• TEŻISTI L-IMĦABBA VERA?

    Jidhirli li dis-sena Jum San Valentinu ħabat naqra stramb peress li qed jiġi ċċelebrat flimkien mal-Karnival. Iżda jista’ jkun li nsib min imerini hawnhekk għax fl-opinjoni tiegħu dis-sena, dal-jum pjuttost ġie f’waqtu għaliex l-imħabba ma jistħoqqiliex serjetà – l-aħjar teħodha biċ-ċajt.

    Fil-fatt hemm min jisħaq li l-imħabba hi biss kunċett għax ma teżistix. Oħrajn jgħidulek li l-imħabba hi emozzjoni qawwija imma li xi darba jew oħra tgħaddi u tmut. Individwi oħra jużaw dil-kelma bla rażan, jekk mhux b’makakkerija, sabiex jieħdu li jridu mingħand dak li jkun sa ma jasruh bħal-lumija u jitilquh hemm. Illum l-impenn ma’ persuna waħda qed isir kważi leġġenda. Ġeneralment tisma’ biss b’relazzjonijiet mibnija fuq it-tafal li jisfrundaw ma’ l-ewwel problema.

    Tassew ironika l-ħajja meta tikkunsidra illi l-egħżeż ħaġa għall-bniedem – l-imħabba – hi l-aktar ħaġa li toħloqlu mrar u disperazzjoni. Għadni niftakar sew żogħżiti hekk kif tibda tħobb lil min lanqas biss jinduna li teżisti u tistmerr lil min jadurak! Imbagħad timmatura daqsxejn u tibda tħaddem ftit moħħok, tikkontrolla aħjar qalbek u titgħallem xi ftit tattiċi biex tolqot f’ras il-għajn, kif jgħidu.

    Madanakollu jkolli nammetti li din ta’ San Valentinu kienet baqgħet tkiddni għal diversi snin. Min jaf kemm qattajt ħin nistenna wara l-bieb biex nara nirċevix xi kartolina u meta  ninduna li mhu ġej xejn, dinjieti kienet taqa’ fl-agħar abbissi. Nidħak illum meta nara kemm dawn l-affarijiet frivoli kienu jagħmlu bija. Imma darba rċevejt kartolina ta’ San Valentinu li baqgħet għal qalbi wisq! Naħlef li kien bagħtieli missieri, għalkemm hu għadu jiċħad sal-lum. Fuqha kien hemm messaġġ jgħid li kelli nistenna ftit imma minn mument għall-ieħor kont ser niltaqa’ ma’ dak li jħobbni għal dejjem… Kellhom jgħaddu naqra snin sakemm seħħ kliemu u terġa’ u tgħid illum bilkemm tazzarda tuża’ l-kliem ‘għal dejjem’. B’dak kollu li qed iseħħ madwarna, ma tagħtihomx tort liż-żagħżagħ li joqgħodu pass lura qabel jerħu qalbhom u ħajjithom f’idejn xi ħadd. Imma allura x’inbidel fil-bniedem? X’kien is-sigriet tal-koppji ta’ dari li kienu jibqgħu flimkien, hekk kif ħalfu quddiem Alla, sal-aħħar nifs ta’ ħajjithom?

    Bit-tama li niskopri l-muftieħ li jostor is-soluzzjoni għal dit-taħbila, il-ħabiba tiegħi Joan Agius, il-viċi-Sindku taż-Żejtun, laqqgħatni ma’ koppja li tgħix fid-Dar tal-Anzjani tal-istess raħal….

    Vincent u Monica Serpina laqgħuni b’ħeġġa…

    “Għamilt tajjeb li ġejt tkellimna fuq San Valentinu,” qaluli. “Għax aħna, għalkemm ilna 48 sena miżżewġin, għadna qisna love-birds!”

    Iltaqgħu għall-ewwel darba meta Monica kellha 13-il sena u Vincent kellu 17…

    “Iltqajna fit-teatrin tad-Domus f’Bormla. Dak iż-żmien, dik kienet il-ħarġa taż-żagħżagħ – it-teatrin jew it-talkies. U terġa’ u tgħid fid-Domus l-irġiel kienu joqogħdu bil-qiegħda naħa u n-nisa n-naħa l-oħra, bil-qassisin jippassiġġaw fin-nofs biex iżommu l-kontroll! Konna jiena u kuġinti bil-qiegħda fuq l-aħħar bank inqallbu l-kotba tal-imħabba meta Vincent u sieħbu bdew jibgħatu ġuvnott żgħir bil-messaġġi. Vincent kien gustuż mhux ħażin u t-tfajliet li kien hemm ħdejna bdew jisħqu li għalihom kien qed jibgħat. Imma hu kien tefa’ għajnejh fuqi u hu lili għoġobni ħafna wkoll,” bdiet tirrakkuntali Monica.

