• XTAQT INSIR QASSIS – intervista mas-sindku ta’ Wied il-Għajn li jaħdem fil-Missjoni

    Mario Calleja ma' xi tfal mill-PerùGħalija Jannar huwa xahar ta’ bidla, ta’ deċiżjonijiet… ċans ieħor biex tibda sena ġdida ta’ opportunitajiet. Għaldaqstant nitfixkel u ninħasad wisq meta speċjalment f’daż-żminijiet iseħħu traġedji koroh bħat-terremot f’Haiti dil-ġimgħa. Jibdew jgħaddu minn quddiem moħħi d-diversi ħajjiet mitlufa jew mkissra, il-pjanijiet li kellhom – issa inutli, dak kollu li qatt ħadmu għalih – trab. Ma tistax ma tħossx u m’hemmx bżonn ta’ ħafna persważjoni biex iddaħħal idejk fil-but u tgħin kemm tista’. Imma fil-fond ta’ qalbi nammira qatiegħ lil min għandu l-kuraġġ biex jitlaq kollox u jmur jagħti daqqa t’id.

    Kumbinazzjoni dil-ġimgħa kont iddeċidejt li nitratta x-xogħol volontarju f’pajjiżi oħra u tħajjart inkellem lis-sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn. Għażilt lilu għax qanqalli l-kurżità. Nistqarr illi lil Mario aktar kont inqisu bħala xi negozjant, dejjem pulit bil-ġlekk u l-ingravata. Lanqas biss qatt għaddieli minn moħħi li dar-raġel kien qed jagħmel xogħol volontarju fost il-fqar tal-Perù. Fuq kollox hu stqarr miegħi illi f’żogħżitu kellu ħajra kbira li jsir qassis, xewqa li għadha tħabbat sewwa f’qalbu. Saħaq illi li kieku kellu jerġa’ jitwieled mill-ġdid did-darba ma kien ikollu l-ebda dubju – kien isir qassis missjunarju…

    “Meta kont żgħir kont immur l-iskola tas-Sależjani – Savio College, Ħad-Dingli. Awtomatikament meta titrabba fl-ambjent tas-Sależjani qisek titla’ bi prinċipju li tkun karitattiv. Niftakar sewwa illi ta’ tifel li kont, kont inħoss ġibda kbira lejn il-kleru. Iva, ikkunsidrajt u xtaqt insir qassis. Imma kultant f’dawn l-affarijiet, jekk ma jkollokx lil xi ħadd fil-familja, qisek ma jkollokx kuraġġ biżżejjed biex tagħmel dal-pass u minflok taqbad triq oħra.

    Fl-istess ħin, forsi bla ma tirrealizza, jibda jiġbdek xogħol fejn tagħti servizz. Fil-fatt għamilt żmien naħdem fil-catering fejn allura tħarriġt b’mentalità illi l-klijent dejjem għandu raġun. F’dax-xogħol tgħallimt inkun umli, edukat u prudenti. Imbagħad, wara xi snin, dħalt fil-korp tal-pulizija fejn għalkemm ix-xogħol kien ta’ natura għal kollox differenti, xorta waħda kont qed nagħti servizz.”

    Imma l-ġibda lejn il-volontarjat kif bdiet?

    “Nemmen li l-volontarjat jitwieled fik, bħal don. Inti f’qalbek tkun tħoss ħafna għal ħaddieħor. Imbagħad, f’xi żmien minn ħajtek, ikollox is-sejħa minn Alla…. u minn hemm jibda kollox.

    Niftakarha ċara dik il-ġurnata meta ħassejt il-ġibda għal volontarjat. Sinċerament, qatt ma kont ħsibt fiha qabel. Kont qed insuq u nisma’ r-radju u f’ħin minnhom nisma’ diska bl-isem ‘Iddeċidejt’. Dak il-ħin ħassejt xi ħaġa mhux tas-soltu, idejja bdew jitriegħdu u kelli nieqaf għal ftit minuti f’ġenb. F’qalbi bdejt inħoss li Alla ried xi ħaġa minni. Dakinhar għamilt il-ġurnata kollha mfixkel u bil-lejl m’għalaqtx għajn m’għajn. Sewwa jgħidu – min jipprova jifhem ‘l Alla jiġġennen hu għax Hu jkun qed jaħdem kollox bizzilla.

