• JEKK XI DARBA TINSINI…

    Li kieku kellha tiġi ommok u tistaqsik biex tfakkarha x’jismek, żgur li jgħaddilek minn rasek li għandha aptit tiċċajta. Iżda jekk xi darba tmur iżżurha u din titlob għall-In-Nannu nesa x'jisimnigħajnuna għax taħsbek stranġier li mort tisraqha, l-istorja tinbidel. U hemm tinduna li ommok għandha xi ħaġa mhux tas-soltu. Wisq probabbli ser issib li din qed tbati mill-kundizzjoni tad-dimensja.

    “Id-dimensja, fl-aktar forma komuni msejjħa Alzheimer’s disease, hija kundizzjoni kiefra għax tisraqlek l-identità,” beda jispjegali Dr Charles Scerri. “Peress li hija kundizzjoni progressiva, gradwalment minħabba d-deġenerazzjoni kontinwa taċ-ċelloli tal-moħħ, l-individwu jibda jinsa l-esperjenzi kollha li jkun għadda minnhom matul ħajtu. Finalment, fl-aħħar fażi, l-individwu jitlef il-passat kollu u jasal anki sabiex jinsa l-lingwa tiegħu b’konsegwenza li ma jkunx jista’ jikkomunika aktar. Jinsa wkoll lin-nies ta’ madwaru saħansitra lil martu u lil uliedu u ma jibqax jagħrafhom.”

    Ma tistax ma tħossx weġgħa f’qalbek għal kliem bħal dan. Wara ħajja twila ta’ tbatijiet, ferħ u esperjenzi, bla dubju din tkun l-aħħar ħaġa li tkun qed tistenna li sseħħ. Iżda rridu jew ma rridux id-dimensja dieħla f’ħajjitna proprju għaliex f’dawn l-aħħar snin żdied b’mod drammatiku ż-żmien ta’ kemm il-bniedem huwa mistenni li jgħix.

    “Statistika riċenti kkonkludiet li bejn wieħed u ieħor illum l-irġiel huma mistennija li jgħixu sa 77 sena filwaqt li n-nisa jgħixu sa 82 sena. Iżda bħal kif dejjem nispjega lill-istudenti tiegħi, kollox għandu l-Dr Charles Scerri effetti tiegħu. Fil-fatt din hija d-dilemma tal-mediċina li l-iskop maġġuri tagħha huwa li tara kif ser ittejjeb il-kwalità tal-ħajja sabiex iżżid iż-żmien kemm il-bniedem jista’ jgħix. Imma fl-istess ħin trid taċċetta r-realtà illi dawk il-kundizzjonijiet li huma assoċjati ma’ ċertu età ser jikbru wkoll. Huwa għalhekk illi f’dawn l-aħħar snin qed naraw aktar individwi jbatu mill-Alzheimer’s u l-Parkinson’s Disease minħabba li dawn huma kundizzjonijiet newrodeġenerattivi u ġeneralment huma marbuta ma’ età avvanzata tal-bniedem.”

    Dr Charles Scerri huwa lekċerer fl-Università fin-Newropatologija u Newrofarmakologija li qiegħed jagħmel xogħol utli ħafna fil-qasam tad-dimensja. F’dawn l-aħħar xhur, flimkien ma’ tim magħżul, huwa kien qiegħed jaħdem fuq rapport sabiex jiġi ppreżentat lill-awtoritajiet responsabbli mill-kura tal-anzjani…