    “Lilha vera kont għażilt! Dak ix-xagħar aħmar li kellha kien sabiħ wisq,” insista Vincent.

    Imma l-kobba kienet imħabbla sew għax mid-dehra din l-istorja ta’ mħabba bdiet fuq imħatra! Vincent u sieħbu kienu jduru f’diversi teatrini peress li missier ħabibu kien attur. Bejniethom kienu għamlu mħatra li jkollhom tfajla f’kull teatrin…

    “Iva dak iż-żmien kien daqsxejn fuq ruħu. Imma jiena ma togħġobnix relazzjoni hekk. Jiena nemmen illi raġel wieħed u mara waħda biss jagħmlu żwieġ. Għalkemm konna diġa għamilna xi żmien namrati, Monica u Vincent Serpinaġurnata minnhom, wara li ġew xi wħud jgħiduli li rawh ma’ tfajla oħra, ħassart minn miegħu. Għedtlu ‘Meta tiddeċiedi li trid mara waħda biss, jekk trid erġa’ ejja’. Għamilna għaxar xhur mifrudin għalkemm jiena bqajt insemmih il-ħin kollu. Ma stajtx inneħħih minn qalbi, lanqas meta biex ninkih, bdejt noħroġ ma’ ħaddieħor. Fil-fatt fejn ma’ Vincent kont nintasab x’imkien fejn nistgħu noqogħdu nagħtu xi bewsa lil xulxin, lill-ġuvni l-ieħor kont nieħdu biss il-knisja u biex tgħaqad il-ħin kollu kont insemmilu ‘l Vincent. Imma darba tellgħajtomlu u qalli ‘Isma’ inti ma’ min qed toħroġ, miegħi jew ma’ Vincent?’ u telaq. Sadanittant Vincent kien baqa’ jsusli l-passi għalkemm qatt ma waqa’ għalija. U darba minnhom lagħbitna oħti, bagħtet messaġġ lilu biex jiġi, ħadet lili u rranġajna, allavolja rrabbjajt ftit għax ridtu jiġi lura hu min jeddu.”

    Vincent u Monica għexu fi snin ta’ tbatija. Żmien fejn ridt tqatta’ bi sninek biex tgħix. Żmien fejn żogħżitek kienet pjuttost ikkontrollata għal kollox mill-ġenituri tiegħek, mill-Knisja u mis-soċjetà….

    “Kollox kien meqjus bħala dnub. Lanqas tirkeb f’karozza ma’ xi ħadd ma stajt. Il-bews kien mistkerraħ bil-bosta u allaħares kienu jaqbduk il-ġenituri għax It-tieġ ta' Vincent u Monicaħoll xagħrek u ġib iż-żejt. Imma jiena kont nemmen illi billi tbus lin-namrat tiegħek, ma tkun qed tagħmel xejn ħażin. Kien hawn ħafna biża’ żejjed u nuqqas ta’ tagħlim. Niftakar illi wara l-ewwel bewsa li tajt, hekk kif wasalt lura d-dar kont tlajt niġri quddiem il-mera, nħares sewwa lejja nnifsi biex nara nbidilx xi ħaġa minn surti u fil-fond ta’ qalbi kelli d-dubju jekk stajtx ħriġt tqila! Kemm meta noħorġu u kif ukoll fid-dar konna nkunu bl-għassa magħna. Id-dar aħna kellna 24 tarġa u jiena u Vincent konna nieqfu f’kull tarġa u nbusu waħda lil xulxin sakemm naslu fuq. Il-problema kienet meta kien jaqbadni ħija għax kien jitlobni tlett soldi biex jagħlaq ħalqu. Li kieku taf kemm xorobli flus hekk u t-tajba hi li mgħarraq li hu xorta kien imur jigżani wara!

