• NAĊĊETTAWHA L-ISFIDA JEW?

    Richard GeresIssa li għaddew il-festi u l-ikliet u x-xorb li dawn iġibu magħhom, bosta huma dawk li jirrealizzaw li jkunu esaġeraw xi ftit. Fost ħafna, jibda l-inkwiet dwar dik il-famuża dieta li xi darba jridu jagħmlu imma ma jafux kif ser jaqbdu jibdew.

    Dan l-aħħar erħejtilha nfittex x’possibilitajiet jeżistu f’pajjiżna f’dan il-qasam. Malajr serraħt rasi li minn daqshekk ma teżistix problema għax il-makkinarju, il-ħwejjeġ sportivi u l-faċilitajiet issibhom bir-radam. Daqstant ieħor issib diversi ideat u konvinzjonijiet. Hemm min jaħlef bid-‘dieti mirakolużi’ li jiggarantixxu li jnaqqsu l-piż fi ftit ġimgħat. Oħrajn jgħidulek li m’hawn xejn aħjar minn xi ġirja fis-siegħat bikrin ta’ fil-għodu. Individwi differenti jisħqu li għandek tfittex il-pariri ta’ nutrizzjonista filwaqt li oħrajn aktar sportivi jissuġġerulek tissieħeb f’xi gym. Imma fir-realtà x’inhu l-aħjar metodu li jagħtik ir-riżultati li tixtieq?

    Nammetti li kultant jiena naqra persuna diffiċli biex tipperswadini kif ġieb u laħaq. Imma waqt din ir-riċerka tiegħi interessajt ruħi f’servizz partikolari – dak ta’ trainer personali. Idea affaxxinanti kieku. Kont naħseb li xi Madonna jew Britney Spears biss jistgħu jgawdu minn xi ħaġa hekk. Xtaqt inkun naf aktar u l-għażla tiegħi finalment waqgħet fuq it-trainer personali Richard Geres, kemm minħabba li wieġeb l-emails tiegħi b’mod immedjat u kif ukoll peress li rajt ir-riżultati ta’ xi individwi fuq il-websajt tiegħu.

    Richard laqagħni fl-istudio tiegħu li jinsab ġewwa l-lukanda Corinthia San Ġorġ, f’San Ġiljan. B’differenza tal-gyms li mdorrija nattendi s-soltu, dan il-post kellu t-tagħmir li hemm bżonn għat-taħriġ imma hemm ġew konna jiena u hu biss….

    “Dan hu proprju dak li jfisser li jkollok trainer personali,” beda jispjegali. “Hu l-fatt li għandek appuntament ma’ professjonista fil-qasam tal-‘weight-loss’ li ser jibqa’ miegħek matul il-ħin kollu stipulat. Meta inti tmur f’gym, ġeneralment ser jgħidulek kif tuża l-magni tal-post u mbagħad trid tfendi għal rasek. Trainer personali joqgħod miegħek il-ħin kollu biex isegwi dak li tkun qed tagħmel. Jagħtik l-istruzzjonijiet neċessarji għall-mira li tixtieq tilħaq. Jara li qed tagħmel it-taħriġ kif suppost, bil-pożizzjonijiet ġusti u b’intensità effettiva. Jaċċerta li qed tuża l-ammont ta’ toqol li hemm bżonn u fl-istess ħin jikkonferma li huwa adegwat għall-figura tiegħek. Fejn hemm bżonn saħansitra jagħmel l-eżerċizzju miegħek.”

