• MIRA KULTURALI GĦAS-SENA 2020

    Għalkemm pajjiżna minħabba ċ-ċokon tiegħu jaf jintilef fix-xejn meta wieħed ikun qed jifli xi mappa tad-dinja, l-istorja tiegħu turi xort’oħra. Fil-fatt il-pożizzjoni ġeografika ideali f’nofs il-baħar Mediterran dejjem attirat l-attenzjoni ta’ dawk li għarfu l-potenzjal tal-art tagħna u minħabba f’hekk il-gżejjer Maltin għamlu bosta snin jgħaddu minn idejn barranija għall-oħra. Kienu diversi l-effetti u l-konsegwenzi li dawn il-ħakkiema ħallew fuq il-ħajja, il-kultura u l-istorja tal-Maltin. Iżda ċertament wieħed mir-riżultati pożittivi kienu n-numru ta’ binjiet uniċi li dawn ħallew f’pajjiżna u li llum jagħmlu parti vasta mill-wirt storiku tagħna.

    Ormaj Malta għamlet diversi snin rajha f’idejha u personalment nemmen li m’hemm xejn isbaħ minn dan. Madanakollu nistqarr illi nħossni ferm diżappuntata meta nara illi l-poplu tagħna donnu mhux Tarxien templeskapaċi japprezza r-rikkezza storika li tagħni lill-pajjiżu. Tweġġagħni l-passività li nara fir-rigward ta’ dal-qasam, tant li ħallejna wħud mill-isbaħ teżori arkitettoniċi letteralment jaqgħu biċċiet. Donnu l-poplu Malti jagħtik x’tifhem illi jekk ma jkollux lil xi ħadd jimbuttah biex jagħmel xi ħaġa, kapaċi jħalli kollox kif ikun u mhux l-ewwel darba li  jitqanqalli d-dubju f’liema stat kien ikun pajjiżna llum li kieku dan qatt ma nħakem mill-barrani! Wisq nibża’ li kieku nsibu kollox kif kien oriġinarjament, bi żvilupp kajman kemm jista’ jkun.

    Turista barranija ikkummentat miegħi illi hawn Malta tant għandna rikkezza ta’ affarijiet storiċi li qisu l-poplu jekk jitlef waħda ‘l hemm u ‘l hawn ma jħossiex. Imma inti lil liema omm ser tispjega li billi jonqos xi ħadd minn uliedha mhux ser jimporta għax hekk jew hekk baqagħalha lill-oħrajn? Possibbli d-demm qalil tal-antenati tagħna li ssieltu u rebħu lill-agħar egħdewwa biex jiddefendu lil pajjiżhom m’għadux jiġri fil-vini tagħna?

    Dan l-aħħar attendejt għal diskussjoni organizzata mill-fondazzjoni Din l-Art Ħelwa fejn matulha il-Prof. Luciano Mulè Stagno ippreżenta l-fehmiet tiegħu dwar il-futur tal-Prof. Luciano Mule' Stagnowirt kulturali Malti għall-għaxar snin li jmiss. Il-Prof. Mulè Stagno għandu Ph.D fil-Materials Physics u riċentement qiegħed jaħdem mal-Istitut tal-Enerġija Sostenibbli tal-Università ta’ Malta. Għal dawn l-aħħar tliet snin huwa kien is-CEO tal-Heritage Malta wara li għamel 12-il sena jaħdem fl-Istati Uniti.

    Kont kurjuża kif b’dottorat fix-xjenza u wara tant snin jaħdem barra minn pajjiżna huwa jinteressa ruħu tant fil-wirt kulturali Malti?

    “Parti kbira mill-qasam kulturali tinvolvi l-konservazzjoni li hija xjenza. Apparti minn hekk il-laboratorji tad-Diviżjoni tal-Konservazzjoni mhumiex daqshekk differenti minn dawk li kont nuża meta kont qed naħdem fix-xjenza qabel ma ġejt lura Malta.

    Min-naħa l-oħra jiena għamilt 16 il-sena nieqes minn Malta u meta tkun nieqes minn Malta, x’inhu dak li jġiegħlek tkun kburi li int Malti? Mhux il-wirt kulturali tagħna? Għamilt 12 il-sena naħdem ma’ kumpanija fl-Amerika u fl-uffiċċju tiegħi dejjem żammejt żewġ affarijiet partikolari: poster tat-tempji u poster tal-qtugħ ir-ras ta’ San Ġwann ta’ Caravaggio.

