• SAPPORT BIEX TERĠA’ TIBDA…

    Qabel jiena sirt omm, kont naħseb illi ma kinetx daqshekk diffiċli li tkun ġenitur. Kont noqgħod ninnota l-attitudnijiet ta’ diversi ġenituri oħra filwaqt li nixtarr u nimmemorizza min kien l-aħjar minnhom ħalli l-quddiem nagħmel bħalhom. Qrajt ukoll numru ta’ kotba u tħarriġt dwar kif tkun ġenitur tajjeb u dwar kif għandek tieħu ħsieb ‘l uliedek. Għalhekk meta wasal il-mument ħsibt li kont ippreparata sewwa. Imma ħej, akkost li bosta avżawni li ħajti kienet ser tinqaleb mill-lejl għan-nhar, qatt ma fhimt tassew x’riedu jfissru qabel sibt ruħi fis-sitwazzjoni.

    Niftakar li l-ewwel reazzjoni tiegħi kien l-element ta’ sorpriża dwar kif ħlejqa daqshekk ċkejkna tista’ tibki u tagħmel daqstant storbju! Imbagħad hekk kif ħriġt mill-isptar u mort id-dar inħsadt meta ġejt wiċċ imb’wiċċ mar-realtà li ġiet afdata l-ħajja ta’ bniedem f’idi – jien li qatt ma rabbejt lil ħadd qabel. Tarbija ħelwa b’par għajnejn sbieħ u kbar tħares lejk, tiddependi għal kollox minnek u b’fiduċja assoluta li inti ser tagħtiha l-aqwa kura u mħabba. Tippanikja daqsxejn għall-ewwel imma ftit ftit tibda tidra u titgħallem u tħossok kburija li bis-saħħa tiegħek t-tarbija qegħdha tikber kuntenta u b’saħħitha.

    Madanakollu kull ġurnata ġġib it-tibdil tagħha. Aktar ma t-tfal jikbru, aktar tibda toħroġ il-personalità tagħhom li mhux neċessarjament tkun preċiżament bħal tiegħek. Tibda ssib ruħek f’kunflitt bejn dak li jridu huma u dak li trid int. Jiġu waqtiet meta tixtieq tkun ħelwa ma’ wliedek imma fl-istess ħin tkun tridhom jirrispettawk u b’xi mod jifhmu dik iċ-ċertu awtorità tiegħek. Tkun tixtieq tagħtihom dik il-biċċa ċikkulata żejda imma min-naħa l-oħra tridhom jieklu ikel sustanzzjuż. Tkun trid li wliedek ikunu kemmxejn avventurużi imma fl-istess waqt ikollok il-biża’ li ser iweġġgħu.

    Fuq dan kollu, speċjalment bħala mara, sikwit jiżdied il-piż li trid tieħu ċerti deċiżjonijiet fundamentali, fostom jekk hux ser tibqa’ taħdem jew jekk hux ser tieqaf. Jekk tagħżel li tibqa’, jeħtieġ li tara ma’ min ser tħalli ‘l uliedek, x’ħinijiet tista’ taħdem u x’ser tagħmel fil-każ li jkunu ma jifilħux. Min-naħa l-oħra jekk tikkunsidra li tieqaf, trid tara jekk dan hux ser ikun ta’ piż finanzjarju fuq il-familja, ikollok taċċetta li issa inti mara tad-dar u li ser tħalli warajk il-kariga tax-xogħol li kellek u li kultant ser jiġu mumenti fejn ser tħossok minsija u waħdek ħafna.

    Tibda tagħraf li mhux faċli li tkun omm u li dak il-ħolm romantiku li kellek dwar it-trobbija ta’ wliedek, fih l-iebes tiegħu ukoll. Kultant jiġu drabi li tħossok mfarrka u għajjiena u tibda tiddubita kemm oriġinarjament kont kapaċi li tidħol għal responsabbiltà bħal dik. Tkun għatxana għal spalla fuq xhiex isserraħ, imqar għal ftit, sakemm tiġi f’tiegħek, sakemm ikollok is-saħħa terġa tibda mill-ġdid…

    Proprju dwar dan is-suġġett dil-ġimgħa ltqajt ma’ Jacqueline Vella, il-ko-ordinatriċi ta’ Home-Start Malta; servizz issapportjat mill-Aġenzija Appoġġ b’kollaborazzjoni mal-Home-Start International u sponsorjat mill-HSBC Cares for Children Fund u mill- Vodafone Malta Foundation.