    “Sentejn ilu attendejt għall-konferenza dwar id-dimensja mnhedija mill-Unjoni Ewropeja. Hemmhekk iltqajt għall-ewwel darba mas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-komunità, Mario Galea. Huwa impressjona ruħu ħafna bl-ammont ta’ xogħol li qiegħed isir fl-Ewropa, l-aktar meta Franza ddikjarat illi ser toħroġ 1.6 biljun ewro għar-riċerka u l-immaniġġjar tad-dimensja fil-pajjiż. Mario insista illi Malta ma kelliex taqa’ lura f’dan il-qasam u wara li ddiskutejna fit-tul, jiena ssuġġerejt illi għandna naħdmu bħal pajjiżi oħra jiġifieri billi nibnu strateġija nazzjonali. Għalhekk f’Mejju tal-2009 ġie ffurmat grupp biex joħroġ b’serje ta’ rakkomandazzjonijiet. L-ewwel ma bdejna naħdmu kien biex naraw x’kienet is-sitwazzjoni preżenti fir-rigward tad-dimensja bħal x’servizzi jeżistu, fejn tista’ żżid fuqhom u x’tista’ tagħmel ġdid. Imbagħad fittixna l-opinjoni tal-istakeholders bħal unjins tat-tobba, l-organizzazzjonijiet tan-nurses, in-nies akkademiċi bħal dawk tax-xjenza soċjali u l-qasam tal-mediċina, l-istaff amministrattiv tal-isptar Mater Dei, rappreżentanti tal-Knisja u membri tal-Pulizija, anzjani u lil dawk li jieħdu ħsiebhom. Imbagħad dehrilna illi żġur hemm nies oħra li jixtiequ jagħtu kontribut u ma jafux kif ser jagħmlu dan. Allura tellgħajna kwestjonarju fuq l-internet u b’kollox irnexxielna niġbru 613-il risposta oħra li dawn ġew minn diversi oqsma ta’ nies bħal nies professjonisti fil-qasam tas-saħħa, familjari jew nies li qegħdin jieħdu ħsieb individwi bid-dimensja, anzjani li m’għandhomx il-kundizzjoni u nteressaw ruħhom u anki bejn 13-il persuna li jbatu bid-dimensja. Wara qbadna din l-informazzjoni kollha, analizzajniha u fl-aħħar ta’ Jannar li għadda ppreżentajna r-rapport li għalissa għadu mhux pubbliku imma nimmaġina li ser ikun dalwaqt.”

    Fir-rapport dan it-tim ħareġ b’numru ta’ rakkomandazzjonijiet.

    “Għad fadal ħafna x’isir f’dan il-qasam. Aħna ħriġna b’għaxar rakkomandazzjonijiet u magħhom tajna wkoll proposti dwar kif jistgħu jsiru. Biex insemmilek xi wħud minnhom per eżempju ssuġġerejna illi jitwaqqaf bord sabiex jippjanifika l-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija. Għedna wkoll illi għandha ssir ħidma akbar biex noħolqu kuxjenza dwar id-dimensja u biex niffukaw fuq kampanja ta’ informazzjoni. Barra minn hekk għandu jissaħħaħ is-servizz tal-helpline 22081826 u fuq kollox ipproponejna li għandu jibda jingħata xi tip ta’ sapport finanzjarju u għajnuna psikoloġika lil dawk li qed jieħdu ħsieb lil dawk l-individwi milquta minn dil-kundizzjoni.”

    Il-kura u l-immaniġġjar tad-dimensja jinvolvu spejjeż kbar.

    “Il-figuri tal-ispejjeż huma mpressjonanti kemm fuq il-pajjiż u kif ukoll individwalment. Għandna wkoll sitwazzjoni internazzjonali fejn il-faxxa tan-nies li jaqbżu l-65 sena qegħdha dejjem tikber. F’Malta din il-faxxa tal-popolazzjoni tilħaq l-14% iżda sal-2050 dan il-persentaġġ ser jitla’ għal 28%.

    Din ir-realtà ser tiġġenera diversi problemi speċjalment meta qed naraw illi naqset ferm ir-rata tat-twelid b’konsegwenza illi meta ser ikollna tant anzjani jitolbu s-servizzi soċjali, ser ikun hemm ħafna anqas individwi li qed jikkontribwixxu. Fil-fatt din kienet preokkupazzjoni oħra li aħna ħriġna biha fir-rapport tagħna għax nemmnu illi jekk ma nieħdux ħsieb minn qabel, ser naslu fi żmien meta nkunu qed nirriskjaw li tikkolassa s-sistema tas-saħħa.