    L-għada mort sal-Knisja ta’ Santu Wistin il-Belt għax sirt naf li hemmhekk kellhom xi qassisin il-Brażil li kienu qed jagħmlu xogħol missjunarju. Imma meta urejthom ħsibijieti, li xtaqt nagħmel esperjenza qasira fil-missjoni, dawn ġabuhieli bi kbira ħafna. Qaluli li kelli nagħmel sena kors u li ridt nitgħallem il-lingwa. Matul daż-żmien huma setgħu jixtarru jekk jien kontx tajjeb biżżejjed għal dax-xogħol. Imma wara għoxrin sena fil-korp, fejn rajt u għaddejt minn ħafna affarijiet, ma kellix dubju li kont kapaċi nidħol għal biċċa xogħol bħal din ta’ xahar, xahrejn kollox. Tlaqt minn hemm imma emminni, la l-pjan t’Alla jkun beda, diffiċli ħafna biex wieħed ixekklu.  Il-ġurnata ta’ wara, inzertajt iltqajt ma’ persuna li qaltli li ħabib tagħha, Fr Giovanni Cefai Camilleri minn Ħaż-Żebbuġ, Għawdex, kien qed jagħmel xogħol ta’ missjoni fil-Perù. B’sempliċiment email ikkomunikajna flimkien u sirna nafu lil xulxin sakemm finalment ikkonfermajt li xtaqt nitla’ nesperjenza x’inhi li tmur tagħmel missjoni hemmhekk.”

    Għaliex il-volontarjat barra l-pajjiż? Hawnhekk ma temminx li tista’ tagħmel dax-xogħol ukoll?

    “Jiena nagħmel xogħol volontarju hawnhekk ukoll! Ix-xogħol tal-kunsill għalija hekk hu. Taħseb illi l-onorarja li nieħu bħala sindku hija l-istess ħaġa li naqla’ likieku kelli mmur naħdem ma’ xi kumpanija privata? Is-sigriet huwa illi s-sodisfazzjon li tieħu meta tgħin, ma jistgħu qatt jagħtuhomlok il-flus. Fil-fatt jiena għalhekk għażilt li nissieħeb mal-partit laburista fil-politika għax is-soċjaliżmu jfisser li inti tipprova taqdi u tgħin lil dak li hu fil-bżonn.

    Staqsejtni għaliex barra… F’pajjiż ieħor ikollok iċ-ċans tara u tagħmel affarijiet li hawnhekk qatt mhu ser toħlom biss, aħseb u ara. Biss biss il-faqar li ssib f’ċertu pajjiżi huwa ndeskrivibbli – allaħares jeżisti f’Malta! U mbagħad hemm esperjenzi oħra bħal meta Fr Giovanni bagħtni niftaħ it-tabernaklu biex inġiblu l-ostji; xi ħaġa li qabbditni l-bard għax ma ħassejtnix denju. Iżda hekk kif dawwart iċ-ċavetta u t-tabernaklu nfetaħ bdejt nisma’ ġo moħħi “Qed tara xi tlift? Qed tara?”. Hemm bosta raġunijiet u stejjer li nista’ nirrakkuntalek.”

    X’inhi l-akbar sfida biex tagħmel dan it-tip ta’ volontarjat?

    “Li titlaq kollox warajk għal ftit żmien. Dan kulħadd kulħadd ikollu l-familja, x-xogħol u l-impenji tiegħu. Sfida oħra hija li jrid ikollok kuraġġ biżżejjed biex taffaċċja dak li ssib quddiemek: il-mard, il-faqar, l-injoranza u l-kultura differenti.

    La tmur fost il-faqar ta’ veru, trid tmur ippreparat għal kollox fostom per eżempju li tpoġġi bil-qiegħda ma’ familja fqira u tiekol mill-ikel imsajjar bl-inqas mod iġeniku li tista’ timmaġina u mferrgħa minn ġo borom imsadda u maħmuġa.

    Barra minn hekk, jiena iddeċidejt li ntella’ xi flus miegħi ħalli nkun nista’ ngħin f’xi proġetti. B’dan il-għan ġbart xi affarijiet u mort inbiegħom is-suq tal-Birgu fis-siegħat bikrin ta’ fil-għodu. Peress li jiena jafuni ħafna nies, kien hemm min staqsini x’qed nagħmel hemm? Kien hemm min għeni ħafna. Uħud tawni l-flus akkost li ma xtraw xejn u l-ewwel darba li mort tellgħajt miegħi s-somma ta’ Lm1500. Finalment ħassejtni kburi ħafna bija nnifsi li dħalt għal sfida bħal din.”

