• WIRJA TAL-ĠIMGĦA MQADDSA – wirja bi skop

    Fil-ħajja kultant jiġu mumenti meta tibda titħasseb jekk Alla jeżistix tassew f’ħajjitna. Partikolarment meta jseħħu traġedji kbar u tara popli sħaħ jinkinsu qishom nemel mejtin, jiġik id-dubju jekk wara kollox hux qegħdin weħidna hawn isfel u li m’hemm ħadd jieħu ħsiebna fir-realtà! Ħsibijiet koroh ħafna li jqanqlu fik emozzjonijiet ta’ disperazzjoni li tħosshom iridu jiklulek qalbek. Diffiċli l-ħajja meta tgħolli għajnejk il-fuq lejn is-sema kaħlana u moħħok jgħidlek li dak hu l-limitu tal-eżistenza tiegħek u li m’hemm xejn aktar. Iebsa wisq biex taċċetta li m’hemm l-ebda entità lejn min tista’ tirrivolġi għall-għajnuna u li dak li ġejt mgħallma u li emmint matul ħajtek kollha huwa biss gidba.

    Biex tgħaqqad, l-atteġġjament ta’ wħud minn dawk li jagħżlu li jkunu r-rappreżentanti tal-messaġġ t’Alla, xi kultant aktar jitfgħek fil-limbu milli jurik id-dawl. Nagħżel biss illi nsemmi każ li seħħ il-ġimgħa li għaddiet fejn għad-diżappunt u l-inkredultà tal-familjari u l-mistednin, tarbija ta’ koppja mhux miżżewġa, ġiet mgħammda għaliha weħidha, f’sala ta’ knisja u wara li spiċċat il-quddiesa u telaq kulħadd il-barra! U dan meta  waqt il-quddiesa, smajna priedka mqanqla mill-qassis b’messaġġi kontinwi ta’ tolleranza u mħabba filwaqt li fl-istess ħin, f’rokna mwarrba f’dak il-post, kien hemm dit-tarbija u l-ġenituri tagħha jistennew ħalli titgħammed. Tgħid Kristu hekk kien jagħmel kieku għex dis-sitwazzjoni? Nitbissem meta mbagħad jiġi xi ħadd jistagħġeb il-għala qed jonqsu n-nies mill-Knisja!

    Iżda trid jew ma tridx, bosta drabi jkollok tagħraf illi għandek bżonn li temmen sabiex tkun tista’ tibqa’ għaddej. U għalhekk, meta tiltaqa’ ma’ grupp ta’ żgħażagħ jaħdmu mimlija fiduċja u ħeġġa sabiex jiċċelebraw dal-ġranet tal-Ġimgħa Mqaddsa, qalbek donnha tistejqer u fik terġa’ tinbet dik il-fjamma li tkun għoddha ntfiet….

    Ryan Bezzina, il-viċi Chairman tal-Kummissjoni Festa Esterna –Fgura laqgħani ġewwa l-Knisja l-Antika tal-Fgura. Flimkien ma’ sħabu, huwa kien qiegħed ilesti l-aħħar preparamenti sabiex tittella’ l-wirja annwali tal-Ġimgħa l-Kbira.

    “Flimkien ma’ missieri Raymond u l-Kummissjoni, ilni ntella’ din il-wirja għal dawn l-aħħar sitt snin,” beda d-diskors Ryan. “Fil-fatt kien missieri stess li rawwimni f’dan il-qasam. Sa minn meta kont żgħir, Raymond u Ryan Bezzina (lemin) (organizzaturi tal-wirja) flimkien mal-Kappillan tal-Fgurakont narah jgħin fl-armar tal-festa u maż-żmien anki jiena bdejt immidd idi. Ftit wara beda jitħajjar jixtri xi statwa żgħira u minn hemm id-delizzju kiber tant li missieri beda jikkollezzjona sett ta’ vari tal-Ġimgħa l-Kbira. Iżda wara xi snin iddeċieda li jieqaf u minfloku għażilt li nkompli nibni s-sett jien. Sadanittant bdejna ninteressaw ruħna wkoll f’xi oġġetti antiki tal-arti sagra. Meta rawni daqshekk iddedikat, sħabi ħajjruni ntella’ wirja u ddeċidejt li nipprova. Flimkien mal-Kummissjoni u permezz ta’ xi kollezzjonijiet privati oħra, jiena u missieri bdejna ntellgħu wirja annwali fejn kull sena, inżidu xi ħaġa ġdida. Nistgħu ngħidu li kollox beda minn sett ta’ vari żgħar!”