    Ħarist ftit lejh. Ġismu donnu lanqas biss jaf x’jiġifieri xaħam. Muskolatura perfetta għalkemm mhux esaġerata. Kont kurjuża biex nifhem x’jippretendi mill-klijenti tiegħu. Jien naf?! Moħħi beda jgħidli ‘mur laħħaq mal-eżerċizzji tiegħu dan!’ Imma Richard serraħħli rasi…

    “Teżisti idea żbaljata illi min imur jittrenja ġo gym, jagħmel hekk biex ikollu l-muskoli jew biex jinbena u naturalment il-gym jeżisti għalhekk ukoll. Jiena nispeċjalizza fil-qasam tal-‘weight loss’ imma l-klijenti tiegħi jiġu għandi għal diversi raġunijiet. Xogħli huwa illi nibni programm speċifiku għall-pass u l-bżonnijiet tagħhom. Uħud mill-klijenti jiġu minħabba li għandhom problema bil-piż u allura jkunu jridu jonqsu. Imbagħad hemm individwi oħra, speċjalment nisa fuq il-50 sena, li jużaw is-servizz tiegħi biex jissodaw l-għadam peress li jkunu qed ibatu mill-osteoporosis (nuqqas ta’ densità fl-għadam). Però jattendu wkoll klijenti li għandhom figura sabiħa u jridu jittownjawha ftit. L-għan prinċipali tiegħi huwa dejjem li nwassal lill-klijenti tiegħi għal livell tajjeb ta’ saħħa.”

    Xi jfisser għalih livell tajjeb ta’ saħħa?

    “Hemm numru ta’ fatturi bażiċi li jikkonkludu jekk bniedem hux qiegħed fi stat tajjeb ta’ saħħa jew le. Ngħidu aħna wieħed huwa kkunsidrat b’saħħtu jekk ikollu l-livelli taz-zokkor u tal-kolesterol tajbin u l-pressjoni tad-demm normali. Hemm ukoll kwistjonijiet ta’ saħħa fiżika bażika bħal jekk wieħed hux kapaċi jitla’ telgħa jew ammont ta’ taraġ mingħajr ma jispiċċa bla nifs.”

    Kemm huwa importanti li wieħed jagħmel l-eżerċizzju?

    “L-eżerċizzju huwa vitali. Snin ilu l-bniedem kien jagħmel ħafna xogħol manwali li kien jirrikkjedi saħħa u movimenti rigorużi. Għaldaqstant l-eżerċizzju li nafu llum ma kienx daqshekk neċessarju. Imma fil-preżent ħafna jagħmlu xogħol sedentarju li ma tantx jitlob saħħa fiżika u għalhekk biex il-ġisem jiffunzjona tajjeb, iridu jagħtuh xi tip ta’ taħriġ li jrid jintensifika ruħu gradwalment. Huwa faċli ħafna ninnotaw fejn kapaċi jwassal in-nuqqas ta’ taħriġ… Ħafna jafu illi meta l-astronawti fl-ispazju ma kienux qed jagħmlu t-taħriġ adegwat u għexu għal numru ta’ xhur fi stat bla toqol xejn u bla reżistenza, kellhom jitniżżlu f’wheelchair sakemm irkupraw aktar tard. Fil-fatt illum biex jevitaw dan l-inkonvenjent, meta jkunu fl-ispazju l-astronawti saru jitħarrġu għal ftit siegħat kuljum.”

    Imma s-servizz ta’ trainer personali jinvolvi biss l-eżerċizzju?

    “Le. Flimkien mal-klijenti tiegħi jiena nibni wkoll dieta effettiva sabiex jintlaħaq l-għan finali tagħhom. Wieħed irid jirrealizza illi l-ikel fih ħafna aktar kaloriji minn kemm individwu kapaċi jaħraq kaloriji f’ġurnata permezz tal-eżerċizzju. U għalhekk dieta adegwata hija parti assoluta mill-programm li jiena nibni għal kull klijent tiegħi.”

    Ma nistax immur għand nuttrizjonista allura?

    “Nuttrizzjonista tagħmillek programm tajjeb ta’ x’għandek tiekol u mbagħad tissuġġerilek li tmur timxi ftit ukoll. Imma l-eżerċizzju ma jikkonsisitix mill-mixi biss.  Programm tajjeb ta’ eżerċizzju jrid jinkludi dejjem komponent kardjovaskulari bħal aerobics, mixi, ġiri jew għawm. Flimkien ma’ dan jeħtieġ ukoll komponent ta’ saħħa bħal taħriġ ta’ reżistenza fostom bil-piżijiet.

