• RUĦ WARA DAWK L-GĦAJNEJN

    Il-poplu Malti hu magħruf għal kemm jgħożż l-annimali domestiċi tiegħu. Ngħiduha kif inhi, bosta annimali bħall-klieb u l-qtates jgħixu għal diversi snin fi djarna. Isiru parti minn ħajjitna u letteralment ikunu kkunsidrati daqs membru tal-familja. In-nuqqas tagħhom iħalli niket u vojt kbir. Dawk l-annimali li jkunu tassew maħbuba mhux la kemm jittieħdilhom posthom b’annimal ieħor li jsib ruħu fid-dar biex jimla’ l-vojt.

    Dan l-aħħar kont għaddejja minn quddiem vetrina ta’ ħanut u laqgħatli għajnejja avviż li kien hemm imwaħħal. Ma qrajtux imma fuqu kien hemm stampa ta’ kelb tar-razza boxer. Daħħaltha f’moħħi li kien xi appell għal xi kelb mitluf. Rajt dan l-avviż aktar minn darba u nammetti magħkom li għall-ewwel ma tajtx każ daqshekk tiegħu. Imma fl-aħħar ġietni ħasra… għedt kelb sabiħ bħal dak qatt mhu ser jirritornawulhom. Waqaft naqra x’kien hemm miktub u ndunajt li kont mort żmerċ mhux ħażin! L-avviż kien qed jirriklama artista li tpinġi l-annimali domestiċi. Għal ftit sekondi bqajt iċċassata hemm quddiem ir-riklam. Staqsejt lili nnifsi mel’issa qed isiru l-pitturi tal-annimali domestiċi? Din ġdida! Bil-ġiri ħtaft l-opportunità biex nitkixxef ftit aktar…..

    Gaynor Hunt aċċettat din l-intervista b’entużjażmu u mill-ewwel stednitni nżurha fl-istudio tagħha. Ma setax jonqos is-soltu ambjent artistiku: it-tila, il-kuluri, il-kwadri. Imma kien hemm differenza waħda minn dak li mdorrija nara s-soltu – bosta mis-suġġetti tal-kwadri tagħha kienu annimali.

    Iddeċidejt li mmur mill-ewwel għall-punt. Għaliex tpinġi l-annimali?

    “Għax jaffaxxinawni wisq. Insibhom interessanti ferm aktar mill-bnedmin. Il-bnedmin narahom komuni, ma jolqtunix daqshekk biex inpinġihom. Min-naħa l-oħra l-annimali huma kollha differenti u sbieħ.  Nieħu gost nagħmel kwadru ta’ annimal għax jiena u npinġih letteralment nibda nħossu taħt idejja. Ikolli s-sensazzjoni ta’ dak l-imnieħer imxarrab tiegħu, dak il-pil bellusi, twil jew qasir, skont l-annimal… Ma nafx kif naqbad infissirlek. Imma bla dubju din l-imħabba tiegħi lejn l-annimali ilha ġejja minn żmien tfuliti peress li jien trabbejt f’razzett li kellna f’Derbyshire l-Ingilterra.”

    Xtaqtha tirrakkuntali kif bdiet il-karriera tagħha fit-tpinġija…

    “L-arti minn dejjem kienet tiġbidni u sa minn meta kont għadni l-iskola ntbaħt li kont maqtugħa sewwa għaliha. Għall-ewwel kont inpinġi bil-lapes biss. Iżda ġara li darba missieri ntroduċini ma’ wieħed li Gaynor Huntkien mar jagħmillu xi xogħol ta’ tpinġija. fuq magna li taħdem bl-istim. Missieri kien kburi ħafna b’xogħli u urih xi tpinġijiet minn tiegħi. Dan kien impressjonat u qallu li jekk jien nurih kif ipinġi bil-lapes, hu kien ser jurini kif inpinġi bil-kulur. Ommi nsistiet ħafna miegħi biex immur u għaldaqstant aċċettajt u mort narah jaħdem. It-tajba hi illi mill-ewwel tgħallimt x’għandi nagħmel u spiċċajna biex jien qatt m’għallimtu kif ipinġi bil-lapes! Mhux talli hekk imma minn dakinhar missieri beda jafda x-xogħol tat-tpinġija fuq l-inġenji tiegħu f’idejja.

