• X’HEMM ISBAĦ MILL-ĦELSIEN?

    Jeżistu biss żewġ tipi ta’ wirt dejjiemi li nistgħu nittamaw li xi darba ngħaddu lil uliedna. Wieħed huwa l-egħruq; l-ieħor, il-ġwienaħ…. Hodding Carter (1907 – 1972) – ġurnalist u awtur.

    Wieħed mill-vjaġġi tiegħi ħadni l-Eġittu; post grandjuż mogħni b’arkeoloġija mill-aqwa. Intlift inżur id-diversi nħawi li dwarhom kont qrajt biss fil-kotba. Żgur li kienet esperjenza li ma ninsa qatt. Madanakollu waqt din il-vaganza kienu ħaduni wkoll nara zoo mimli annimali u fost l-istagħġib ta’ kulħadd, fl-eqqel tal-istaġun sajfi, nilmaħ ors polari! X’inhi ħuta barra mill-ilma? Lanqas tibda mas-sofferenza li deherli li kien għaddej minnha dak l-annimal. Niftakar li bqajt inħares lejh hekk kif beda jxengel rasu b’ħeffa min-naħa għall-oħra tal-gaġġa tiegħu, qisu xi wieħed miġnun. Kien qiegħed jagħmel hekk f’silenzju perfett imma f’għajnejh u fil-movimenti tiegħu stajt nara d-disperazzjoni li kellu. Kien mument qasir ħafna imma qawwi biżżejjed tant li nħaraq f’moħħi. U kull meta niġi f’sitwazzjoni li ma nkunx nista’ nittolleraha aktar, sikwit jiġi dan l-imsejken ors quddiem għajnejja u ma nistrieħx qabel niskappa.

    Għalija m’hemm xejn isbaħ mill-ħelsien! Iżda kemm minna nistgħu ngħidu li aħna tassew ħielsa u liberi? Ngħixu f’dinja fgata bl-irbit, bil-liġijiet u bid-dmirijiet. Iżda min-naħa l-oħra meta tmur tfittex x’għandek tieħu, bosta drabi ssib li hemm ftit li xejn. Biss biss jekk trid tiekol, trid taħdem u għaldaqstant jeħtieġlek issegwi sensiela ta’ obbligi. Jekk int miżżewweġ, hemm id-dmirijiet lejn il-familja. Jekk għandek xi ħolma li biex titwettaq, trid minn ħaddieħor, ikollok tbaxxi rasek għar-regoli tagħhom u ġeneralment miskin int! Donnu jekk trid tkun liberu verament, ma jista’ jkollok xejn għax kollox fih ir-rabta tiegħu.

    Dal-ħsieb spiss kien itaqqalni għax ma jistax ikun li ma taspira għalxejn fil-ħajja u jkolli nistqarr li għext diversi snin marbuta mar-rieda u l-volontà tal-oħrajn. Però mal-milja taż-żmien irrealizzajt illi hemm niċċa minn fejn stajt ngħaddi għax il-ħelsien reali jeżisti fil-libertà tal-ħsieb u tal-mod kif tgħix mingħajr ma tippermetti lil ħadd jorbtok. Ikolli ngħid li ridt ħafna forza u kuraġġ biex ngħix ħielsa għax kemm id-dinja u b’mod speċjali l-bnedmin donnhom ma jaħmlux lil dawk li ma jikkonformawx mal-bqija u jagħmlu minn kollox biex jeħduhom lura għall-forma oriġinali li għandhom l-oħrajn. Iżda l-benna tal-ħelsien, ġaladarba tidħol f’demmek, trabbilek ġwienaħ kbar u sodi u bħal annimal fjabesk, meta tara lil xi ħadd ġej ixekklek, ma tistrieħx qabel tqaċċat il-katini li jipprova joħonqok bihom u ttir il-bogħod il-bogħod minnu.