    Ta’ min ikun jaf illi meta wieħed jibda xi dieta partikolari, l-ġisem jirrispondi billi jnaqqas mix-xaħam merfugħ fih imma miegħu jibda jitlef ukoll mill-moskulatura. Jekk wieħed ma jkunx ħaseb għal dan permezz tal-eżerċizzju, wara xi żmien jibda jinnota li ġismu qed jitlef mill-fermezza tiegħu u li qiegħed jitpaħpaħ. Il-muskoli huma responsabbli mir-rata metabolika tal-ġisem li tista’ xxebbaħħha mal-magna ta’ karozza. Karozza b’magna kbira taħli ħafna fuel u daqshekk ieħor tagħmel rata metabolika għolja meta tuża ħafna mill-enerġija tal-ġisem. Kull kilo ta’ ċelloli muskolari jikkontribwixxi għal kemm tkun kapaċi taħdem bl-għaġġla din il-magna. Għalhekk huwa importanti li wieħed iżomm rata metabolika għolja kemm jista’ jkun.

    Dan l-eżempju narawh ċar ħafna f’dieti estremi fejn individwi jonqsu malajr ħafna imma mbagħad jerġgħu jtellgħu l-piż b’veloċità ħafna akbar. Li jkun ġara huwa illi minħabba dieta bbażata fuq ftit kaloriji, tonqos ukoll ir-rata metabolika. Biex nagħtik eżempju, jekk wieħed normalment kien jiekol 2000 kalorija mingħajr ma jiżdied fil-piż, meta jibda jiekol inqas kaloriji, tonqos ukoll relattivament ir-rata metabolika. Ejja ngħidu li din naqset għal 1500. Għaldaqstant hekk kif dan l-individwu jwaqqaf dik id-dieta estrema u jerġa’ jibda jiekol normali, l-ġisem ser jikkunsidra li dawk il-500 kalorija huma żejda u jibda jtella’ l-piż.

    Dan hu l-benefiċċju tal-programmi tiegħi – illi flimkien nippjanaw dieta tajba u b’eżerċizzju effettiv inrażżnu r-rata metabolika milli tonqos u nżommu l-ġisem sod, sabiħ u b’saħħtu.”

    Waqt ir-riċerka tiegħi fil-fatt sirt naf illi min irid jaħdem bħala trainer personali jeħtieġ li jkollu kwalifiki apposta…

    “Ilni naħdem bħala trainer personali mill-1993. Attendejt għal diversi korsijiet kemm fl-Ingilterra u kif ukoll fl-Amerika biex ġibt iċ-ċertifikazzjoni neċessarja. Trainer personali jeħtieġlu jkun jaf dwar l-anatomija u l-fiżjoloġija tal-bniedem, dwar kif jaħdmu l-muskoli u l-ġogi u kif irid jitratta nies bi bżonnijiet mediċi speċjali. Jitħarreġ ukoll fil-bio-mekkanika u allura jsir konxju minn x’jiġri minn partijiet speċifiċi tal-ġisem meta jpoġġi ammont ta’ reżistenza jew eżerċizzju fuqhom. Din iċ-ċertifikazzjoni hija valida biss għal sentejn u għalhekk kull sena, kull trainer personali jrid iżomm ruħu aġġornat u mħarreġ sew biex ikun jista’ jkompli jaħdem mal-klijenti tiegħu.”

    Meta wieħed qed jagħżel trainer personali, liema huma l-aktar fatturi importanti li jrid jikkjarifika?

    “L-ewwel nett huwa importanti li jassigura ruħu li dak l-individwu huwa ċċertifikat li jaħdem bħala trainer personali. Imbagħad trid tara kemm l-esperjenza u l-filosofija tiegħu jikkonformaw ma’ dak li tixtieq int. Jeżistu diversi tipi ta’ trainers personali bħal dawk sportivi, dawk li jispeċjalizzaw fil-body building u mbagħad hemm dawk li bħali jiffukaw fil-‘weight-loss’. Huwa essenzjali wkoll li tara illi l-persuna tgħix il-messaġġ li qed twassal bħal ngħidu aħna illi l-individwu li qed tikkunsidra huwa hu nnifsu f’forma fiżika tajba.”