    Saħansitra meta ġejna biex niżżewwġu konna tħallejna f’għama kbir. Meta kont nistaqsi lil ommi biex forsi nsir naf xi ħaġa dwar is-sess, mhux talli ma kinetx tedukani dwar is-suġġett, talli bilkemm ma kinetx tirrabja miegħi. Imbagħad morna għand ta’ Kana u ġie tabib u qagħad ipinġilna l-istampi biex ifhemna fuq fuq dwar x’jiġri bejn mara u raġel (naturalment konna mifrudin irġiel u nisa għalihom). Dakinhar tat-tieġ kont qisni ras maqtugħa. Kulħadd sejjer ‘illejla illejla’. Bdejt nitwaħħax minn żewġi u bdejt ninkwieta x’kien ġej. Jien ġegħltu jixgħel xemgħa għax ma ridtx noqgħod fid-dlam miegħu u staqsejtu x’kien beħsiebu jagħmel. U hu weġibni ‘Ara l-oħra, jien naf! Mela jiena qatt iżżewwiġt qabel?’

    Monica kompliet tirrakkuntali kif qabel l-iskola, Vincent kien jiltaqa’ magħha kuljum fil-ġnien ta’ Hastings…

    “Kien iġibli miegħu bajda mgħollija u pillola taż-żejt tal-ħuta u kien joqgħod hemm sakemm jarani neħodhom. Kont irqiqa ħafna u Vincent kien induna li konna batuti finanzjarjament id-dar. Mhux l-ewwel darba li kien jiġi għandna u jpoġġi mal-mejda filwaqt li aħna nkunu qed nieklu mill-ikel tal-gaxxin. F’dawk is-snin kien ikollna nieklu bil-qies u jekk jispiċċa ma jkollokx aktar. Imma jiena qalbi ma kienetx ittini li ma nbillux biċċa ħobż minn tiegħi fiz-zalza u nagħtihielu.”

    “Kull skuża kont nivvinta biex immur naraha. Jiena kont mill-Belt u hi minn Bormla u allura daqqa kont ninżel bil-lanċa jew bir-rota,” tbissem u qalli Vincent.

    “Anki meta ġieli għedtlu biex ma jiġix għax kien ikolli l-istudju, kien jinżel ġirja sa ħdejja bir-rota, nittawwallu mit-tieqa, jitfagħli chewing gum u jerġa’ lura d-dar,” ftakret Monica.

    “L-aqwa li naraha ftit. Kont inħobbha wisq. U għadni! Dik m’hawnx aħjar minnha fid-dinja,” kompla Vincent b’dak in-natural ħelu u kumplimentuż tiegħu.

    Xtaqt inkun naf jekk f’żogħżithom kienux jiċċelebraw il-Valentinu?

    “Inti taf x’qed issemmi hux?” weġbitni waqt li ppruvat tiftakar. “Le, ma jidhirlix li konna niċċelebrawh. Imma l-koppji ta’ dak iż-żmien ma kellniex bżonn ġurnata propizja għall-maħbubin għax aħna Valentinu kuljum. F’kull ġurnata, sa mill-ewwel darba li ltqajna, jiena kont nipprepara messaġġi ħelwin ta’ mħabba għal Vincent, nagħmel il-lipstick, inbushom u nagħtihomlu. U hu kien jurini mħabbtu billi kif għedtlek, dejjem imlieni bl-attenzjoni u m’għaddietx ġurnata li ma ġiex jiltaqa’ miegħi, jinqala’ x’jinqala’. Mhux l-ewwel darba li ltqajna fix-xita u qgħadna ninnamraw taħt l-umbrella.

    Naħseb li għall-kuntrarju tagħkom li għadkhom żgħar, meta tikber, ix-xewqa li tkun maħbub u li tħobb is-sieħeb tiegħek, aktar titqawwa. Inħoss li nħobbu aktar kull ġurnata li tgħaddi. Wara dawn is-snin Monica u Vincent f'żogħżithomkollha flimkien bejnietna hemm ċertu rabta li ma nistax infissirlek. Inkun qegħdha barra fuq xi qadja u jkolli ċ-ċans immur nieħu xi kafè jew nitla’ sal-Barakka per eżempju u minflok niġi lura nħaffef ‘l hawn biex noqgħod ħdejh. Qisna mingħajr xulxin m’aħna xejn. Jista’ jkun illi peress li issa għandna l-età tagħna, fil-fond ta’ qalbna hemm il-biża’ li minn ħin għall-ieħor nistgħu nitilfu lil xulxin u għalhekk kull mument huwa opportunità biex ingawdu lil xulxin ftit aktar.”

    X’inhuma l-lati pożittivi u negattivi taż-żwieġ?