    Mill-lenti tal-familjari li qed jieħdu ħsieb lil xi ħadd bid-dimensja jeżistu wkoll diversi diffikultajiet fostom il-mediċini li huma għoljin ħafna u l-problemi soċjo-ekonomiċi li jidħlu fihom. Bosta drabi l-L-imħabba tgħin ħafnacarer irid jieqaf mix-xogħol u allura jitnaqqas l-introjtu tal-familja meta proprju jiżdiedu l-ispejjeż fejn dawn ikollhom saħansitra jagħmlu xi bidliet strutturali fid-dar biex din tkun aktar sikura. Barra minn hekk id-dimensja hija waħda mill-aktar kundizzjonijiet li jħallu mpatt psikoloġiku fuq il-care-givers. Meta inti qed tara lil xi ħadd li rabbik, li tak kollox fil-ħajja u li issa inti qed tieħu ħsiebu lura 24 siegħa kuljum u lilek lanqas biss jagħrfek, hija kbira. Riċerka turi illi 60% tal-carers ibatu min xi tip ta’ dipressjoni jew breakdown jew anzjetà.”

    Imma d-dimensja x’inhi eżatt u lil min tista’ tolqot?

    “Id-dimensja hija kundizzjoni li taffetwa l-moħħ u konsegwenza tagħha l-persuna tibda titef il-memorja, ikollha problemi ta’ komunikazzjoni, jinbidel il-mod ta’ kif iġġib ruħha u ma tkunx kapaċi tgħix il-ħajja normali tagħha.

    Hija kundizzjoni newrodeġenerattiva fejn iċ-ċelloli tal-moħħ jibdew imutu b’mod allarmanti. Ma nafux x’jikkawżaha u allura m’hemmx kura għaliha fil-preżent. Sfortunatament meta jibdew jidhru l-ewwel sinjali tagħha, l-kundizzjoni ġeneralment tkun ilha li bdiet minn madwar 20 sena qabel u għalhekk il-ħsara tkun diġà saret. Madanakollu, jekk tintlaħaq fil-bidu tagħha, l-mediċini jaħdmu fuq iċ-ċelloli li jkunu għadhom ħajjin u allura jistgħu jrażżnu kemmxejn i-progress tal-marda, għalkemm ma jfejquhiex.

    Jeżisti twemmin falz illi meta l-bniedem jikber fl-età jibda jinsa ħafna iżda dan mhux minnu. Għaldaqstant huwa importanti ħafna illi jekk wieħed jinnota xi sintomi tad-dimensja, għandu jmur jikkonsulta mat-tabib tiegħu minnufih. Jekk it-tabib ikollu xi dubju, dan jirreferi lill-individwu għal testijiet speċjalizzati fil-Memory Clinic li hemm fl-Isptar Zammit Clapp f’San Ġiljan (Tel: 21344950). Permezz ta’ test partikolari jiġi kkonfermat jekk l-individwu għandux problemi bil-memorja jew le u f’każ li jkun hekk dan in-nuqqas jiġi kklassifikat jekk hux żgħir, moderat jew sever.

    Hemm mal-100 tip differenti ta’ dimensja iżda bejn 60% sa 70% tal-każi huma tat-tip Alzheimer. L-ewwel sintomi jkunu nuqqas ta’ memorja riċenti fejn per eżempju wieħed jistaqsik x’ħin hu għal diversiId-Dimensja drabi wara xulxin, kull darba jinsa li staqsik diġà filwaqt li jkun nesa wkoll li tajtu r-risposta qabel. Bosta drabi dawk milquta jibdew jingħalqu fihom infushom u l-karattru tagħhom jinbidel xi ftit. Maż-żmien jibdew jinsew kif jagħmlu affarijiet bażiċi bħal kif jilbsu jew jieklu jew saħansitra kif jagħmlu tazza kafè. Ikollhom bżonn attenzjoni kontinwa peress li jafu joħolqu sitwazzjonijiet ta’ periklu kemm għalihom infushom u kemm għall-oħrajn bħal meta ngħidu aħna jixgħelu l-gass, jinsew u jħalluh mixgħul jew meta joħorġu barra fit-triq u ma jkollhomx idea fejn qegħdin.

