• MĦUĦ – THRILLER PSIKOLOĠIKU

    Dan huwa l-parir tiegħi għal dawk iż-żagħżagħ li jixtiequ jagħmlu film: Issegwux it-tendenzi, ibdewhom intom!… Frank Capra

    Il-ġimgħa d-dieħla, fis-7 t’Ottubru 2009, ser joħroġ il-film tiegħek ‘Mħuħ’ fis-swali taċ-ċinema. Kemm dam jinħadem dan il-film? Dan hu l-ewwel xogħol tiegħek?

    Mħuħ beda jinġibed f’Mejju 2008 u tlesta fi Frar 2009. Proġett ta’ din il-kwalità kien esperjenza ġdida għalija. Wara numru ta’ esperjenzi f’xogħlijiet marbuta mad-drama, dan il-proġett kien pass ieħor il-quddiem fil-karriera tiegħi.

    Tista’ tgħidilna fil-qosor dwar xiex jitratta l-film Mħuħ? X’wasslek biex tikteb din l-istorja u għaliex ħassejt li tista’ toħroġ film minnha?

    Inti u ssegwi l-istorja ta’ Mħuħ trid toqgħod attent ħafna għax għalkemm għall-ewwel tieħu l-impressjoni li kollox ser ikun marbut ma’ grupp ta’ nies li qed jgħeddu familji dgħajfa u jqegħduhom f’perikluAndrew Attard - awtur u direttur ta' Mħuħ kbir, fir-realtà hemm aktar skopijiet għala dan ikun qed iseħħ. Mħuħ huwa thriller psikoloġiku fejn matulu jinħass sewwa l-effett fuq il-psikoloġija tal-bniedem minħabba l-ġrajjiet li ser iseħħu .

    L-istorja kienet ilha ftit f’moħħi imma dejjem żviluppajt magħha. Fil-fatt kienet l-istess storja li ġegħlitni mmur għal xi ħaġa li tikkonkludi ruħha malajr u mhux b’ħafna tul ta’ episodji. Kien għalhekk li ddeċidejna illi x-xogħol kellu jinħadem apposta għaċ-ċinema, bħala film sħiħ li jingħalaq.

    Kemm sibt ko-operazzjoni u nkoraġġiment biex tagħmel dan il-proġett?

    Dan hu s-sabiħ ta’ dax-xogħol, li l-ewwel kollox ikun f’moħħok biss iżda wara li tiżvela xi ftit mill-istorja, awtomatikament jibda jqum interess kbir. Nista’ ngħid li kienu ħafna li xammru l-kmiem għal dan il-proġett u ħassewhom parti minn dan it-tim tal-produzzjoni. Għalija dan huwa ta’ inkoraġġiment kbir u kien fundamentali biex l-affarijiet jimxu mingħajr problemi.

    L-atturi li qed jieħdu sehem, kemm iqarrbu lejn dawk il-karattri li kellek f’moħħok meta kont qed toħloqhom?

    Il-karattri prinċipali f’dan il-film ġew miktuba apposta għall-atturi li ser taraw u din ħadmet ħafna. Apparti minn hekk, qabel bdejt nadatta l-istorja għaċ-ċinema, iddiskutejt individwalment magħhom u spjegajtilhom xi xtaqt eżatt. Il-fatt li dan il-film iddiriġejtu jien stess, għen biex stajt niggwida aħjar lill-atturi ħalli nqarreb is-sens kollu tal-istorja. Fuq kollox ta’ min jgħid illi l-atturi kienu tajbin ħafna u rnexxielhom jesprimu dak li kelli f’moħħi.

    Kien hemm xi xeni li kellhom jinqatgħu? X’kienet ir-raġuni?

    Nista ngħid illi kien hemm xeni sħaħ li nġibdu imma kellhom jiġu eliminati minħabba raġuni ta’ ħin għax il-film ma setax jiġi itwal minn sagħtejn. Madanakollu dan ma tellef xejn mill-andament tal-istorja. Anzi, nista’ ngħid li serva biex it-tensjoni  matul il-film tkun kontinwa.

    Liema kienu dawk ix-xeni li ħolqulek l-akbar sfida biex jinġibdu?