    Il-wirt kulturali huwa għal qalbi ħafna għax nemmen li huwa dak li jagħmilna uniċi bħala poplu. Infatti wara li ma bqajtx fil-pożizzjoni ta’ CEO ma’ Heritage Malta, xorta waħda bqajt involut volontarjament. Tant hawn x’tagħmel f’dan il-pajjiż li kull min irid jagħti daqqa t’id jista’ jsib l-opportunità. Il-konċentrazzjoni ta’ oġġetti u siti storiċi li jħaddan dan il-pajjiż hija tant inkredibbli li dejjem insibu x’nagħmlu u għaldaqstant l-għajnuna tal-voluntiera f’dan is-settur hija apprezzata ħafna.”

    Waqt il-preżentazzjoni tiegħek inti sħaqt illi xejn ma jsir jekk l-ewwel ma jkunx hemm ħolma.  X’inhi l-ħolma tiegħek dwar il-wirt kulturali Malti?

    “Il-ħolma tiegħi hija illi sal-2020 kull sit maġġuri u kull mużew u oġġett storiku importanti li għandna f’dan il-pajjiż ikun f’kundizzjoni li nkunu kburin bih. Bħalissa hemm ħafna affarijiet li m’aħniex kburin bihom u dan ħadd ma jista’ jiċħdu.

    F’dawn l-aħħar snin kien hemm żvilupp pożittiv fil-qasam tal-wirt kulturali bħal: aktar kuxjenza u iżjed protezzjoni, tmexxija aħjar ta’ wħud mill-mużewijiet u s-siti, rajna l-NGOs u l-Kunsilli Lokali jsiru aktar attivi u ma nistax ma nsemmix il-miljuni ta’ ewro li ntefqu għat-tisħiħ ta’ xi siti.

    Xorta waħda għad hemm ħafna xogħol li jrid isir. Hemm xebgħa forti madwar il-pajjiż li jirrikjedu kura urġenti fostom Forti Sant’Anġlu, Forti Sant’Iermu, Forti Rikażli u l-Forti ta’ Delimara. Lura fl-2000 Forti Rikażlikien sar xogħol mill-aqwa fil-Hypogeum imma llum għandu bżonn li jinbidlulu s-sistemi mekkaniċi tiegħu. It-tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra issa ġew protetti iżda trid tibda l-konservazzjoni fuqhom u jrid jinbena passaġġ madwarhom. It-tempji ta’ Ħal Tarxien ser jiġu mgħottija imma jeħtieġu x-xogħol ta’ konservazzjoni. Qiegħed isir anki bosta progress fit-tempji tal-Ġgantija imma anki hawn il-konservazzjoni għad trid tibda. Daqstant ieħor għandu bżonn il-protezzjoni ix-Xagħra Stone Circle u s-sit arkeoloġiku f’Tas-Silġ. Xogħlijiet ta’ restawr urġenti huma wkoll meħtieġa fuq is-sit tal-banjijiet Rumani li jinsab fl-inħawi tal-Imġarr f’Malta.

    Ix-xogħol siewi ta’ restawr li sar riċentement fuq il-Mużew tal-Gwerra u d-Domus Rumana tassew ta’ min ifaħħru. Madanakollu numru oħra ta’ mużewijiet għadda żmienhom u għandhom bżonn jiġu immodernizzati. Barra minn hekk teżisti l-possibilità li ċerti mużewijiet li għandna jitkabbru aktar sabiex jiżdied l-ispazju għal iżjed esebizzjonijiet. Ngħidu aħna snin ilu kienet ittieħdet il-proprjetà 8 Triq Zekka l-Belt li tiġi kantuniera mal-Mużew tal-Arti. Li kieku dil-binja kellha tiġi restawrata flok titħalla tkompli tiddeterjora, faċilment tista’ tingħaqad mal-bqija tal-mużew biex il-pubbliku jkollu aċċess għall-aktar esebizzjonijiet li bħalissa m’hemmx spazju għalihom fostom il-kollezzjoni ta’ l-arti kontemporanja u l-kollezzjoni ta’ Antonio Sciortino. Eżempju ieħor huwa l-Mużew Marittimu fejn kieku kellha tiġi rranġata l-parti li bħalissa mhux qed tiġi użata, jista’ jiġi ttriplikat l-ispazju li hemm fil-preżent.

    Sentejn ilu l-Heritage Malta wettqet xogħol ta’ konservazzjoni fil-Palazz tal-President imma s-soqfa ma sarux u l-ħitan u l-affreski għandhom bżonn dawra sewwa. Issa dan hu l-palazz nazzjonali u jmorru jżuruh kwart ta miljun ruħ fih fis-sena!