    Maż-żmien ikkwalifikajt fis-sign writing u għalhekk għamilt bosta xogħlijiet ta’ dan it-tip ukoll. Domt is-snin naħdem fuq ordnijiet kummerċjali. Waqaft meta ltqajt mas-sieħeb tiegħi u ddeċidejt li nsegwih u ngħinu f’xogħlu. Konna nivvjaġġaw ħafna u għalhekk kelli naqta’ mit-tpinġija. Però f’dawn l-aħħar sentejn erġajt issetiljajt u issa għandi aktar ħin x’niddedika għal dan id-delizzju tiegħi. Ngħidlek is-sewwa nħossni ħafna aħjar inpinġi hekk għall-gost milli kif kont qabel b’dawk id-dati miftehmin sakemm għandi nlesti. Dan l-istudio sar id-dinja tiegħi u qed nieħu pjaċir nimlih b’xogħlijieti. B’hekk jirnexxieli nżomm l-istamina biex inkompli f’din il-linja li reġgħet ħadet il-ħajja fija.”

    Kif wasalt jien, Gaynor kienet qed taħdem fuq tpinġija kbira ta’ leoparda. Għajnejn l-annimal kienu tassew realistiċi, eżattament bħal tar-ritratt li kienet qegħdha tikkopja minnu. Xtaqt inkun naf x’metodi tuża’ biex tpinġi s-suġġetti tagħha u xi kemm iddum taħdem fuq il-pitturi…

    “Sikwit meta jordnawli nagħmel pittura ta’ xi annimal, dan ikun diġa’ mejjet. Ikunu jridu l-kwadru biex iżommu t-tifkira tiegħu ħajja. F’dawn il-każi jkolli naħdem minn fuq ritratt. Madanakollu meta l-Qattus annimal ikun għadu ħaj, jiena nippreferi li narah għax b’hekk inkun nista’ nistudja aħjar il-karatteristiċi u n-natural partikolari tiegħu. Dawn jagħmlu differenza kbira biex il-pittura tiġi aktar realistika. Inħobb ukoll immur nara l-post fejn ikun ser jitwaħħal il-kwadru ħalli b’hekk inkun nista’ nqabbel l-isfond tal-pittura mal-istil u l-kuluri tal-kamra. Kwadru trid tgħix miegħu u għaldaqstant huwa importanti li dan isir bi ħsieb. Jiena nipprova nagħmel mill-aħjar biex nagħti l-aqwa servizz lill-klijenti tiegħi.

    Meta naħdem minn fuq ritratt għadek ma tafx kemm jgħin meta wieħed ikun ġibed ritratt sabiħ tal-annimal tiegħu. Ara r-ritratt ta’ dan il-kelb per eżempju, jidher ċar illi l-kelb ġie sfurzat joqgħod għall-poża quddiem il-kamera u jien hekk ser ikolli npinġih. Mentri dan il-kelb l-ieħor għandu ritratt ħelu ħafna, b’wiċċ ta’ mqareb, eżatt kif nafu jien.

    Darba artist li jagħmel xogħol bħal tiegħi, kellu jpinġi doberman għal klijenta tiegħu. Ġara iżda li tilef ir-ritratt li kienet tagħtu u biex ma jurihiex, qabad ktieb, ikkopja doberman minn fuqu u tahulha. Lanqas qatt ma nasal biex nagħmilha ħaġa bħal din.  Fil-fatt ninsisti ħafna mal-klijenti tiegħi illi jekk ix-xogħol li nagħmel ma jkunx simili għall-annimal tagħhom, jistgħu ma jeħduhx. Għalija jekk min jordna l-kwadru ma jemozzjonax ruħu kif jarah, ngħoddu bħala falliment.

    Niddedika ħafna ħin għal kull xogħol tiegħi. Bejn wieħed u ieħor nieħu madwar 12 u 40 siegħa għal kull kwadru, jiddependi kemm ikun fih dettalji. Għadu kif kien hawn mara ħdejja qegħdha ssegwini naħdem u ratni nqatta’ sagħtejn fuq għajnejn din il-leoparda. Stagħbet. Imma l-perfezzjoni hekk tiġi.”

    Liema hu l-materjal li tippreferi taħdem bih?

    “Jiena dejjem biż-żejt ħdimt, sa minn meta kont ngħin lil missieri jirrestawra l-inġenji li kien iġib għall-mużew tiegħu. Madwar ir-razzett fejn konna ngħixu kellna biċċa art kbira mhux ħażin. Missieri beda jixtri bosta inġenji antiki biex jirrestawrahom u ftit ftit bidel din l-art f’mużew. Kien hemm minn kollox: trakkijiet, trejns żgħar li jaħdmu bl-istim, karusel u anki karozza tal-linja Maltija. Flimkien konna nerġgħu nġibuhom daqs li kieku kienu ġodda.

    Iż-żejt jogħġobni wkoll għax jagħtini ċ-ċans li nirranġa l-iżbalji, jħallini naħdem bit-temp tiegħi u jippermettili nħallat bosta kuluri.”

    Ridt naqta’ l-kurżità dwar kif nibtet din l-idea li tpinġi l-annimali?