    Probabbli dal-karattru fforma għax jien dejjem kelli nqatta’ bi snieni biex nakkwista dak li rrid. Ħadd qatt ma ġie u tani xejn għalxejn. Jista’ jkun ukoll li jiena ngħożż tant is-sensazzjoni tal-ħelsien għax għext tfuliti nisma’ r-rakkonti dwar kemm pajjiżi ssielet biex akkwista l-libertà mill-ħakma tal-barrani. U għalkemm kont għadni daqsxejn ta’ tifla, fija nibtet passjoni u tnaqqxet marka ta’ kburija li tinbet f’dawk kollha li għalihom il-ħelsien huwa sagru. Niftakar li kien hemm kanzunetta partikolari ‘Ma Niċħdek Qatt’ li kienet tqanqal fija wisq din it-tema u anki fiċ-ċokon tiegħi, kienet tnissel fija xrar qawwija ta’ patrijottiżmu. Biż-żmien din il-kanzunetta saret għażiża għalija daqs l-Innu Malti nnifsu u sal-lum għadha tislitli d-dmugħ minn għajnejja meta nismagħha tindaqq.

    Għalhekk tistgħu taħsbu x’kienet ir-reazzjoni tiegħi meta waħda mill-familjari tagħha laqqgħatni mal-awtriċi – Carmen Dimech. U hekk kif kont qed insuq biex niltaqa’ magħha, mill-ġdid apprezzajt kemm dax-xogħol tal-kitba mhux talli ma joħonqokx, imma jagħtik il-libertà li tagħmel ħolmitek realtà….

    “Iva, dik il-kanzunetta hija maħbuba ħafna u akkost li għaddew tant snin, għadni nismagħha tindaqq spiss speċjalment meta joqrob Jum il-Ħelsien jew meta tkun ġurnata ta’ patrijottiżmu,” bdiet il-kliem Carmen.  “Għalija hija kanzunetta speċjali wkoll għax kienet proprju l-ewwel waħda li jiena ktibt biex nipparteċipa f’festival u rbaħt mill-ewwel.

    Kont ħadt sehem biha fl-1984 fil-Festival Wardakanta li f’dawk is-snin kien avveniment importanti ħafna f’pajjiżna u minnu ħarġu wħud mill-isbaħ kanzunetti. Interessanti nsemmi illi fl-ewwel festival li Carmen u Dorian bit-trofew għal 'Ma Niċħdek Qatt' sar kien rebaħ ħija bil-kanzunetta ‘Toni l-Faru’. Imbagħad jiena ħadt sehem fit-tieni wieħed u ġejt l-ewwel b’‘Ma Niċħdek Qatt’. Il-mużika kienet tas-Surmast Carmelo Zammit u l-kantant kien Dorian Micallef li dak iż-żmien kellu biss 14-il sena. Żgur li ma kontx dħalt bl-idea li ser niġi l-ewwel imma l-kanzunetta nzerta li kellha l-elementi kollha neċessarji biex tkun rebbieħa: mużika tajba, kliem sabiħ u nterpretazzjoni eċċellenti mill-kantant. L-emozzjoni li ħassejt dakinhar lanqas tista’ titfisser! Niftakar illi Norman Hamilton kien qiegħed imexxi s-serata u kien ħabbar it-tielet u t-tieni rebbieħa. Meta wasal għall-ewwel post kien żamm ftit sekondi silenzju u hekk kif qal li rebħet ‘Ma Niċħdek Qatt’ l-udjenza qamet kollha f’daqqa ċċapċap bil-ferħ. Għadni nemozzjona ruħi sal-lum kull darba li nara l-vidjow u narana lkoll telgħin għall-premju.”

    Carmen ġabet magħha diversi albums tar-ritratti. Wieħed minnhom kien miżgħud bit-tifkiriet ta’ din il-kanzunetta fostom b’diversi ritratti u siltiet maqtugħa mill-gazzetti.

    “Kull fejn kienet tissemma’ l-kanzunetta jew Dorian, kont naqtagħhom u nżommhom bħala rikordju. Dak kien żmien li ġabli ħafna ferħ f’ħajti. Nixtieq li jkolli l-opportunità li nerġa’ niltaqa’ ma’ Dorian Micallef ħalli nara x’sar minnu għax issa ilna ma niltaqgħu ħafna!”

    Minn wara dak il-festival, Carmen qatt ma ħarset lura aktar.

    “Wara li rbaħt tgħidx kemm kienu jċempluli ġenituri biex nikteb kanzunetta għal uliedhom. Għamel ħabta t-telefon ma kienx jieqaf mument. Fil-fatt ktibt aktar minn 200 kanzunetta. Kien hemm min jitlobni niktiblu l-kliem u mbagħad iqabbad lil ħaddieħor jagħmillu l-mużika. Oħrajn kienu jġibuli l-mużika lesta u jiena nfassal il-kliem għaliha.