    “Naħseb illi l-isbaħ ħaġa li tani ż-żwieġ hija kien dik is-sensazzjoni li hemm xi ħadd li jħobbni fid-dinja. Xi ħadd li tista’ ssejjaħħlu tiegħek. Illi mix-xogħol jiġi lura d-dar għandek u inti tkun qed tistennieh,” weġbitni Monica.

    “Għalkemm bi żball,” nibex Vincent “l-ewwel darba li mort ix-xogħol wara l-honeymoon, kif lestejt il-ġurnata tiegħi bqajt sejjer dritt għand ommi kif kont imdorri nagħmel dejjem f’dawk is-snin.”

    “In-negattiv, aktar minn kollox, jiġi minħabba ċ-ċirkustanzi bħall-mard jew meta Vincent tilef ix-xogħol u kelli nara kif nagħmel biex immur naħdem jien. Kien żmien fejn jiena batejt l-aktar minħabba li kien ikiddni l-ħsieb li wara li jiġu mill-iskola, uliedi ma kienux isibuni d-dar nistennihom. Veru li kien ikun hemm missierhom minfloki imma t-tfal ‘ma’ jsejjħu u mhux l-ewwel darba li talbuni biex nieqaf naħdem. Imma l-flus minn fejn ridthom jiġu? Vincent għamel ukoll snin tiela’ u nieżel jaħdem il-Libja u hemm soffrejt is-solitudni għalkemm konna niktbu lil xulxin kuljum. Imma finalment dik hi l-ħajja, bit-tlajja u l-inżul tagħha.”

    X’inbidel illum fiż-żwieġ? Għaliex hawn dawn il-problemi kollha?

    “Kif semmejtlek, parti sostanzjali miż-żwieġ huwa sagrifiċċju. Jista’ jkun li peress li aħna trabbejna fi żmien fejn is-sagrifiċċju kellek tagħmlu, trid u ma tridx, allura meta ltqajna miegħu fiż-żwieġ aċċettajnih u rajna kif għelibnih.

    Min-naħa l-oħra l-koppji ta’ llum trabbew fi stil fejn dak li jixtiequ jeħduh u allura hekk kif jaraw xi daqsxejn problemi jew li hemm bżonn isir xi tip ta’ sagrifiċċju, ma jkunux jifilħu għalih u jdabbru rashom.

    Imma l-ħajja ma tistax tgħixha hekk. Ma tistax iċċedi ma’ l-ewwel intopp. Speċjalment koppja miżżewġa trid tintefa’ bil-qiegħda madwar mejda u titkellem u tiddiskuti biex tara kif tista’ tirranġa s-sitwazzjoni. Sfortunatament illum donnu kulħadd irid jieħu u ħadd ma jrid jagħti.

    Fiż-żwieġ jingħaqdu żewġ persuni bil-karattru differenti tagħhom u jridu jaraw kif ser isibu t-triq tan-nofs. Kif jitwieldu t-tfal jiżdiedu wkoll id-diffikultajiet tal-karattri diversi tagħhom. Xogħol il-koppja hu li tara kif ser tagħmel biex toħloq ekwilibriju f’dan kollu.

    It-talb ma naqas qatt biex żammna magħqudin. Kien hu li tagħna s-saħħa nikkumbattu mal-problemi tal-mard, qagħad u nkwiet ieħor.

    Barra minn dawn hemm fattur ieħor. Illum in-nisa għandhom ħafna arja peress li jaħdmu u saru finanzjarjament indipendenti. X’ħin iridu għandhom biex jgħixu. Jiena li kont naħdem mal-gvern, fi żmieni, hekk kif iżżewwiġt kelli nieqaf mix-xogħol bilfors għax hekk kienet titlob il-liġi. Il-mara kienet tiġi totalment dipendenti fuq żewġha.”

    Imma din ħaġ’oħra… Jiġifieri n-nisa kienu jibqgħu mar-raġel għax ma setgħux jagħmlu mod ieħor?

    “Għall-grazzja t’Alla jiena kont kuntenta d-dar miġbura ma’ żewġi u ma’ uliedi. Imma msieken kienu dawk li ma kienux daqshekk iffortunati fiż-żwieġ.”

    L-imħabba vera għad fadlilha post fil-ħajja ta’ llum?

    “L-imħabba ma tista’ qatt tmurrilha l-moda tagħha. Imma illum inbidel ħafna l-istil tal-ħajja u kultant insibha diffiċli biex niddeċiedi jekk dak li jsir illum hux aħjar jew agħar minn żmieni.