    Kien hemm diversi. Speċjalment fejn jidħlu xeni perikolużi bħal dawk li ser naraw, trid tieħu diversi prekawzjonijiet. Biex insemmilek eżempju, fi Mħuħ ser tidher xena ta’ persuna qed tinqatel Mħuħ Posterbrutalment. Għaldaqstant kien neċessarju illi l-attur ikun ippreparat għal dak kollu li kien ser jgħaddi minnu. F’dan ix-xogħol kultant trid tbati u f’dan il-każ l-attur ma kinetx tant faċli għalih li jagħmel tul ta’ ħin ġo ħofra mimdud wiċċu ‘l isfel, b’borża tal-plastik ġo rasu u b’idejħ marbutin fuq wara! Kien hemm xeni oħra illi biex ġbidnihom kellna nibnu set fi studio minħabba illi n-natura tax-xena ma kinetx tippermetti li tuża l-post proprju. Iżda anki f’dawn il-każi nista’ ngħid li kellna nies professjonali li ħadmu bir-reqqa biex dan ix-xogħol seta’ jsir mingħajr sens ta’ artifiċjalità.

    X’tip ta’ diffikultajiet oħra ltqajtu magħhom waqt il-ġbid ta’ dal-film?

    L-iktar li jaffetwawk huma l-elementi tat-temp għax inti trid iżżomm kontinwità fl-istampa. Mhux l-ewwel darba li kellna nippostponu xeni wara li nkunu lħaqna ppreparajna kollox! Mill-banda l-oħra nixtieq nieħu din l-opportunità bi spunt pożittiv billi nirringrazzja lil kull min kellu l-awtorità dwar permessi biex niffilmjaw għax sibna ħafna ko-operazzjoni.

    Liema kien l-akbar kompromess li kellek tagħmel biex sar dan il-proġett? Taħseb illi l-prodott finali laħaq il-livell li xtaqt int?

    Id-dedikazzjoni lejn dak li tkun qed tagħmel hija sagrosanta kemm għalik u kemm għal dawk kollha involuti. Is-sensittività tilgħab parti importanti wkoll f’dan ix-xogħol għax mingħajrha ma tagħmel xejn. Dwar il-prodott finali nista’ ngħid u qaluha anki kritiċi oħrajn, li ser nerġgħu naraw pass ieħor il-fuq fil-livell tal-produzzjonijiet lokali.

    Il-mużika ta’ Mħuħ ġiet maħduma apposta?

    Il-mużika għandha sehem importanti ħafna fil-film u b’sodisfazzjon nistqarr illi din kompliet tagħti libsa lix-xeni li ser naraw. Fil-fatt Mħuħ għandu s-soundtrack sħiħ miktub oriġinali għalih minn Philip Vella. Tajjeb li nsemmu illi s-soundtrack jikkonsisti fi ħdax-il silta mużikali, dejjem skont ix-xeni li qed jintwerew. Interessanti ferm huwa illi Philip esperimenta wkoll b’vuċi li ma tinftiehemx sabiex b’hekk seta’ joħloq l-effett tat-thewdin tal-moħħ qalb dik it-tensjoni kollha.

    X’inhuma l-emozzjonijiet tiegħek issa li dal-film wasal biex jintwera lill-pubbliku? Tħossok inkwetat jew emozzjonat?

    Ikolli nammetti illi l-emozzjoni tibda tagħmel tagħha. Tinsix illi ilna naħdmu fuq dan il-film għal numru ta’ xhur mhux ħażin. Issa li wasalna biex nuruh lill-pubbliku ma jistax jonqos li nħoss ċertu emozzjoni. Jien nemmen li kulħadd għandu l-interpretazzjoni tiegħu għal kull proġett. U allura nħossni eċitat ferm biex nisma’ x’ser jgħidu n-nies dwar Mħuħ.

    Għandek xi xogħol ieħor ippjanat?

    Għad ma kellix ċans naħseb dwar proġetti oħra għax jien jidhirli illi trid tassisti proġett sal-aħħar tiegħu. Ngħidu aħna Mħuħ fadallu l-promozzjoni tiegħu, bħal ma qegħdin nagħmlu issa.

    Ippermettili nirringrazzja ħafna lilek tal-opportunità li tajtni li nitkellem dwar dan il-film. Nixtieq ukoll nirringrazzja lin-numru kbir ta’ ġurnalisti u preżentaturi f’Malta li ġrew warajna huma stess biex jippromwovu lit-talent Malti. Fl-aħħar u mhux l-inqas, grazzi kbira tmur lil KRS Film Distributors li kellhom fiduċja f’dan il-proġett u li qed jagħtuh importanza iktar minn produzzjoni barranija.

    Tkellimt ukoll mal-Managing Director tal-KRS – Charles Pace…

    Għal KRS, li tippreżenta film Malti fis-swali taċ-ċinema huwa riskju jew sfida?