    Ġeneralment id-dimensja tolqot lin-nies avvanzati fl-età għalkemm jeżistu każi rari oħra. Bejn 2% u 3% tan-nies li għandhom 65 sena huma f’riskju li taqbadhom id-dimensja. Però kif taqbeż it-80 sena dan il-persentaġġ jitla’ għal 30% u f’eta ‘l fuq minn 90 sena jiżdied għal 50%. Id-dimensja mhix marda li tittieħed iżda hemm xi fatturi ġenetiċi li jżidulek kemmxejn ir-riskju speċjalment jekk dak milqut ikun xi ħadd mill-ġenituri.”

    Allura jekk wieħed ma jistax ifieq minn dil-kundizzjoni, x’jista’ jsir biex jingħata l-għajnuna?

    “M’għandna ninsew qatt id-dinjità tal-bniedem sal-aħħar mumenti f’ħajtu. Fuq kollox irridu niftakru li dawn in-nies sa ftit snin ilu kienu s-sinsla tal-pajjiż u permezz tagħhom aħna qed ngħixu fuq il-passi li wittew huma.

    Mill-esperjenza f’dan il-qasam instab illi jekk tinvolvi lil dawn in-nies fl-attivitajiet li kienu jieħdu pjaċir jagħmlu qabel, tgħinhom jgħixu ħajja aktar kuntenta u serena. Il-Paul Cuschieri Activity Centre f’St Vincent De Paule (Tel: 22912330/22912336) huwa post speċjalizzat b’nies imħarrġa f’dan il-qasam fejn individwi bid-dimensja jistgħu jattendu għal ftit siegħat mit-Tnejn sal-Ġimgħa (applikazzjoni tista’ tinġabar mid-Day Care Centres tal-irħula differenti jew titniżżel mis-sit www.sahha.gov.mt). Iżda hemm bżonn ta’ ħafna aktar ċentri ta’ dan it-tip mxerrdin ma’ diversi postijiet f’Malta.”

    Charles jifforma wkoll parti mill-Malta Dimensja Society li l-iskop maġġuri tagħha huwa li joħloq kuxjenza u li jwassal l-informazzjoni dwar din il-kundizzjoni.

    “Il-Malta Dimensja Society ġiet stabbilita fl-2004 u hija msieħba mal-Alzheimer’s Disease International u l-Alzheimer Europe. Is-Soċjetà hija għaqda volontarja li taħdem biex tlaqqa’ flimkien individwi li jbatu bid-dimensja, lin-nies li jieħdu ħsiebhom, lill-familjari u lill-ħbieb tagħhom ma’ professjonisti fil-qasam tas-saħħa u ma’ oħrajn li huma interessati f’din il-kundizzjoni. Torganizza wkoll diversi laqgħat, diskussjonijiet, kampanji u korsijiet biex kemm jista’ jkun jikber l-għarfien dwar id-dimensja. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jidħol fuq is-sit www.maltadementiasociety.org.mt. Hemmhekk isibu wkoll diversi links li jwasslu għal siti ta’ organizazzjonijiet b’saħħithom ħafna li joffru informazzjoni utli mmens dwar id-dimensja.”

    Biex inkun nista’ nifhem aħjar minn xhiex jgħaddu l-carers tad-dimensja, Dr Charles Scerri flimkien ma’ Dr Maria Sciberras stednuni biex nattendi għal waħda mill-laqgħat informali li kienu qed jorganizzaw fl-Activity Centre ta’ St Vincent De Paule.

    “Dawn it-tip ta’ laqgħat isiru bejn wieħed u ieħor kull sitt ġimgħat u nippruvaw nikkumbinawhom maż-żjarat li tagħmel regolarment Christine Jeffrey – persuna ddedikata ferm fil-qasam tad-dimensja.”

    Sibt grupp ta’ nies qed jieħdu pjaċir flimkien. Uħud kienu qed jisimgħu l-mużika u oħrajn jiżfnu. Laqgħuni fostom b’entużjażmu u kulħadd xtaq jaqsam l-esperjenza tiegħu miegħi.