    Il-wirja hija mqassma f’erbgħa sezzjonijiet…

    “Aħna nippruvaw nolqtu d-diversi interessi ta’ dawk kollha li jiġu jżuru din il-wirja li daqs kemm kibret illum, aktar tista’ ssejħilha esebizzjoni. Fil-fatt in-nies timxi matul xenarji mibnija apposta u tittieħed minn sezzjoni għall-oħra akkompanjata minn selezzjoni professjonali ta’ dawl u mużika sagra. L-iskop tal-wirja huwa li ndaħħlu lin-nies fl-atmosfera tal-Ġimgħa Mqaddsa, nifhmu aktar il-passjoni ta’ Kristu u x’tirrappreżenta l-Ġimgħa l-Kbira u f’dan kollu ndaħħlu wkoll it-tradizzjonijiet lokali.

    L-ewwel sezzjoni, eżatt kif tidħol, tikkonsisti f’sett ta’ vari tradizzjonali li magħhom insibu wkoll xogħol ta’ fidda, skultura, rakkmu mill-isbaħ u fin-nofs kurċifiss antik tal-kartapesta. Interessanti nsemmi wkoll illi hawnhekk ser ninkludu wkoll ventartal antik (artal li jintrama quddiem l-artali għall-okkażżjoni) u karti tal-glorja fi tlieta (li dari kienu jitqiegħdu fuq l-artali biex tingħad il-quddiesa minn fuqhom).

    It-tieni sezzjoni ser tkun imżejjna b’xenarju msejjes fuq il-pittura tal-aħħar ċena ta’ Leonardo Da Vinci fejn hemmhekk in-nies tista’ tara l-mejda tal-appostli armata bi stil Lhudi, eżatt kif jingħad li kienet fl-aħħar ikla li għamel Kristu magħhom. F’din il-parti jispikka ħafna x-xogħol tal-platti tal-ismid fostom il-platti bl-ismijiet tal-appostli.

    It-tielet sezzjoni hija dik li l-aktar li timpressjona n-nies u fiha nsibu statwi life-size. Kemm l-istatwi u kemm ix-xenarju li jdawwarhom huma maħduma fuq il-film The Passion of The Christ. Għażilna dan l-Sett ta' statwi lifesizeistil peress li jidhrilna li dan il-film kien l-aktar wieħed qawwi u realistiku. L-ewwel ma ħdimna kienet l-istatwa ta’ Kristu u din mall-ewwel laqtet ħafna lil kull min ġie jaraha. L-iskultura tagħha hija xogħol ta’ James Azzopardi min-Nadur. L-oriġinalità tal-istatwa toħroġ l-aktar peress li din mhiex imlibbsa parrokka (kif soltu jkunu statwi bħal dawn.) Minflok din għandha x-xagħar tar-ras u s-suf tal-ġisem, imdaħħlin waħda waħda minn ġilda partikolari tal-fibre li jagħtu lill-istatwa s-sensazzoni ta’ ġilda ta’ bniedem veru, meta tmissha. Bl-istess mod, inħadem ukoll is-suldat il-manigold li jidher qiegħed isawwat lil Kristu. Ta’ min isemmi li dis-sena f’dix-xena ser jiżdied ukoll iċ-ċenturjun bil-qiegħda qed jgħodd is-swat ta’ Kristu.

