel biex inbnew il-Parroċċa u l-Oratorju kien inqata’ minn barriera fejn illum hemm il-parkeġġ f’Misraħ Diċembru 13.

    Il-Perit Abela ġibidli wkoll l-attenzjoni illi meta jsir ir-restawr huma ma jaħdmux fuq il-ġebla biex tidher antika. “Aħna nemmnu illi meta jsir dan it-tip ta’ xogħol, il-ġebel li jkun inbidel għandu jkun evidenti. Inkella tkun qed toħloq imitazzjoni li mhux l-għan tar-restawr. Hekk jew hekk wara ftit tas-snin, il-ġebla tibda tifforma qoxra ta’ protezzjoni madwarha (magħrufa bħala patina) li tagħtiha l-kulur naturali tagħha filwaqt li tipproteġiha mill-elementi.”

    Ix-xogħol fuq l-Oratorju issa wasal lejn tmiemu u huwa ppjanat li jiġi inawgurat lejn l-aħħar ta’ Settembru li ġej. Il-Perit Ruben Abela, li huwa wkoll Żejtuni bħali, jħossu kburi għas-sehem li ta f’dan ix-xogħol. “L-Oratorju għandu element Barokk imprezzabbli. U ġewwa huwa isbaħ minn barra! Biss biss għandek tkun taf illi fih hemm sitt pitturi ta’ Francesco Zahra li kien pittur rinomat ħafna f’dik l-epoka.”

    Peress li kien hemm xi studenti qed jgħinu u jiflu x-xogħol li kien qed isir, xtaqt inkun naf aktar dwar it-taħriġ li jingħata f’dan il-qasam…

    “Dalwaqt ser joħorġu l-applikazzjonijiet għall-korsijiet vokazzjonali tal-MCAST tal-Masonry Heritage Skills. Dan hu kors li jieħu erbgħa snin u jwassal għal Diploma b’ċertifikat ta’ Mastru. Bħala rekwiżiti Frank Chetcutiwieħed jintalab l-iSchool Leaving Certificate” infurmani Frank Chetcuti, Conservator u Ko-Ordinatur ta’ dawn il-korsijiet. “L-ewwel kors jieħu biss 13-il ġimgħa u jwassal għat-titlu ta’ reffied. Hawnhekk l-apprentist ikun jista’ jieħu idea bażika ta’ fhiex jikkonsisti dax-xogħol. Is-sena ta’ wara twassal għat-titlu ta’ sewwej u hawn l-apprentist jibda jidħol iżjed fix-xogħol u jitħarreġ aktar f’din is-sengħa. L-aħħar sentejn jikkonsistu f’taħriġ aktar speċifiku sabiex wieħed jasal għaċ-ċertifikat ta’ Mastru.

    L-istudenti ta’ dawn il-korsijiet qed jingħataw ukoll l-opportunità li jmorru jitħarrġu għal żmien qasir f’pajjiżi oħra biex b’hekk jaraw kif isir tip ta’ xogħol b’materjal differenti u fuq tip ta’ ġebel li ma nsibux bħalu f’pajjiżna. Fil-fatt bħalissa hemm grupp ta’ studenti li ntbagħtu għal tlett ġimgħat fl-Iskozja permezz ta’ programm ta’ Leonardo Da Vinci. L-istudenti tagħna sejrin tajjeb ferm.  Fil-fatt wieħed mill-istudenti li għamel esperjenza simili xi xhur ilu u li illum ikkwalifika bħala Mastru, ser jiġi ingaġġat jaħdem f’dan ix-xogħol fl-Iskozja stess.

    Illum qed nagħfsu ħafna illi min jagħmel dax-xogħol ta’ restawr u konservazzjoni għandu jkollu l-kwalifikazzjonijiet meħtieġa sabiex nevitaw id-dilettantiżmu u minflok naħdmu ma’ min hu mħarreġ sewwa, kemm b’mod akkademiku u kif ukoll b’mod prattiku. B’hekk anki min jidħol għal dawn il-korsijiet, tikbirlu ħafna aktar l-opportunità li jsib ix-xogħol f’dan il-qasam.”

    “Kemm dan il-kors kif ukoll il-kors tal-B Cons. (Hons) tal-Università ta’ Malta jittellgħu permezz ta’ arranġament li sar ma’ Heritage Malta. Għal kors tal-B Cons. jeħtieġ kwalifika intermedjarja fil-Chemistry u jwassal għall-kwalifika ta’ Conservator fejn wieħed ikun jista’ wkoll jakkwista l-warrant.

    Meta nieħu lill-apprentisti sabiex jagħmlu l-prattika tagħhom, jiena nħobb ngħaqqad liż-żewġ korsijiet flimkien. Dan ifisser illi meta jkunu ser jaħdmu l-istudenti tal-Universita’, ngħidu aħna fuq x’tip ta’ żebgħa hemm bżonn, jiena nsejjaħ lill-apprentisti tal-MCAST biex ikunu jistgħu jsegwu u jitħarrġu huma wkoll. Daqshekk ieħor bil-kuntrarju meta nkunu qed naħdmu fuq xi bini kbir fejn l-istudenti tal-Università li s-soltu jaħdmu fuq biċċiet żgħar arkeoloġiċi, jkollhom iċ-ċans li jaħdmu fuq bini storiku.”