    Fil-Perù, minn xhiex sibthom l-aktar nieqsa n-nies?

    “Jiena kont noqgħod f’appartament ħdejn il-knisja ta’ Fr Giovanni ġewwa La Tomilla f’Arequipa. Il-faqar li rajt u missejt b’għajnejja kien kbir. Dawk li mit-triq jidhru djar mhumiex ħlief kmamar. F’kamra waħda jgħixu sitta min-nies bla dinjità ta’ xejn u kultant lanqas ikollhom għaxja ta’ lejla. Faċilitajiet sanitarji xejn, id-‘djar’ vojta, friġġ ma teżistix – l-aktar l-aktar, jekk ikollhom xi ħaġa li jridu jneħħuha minn taħt il-qilla tax-xemx, jidfnuha taħt il-ħamrija.

    Imma l-akbar nuqqas li għandhom huwa l-imħabba. Fil-fatt għalihom, aktar milli l-flus li ttella’ miegħek biex tgħinhom, japprezzaw il-fatt li inti indenjajt titlaq id-dinja tiegħek biex tqatta’ ftit ġranet magħhom.”

    X’tip ta’ għajnuna tajt s’issa?

    “L-ewwel darba li tlajt għaddejt il-flus lil Fr Giovanni, li dan min-naħa tiegħu użahom biex itaffi ftit mit-tbatija tan-nies. Imma dis-sena rnexxieli ntella’ s-somma ta’ 6000 ewro (bl-għajnuna ta’ diversi Joe Micallef iqassam xi ħwejjeġSkalin u individwi minn lokalitajiet oħra) u bihom lestejna l-klinika ta’ La Tomilla minn kollox. Għalkemm ikollok il-limitazzjonijiet tiegħek, hemmhekk il-munita tagħhom tant hi fqira illi b’$100 did-darba rnexxieli wkoll nibni roqgħa bit-turf u l-bandli kompluti b’kollox fis-sit ta’ skola żgħira li jisimha Malta. Kont kuntent ukoll għax f’dal-post issa tellgħu l-bandiera ta’ Wied il-Għajn.

    Nippreferi ħafna meta l-għajnuna li nagħti tkun sostenibbli u li tibqa’ titgawda għal tul ta’ żmien u minn ħafna nies. Imma mbagħad kien hemm xi ħadd tal-familja li tani xi ħwejjeġ tat-tfal kważi ġodda u qassamthom lil xi tfal hemmhekk. Ħadu pjaċir bihom ħafna. Biex infiehmek naqra x’tip ta’ faqar jeżisti hemmhekk, l-ewwel darba li mort, domt xahrejn f’La Tomilla. Ċertu tfal innutajthom illi kienu bi ħwejjeġ partikolari fl-ewwel ġurnata  u meta ġew biex isellmuli għax kont ser nitlaq, kienu għadhom bl-istess flok u qalziet! Dan biex ma nsemmilekx li uħud minnhom kienu jaqilbu l-flokk ta’ taħt fuq (biex taparsi biddlu) għal meta jmorru l-quddies tal-Ħadd.

    Fit-tieni darba li mort, tellgħajt ukoll erbgħa stetoskopji li offrili Dr Josie Muscat sabiex ngħaddihomlhom għall-klinika tagħhom. Wieħed minn dawn l-istetoskopji fil-fatt tajtu lill-kummissarju tal-pulizija (peress li l-pulizija hemmhekk għandha l-isptar tagħha) bil-patt li jekk Fr Giovanni jkollu bżonn is-servizzi tal-isptar tiegħu, hu kellu jgħinu bl-aħjar mod.

    Bil-ftit flus li kien fadal, organizzajna wkoll ikla għan-nies tal-post. Morna s-suq tal-belt minn fejn xtrajna 13 il-biċċa majjal u ftit ħaxix u għamilna festa bihom! Għalihom li jieklu biċċa laħam hija xi ħaġa speċjali. Biex tifhimni, s-soltu nsajjar borma brodu għal nofsinhar għal 30 tifel u tifla permezz ta’ tadama waħda, borma ilma u ponn ross.”