    Il-mara ta’ Joe ilha tbati bid-dimensja għal dawn l-aħħar sena u nofs. “Għalkemm ġieli smajt b’din il-kundizzjoni fuq ir-radju u t-TV, sakemm ma missitx lili qatt ma tajt każ. Sirt naf li marti kienet qed tbati bid-dimensja b’kumbinazzjoni. Konna morna flimkien għand it-tabib għal xi ħaġa żgħira u waqt li konna qed nitkellmu, kważi b’ċajta għedtlu ‘Dott, il-mara qed tgħidli li n-nies li jidhru fuq it-TV qed ikellmuha’. Hi saħqet li veru dawn kienu qed jindirizzaw lilha direttament u hemmhekk it-tabib mill-ewwel induna li kien hemm xi ħaġa stramba. Huwa rrakommandani għand professur u minn hemm beda kollox.

    Minn dak inhar inqalbet id-dinja tiegħi ta’ taħt fuq. Kelli nieqaf mix-xogħol biex nieħu ħsiebha għax jeħtieġ li noqgħod magħha 24 siegħa. Il-professur tani xi pariri imma l-bqija ridt niskoprih jien. Sibt ruħi waħdi fejn irrid nagħmel kollox jien: naħsel, ngħaddi, innaddaf, nixtri u fl-istess ħin irrid noqgħod b’sebgħa għajnejn li marti qegħdha sikura. Inkun nixtieq inħalliha tagħmel l-affarijiet tas-soltu fid-dar imma marti nbidlet ħafna. Affarijiet li qabel kienet tagħmilhom bil-galbu issa tiġi u ssibhom gozz. Tiftaħ il-vit tal-ilma u titlaq ‘l hemm u nsib kullimkien mgħerreq. Tmur taħsel l-art u tiżvojta l-likwidu tal-ħasil kollu fil-barmil. Apparti minn hekk issa jiena pensjonant u rrid inħallas €200 pilloli fix-xahar bħala kura għaliha.

    Meta nipprova nitlob l-għajnuna jgħiduli biex nieħu paċenzja. Imma l-paċenzja tiswa l-flus. Nixtieq li xi ħadd mill-awtoritajiet konċernati jiġi jiltaqa’ magħna ħalli nfehmuh f’liema sitwazzjoni qed insibu ruħna. Biex tingħata xi tip ta’ għajnuna trid letteralment tkun qed tmut bil-ġuħ. M’għandix fuq min naqa’. Veru għandi t-tfal imma dawn għandhom il-familji tagħhom u ma jistgħux joqogħodu magħna l-ħin kollu.

    Inħossni muġugħ ħafna u mhux l-ewwel darba li nintefa’ nibki f’rokna għalkemm naf li b’hekk mhu ser nasal imkien. Imma ġejt fi stat illi allaħares inkun marid għax xorta rrid inqum insajjar u nagħmel il-faċendi tad-dar. Ma nafx kif ma jeżistix xi servizz fid-djar biex jagħtuna daqqa t’id. Imn’Alla jkunu dawn il-laqgħat u dawn il-postijiet li joffrulna daqsxejn serħan u opportunità li nitkellmu ma’ oħrajn bħalna.

    Jiena lil marti nħobbha ħafna allavolja ġieli jiġu mumenti fejn lanqas tagħrafni. Sakemm Alla jagħtini s-saħħa rrid nibqa’ nieħu ħsiebha jien.”

    Omm Grace għandha 90 sena u hi wkoll qed tbati bid-dimensja. “Aħna qegħdin ħamest ibniet u għalkemm kollha għandna l-familja tagħna, iddeċidejna li lill-mamà nħalluha d-dar u nibqgħuDimensja nieħdu ħsiebha aħna 24 siegħa kuljum. Il-karattru tal-mamà nbidel ħafna: saret agressiva, tgerger kontrina u kultant nisimgħuha tlissen kliem li qabel hi stess kienet tistkerrħu. Jeħtieġ li noqogħdu magħha l-ħin kollu għax minbarra l-età tagħha, din il-kundizzjoni ħawditha ħafna u sikwit tiġi suġġetta għall-inkwiet. Nużaw mill-pensjoni tagħha biex nixtrulha l-pilloli li jiswew madwar €200 fix-xahar u l-bqija noħorġuh aħna. M’hemmx għajnuna f’dal-qasam.