    Xtaqt nieħu l-opinjoni ta’ żewġ apprentisti li kien hemm jaħdmu fuq il-post….

    Adolph Xuereb ser jibda t-tielet sena tal-kors sabiex jitħarreġ bħala Mastru. “Minn dejjem xtaqt nistudja fuq il-ġebla. Imma darba rajt programm fuq it-TV fejn kienu qed jirrestawraw statwa u hemmAdolph Xuereb ikkonfermajt li ridt nidħol għal dan il-kors. Huwa kors bħall-oħrajn u fih id-diffikultajiet tiegħu. Imma jekk tpoġġi moħħok hemm, timxi. Is-sodisfazzjon li tħoss meta tara x-xogħol lest u meta tisma’ l-kummenti favorevoli tan-nies, huwa kbir ħafna.”

    Suzanne Vella waslet għat-2 sena tal-kors u għalhekk qed titħarreġ bħala Sewwejja. “Minn dejjem kien jogħġobni l-bini antik. Imma l-ħajra tiegħi għal dan il-kors seħħet meta mort inżur il-Suzanne VellaForti Sant’Anġlu u rajt l-istat ta’ abbandun li kien hemm fih. Ma’ l-ewwel opportunita’ li sibt, applikajt u bdejt il-kors. Il-kors mhux dinja tal-irġiel bħal kif forsi uħud jaħsbu. Jiena u seħibti qed immorru tajjeb ħafna u kuntenti ferm bl-għażla li għamilna. Dik li għandek il-possibilità li taħdem fuq bini ta’ valur storiku, li tagħti sehemhek biex il-bini jerġa’ lura fuq saqajh u tara xogħlok iservi u jżomm, hija xi ħaġa li tagħtik sodisfazzjon kbir. L-importanti li jkollok passjoni lejn dan ix-xogħol.”

    Ma stajtx ma nieħux l-opinjoni ta’ wieħed mill-Mastri – Charles Camilleri. Għalkemm is-sħana kienet taqtagħlek qalbek, huwa kien għaddej bla heda fuq xogħolu filwaqt li juri u jħarreġ lill-apprentisti li kienu miġbura madwaru. “Dejjem trid tagħti servizz bi tbissima,” laqagħni bid-daħka hekk kif rani ser niġbidlu ritratt. Bniedem ċajtier, minn tagħna ferm u b’esperjenza twila f’dan il-qasam…

    “Ilni 23 sena f’dax-xogħol. Jiena ġej minn familja li minn dejjem kienet taħdem f’dan l-ambjent ta’ bini u nġenji. Meta kelli 16-il sena mort nitħarreġ fl-ewwel skola tal-Mastru Charles Camilleri bini li kien hawn, dik ta’ Ġlormu Cassar. Matul iż-żmien ħadt diversi korsijiet oħra fosthom dak ta’ Mastru mal-MCAST u kors ieħor fl-iscaffolding. Bil-mod tlajt pass pass sa fejn wasalt illum. Għalhekk nifhimhom lill-apprentisti, għax jien bdejt bħalhom. Ma tridx taqtagħlhom qalbhom. Anzi trid tafdahom u ssegwihom b’attenzjoni kbira imma hekk biss jitgħallmu – billi jippruvaw imiddu jdejhom għax-xogħol.”

    Charles kompla jispjegali kemm sabu diffikultà biex sar ix-xogħol tal-kampnar speċjalment meta bdew jaħdmu fuq ġebel kbir ħafna.

    “Imma dak hu s-sabiħ ta’ dax-xogħol. Tara oġġett li jkun spiċċa u inti permezz ta’ xogħlok terġa’ tagħtih il-ħajja. Mill-passat iġġibu għall-preżent u tgħaddih lill-ġenerazzjonijiet futuri. Tittama li permezz tal-kontribut tiegħek, bini bħal dan li għandu mat-300 sena, għallinqas ikun kapaċi jagħmel 300 sena oħra.”

    300 sena… żmien twil mhux ħażin. Ma flaħtx ma nagħtix ħarsa madwari qabel tlaqt minn hemm. Min jaf kemm ġrejt fi tfuliti fuq dak iz-zuntier antik. Min jaf kemm tfal oħra ġrew qabli żmien twil ilu. U min jaf kemm aktar nies għad iridu jgħaddu minn hemm. “Jien kont hawn” ser ilissen fis-skiet ix-xogħol tal-ħaddiema li ltqajt magħhom illum. Nittama li matul is-snin li ġejjin dax-xogħol jibqa’ jiġi apprezzat.

    (Dan l-artiklu ġie ppubbikat fit-Torċa tat-30 t’Awwissu 2009)