    Jgħidu li bniedem aħjar tagħtih il-qasba milli l-ħut…

    “Iva tagħtih il-qasba… imma l-ħut fejn qiegħed? F’dan il-post opportunitajiet m’hemm assolutament xejn. L-aktar l-aktar jitilgħu sas-suq kmieni fil-għodu biex forsi xi ħadd iqabbadhom qadja u jħallashom. Il-bqija l-art niexfa qoxqox għax ma tagħmilx xita. Fuq kollox in-nies huma mrobbija b’kultura differenti maħkuma minn rassenjazzjoni assoluta għal dil-ħajja ta’ faqar. Twieldu f’dak il-post u raw lill-ġenituri tagħhom jgħixu hekk u għalhekk ma jafux aħjar. Il-biċċa l-kbira tagħhom lanqas sal-belt (li tinsab nofs siegħa l-bogħod bil-vann) qatt ma marru għax m’għandhomx biex iħallsu għat-trasport. Ħajjithom bla skop.

    Fil-fatt din hi xi ħaġa li issa qegħdin jitgħallmu wliedhom fl-iskejjel – li tgħin ruħek, li titgħallem, li jkollok għan fil-ħajja biex timxi ‘l quddiem. Bi pjaċir ngħid illi d-dentist u n-ners huma nies tal-post u għal paga miżera, dawn jagħmlu xogħol utli immens. Madanakollu f’dawk l-inħawi, jkolli nammetti li l-opportunitajiet diffiċli ħafna.”

    Imma dawn in-nies kif ġew f’din il-kundizzjoni estrema ta’ faqar?

    “Ġeneralment l-ewwel ħsieb li jiġik fil-gvern u hawnhekk nista’ ngħidlek li dawn in-nies m’għandhom l-ebda għajnuna soċjali. Li kieku ma jipprovdilhomx Fr Giovanni permezz tal-benefatturi tiegħu, kieku Alla m’għamilhom.

    Dawn huma nies li jsibu post li għandu ftit ilma, jinġabru hemm mingħajr ma jkollhom xejn u jibnu t-tribu tagħhom. Il-ġebla tagħhom tixbaħ ħafna lill-ġablo iebes u għalhekk malajr itellgħuha kamra. Imma nista’ ngħidlek li f’Malta, l-fniek tagħna fil-gallinari, jinżammu f’kundizzjoni ħafna aħjar.

    Barra minn dan, in-nuqqas ta’ edukazzjoni twassal għal aġir mhux f’loku. Insemmi per eżempju l-każi ta’ inċest bejniethom li jikkaġunaw bosta tfal li jbatu b’xi forma ta’ diżabbiltà. Imbagħad ikun hemmFr Giovanni Cefai Camilleri ukoll dawk l-irġiel li wara li jkollhom it-tfal minn mara, jmorru jaħdmu f’Lima bit-tama li jsibu xogħol aħjar. Hemmhekk ġeneralment jiltaqgħu ma’ mara oħra, jkollhom it-tfal minnha wkoll, jibnu familja oħra hemm u lill-familja tagħhom f’Latomilla jabbandunawha.

    Fejn jidħol mard imbagħad iridu jħallsu għal inqas ħaġa. Biex jagħmlu operazzjoni per eżempju jridu jħallsu saħansitra tal-labbra u tas-sikkina. Għalhekk kważi kważi, meta jaslu f’dak l-istat, nieshom kważi jippreferuhom imutu għax ma jkollhomx biex iħallsulhom il-kura! Ara, jekk naqbad nirrakkonta, lanqas nispiċċa!”

    Għalik li tkun fqir, xi jfisser?

    “Hemm diversi livelli ta’ faqar. Ngħidu aħna f’pajjiżna l-faqar huwa pjuttost relattiv; wieħed iħossu fqir għax ma jistax jixtri l-lussi li jiflaħ jakkwista ħaddieħor. Fl-istess ħin ma rridx ninsa wkoll illi meta kont fil-korp, għamilt żmien immexxi l-vice squad u waqt dak ix-xogħol kien hemm mumenti fejn il-faqar li sibna ma’ wiċċna kien iqarreb sewwa lejn dak li rajt fil-Perù.

    Meta tara l-faqar fuq it-TV forsi tasal biex tifhem ftit x’jiġifieri tkun tassew fqir u bla ma trid tlissen “imsieken”. Imma l-veru faqar biex tifhmu trid tkun f’nofsu, tarah b’għajnejk u tmissu b’idejk – tesperjenzah fir-realtà qarsa tiegħu.