    Ġeneralment nikteb kanzunetti bil-Malti għax il-lingwa tagħna nħobbha ħafna u jiena bniedma patrijottika mmens. Ġieli ktibt ukoll kanzunetti bl-Ingliż sabiex nieħu sehem għall-Eurovision imma sfortunatament qatt ma daħluli. Ma jfissirx li għax ma kienux tajbin taf! Imma għal dak il-festival ikun hemm ħafna kompetizzjoni ħarxa u diffiċli ferm biex jintagħżel ix-xogħol tiegħek.”

    Carmen kompliet tirrakkuntali kif bdiet din il-ġibda lejn il-kitba.

    “Missieri kien bniedem interessanti ferm. Ix-xogħol kien jivvintah biex jaqla’ xi ħaġa għall-familja. Kellu ħanut tiegħu u dejjem kien jara kif ser joħloq xi oġġett ġdid biex ikun jista’ jbiegħu. Dak kollu li Carmen Dimechssemmi kien kapaċi jagħmlu fostom kien jibni t-tajr, ipoġġi l-ħelu ġox-xorti, jaqli l-krips u jaħdem il-maskri tal-karnival. Jiena u ħija konna nammirawh ħafna u twebbilna niktbulu kanzunetti dwar dax-xogħlijiet varji tiegħu filwaqt li nużaw il-mużika ta’ xi diska popolari u noqogħdu nkantawhielu. Kien jieħu pjaċir ferm.

    Imbagħad ta’ xi 13-il sena tħajjart nibda nħarbex xi poeżija. Dħalt fl-Għaqda tal-Poeti u xi poeżiji minn tiegħi ġew ippubblikati f’kotba flimkien ma’ dawk ta’ xi poeti oħra. Ftit ftit tibda tagħmel aktar kuraġġ sakemm finalment bdew jitfaċċaw il-festivals u ddeċidejt li nipparteċipa.”

    Imma jekk tkun kapaċi tikteb poeżija, awtomatikament tikteb kanzunetta?

    “Jiena minn dejjem emmint illi kanzunetta mhiex ħlief poeżija mmużikata u għalhekk ma sibtiex diffiċli. Naturalment irid ikollok it-talent fik u mbagħad jekk tħaddmux, dik hija biċċa tiegħek.”

    Liema hija l-kanzunetta favorita tiegħek?

    “Inti meta jkollok it-tfal, liema minnhom ikun il-favorit? Daqstant ieħor il-kanzunetti għax kollha speċjali għalija.

    ‘Ma Niċħdek Qatt’ tatni sodisfazzon kbir. Imma daqstant ieħor ‘Quddiem l-Inkwadru tal-Madonna’ li kienet kantata minn Gillian Attard. Darba minnhom waqt programm tar-radju, din il-kanzunetta ġiet magħżula bħala d-diska tas-seklu għax hi l-aktar diska bil-Malti li tindaqq f’pajjiżna.”

    X’jispirak biex tikteb?

    “Ġeneralment il-patrijottiżmu u r-reliġjon.  Inħobb illi permezz tal-kitba tiegħi nwassal messaġġ. Għandi diversi kanzunetti dwar il-Madonna fostom ‘Ġilju tal-Widien’ u ‘Quddiem l-Inkwadru tal-Ktejjeb tal-WardakantaMadonna’. Din tal-aħħar intogħġbot wisq mill-pubbliku u nħossni kburija li għalkemm għaddew is-snin in-nies baqgħet titlob li tindaqq. Ħa nfehmek xi tfisser did-diska għan-nies… darba fost l-oħrajn resaq raġel lejja u meta kkonferma li kont jiena li ktibt dik id-diska qalli “Permezz tal-kanzunetta tiegħek jiena erġajt lura flimkien ma’ marti.” Jista’ jkollok sodisfazzjon akbar minn hekk? Tħossok kuntenta li stajt tagħmel xi ħaġa għall-ġid u tirringrazzja ‘l Alla ta’ dan id-don, għalkemm partikolarment din id-diska aktar nemmen li kienet il-Madonna li mexxietli idi biex niktibha milli li ktibtha jien!