    Finalment in-nies tasal għar-raba’ sezzjoni li bosta jsibuha bħala l-aktar naħa prezzjuża, propju minħabba li fiha nesebixxu selezzjoni ta’ oġġetti sagri antikiStatwa ta' Kristu li kienu jintużaw ġol-knejjes. Hawnhekk kull sena nagħmlu xi ħaġa ġdida u ċertu nies jiġu letteralment biex jaraw din il-parti. Għaldaqstant ma nistax niżvela ħafna minn dak li ser jaraw. Nista’ però nsemmilek illi fostom ser ikun hemm kollezzjoni ta’ kurċifissi antiki maħduma minn materjali differenti u li wħud minnhom imorru lura għal aktar minn 300 sena. Kważi daqstant antik ser isibu wkoll vestwarju li kien jintlibes mill-qassisin fiż-żminijiet tal-Ġimgħa l-Kbira. Ser ikun hemm ukoll għadd ta’ platti tal-ismid, kollha maħdumin mill-membri tagħna.”

    Ryan qalli illi t-tradizzjoni tal-platti tal-ismid inbdiet f’Ħaż-Żebbuġ u llum daħlet f’ħafna rħula oħra. Huwa xogħol ta’ paċenzja kbira imma r-riżultat tiegħu huwa mpressjonanti u mill-isbaħ (kif qagħad jurini Christian Brincat li biex ifehemni kif isir dan ix-xogħol, beda jżejjen platt tal-appostli quddiemi). Għal dis-sena wieħed mill-attrazzjonijiet ser ikun platt ta’ ftit akbar minn metru maħdum bis-smid u mibni fuq kwadru. Huwa x-xogħol ta’ żgħażugħ ta’ 21 sena, Emmanuel Spiteri…

    “Domt naħdem fuqu ġimgħatejn, erbgħa siegħat kuljum. Huwa xogħol li trid attenzjoni u paċenzja kbira għalih imma li jekk tagħmlu bil-qalb, wara jagħtik sodisfazzjon kbir. Tgħallimt dis-sengħa Christian Brincat qed jaħdem fuq platt tal-ismidhawnhekk, fil-maħżen tal-Kummissjoni. Oriġinarjament aħna konna nqabbdu lil ħaddieħor biex jagħmlilna dawn il-platti. Ġara li darba minnhom dan l-individwu ma setax jaqdina bħas-soltu u sħabi ħajjruni nipprova nagħmel xi ħaġa jien. Jiena kont ilni ninnota kif isir dax-xogħol għax l-arti minn dejjem togħġobni. Iddeċidejt li nipprova u ftit ftit irnexxieli naħdem l-ewwel platti sakemm bil-mod bnejt it-tattika partikolari tiegħi. Is-sigriet qiegħed fil-kapaċità ta’ kif tħallat u tpoġġi l-kuluri fuq il-platti. Kemm ilni membru fil-Kummissjoni tgħallimt ħafna minn sħabi akbar minni. Fil-fatt hawnhekk tħarriġt ukoll fis-sengħa tal-ixkatlar li aktar il-quddiem wasslitni biex sibt xogħol f’dan il-qasam.”

    L-iskop oriġinali tal-Kummissjoni Festa Esterna – Fgura huwa li ttella’ l-festa ta’ dan ir-raħal imma l-għan tagħha jmur aktar minn hekk.

    “Permezz tal-maħżen tal-armar, aħna niġbru ż-żgħażagħ aktar lejna u nżommuhom il-bogħod mill-inkwiet u l-vizzji ħżiena. Nitgħallmu diversi snajja’ flimkien u fl-istess ħin nieħdu pjaċir naħdmu kollha għal għan wieħed. Tista’ tgħid li f’dal-maħżen prattikament niġu kuljum għax dejjem inkunu għaddejjin fuq xi proġetti ġodda.