    Ngħidu aħna f’żogħżiti kien hemm ħafna strettezza żejda li minflok kienet trażżan liż-żagħżagħ aktar kienet tqanqalhom biex ifittxu jaraw x’kien dak li kien projbit. Illum qed ngħixu fl-estrem l-ieħor. Hawn libertinaġġ assolut, kulħadd jagħmel li jrid u r-riżultati qed jitkellmu weħidhom. Ġieli ġie żmien fejn iddubitajt jekk il-koppji jagħmlux sewwa meta jgħixu ftit flimkien qabel jiżżewwġu biex jiskopru l-karattri ta’ xulxin qabel jikkommettu ruħhom. Imma nerġa’ ngħidlek, akkost li dan qed isir, xorta r-relazzjonijiet qed jitfarrku.”

    Imma allura x’inhu s-sigriet ta’ mħabba vera?

    “Li wieħed ikun lest li jagħti, jagħti u jagħti. Li jidħol għas-sagrifiċċju li hemm bżonn.

    Ħa nagħtik eżempju… L-ikbar rigal tal-Valentinu li jiena qatt tajt lil żewġi kien meta dħalt ġo din id-dar. Kelli dar tiegħi. Kont komda. Kelli l-privatezza tiegħi, l-affarijiet tiegħi. Kelli ħajti. Imma Vincent f’dawn l-aħħar snin beda jbati bid-dementia u saret diffiċli ħafna li jiena nkun waħdi miegħu d-dar. Mhux l-ewwel darba li sakemm kont inkun qed nagħmel xi biċċa xogħol, hu kien jiftaħ il-bieb ta’ barra u jitlaq għal għonq it-triq. Kienu jċempluli n-nies u jgħiduli li rawh f’xi nħawi jdur waħdu u jien niġri, ninkwieta u nfittxu. Id-dar tal-anzjani, minn daqshekk offrietli din is-sigurtà.

    Però d-dementia hija marda iebsa. Vincent m’għandux idea ċara tal-ħinijiet tal-ġurnata u allura ġeneralment fil-għodu jorqod u mbagħad joqgħod idur mal-kamra bil-lejl; jixgħel id-dawl u t-TV u bilkemm inkun nista’ nistrieħ. Sar ukoll dipendenti għal kollox fuqi. Irrid infakkru l-ħin kollu fl-affarijiet li jrid jagħmel tant li sar jgħajjatli ‘ma’.”

    “Iva ma nsejjħilha,” qalli Vincent. “Għax hi l-iktar waħda li tħobbni daqs ommi. U jiena nħobb lilha ħafna kif kont ukoll inħobb ħafna lil ommi. Ma nafx għaliex tħobbni daqshekk il-mara tiegħi. Imma ċert li jiena għażiż ħafna għaliha.”

    “Hawnhekk inħossni magħluqa wisq,” stqarret Monica. “M’għandix wisq ma’ min ngħid kelma. Il-ħaddiema t’hawn bosta drabi jkunu mhedijin fuq xogħolhom u ma jkollhomx ħin x’jiddedikaw biex jitkellmu magħna. Qalbi tingħafas meta niftakar kemm konna mmorru nimxu jiena u Vincent, id f’id ħdejn il-baħar jew fil-kampanja. Imma llum il-marda tiegħu ma tippermettix u jkolli ngħaddi ħafna mill-ħin tiegħi bejn dawn l-erbgħa ħitan.”

    Il-kamra fejn konna kienet imdawwra bir-rikordji ta’ Vincent u Monica fostom b’bosta ritratti tat-tieġ tagħhom, tal-anniversarji tagħhom, ta’ wliedhom u tan-neputijiet. Naturalment kienu jispikkaw il-messaġġi ta’ mħabba li Monica għadha tikteb kuljum lil Vincent u li hu tant jieħu pjaċir bihom.

    “Kull sena għal jum San Valentinu jiena nżejjen il-mejda bix-xemgħa u l-fjuri u nagħtih kartolina li nkun għamiltlu jien stess. Niktiblu anki xi erba’ versi għax il-poeżija nħobbha. Bejnietna, ejja ħa nurik xi ktibtlu dis-sena:

    Illum San Valentinu
    festa tal-maħbubin
    imħabbti għalik tixgħel
    avolja għaddew is-snin.”

    J’Alla ngħixu snin iżjed
    ħa ngawdu lil xulxin
    m’hemmx bżonn San Valentinu
    biex ninħabbu int u jien.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-14 ta’ Frar 2010