    Fil-fatt dik il-kanzunetta nkitbet fuq każ reali li kien għaddej il-qorti f’dak iż-żmien u n-nies xebgħu jitolbuni biex nikteb diska oħra ħalli ngħid kif kompliet l-istorja. Imma fi tliet minuti ma tistax tirrakkonta storja ta’ familja. U għalhekk tħajjart nikteb teleserial ta’ 12 il-episodju fejn fih ftaħt aktar dan ir-rakkont. Imma ma kienx mument! Għax għalkemm ilni 6 snin li lestejtu u tgħidx kemm ilni ndur bih f’diversi stazzjonijiet tat-TV, għadni ma rnexxiliex insib lil xi ħadd interessat li jaħdmu. Dan it-teleserial ġieli semmejtu f’intervisti oħra u n-nies spiss jistaqsuni meta ser jarawh. Iżda għidli kif naqbad infehemhom li mhux minni jonqos?”

    Carmen kompliet tfehemni li l-muża sikwit tiġi ħabta u sabta.

    “Darba meta konna waqt il-honeymoon, jiena u żewġi Salvu, ħriġna nagħmlu żewġ passi. F’ħin minnhom nara pakkett tas-sigaretti fl-art, ġbartu, ħadtlu l-karta minn ġo fih u ktibt poeżija lil żewġi dak il-ħin stess.

    Darb’oħra kont fuq il-karozza tal-linja u kelli noħroġ karta mill-portmoni u nikteb il-kanzunetta ‘Id-dinja mgħaġġla’ li aktar tard kantahieli Tony Camilleri.

    ‘Il-Ġenna f’Minjatura’ ktibtha meta żort il-ġnien tal-Palazz tal-Girgenti. Il-post affaxxinani mmens u ma flaħtx ma noqgħodx bil-qiegħda u nħażżeż erba vrus fuq dak li kont qed nara u nħoss.”

    Carmen hija wkoll il-kittieba ta’ diversi reċti qosra li l-atturi tagħhom huma kollha tfal.

    “F’Ħaż-Żebbuġ fejn mort noqgħod, tellgħajt diversi reċti għan-nies tal-lokal. Kont inġib trailer kbir fil-wesgħa ta’ quddiem id-dar tiegħi u nagħmel palk minnu. Kienu jieħdu sehem ħafna tfal tal-akkwati u kien ikollhom kostumi mill-aqwa apparti reċtar tajjeb ferm. Kull sena kienu jiġu jħabbtuli n-nies biex indaħħlilhom lit-tfal tagħhom fir-reċta jew biex jagħtuni xi lbiesi li setgħu jintużaw bħala kostumi. Kont nieħu pjaċir inrawwimhom fid-drama u narahom jinteressaw ruħhom.

    Illum qed nagħmel l-istess man-neputijiet tiegħi. Peress li aħna familja kbira ħafna, spiss nikru xi sala bejnietna u n-neputijiet joqogħdu jkantaw il-kanzunetti jew jirreċtaw dak li nkun għallimthom jien.”

    Il-familja hija għażiża ħafna għal Carmen tant li qegħdha tikteb il-bijografija tagħha sabiex tħalli memorja vasta dwar ħajjitha.

    “Hija bijografija personali ħafna li qed nikteb għall-membri tal-familja tiegħi biss. Nixtieq li dawn ikunu jafu kemm kelli ħajja mżewwqa u kkulurita, kemm rajt gwaj u kemm fraħt. Il-ħajja ta’ kulħadd Il-familja ta' Carmen Dimechikollha t-tlajja’ u l-inżul tagħha imma kultant ċertu ħajjiet ikunu mimlija b’numru ta’ esperjenzi. Qegħdha nikteb bil-mod imma fid-dettall ħafna tant li ibni ż-żgħir qalli li meta jaqrahom iħossu daqs li kieku qed jitkellem miegħi. Fil-fatt f’dawn l-aħħar ġimgħat kont qegħdha ħdejh f’Nottingham fejn joqgħod, peress li kellhom it-tielet tarbija u tellgħajtlu ftit kitba oħra minn tiegħi. Imma did-darba qalli “Ma, dawn il-memorji għalissa ma rridx naqrahom aktar. Waqt li hawn int irrid ingawdi lilek. Issa meta ma tkunx hawn aktar, ingawdik permezz tal-kitba tiegħek.”