    X’inhi l-filosofija tiegħek?

    “Illi programm simili mhux xi ħaġa li tagħmel għal ftit xhur u mbagħad tieqaf. Tifhimnix ħażin… dan ma jfissirx li wieħed irid jgħix ħajtu kollha bid-dieta. Imma ftit ftit, jekk irid iżomm figura sabiħa u ġisem b’saħħtu, jeħtieġ jitgħallem jibdel l-istil tal-ħajja tiegħu billi jibni dieta bilanċjata u jżomm ħajtu kemmxejn attiva. Waqt ix-xiri jrid jara li qed jagħżel prodotti tajbin għas-saħħa li permezz tagħhom jista’ jipprepara ikel bnin imma li ma jħaxxinx. Kultant ikun jista’ wkoll imur ġo ristorant u jiekol li jrid imma kollox irid isir b’mod għaqli. Idealment ftit ftit il-familja kollha tibda tgħix b’dan l-istil.”

    Richard huwa mill-Awstrija imma ilu jgħix hawn Malta għal dawn l-aħħar 20 sena. Xtaqt inkun naf x’jidhirlu mil-livell tas-saħħa tal-poplu Malti…

    “Il-livell ġenerali hawn Malta huwa fqir ħafna. Dan il-pajjiż għandu l-ogħla rata fl-Ewropa ta’ obeżità fit-tfal. Fil-każ tal-adulti nippożizzjonaw ma’ l-ewwel tlett postijiet. Internazzjonalment ninsabu fir-raba’ post. Il-problema hi li n-nies donnha nsiet kif issajjar tajjeb. Qabel il-familja kienet tpoġġi mal-mejda u l-membri tagħha kienu jieklu platt bnin flimkien. Illum sikwit kulħadd jiekol għal rasu u skont x’isib u jiġi għal idejh. Problema oħra hija illi ma tantx teżisti kultura ta’ eżerċizzju.”

    Liema huma l-aktar żbalji komuni li jinnota f’nies li jkunu qed jagħmlu eżerċizzju?

    “Primarjament teknika żbaljata li allura tagħmel l-eżerċizzju inutli u ineffiċjenti. Teknika tajba hija l-fundament tal-eżerċizzju. Ċerti nies ikollhom problemi bil-mod kif iżommu ruħhom weqfin (‘posture’) u għalhekk lil dawn inkun irrid nibnilhom program speċifiku biex nirranġaw din is-sitwazzjoni.

    Żball ieħor li ninnota huwa n-nuqqas ta’ paċenzja – dik li wieħed irid jagħmel ħafna u malajr. U dan jaħasra jwassal biex wieħed ma jasalx u jaqta’ qalbu mill-ewwel. Per eżempju xi ħadd li f’għoxrin sena qatt ma mar jiġri, ma jistax jiddeċiedi li jaqbad u jmur jiġri 6km ma’ l-ewwel darba! Trid tibni programm li jżid l-intensità gradwalment.

    Xi ħaġ’oħra li nara hija li ċertu individwi jibqgħu ma jagħmlu progress qatt. Jibdew programm partikolari u jibqgħu sejrin bih għal xhur sħaħ. Irridu nifhmu illi wara ftit, il-ġisem jibda jidra l-eżerċizzju u għalhekk jekk ma nisfidawhx aktar jieqaf jagħmel il-progress mixtieq.”

    Kulħadd jaf kemm huwa diffiċli sakemm tidra stil ta’ ħajja differenti. Kemm hu kapaċi jifhem u jaċċetta dan fil-klijenti tiegħu?