    “Illum ninsabu konxji kemm huma essenzjali l-ewwel snin tat-trobbija għall-iżvilupp tat-tfal u kemm huwa vitali li dawn jgħixu f’ambjent protett u seren. Home-Start tikkunsidra illi l-ġenituri huma l-Jacqueline Vellaqofol biex jinħoloq dan l-ambjent ideali u għalhekk dan is-servizz ġie stabbilit biex joffrilhom sapport waqt li qed irabbu ‘l uliedhom fl-età ta’ inqas minn 5 snin. Home-Start tisħaq dwar l-importanza illi dawk il-ġenituri li huma għaddejjin minn xi diffikultà għandhom jitolbu l-għajnuna fil-pront għax aktar ma jirreaġixxu minn kmieni, anqas jitħallew jaqgħu lura u jkunu jistgħu jirkupraw malajr kemm jista’ jkun. Sfortunatament meta persuna tkun għaddejja minn żmien diffiċli, il-motivazzjoni u l-enerġija tista’ tonqsilha biex tagħti biżżejjed ħin lil uliedha.”

    Kif oriġina dan is-servizz u kemm ilu jiġi applikat f’pajjiżna?

    “Il-kunċett ta’ Home-Start oriġina fl-Ingilterra fl-1973 meta xi professjonisti li jaħdmu ma’ familji ta’ tfal żgħar irrealizzaw u fehmu l-importanza li jingħata sapport lill-ġenituri matul it-trobbija ta’ wliedhom. Malli beda jidher biċ-ċar kemm il-ġenituri setgħu jibbenefikaw minn dan is-servizz, Home-Start bdiet tiġi applikata anki f’pajjiżi oħra fostom f’Malta fejn dan is-servizz beda fl-2006.

    Kif jingħata s-servizz ta’ Home-Start?

    “Is-servizz tal-Home-Start jingħata permezz tal-voluntieri tagħna. Kif għedna, l-ġenituri huma l-aħjar persuni li jistgħu jagħtu l-aħjar formazzjoni u mħabba lil uliedhom. Għalhekk x’hemm aħjar minn ġenituri li jgħinu lill-ġenituri oħra? L-esperjenza li jkollhom il-voluntiera hija essenzjali biex ikunu voluntiera tajba, iżda barra minn hekk huma jingħataw ukoll taħriġ min-naħa tagħna. Persuni oħra li jkunu rabbew it-tfal minflok il-ġenituri naturali, bħal ngħidu aħna xi aħwa akbar, jistgħu wkoll ikunu voluntiera ma’ Home-Start għax huma wkoll għandhom ħafna x’jagħtu.

    Il-voluntiera ta’ Home-Start jitħarrġu f’dan il-qasam matul kors ta’ 40 siegħa. Waqt dan il-kors, jiena nsir naf aktar mill-qrib lil dawn il-voluntiera u allura nkun nista’ nfassal aħjar ma’ liema tip ta’ familji jistgħu jaħdmu. Kull familja jkollha l-bżonnijiet u l-ambjent tagħha u daqstant ieħor kull voluntiera għandha n-natural u l-personalità tagħha. L-armonija bejn it-tnejn hija neċessarja biex dan is-servizz jingħata bl-aħjar mod possibbli.

    B’ko-ordinazzjoni mal-familji, il-voluntiera jżuru darba fil-ġimgħa lill-familja assenjata lilhom u jagħtu sapport emozzjonali u prattiku.”

    Min jista’ japplika għal dan is-servizz?

    “Jistgħu japplikaw familji li għandhom wild jew aktar taħt il-5 snin u li jħossu li bħalissa għaddejjin minn xi sitwazzjoni diffiċli. Fil-preżent dan is-servizz qiegħed jingħata f’lokalitajiet partikolari: il-Kottonera, il-Kalkara, Ħaż-Żabbar, il-Fgura u ż-Żejtun. Bdejna minn dawn il-postijiet peress li hemmhekk konna diġà qed nagħtu xi servizzi kommunitarji u allura kellna l-pedamenti lesti biex jitwettaq anki dax-xogħol. Ġieli rnexxielna nagħtu das-servizz lil xi familji minn lokalitajiet oħra iżda għalkemm nixtiequ li nespandu das-servizz, niddependu ħafna min numru ta’ voluntiera li jkollna lesti biex jagħmlu dax-xogħol.