    Tgħożż ukoll ħafna l-ħbieb…

    “Ara dan ir-ritratt ċkejken. Kemm bkejt biex xtratuli ommi! Veru konna fqar dak iż-żmien. Darba meta kont għadni l-iskola kienet saret reċta li daqskemm intogħġbot, it-taqsima tal-edukazzjoni talbitna naħdmuha fit-teatru Manoel. Kien ġie fotografu u ħa ritratt tal-grupp u ommi dan felħet tixtrili – l-iżgħar wieħed, fih daqs kaxxa tas-sulfarini. Imma ħabbejtu u bqajt bqajt sakemm kabbartu u wara 37 sena rnexxieli anki norganizza reunion fejn laqqgħajt lill-istudenti u l-għalliema kollha li konna dakinhar. Kienet okkażjoni sabiħa ferm.”

    Innutajt illi Carmen kienet mara tassew umli. Fl-istess ħin għandha karattru fejn il-ħin kollu trid tagħmel xi ħaġa, lanqas kwiet toqgħod bil-qiegħda bis-sabar m’għandha. Anki l-kafè xorbot bil-wieqfa!

    Flimkien miegħi għal din l-intervista jiena ħadt ukoll lill-ħbieb tiegħi Alfred u Jasmine Grech li dwar din il-laqgħa huma ħadmu vidjow li tistgħu taraw fuq il-link: http://www.youtube.com/watch?v=OA6OWCZJurk

    Tistgħu taħsbu kif baqgħet Carmen meta semgħet lilna u b’mod speċjali lil Jasmine, mara mill-Malasja, inkantaw bil-qalb mad-diska ‘Ma Niċħdek Qatt’ hekk kif intfajna madwar mejda naraw il-filmati ta’ meta rebħet din il-kanzunetta:

    “Le le ma niċħdek qatt ja art twelidi

    Kull fejn immur niftaħar bil-ħelsien

    U jekk xi ħadd ikasbrek isib lili

    Difiża nkun għalik għax Malti jien.”

    Għajnejn Carmen ixxarrbu bid-dmugħ…

    “Hija ħaġa sabiħa ferm li tara ‘l min japprezza x-xogħol tiegħek.”

    Ma setax jonqos li l-kliem jaqa’ fuq Jum il-Ħelsien li dalwaqt ser inkunu qed niċċelebraw f’pajjiżna

    “Il-ġlieda għall-ħelsien jiena għextha fl-aqwa ta’ ħajti. Il-Perit Mintoff ħadem ħafna għall-ħelsien ta’ pajjiżna u kellu eluf ta’ nies warajh. Meta ħadna l-indipendenza, bosta postijiet baqgħu tal-Ingliżi u l-Maltin f’Malta stess, lanqas biss setgħu jidħlu fihom! Dik x’indipendenza hi, jekk mhix waħda falza? Lil Malta, dak iż-żmien Mintoff għollieha m’ogħla s-smewwiet u ħafna affarijiet saru tagħna l-Maltin.

    Il-ġurnata tal-31 ta’ Marzu 1979 ma ninsiha qatt. Kienu ilhom isiru ħafna preparamenti għaliha u għal darba, Mintoff fetaħ naqra jdejh għax kull siġra mliha bil-bozoz. Malta kollha kienet mixgħula. KienetPerit Duminku Mintoff ġurnata mistennija ħafna u akkost il-bard u x-xita qawwija li kien hemm dakinhar, kienu ħafna dawk li nġabru għall-okkażżjoni. Anki jiena kont hemm u aċċertajt ruħi li anki wliedi jkunu preżenti biex ikunu jistgħu jiftakru u jkunu onorati li anki huma għexu dawk il-mumenti.  Bħala tifkira ta’ dak il-jum ktibt ukoll poeżija ‘Dedika lill-31 ta’ Marzu 1979’ li tagħlaq hekk:

    “Għad tikbru wliedi w’tkunu kburin bħali

    Li kontu hemm mal-kotra f’dak il-jum

    Għad titla’ xemx f’dak l-għodu sħun ta’ Marzu

    Li tibqa’ ssaħħnek żgur kemm ħaj iddum.”

    Finalment wasal il-ħin biex insellmu lil xulxin u Carmen irregalatli s-cd ‘Mill-Pinna Tiegħi’ li fiha ġabra tal-aqwa kanzunetti tagħha. Tfajtha mill-ewwel iddoqq fil-karozza u hekk kif qbadt insuq lura lejn id-dar, inħallikhom tobsru liema kanzunetta smajt l-ewwel…

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-28 ta’ Marzu 2010)