    “Kullħadd jiżbalja kultant imma ma rridux naqtgħu qalbna b’daqshekk! Anki jiena jiġu drabi fuqi meta ma nimxix mal-programm tas-soltu imma mbagħad inpatti għalih b’daqsxejn aktar eżerċizzju. Hawnhekk il-klijenti jiltaqgħu miegħi bejn 4 u 5 siegħat fil-ġimgħa, il-bqija jkun f’idejhom biex jimxu mar-rakkomandazzjonijiet li nagħmlilhom. Jekk tagħmel ħamest ijiem tajjeb u s-sitt jum le, ma tkun waqgħet l-ebda dinja. Sempliċiment tkompli minn fejn tkun ħallejt. Il-perseveranza hi s-sigriet ta’ kollox.”

    Minn taħt idejn Richard ormaj għaddew eluf ta’ klijenti li bosta minnhom kellhom riżultati pożittivi ferm…

    “Fil-fatt għadni kemm temmejt sfida ta’ 10 ġimgħat fost il-klijenti tiegħi fejn ir-rebbieħ kellu jkun dak li jirnexxielu jonqos l-aktar fil-persentaġġ ta’ piż u xaħam fil-ġisem. Ir-rebbieħ, Saviour Deguara, Saviour Deguara after sideirnexxielu jitlef 13.6 kgs (15% inqas mill-piż oriġinali) u 10% mit-total ta’ xaħam fil-ġisem. Apparti li issa huwa aktar kuntent bil-figura u l-livell tas-saħħa tieSaviour Deguara before sidegħu Saviour rebaħ vakanza għal tnejn għal Ċipru bit-titjira u l-akkomodazzjoni nklużi.”

    Saviour għaddieli l-kummenti tiegħu dwar din l-isfida…

    “Għalija din l-isfida li organizza Richard biex nonqsu mill-piż kienet esperjenza fantastika. It-taħlita tar-riċetti tiegħu tajbin ferm flimkien ma’ programm ta’ eżerċizzju effettiv ħafna, wassluni biex nirnexxi fl-iskop tiegħi. Bqajt impressjonat kemm ġismi rrisponda malajr għall-bidla fl-istil tal-ħajja li wettaqt. Kien biss meta kkommettejt ruħi għal din l-isfida illi rnexxieli nġib dawn ir-riżultati pożittivi f’10 ġimgħat biss!”

    Xtaqt inkun naf x’inhu s-sigriet tas-suċċess ta’ Richard Geres?

    “Nassigurak illi m’hemm l-ebda sigriet! Jiena ngħallem prinċipji effettivi illi ġew ippruvati għall-effiċjenza tagħhom u li jiġu mgħallma mill-aqwa professjonisti madwar id-dinja kollha. L-attenzjoni individwali naturalment tgħin ħafna. Jgħin ukoll illi miegħi wieħed ikollu programm mibni speċifikament għalih u kollox isir taħt kunfidenzjalità assoluta. Inħobb ħafna nħarreġ lill-klijenti tiegħi sabiex narahom jilħqu l-għanijiet tagħhom u jkunu aktar kuntenti bihom infushom u fl-istess ħin aktar b’saħħithom.

    Fis-17 ta’ Jannar li ġej qed norganizza sfida oħra għal dawk kollha li jixtiequ jnaqqsu l-piż tagħhom. Kull min jixtieq jiġi jara kif naħdem huwa mistieden jikkuntattjani. Nassigurahom illi min jibda din l-isfida jkun beda t-triq għal verżjoni irqaq u aktar b’saħħitha tiegħu nnifsu. Il-bqija ħalluh f’idejja!”

    U biex jiena jkolli idea aħjar ta’ x’joffri fil-programmi tiegħu, Richard offrili nipprova sessjoni ta’ siegħa miegħu. Aċċettajt, għalkemm bejnietna, nammetti li bżajt naqra li mhux ser jirnexxieli nagħmel l-eżerċizzji kollha li ser jagħtini. Imma ma kienx il-każ. Bi professjonalità u b’ġentilezza kbira, Richard ikkonfermali kemm kien kapaċi jadatta skont il-persuna li jkollu quddiemu. U emmnuni, l-effetti jibdew jinħassu mill-ewwel!

    M’hawnx għalina! Għoġbitni ħafna din l-għażla ta’ trainer personali. X’taħsbu? Naċċetawha l-isfida jew?

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-3 ta’ Jannar 2010)