    Iżda l-akbar problema li qed naffaċċjaw bħalissa hija meta jkollna bżonn noħorġuha. Il-mamà m’għadiex tiflaħ timxi u jkollna nqandluha. Għaldaqstant f’Lulju li għadda applikajna għal reserved parking quddiem id-dar. Imma akkost li l-permess għadda mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann u mill-ADT, dan twaqqaf mill-Kummissjoni tad-Diżabiltà għax qalulna illi d-dimensja mhiex kkunsidrata tali. Il-ġimgħa li għaddiet il-mamà sofriet minn stroke u ħsibna li ormaj konna tlifniha. Imma fortunatament l-agħar għadda u reġgħet intbagħtet id-dar. Madanakollu tista’ timmaġina l-battikata li tajniha u li ħadna sakemm daħħalniha lura!”

    Charles ukoll għandu lil martu bid-dimensja. Kontra qalbu huwa kellu jdaħħalha ġo dar tal-anzjani għax ma setax jieħu ħsiebha aktar waħdu. “Barra li għandha d-dimensja lil marti qabditha wkoll aċċessjoni u żdiedu aktar l-ispejjeż tal-pilloli. Inħossni ser niġġennen! Il-professura tal-isptar qaltli biex nitlob l-għajnuna ta’ wliedi. Jiena għandi tliet subien miżżewġin. X’nagħmel? Naqbadhom minn sidirhom u nġegħlhom jgħinuni?

    Meta spiċċajt bil-pensjoni tgħidx kemm kont ferħan. Għedt issa nista’ nistrieħ u ngawdi l-familja. Minflok ġralha hekk il-mara! F’daqqa waħda bdiet sejra lura. Bdiet tgerfex ħafna affarijiet: tħalli d-dawlIl-Blokka Gwanni Pawlu II f'SVPR jixgħel, jien nitfih u hi terġa’ tixgħelu. Jien nifrex is-sodda u hi taqlagħha. Sakemm immur nixtri nibża’ li tiftaħli xi gass jew l-ilma u tagħmel xi storja. Mank jiġi xi ħadd f’darek jagħtik daqqa t’id, ifhiemek x’għandek tagħmel f’sitwazzjonijiet hekk jew jgħidlek f’liema grad qegħdha. Kollox trid tiskopri waħdek. Ġejt fi stat fejn ma kellix għażla u kontra qalbi kelli ndaħħal lil marti f’St Vincent De Paule. Jien ħsibtha xi ħaġa aħjar mid-Day Clinic imma mhix. Marti ta’ 65 sena qed tgħix f’ward ma’ anzjani ta’ l-fuq minn 80 sena u ħafna minnhom ma jifilħux. Għamlet f’qalbha ħafna u kull darba li mmur ħdejha tgħidli “ara fejn ġejt!”. Smajt li hawn xi wards ġodda hawnhekk ddedikati għan-nies bid-dimensja. Nixtieq ħafna li kieku għallinqas marti titmexxa hemm fejn tista’ tgħid kelma ma’ nies li jinsabu fl-istess kundizzjoni tagħha. Imma ma nafx kif ħadd ma jkellmek u jgħidlek xejn? Ma nafx xi rrid nagħmel biex marti tmur hemm. Kultant jiġini f’moħħi li nieħu lura lil marti d-dar u mbagħad jagħmel Alla. Jiddispjaċini li għax forsi jien ma naf lil ħadd ser nibqa’ nsofri.”

    Lanqas għandi għalfejn nikkummenta wara esperjenzi bħal dawn. F’ħin minnhom ġiet ukoll tkellimni Christine Jeffrey, mara Ingliża li għal 23 sena kellha dar speċjalizzata fil-kura tal-anzjani bid-dimensja.

    “In-nies li jbatu bid-dimensja għandhom bżonn kura speċjali. Huma nies li trid tifhimhom u li jeħtieġu attenzjoni individwali. Mhux il-moħħ kollu jmur f’daqqa u allura jekk inti żżomm kuntatt regolari magħhom u tgħinhom jagħmlu l-attivitajiet li kienu jħobbu jagħmlu qabel, jirnexxielek toffrilhom kwalità ta’ ħajja ħafna aħjar. Dawk li jieħdu ħsieb lil dawn in-nies iridu jifhmu illi mhux il-bniedem ikun inbidel imma l-karattru tiegħu jkun ħa xejra oħra minħabba dil-kundizzjoni. Hemm min jgħidlek “Tliftha lil marti, tliftu lil żewġi”. Imma dan mhux minnu, huma għadhom hemm ħdejk. Li trid tipprova tifhem huwa x’inbidel fihom u taħdem ma’ dik is-sitwazzjoni.