    Is-sena 2010 hija sena importanti ħafna għall-Fgura minħabba li dis-sena ser ikunu qegħdin qegħdin jiġu ċċelebbrati bosta anniversarji sinifikattivi għall-għaqdiet tal-parroċċa fostom il-25 sena mill-ftuħ mill-każin tal-banda imma b’mod speċjali l-anniversarju tal-50 sena mill-wasla tal-vara titulari tal-Madonna tal-Karmnu. Fil-fatt f’Ottubru li ġej ser inkunu qed intellgħu wirja Marjana fuq statwi antiki li jirrappreżentaw lill-Madonna. U kif qed insemmu dan, ta’ min navżaw ukoll li dis-sena l-festa tal-Fgura mhux ser tiġi ċċelebbrata fit-tieni Ħadd ta’ Lulju kif isir is-soltu, imma minflok ser issir fl-1 t’Awwissu 2010.”

    B’entużjażmu kbir, Ryan u sħabu dawwruni mal-imħażen fejn rajt uħud mix-xogħolijiet li kienu qed isiru fostom dak tal-induratura u l-fibre. Kien hemm membri ta’ kull età, saħansitra tfal żgħar li kienu qed jaħdmu fuq liedna twila.

    “Aħna nilqgħu lil kull min juri interess li jixtieq jaħdem magħna,” qalli Ryan. “U mhux nies mill-Fgura biss huma membri ta’ din il-Kummissjoni. Kull fil-għaxija, għall-ħabta tal-5:00pm, niftħu l-bibien Tfal jaħdmu l-liednatal-maħżen u tara l-membri ġejjin, kulħadd iddedikat fuq xogħolu għax kull wieħed minnhom għandu xi parti li hu responsabbli minnha. Hawnhekk jiġu nies li bosta drabi lanqas ikunu jafu li għandhom l-arti fihom iżda mbagħad maż-żmien toħroġ b’mod naturali peress li hawn l-ambjent iħajjrek tmidd idejk. Nagħmlu dax-xogħol għax inħobbu l-armar għax mill-bqija hawn kollha volontarji. Huwa xogħol impenjattiv li jagħtik sodisfazzjon kbir. Tagħmel ukoll ħafna kuraġġ meta tara ż-żgħażagħ jaħdmu bil-ħerqa.

    Għall-ewwel darba dis-sena, flimkien ma’ din il-wirja tal-Ġimgħa Mqaddsa ser issir ukoll rappreżentazzjoni ħajja bl-għajnuna tal-atturi tal-Fgura Paegant Group. Il-Ħamis 25 ta’ Marzu 2010 ser issir it-tisliba (wara l-ftuħ uffiċċjali tal-wirja). Imbagħad ser ikun hemm rappreżentazzjoni ta’ ċenaklu ħaj fl-1 t’April 2010 (Ħamis ix-Xirka) mit-8:00pm il-quddiem u l-għada t-2 t’April 2010 (il-Ġimgħa l-Kbira) mid-9:00am sa nofsinhar.

    Din il-wirja ser tittella’ fil-Knisja l-Qadima tal-Fgura. Ftuħ: il-Ħamis 25 ta’ Marzu 2010 mis-7:00pm sat-8:30pm; il-Ġimgħa 26 ta’ Marzu 2010 mill-5:30pm sad-9:00pm; is-Sibt 27 u l-Ħadd 28 ta’ Marzu 2010 mit-8:30am sa nofsinhar u mis-6:00pm sat-8:00pm; it-Tnejn 29 u t-Tlieta 30 ta’ Marzu 2010 mis-6:00pm sat-9:00pm; l-Erbgħa 31 ta’ Marzu 2010 mis-6:00pm sad-9:30pm; il-Ħamis l-1 t’April 2010 mit-9:00am sa nofsinhar u mis-6:00pm sal-11:00pm u l-Ġimgħa 2 t’April 2010 mit-8:00am sa nofsinhar.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-21 ta’ Marzu 2010)