    Nixtieq niċċara l-punt illi l-għan ewlieni ta’ Home-Start mhux li nġibu lill-ġenituri dipendenti fuqna imma li f’mumenti partikolarment diffiċli, nagħtuhom daqqa t’id sakemm ikollhom forza biżżejjed biexFamilja ikomplu weħidhom. Kultant bniedem ikollu biss bżonn ta’ daqsxejn kuraġġ, kelma ta’ ħabib, naqra attenzjoni u widna li tisimgħu mingħajr ma tiġġuddikah. Għalkemm it-trobbija tat-tfal hija xi ħaġa sabiħa, kultant taf tħarbat l-armonija li tkun laħqet inħolqot f’familja u wieħed jaf jitfixkel jekk ma jkollux ma’ min jista’ jaqsam dawn id-diffikultajiet. In-natura tal-problemi li jistgħu jinqalgħu huma ta’ kull xorta: single parent, it-twelid ta’ tewmin, separazzjoni, tarbija bi bżonnijiet speċjali jew saħansitra dik il-mara li marret toqgħod f’post ġdid, ma taf lil ħadd madwarha u tispiċċa iżolata jew il-bogħod mill-ħbieb u mill-familjari.”

    X’inhu mistenni mill-voluntiera li jaħdmu ma’ Home-Start?

    “Il-voluntiera għandhom rwol speċjali ħafna f’Home-Start. Taf int, il-familja tagħna dejjem hija daqsxejn sagra. Mhux ser naqbdu u nħallu lil kwalunkwe persuna tidħol f’darna u f’ħajjitna! Għalhekk aħna nenfasizzaw mal-voluntiera tagħna illi huwa privileġġ li dawn jingħataw l-opportunità li jidħlu fid-djar u fil-ħajja ta’ dawn il-familji. Wara ċertu numru ta’ żjarat, tinħoloq relazzjoni ta’ fiduċja u ta’ ħbiberija bejn il-familja u l-voluntier u din hija essenzjali biex l-iskop ta’ Home-Start jirnexxi. Għaldaqstant l-impenn f’dan ix-xogħol huwa neċessarju ħafna. Tal-inqas nirrikjedu illi l-voluntiera jagħtu s-servizz tagħhom għal 3 siegħat darba fil-ġimgħa għal madwar sena. Madanakollu nixtieq niċċara li aħna nifhmu wkoll il-bżonnijiet tal-voluntier u fejn nistgħu nirranġaw bejnietna.

    Waqt is-servizz tagħhom il-voluntiera jiġu mitluba jagħtu sapport billi fuq kollox jisimgħu lil familji x’għandhom x’jgħidu, li jagħtuhom ċans jiftħu qalbhom, li jinteressaw ruħhom fihom, li juruhom diversi għażliet fil-ħajja u li forsi kultant jaqsmu xi esperjenza magħhom biex jibnulhom mill-ġdid il-kunfidenza fihom infushom. Fejn ikun hemm bżonn, imorru wkoll magħhom għal xi appuntament għand it-tabib jew l-iskola. U dan kollu jsir taħt kunfidenzjalità assoluta.

    Il-voluntiera li għandna bħalissa huma kollha nisa għalkemm nixtiequ li jkollna rġiel ukoll. Kif kulħadd jista’ jifhem, mara ma’ mara tkun tista’ tifhem aktar mill-qrib il-bżonnijet tal-oħra. U daqstant ieħor fil-każ tal-irġiel. Nifhmu iżda li l-irġiel għandhom daqsxejn problema biex jivvolontarjaw peress li ħafna minnhom ikunu xogħol. Però nista’ nappella għan-nanniet u nfakkarhom li anki huma mistiedna jipparteċipaw f’dan is-servizz.”

    Kemm kien ta’ suċċess s’issa Home-Start?