    Id-dimensja taqbad lil kull tip ta’ individwu. Sena ilu sirt naf raġel li sa ftit ilu kien fiżiċist magħruf ħafna. L-ewwel darba li rajtu kien bil-qiegħda f’kamra ħdejn martu jipprova jgħaqqad puzzle u din qaltli li Żieda ta' sodod għall-anzjanima ried ikellem lil ħadd. Bil-mod il-mod irnexxieli nirbaħ il-fiduċja tiegħu u nsir nafu aħjar. Martu kienet ħaditha bi kbira ħafna li r-raġel tagħha li kien tant intelliġenti, issa kien qiegħed isib diffikultà anki biex jaqra. Min-naħa l-oħra jiena ma kont naf xejn dwaru u allura kull ħaġa ġdida li bdejt narah jagħmel, bdejt nikkunsidraha bħala progress. Permezz tiegħi beda jagħmel ħafna kuraġġ. Qalli li kellu xi passatempi qabel: dak tat-tisjir u t-tnaqqix fl-injam bil-makkinarju. Iżda hekk kif it-tabib qal lil martu li hu kien qed ibati bid-dimensja, din ma ħallietu jagħmel xejn aktar. Biex tipproteġih ħaditlu ċ-ċviewet tal-maħżen u tal-karozza, ma ħallitux jaħdem fil-kċina aktar u meta jmorru f’ristorant tordnalu l-ikel hi x’jiekol. Ma baqgħet tistaqsih xejn. Ħaditlu ħajtu f’idejha u hu beda jintefa aktar u aktar. Iżda meta bdejt nieħu ħsiebu jien iddeċidejt li noqgħod miegħu narah isajjar u bil-mod u bi ftit għajnuna u fiduċja reġa’ beda jiftakar u llum kapaċi jagħmel il-kafè u jsajjar xi ħaġa żgħira. Wara tliet snin ħadt persuna esperta fix-xogħol li kien jagħmel hu fl-injam u flimkien ftaħna mill-ġdid il-maħżen. Għajnejn il-ħabib tiegħi xegħlu bil-ferħ u l-istess, pass wara pass erġajna fakkarnih kif kien jaħdem qabel. Ara x’kien kapaċi jagħmel!”

    Christine urietni x-xogħol tiegħu fl-injam. Kien sabiħ ħafna. Qaltli li xi darba tixtieq iġġibu magħha hawn Malta biex ikellem lin-nies u jagħtihom xhieda ta’ kemm jekk taħdem magħhom, in-nies li jbatu bid-dimensja jistgħu jagħmlu ħafna aktar milli naħsbu aħna.

    Issa kien imiss li mmur inżur il-blokka l-ġdida Papa Ġwanni Pawlu II li l-għan tagħha huwa li tilqa’ fiha individwi li jbatu bid-dimensja. Kont diġà rajt filmat dwarha fuq din il-link www.youtube.com/segretarjat imma Gordon Pace li huwa l-Communications Coordinator tas-Segretarjat Parlamentari għall-Kura tal-Anzjani u l-Komunità ħadni fuq il-post biex nara b’għajnejja dak li kien qed isir f’dan il-qasam.

    Staqsejt ukoll xi mistoqsijiet lis-Segretarju Parlamentari Mario Galea u fostom qalli illi dawn is-swali ġodda dalwaqt ser jiġu inawgurati uffiċċjalment għalkemm matul dawn l-aħħar xhur diġà laqgħu l-ewwel persuni fihom.