    Riskju mhux żgur għax aħna dejjem noqogħdu attenti illi nippreżentaw biss xogħol ta’ kwalità. Fil-fatt Mħuħ huwa l-ħames produzzjoni Maltija li aħna qed niddistribwixxu fis-swali taċ-ċinema tal-Eden, Embassy Cinemaworld u l-Empire. B’sodisfazzjon nista’ ngħid illi l-erbgħa produzzjonijiet ta’ qabel, kollha kemm huma okkupaw pożizzjonijiet tajba fit-top 10 fil-box office charts tal-ġimgħa li fiha ħarġu għall-pubbliku.

    L-erbgħa xogħlijiet l-oħra kienu Qerq (2007), Heroes in the sky (2007), Anno Domini XXXIII (2008) u Santa Monika (2009). Nistqarr miegħek illi minn meta ħareġ Qerq, tgħidx kemm ġejna offruti films biex jintwerew fiċ-ċinema. Min-naħa aħna nemmnu ħafna fil-prodott Malti u lesti li nagħtu ċans u opportunità lil kulħadd. Iżda min-naħa l-oħra aħna rridu nassiguraw illi x-xogħol ikun ta’ livell tajjeb u preżentabbli għax wara kollox irridu nikkonvinċu lis-sidien taċ-ċinemas illi l-prodott ser jiġbed l-udjenzi.

    X’tikkummenta dwar il-livell milħuq mill-produzzjonijiet tal-films Maltin u kemm temmen li dawn jistgħu jiksbu suċċess anki f’pajjiżi oħra?

    Il-livell lokali qiegħed dejjem jogħla għalkemm xorta waħda għadna l-bogħod mill-kwalità tal-films barranin. Madanakollu rridu nżommu wkoll quddiem għajnejna l-iffinanzjar kbir li dawn il-produzzjonijiet barranin ikollhom.

    Biex inwieġeb il-mistoqsija l-oħra ngħidlek illi kull sena għall-ħabta ta’ Mejju, aħna niġu mitluba mill-European Community biex nippreżentaw produzzjonijiet Maltin li jkunu ntwerew fiċ-ċinemas lokali Charles Pace - Managing Director KRSf’dik is-sena partikolari sabiex jieħdu sehem fil-Festival UGC Fête l’Europe. Permezz ta’ dan il-festival, li jiġi organizzat minn Eurocine, madwar 27 film jintwerew fis-swali taċ-ċinema ta’ Madrid, Pariġi, Lyon, Strasbourg, Ruma u Brussell. Bla dubju din hija opportunità interessanti ħafna sabiex inwasslu t-talent Malti anki f’dawn il-bliet Ewropej. Naturalment, film maħdum bil-lingwa Maltija ser ikun daqsxejn żvantaġġjat jekk ma jkunx jinkludi sub-titli almenu bl-Ingliż. Għaldaqstant nissuġġerixxu illi min ikun qed jippjana proġett ta’ dan it-tip, irid jibda jaħseb b’mod miftuħ u jistaqsi lilu nnifsu “Jien dax-xogħol qed nagħmlu għall-udjenza Maltija biss?” Kull film li semmejtlek intbagħat biex jipparteċipa f’dan il-festival u ovvjament, is-sena d-dieħla ser nagħtu din l-opportunità anki lil dan il-film ġdid Mħuħ.

    Mill-film Mħuħ x’laqtek l-aktar u għaliex tirrakkomanda lill-udjenza biex tmur tarah bi ħġarha?

    Mħuħ laqagħtni għax hu ppreżentat u maħdum b’mod differenti minn dawk il-films lokali li naraw is-soltu. Normalment aħna mdorrijin naraw film f’forma ta’ episodji, jiġifieri ġrajja sseħħ wara oħra. Minflok, dan il-film fih ħafna plots żgħar, kollha mdaħħlin f’xulxin, illi fl-aħħar iwasslu għat-tmiem tal-istorja. Għalija Andrew Attard l-awtur u direttur u Mario Attard (Olive Productions) li ħa ħsieb il-produzzjoni eżekuttiva ta’ Mħuħ ħarġu b’biċċa xogħol tajba ħafna!

    Nirrakkomanda Mħuħ lill-udjenza għax huwa film bi storja oriġinali li tagħlaq bi tmiem mhux mistenni. Il-mużika ta’ Mħuħ hija wkoll tajba ferm u żżid fil-kwalità ta’ dan ix-xogħol ġdid.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-4 t’Ottubru 2009)