    “F’das-sitwazzjonijiet is-suċċess kif tkejjlu? Ir-riżultati ta’ xogħol bħal dan ma tarahomx mill-lum għal għada. Jieħdu ż-żmien imma żgur li jservu ta’ ħafna ġid. Mhux kulħadd idum l-istess biex jerġa’ jiġi fuq saqajh u ovvjament jiddependi wkoll mit-tip ta’ diffikultà li jkollha kull familja.

    Però biex inwieġbek, nista’ ngħidlek illi l-ewwel nett għandna voluntiera magħna li ilhom mill-bidu nett tat-tnehdija ta’ Home-Start u jinsabu kuntenti ħafna li għandhom l-opportunità li jagħmlu dax-xogħol. Barra minn hekk, il-familji b’mod volontarju jagħżlu li jibbenefikaw minn das-servizz u jingħataw l-għajnuna. Huwa tajjeb li nsemmi wkoll illi uħud minn dawn il-ġenituri, tant apprezzaw li meta kellhom bżonn huma ngħataw daqqa t’id, li llum huma stess huma volontarji magħna u issa qed jgħinu lil ħaddieħor!”

    Dawk li huma interessati japplikaw bħala voluntiera ma’ Home-Start, fejn jistgħu jikkuntattjawkom?

    “Bħalissa qed nagħmlu s-sitt sejħa għal voluntiera ma’ Home-Start. Għalhekk min jixtieq japplika bħala voluntier jew għal aktar informazzoni jista’ jċempel lit-tim ta’ Home-Start fuq 21678043 jew 99018398. Jista’ wkoll jibgħat email fuq: home.start@maltanet.net jew iżur il-website: www.appogg.gov.mt.”

    Meta ddeċidejt li nagħmel din l-intervista, tlabt ukoll biex niltaqa’ ma’ xi ħadd mill-voluntiera biex tkellimni dwar din l-esperjenza tagħha. Rita, issa ilha 4 snin taħdem bħala volontarja ma’ Home-Start Malta u sal-lum hija tat is-servizz tagħha lil numru ta’ familji…

    Kif sirt taf bis-servizz tal-Home-Start Malta u għaliex tħajjart tissieħeb bħala voluntiera?

    “Sirt naf għall-ewwel darba b’Home-Start meta rajt lil Jacqueline fuq it-TV waqt li kienet qegħdha tagħmel sejħa għal voluntiera. Jiena stess kont għaddejt minn żmien fejn kelli bżonn l-għajnuna u sibt min jgħini u għalhekk dejjem xtaqt nagħti xi ħaġa lura. Fil-fatt mhux l-ewwel darba li għent lil sħabi f’xi mumenti diffiċli tagħhom. Kien għalhekk li tħajjart nissieħeb mal-Home-Start.”

    Taħseb illi t-taħriġ li tieħdu huwa adegwat biżżejjed biex tkunu tistgħu twettqu dax-xogħol?

    “Jiena mara tad-dar u għall-ewwel ikkonfondejt kemm ser inkun kapaċi nagħti das-servizz. Barra minn hekk kont drajt ngħix b’ċertu indipendenza; dik li nista’ mmur fejn u meta rrid naqdi l-qadi u Flyer - Home Start Maltanagħmel il-ħruġ tiegħi. U għalhekk qisni ddubitajt kemm ser inkun nista’ nżomm dan l-impenn. Iżda t-taħriġ li ngħatajt mill-Home-Start neħħieli dawn id-dubji u meta bdejt nara li stajt nagħmel il-ġid, aktar qawwejt qalbi, tant li sena wara sena nerġa’ noffri l-għajnuna tiegħi. Nammetti illi fil-bidu, meta tkun ser tiltaqa’ ma’ familja ġdida, tibqa’ tħoss dik iċ-ċertu nċertezza dwar kif ser tmur. Imma wara ftit it-tnejn nidraw lil xulxin u bil-mod il-mod tinbena ħbiberija ġdida. Fl-istess ħin matul il-kors nitgħallmu kif ma naqbżux ċertu limiti, billi noqogħdu attenti illi l-familji ma jsirux dipendenti fuqna u lanqas aħna ma nsiru involuti emozzjonalment iżżejjed magħhom.