    “L-għan ta’ dawn is-swali huwa li nħarsu lejn alternattivi oħra biex in-nies li jbatu minn din il-kundizzjoni jkollhom servizzi apposta għalihom. Is-swali huma attrezzati b’mod li persuna li għandu d-Mario Galeadimensja ma jsibiex diffiċli biex jorjenta ruħu. Dan jinkludi per eżempju bibien b’kuluri apposta li jagħmluha aktar faċli għar-resident biex jagħraf il-kamra u l-ward tiegħu.   Fuq barra tal-kmamar u maġenb is-sodda se jkun hemm ir-ritratt u l-isem tar-resident filwaqt li l-kmamar tal-banju huma mmarkati kemm b’kulur kif ukoll b’tabelli li jindikaw x’hemm fil-kamra.”

    Staqsejt fuq liema kriterji ser jintagħżlu r-residenti għal dawn is-swali.

    “Il-metodu tal-għażla ser ikun ibbażat fuq numru ta’ kriterji fostom: il-livell tad-dimensja u mobilità tal-individwu, is-sintomi karatterjali u kemm dan kapaċi joqgħod f’post wieħed.

    Sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-ambjent li ser ikunu jgħixu fih, f’dawn il-wards ser jintagħżlu persuni li l-kundizzjoni tagħhom għadha fil-bidu. Dan ma jkunx possibbli f’individwi li l-kundizzjoni tagħhom hija severa.”

    Nista’ ngħid illi fil-fatt l-ambjent tas-swali kien tassew trankwill fejn l-anzjani kienu qed jieklu flimkien f’armonija filwaqt li wħud minnhom kienu qed jiġu mitmugħa b’ġentilezza kbira mill-istaff tal-post.

    Biex nagħlaq staqsejtu x’qiegħed isir f’pajjiżna fil-qasam tad-dimensja.

    “Id-dimensja hija kundizzjoni li ser taffettwa aktar nies aktar ma jgħaddi żmien.  Għalhekk ħsibna biex nippjanaw sew ħalli nkunu nistgħu nilqgħu għal din il-kundizzjoni bl-aħjar mod possibbli.  Fil-fatt iffukajna fuq it-taħriġ, l-informazzjoni u anke l-akkomodazzjoni.

    B’mod aktar prattiku, matul is-sena li għaddiet:

    - Tlesta l-proġett tal-blokka Ġwanni Pawlu II fejn għall-ewwel darba f’pajjiżna hemm żewġ swali mibnija u attrezzati (48 sodda) apposta għall-persuni li jbatu bid-dimensja.  Il-kumplament tas-swali fl-Il-Blokka Ġwanni Pawlu II tilqa' fiha 144 anzjan u anzjanaistess blokka huma wkoll attrezzati b’mod prattiku għal dawk li għandhom id-dimensja.  B’kollox din il-blokk se tospita 144 anzjan/a.

    - Ingħata taħriġ lill-impjegati tal-SVPR Activity Centre fejn jattendu persuni bid-dimensja.  L-impjegati huma mħarrġa biex jieħdu ħsieb persuni bid-dimensja li jkunu ġejjin kemm mill-istess residenza u anke mill-komunità (is-servizz tar-respite).

    - Permezz ta’ fondi mill-UE (€55,000) wassalna taħriġ għal 130 membru tal-istaff.  Dan it-taħriġ twassal minn professjonisti ta’ Stirling University li huma meqjusa bħala awtorità fil-qasam.

    - Sar handbook għat-tobba u l-infermiera, u professjonisti oħra dwar id-dimensja.

    - Ħarriġna  113 il-ħaddiem fostom carers u nurses  li jaħdmu fid-djar tal-anzjani tal-Gvern dwar il-kura tad-dimensja.

    - Ġie ppubblikat ktieb, miktub minn Trevor Zahra, bl-iskop li jgħin lit-tfal jifhmu aktar x’inhi l-kundizzjoni tad-dimensja u dan tqassam b’xejn lill-istudenti kollha fl-iskejjel primarji tas-6 sena.

    - Twaqqaf Kumitat magħmul minn professjonisti bl-iskop li jħejji Strateġija Nazzjonali dwar id-Dimensja.

    - Flimkien mal-Malta Dementia Society twaqqaf helpline (22081826) biex jagħti appoġġ lil min qed jieħu ħsieb persuni bid-dimensja.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-11 t’April 2010)