    “Fl-Ingilterra din hija xi ħaġa komuni ħafna. Niftakar ċar meta kien miet il-labrador ta’ ħija u s-sieħba tiegħu biex tikkonfortah, ordnatlu pittura ta’ dan il-kelb. Ħija kien apprezzaha ħafna u dak il-ħin irrealizzajt x’valur kellu rigal bħal dak. Dakinhar iddeċidejt li xi darba hekk kien ser ikun xogħli.”

    Fl-istudio tagħha, f’post prominenti, lmaħt il-kwadru tal-boxer li kont rajt irriklamat. Deher li kien għal qalbha ħafna…

    “Iva, dak l-aktar kwadru għal qalbi għax dak hu tal-kelb tiegħi Rocky. Kont inħobbu ħafna u ddispjaċini ħafna meta ġie nieqes. Meta pinġejtu bħal straħt għax issa meta nħares lejh inħossu ħdejja fil-Rocky kamra. Fil-kwadru rnexxieli noħroġlu n-natural tiegħu hekk kif kien joqgħod bil-qiegħda dritt u jħares kburi madwaru.”

    Imma l-Maltin japprezzawha xi ħaġa bħal din. Iqabbduha tagħmel xogħol hekk?

    “Naħseb illi l-Maltin mhux daqshekk konxji li teżisti din l-opportunità. Narahom jistagħġbu meta jsiru jafu bix-xogħol li nagħmel. Ma nistax nifhem għaliex! Meta jintilef xi kelb tgħidx kemm nara avviżi b’wegħdi ta’ ħlas ta’ flus jekk jiġi rritornat. Allura meta għandek il-possibilità li jkollok rikordju sabiħ bħal dan, x’hemm xi jżomm? Bosta drabi hija iebsa sakemm ikun hemm individwu li jagħmel l-ewwel pass, imbagħad tara l-oħrajn ġejjin. Ftit ilu mort nesponi x-xogħlijiet tiegħi waqt wirja tal-qtates u ħafna kienu affaxxinati bihom. Xi ħbieb tiegħi issuġġerewli wkoll biex immur sal-Marsa ħalli nintroduċi ruħi mas-sidien taż-żwiemel. Imma taf int… l-ewwel pass għal kulħadd iebes, anki għalija.

    Xorta waħda nemmen illi ftit ftit din id-drawwa għad tindara anki f’dan il-pajjiż għax hawnhekk l-annimali huma maħbuba ħafna.”

    Imma Gaynor annimali biss tpinġi?

    “Le, inpinġi affarijiet oħra wkoll. Apparti milli npinġi kull tip ta’ annimal, nieħu gost ħafna npinġi l-bini u l-pajżaġġ Malti. Malta tispirani ħafna speċjalment bil-lejl. Jaffaxxinani dal-pajjiż kemm jieħu ħajja Blokki bi tpinġijiet ta' ħabbata Maltinbil-lejl, bid-dwal ta’ kullimkien jixegħlu u jirriflettu fuq l-ilmijiet tal-baħar. Rajt bosta kwadri ta’ Malta bid-dgħajjes ikkuluriti fuq il-baħar u bil-postijiet antiki. Imma jiena għandi din il-ħolma f’moħħi… nixtieq inpinġi xeni ta’ Malta bil-lejl. Kapaċi nagħmel ħamsin sena oħra npinġi u ma nlestix daqskemm hawn x’tara!”

    Allura min jitħajjar jordna xi kwadru bħal dan, x’għandu jagħmel?

    “Kemm iċempilli u niddiskutu x’jixtieq. Min m’għandux ritratt ta’ dak l-annimal partikolari, nista’ mmur u neħodomlu jiena stess. Kif għedtlek qabel, nippreferi niltaqa’ personalment mas-sid u mal-annimal għax b’hekk inkun nista’ ninnota dik ir-rabta speċjali li jkollhom bejniethom. Anki jekk l-annimal ikun miet, jiena nagħmel minn kollox biex minn sempliċi ritratt, noħroġ dik l-espressjoni sabiħa fl-għajnejn u l-komportament tiegħu daqs li kieku l-annimal għadu ħaj u qed jgħaddi messaġġ ta’ mħabba lil sidu. Dak is-sodisfazzjon li nħoss meta nara klijent jgħożż il-kwadru li nkun għamiltlu, ma nibdlu ma’ xejn.”

    Darba Theophile Gautier staqsa “Min jista’ jemmen li m’hemmx ruħ wara dawk l-għajnejn sbieħ ta’ annimal?”

    Biex inkun sinċiera, waqt li tajt l-aħħar ħarsa lejn il-kwadri f’dak l-istudio, anki lili tnissilli dan id-dubju!

    Għal dawk li jinteressahom jaraw ix-xogħol ta’ din l-artista, ser tittella’ esebizzjoni matul ix-xahar kollu ta’ Novembru 2009 fil-Marsa Sports Club.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-20 ta’ Settembru 2009)