    Barra minn hekk, kemm il-kors li ngħatajna fil-bidu u anki l-laqgħat li jkollna b’mod regolari ma’ Jacqueline u l-voluntiera l-oħra nħoss li għenuni ħafna anki fil-ħajja tiegħi personali. Biex nagħtik eżempju: kif jiena issa għandi l-abbiltà illi ġod-dar ta’ dawn il-familji naf inżomm ċertu kontroll, daqstant ieħor sirt inżomm l-istess kontroll f’dari u dan jgħin ħafna fil-ħajja tal-familja tiegħi.”

    Kemm jagħtik sodisfazzjon dan il-volontarjat?

    “Ħafna! Ikabbrek bħala persuna għax tagħraf kemm inti kapaċi tkun ta’ benefiċċju għall-oħrajn. Permezz ta’ dan ix-xogħol qed nitgħallem aktar dwar il-bniedem. Fuq kollox qed nagħraf kemm ma tistax tiġġudika persuna mill-faċċata tagħha biss. Ma nieqaf qatt nimmeravilja ruħi mill-qalb kbira li nsib f’ċertu nies akkost il-bixra differenti ta’ kif jidhru minn barra. Fhimt illi ċertu attitudnijiet tal-persuni jkunu ġejjin minn bosta konsegwenzi partikolari u mhux għax ikunu hekk oriġinarjament. Meta tidħol mill-qrib fil-ħajja ta’ dawn l-individwi tibda tiskopri l-veru persuna u titgħallem tapprezza lilha u ċertu attitudnijiet tagħha. Ġieli rajthom iwettqu atti ta’ karità, akkost id-diffikultajiet li jkunu fihom, li jiena stess niddubita kontx inkun kapaċi nagħmilhom. Qatt ma ddejjaqt nakkompanja lil dawn il-persuni, akkost li kultant l-istil tal-ħajja tagħhom ikun ferm differenti minn tiegħi. Anzi nħossni kburija li jqisuni u jirreferu għalija bħala l-ħabiba tagħhom.”

    Temmen illi dax-xogħol qed ikun ta’ benefiċċju għall-familji?

    “Bla dubju! Għalkemm forsi r-riżultati ma tarahomx mill-ewwel jiena xorta nemmen illi t-tajjeb ikun qiegħed isir. Dan bħal meta konna żgħar u ommna kienet tgħidilna ħafna affarijiet u mbagħad nifhmuhom u nagħmluhom meta nikbru. L-istess dan is-servizz: biss biss it-tfal li qed jingħatalhom ambjent aħjar fil-familja tagħhom, il-quddiem nittama li jkunu kapaċi jagħmlu l-istess ma’ wliedhom.

    Imbagħad ikun hemm ċertu bidliet li tibda tarahom mill-ewwel. Bħal ngħidu aħna, akkost li aħna ngħidulhom li jistgħu joqogħdu komdi d-dar, anki bil-paġama jekk iridu, tinnota li meta tmur inti żżurhom jibdew jaħslu xagħarhom u jilbsu pulit. Tinduna li diġà qed tagħtihom dik in-naqra motivazzjoni u skop biex jibdew iduru dawra magħhom infushom. Il-fatt li għandhom lil xi ħadd jismagħhom mingħajr ma jiġġudikahom jgħinhom ħafna biex jiftħu qalbhom u jaqsmu d-diffikultajiet u d-dubji tagħhom. Ftit ftit jibdew joħorġu minn qoxorthom u jsiru indipendenti sakemm ma jkollhomx bżonn aktar l-għajnuna tagħna.”

    X’messaġġ tixtieq tgħaddi lil min qiegħed jikkunsidra li jingħaqad bħala volontarju ma’ Home-Start?

    “Lil min hu mħajjar, nagħmillu kuraġġ għax huwa xogħol li jagħtik sodisfazzjon kbir. Tagħti ftit ħin minn tiegħek u għalkemm ma tmurx għal hekk, tirċievi lura ħafna inti wkoll. Permezz ta’ dax-xogħol issib lilek innifsek, titgħallem ħafna u timla’ dak il-vojt li kultant taf tħoss ġo fik.”

    L-Aġenzija Appoġġ tifforma parti mill-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali li tinkorpora wkoll Aġenzija Sedqa (www.sedqa.gov.mt) u Aġenzija Sapport (www.sapport.gov.mt.)

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-28 ta’ Frar 2010)