    Biex nagħtik eżempju, dis-sena tela’ miegħi ukoll Joe Micallef, il-President tal-Għaqda Mużikali Sant’Anna Wied il-Għajn. Kont ilni ħafna nirrakkuntalu u nurih ir-ritratti ta’ x’hemm f’La Tomilla. Imma waqt li konna hemm darba lissen “illum nifhem x’hawn!”. Joe ħadem ħafna miegħi, dorna bosta postijiet u nies u dħalna f’ħafna stejjer u ġrajjiet ta’ nies tassew fqar. Stajt nara lil Joe jitqanqal dejjem aktar, ġurnata wara l-oħra. L-għożża li jilqgħuk biha, akkost li jgħixu f’tant għaks, ma tistax ma tmisslikx qalbek. Lil Joe mhux l-ewwel darba li rajtlu d-dmugħ f’għajnejh.”

    Mario qabad ritratt partikolari…

    “Ara eżempju tal-faqar,” qalli. “Lil dar-raġel sibnih fl-art, mitluq wara ħajt tas-sejjieħ. Indunajna bih għax kważi rfisnih. Kien bil-ġuħ mejjet u jien tajtu jixrob ftit mill-yoghurt li kelli f’idi. Kellu d-dwiefer ta’ saqajħ suwed faħma u mdawwrin bħal tal-għasafar. Għajnejħ kienu magħluqin b’infezzjoni. Kif ħares lejja rajtlu ragħwa ħadra ħierġa minn ħalqu. Kien qed jomgħod werqa tal-cocoa għax din tgħinu biex ma jħossx ġuħ għall-ġurnata sħiħa.”

    Liema kien l-aktar mument memorabbli?

    “Darba morna nżuru familja. Sibna r-raġel barra, jistrieħ ma’ ċint, viċinu kellu rota u kien qed iħares fil-vojt. Meta dħalna f’daru sibna lil martu qed tmut b’infezzjoni fl-istonku. Ħdejha, mimdudin fis-sodda, kellha żewġt itfal li jbatu b’diżabbiltà. Il-mara kienet qed tibki, ddisprata u muġugħa u ma tafx x’ser taqbad tagħmel biex tgħin ruħha. Dak il-ħin inħsadna, ikkuntattjajna l-klinika u ġiet tabiba malajr li tatha injezzjoni. Tajniha wkoll xi flus biex ngħinuha. Imma dak kollu li stajna nagħmlu. Li kompla mmeraviljani kien illi wara jumejn telgħet tfittixni l-knisja. Ġabitli żewġ skufji mgeżwrin ġo karta tal-Milied. Meta ġejt biex nitlaq, ġiet issellimli. Għożżejthom ma’ qalbi daż-żewġ rigali u għalkemm għalija m’għandhom l-ebda użu, fl-istess ħin ifissru ħafna għax ifakkruni li dakinhar aħna salvajna ħajja ta’ bniedem.”

    Illum xi jfisser għalik dax-xogħol volontarju?

    “Il-missjoni għalija llum ġiet kilba, bħal meta bniedem ipejjep. Għadni kif missejt lura ma’ dil-blata u diġà moħħi qed ibherren kif ser nerġa’ nitla’ sentejn oħra. Għad-darba li jmiss għandi proġett ieħor: dik li nibni kappella u klinika ħalli nkabbru villaġġ li bħalissa jeħtieġ ħafna għajnuna. Nixtieq ukoll intella’ grupp mediku miegħi sabiex idealment ikun jista’ jagħmel xi interventi hemm.

    S’issa mort darbtejn f’La Tomilla u hemm nerġa’ mmur. Ma rridx li n-nies jaħsbuni xi qaddis taf, għax m’inix. Fil-fatt kien hemm min saħansitra ikkritikani fuq il-gazzetti lokali għax saħaq li ma kellix għalfejn noqgħod ngħid li sejjer nagħmel missjoni. Imma jekk ma titkellimx man-nies, kif ser tiġbor il-flus biex tkun tista’ tgħin?

    Jiena anzi ngħid aktar minn hekk … nistieden lil min hu mħajjar sabiex jiġi magħna u jqatta’ ftit ġranet jagħti daqqa t’id. Min-naħa l-oħra min jixtieq jgħin bil-flus, jeżistu kontijiet apposta: Mario Calleja – Fondi Perù BOV – 40013785673 jew HSBC – 049-012065-050.”

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-17 ta’ Jannar 2010)