    Għadna lura ħafna wkoll fil-qasam tad-diġitilizazzjoni li jinkludi l-proċess ta’ tteħid ta’ kopji diġitali biex ċertu dokumenti importanti jkunu disponibbli fuq l-internet. Qed nirreferi l-aktar għal dokumentazzjoni tal-karta fejn fil-preżent l-uniku mezz jekk trid tagħmel riċerka hu li tmur il-Biblijoteka Nazzjonali, titlob permess biex teċċedi għal ċertu dokumenti u mbagħad toqgħod tfittex u tqalleb fihom. Immaġina li kieku dawk id-dokumenti jkunu aċċessibbli mill-internet kemm issir aktar riċerka minn diversi individwi! Naturalment id-diġitilizzazjoni tinkludi wkoll ritratti tal-pitturi, artifatti u immaġni 3D fost oħrajn.

    Imma x’taħseb li huma r-raġunijiet li għad fadal tant x’isir?

    “Żgur li mhux nuqqas ta’ interess mill-ħaddiema, mill-volontarji, mill-Kunsilli Lokali jew mill-NGOs.

    Ċertament l-akbar problema hija l-iffinanzjar kemm biex isiru x-xogħlijiet u kif ukoll biex jiġu mpjegati aktar nies professjonali f’dawn l-oqsma.”

    X’inhuma l-proposti tiegħek?

    “Prinċiparjament jeħtieġ li nistudjaw liema huma dawk il-prijoritajiet li rridu nibdew bihom u nwettqu pjan biex naraw kif ser isiru u min ser ikun responsabbli biex jassigura li l-għanijiet jintlaħqu.

    Matul dawn l-aħħar snin sar ħafna xogħol u saru diversi strutturi imma forsi wasal iż-żmien li naraw x’ħadem sewwa u x’ma ħadimx daqshekk tajjeb. Personalment nemmen li għad hemm wisq tqassim ta’ Mastru fir-restawr tal-ġeblaxogħol. Ngħidu aħna qed issir konservazzjoni mill-aġenzija nazzjonali tal-konsevazzjoni Heritage Malta, mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet u mill-Kunsilli Lokali fost oħrajn. M’hemmx xejn ħażin f’dan imma hemm bżonn li x-xogħol jiġi koordinat u li l-prijoritajiet jinħadmu b’mod nazzjonali u mhux kullħadd ikollu l-miri tiegħu.

    Il-Bord tal-Garanzija nħoloq proprju biex jikkoordina dawn l-affarijiet. Għaldaqstant jidhirli li dan għandu jingħata aktar viżibilità, awtonomija u saħħa u probabbilment irid isir aktar attiv milli hu llum. Jgħin ukoll il-fatt li kieku anki aġenziji bħal Heritage Malta jiġu konċessi b’aktar awtonomija. Eventwalment permezz ta’ dan il-bord, l-aġenziji u l-NGOs ikunu jistgħu jitkellmu flimkien u jikkollaboraw biex tinħoloq lista ta’ prijoritajiet li tinkludi wkoll min ser jaħdem fuqhom.

    Hemm bżonn ukoll li jinfetħu l-bibien tax-xogħol għal aktar professjonisti. Minkejja li ħafna jaħsbu li hemm wisq nies mal-gvern, sfortunatament l-ammont ta’ nies li huma l-professjonisti li jistgħu jagħmlu l-istudji, id-diżinn, l-iskavi u l-konservazzjoni huma ftit.

    Problema oħra hija li ħloqna struttura fiċ-ċentru ta’ Bighi biex inħarrġu lin-nies ħalli jsiru restawraturi u konservaturi biex imbagħad ħafna minnhom ma jsibux xogħol f’dawn l-oqsma. U din hija inkredibbli meta hawn tant xogħol xi jsir fil-pajjiż. Żgur li hemm fejn nimpjegaw iżjed nies.

    Il-finanzi mhiex kwistjoni ta’ jekk nistgħux insibuhom imma meta. Hemm bżonn li għal dawn l-għaxar snin li ġejjin jiżdiedu l-fondi dedikati għal dan ix-xogħol b’madwar €5 sa €10 miljun ewro aktar fis-sena sabiex dawn jintużaw għall-konservazzjoni, għar-restawr, għar-riċerka u għall-akkwiżizzjonijiet ta’ siti u oġġetti prezzjużi, għall-entitajiet tal-gvern, l-Università, l-NGOs u l-Kunsilli Lokali f’forma ta’ grants amministrati mill-Bord tal-Garanzija.

    Is-somma ta’ bejn €4 u €5 miljun ewro diġà tista’ tinġabar mit-taxxa li oriġinarjament ġiet proposta minni; dik ta’ 50c għal kull lejl li t-turisti jagħmlu f’pajjiżna. Naturalment irid jiġi aċċertat illi tali fondi jiġu utilizzati biss għal dawn il-proġetti.

    Flimkien ma’ dan is-suġġeriment jiena kont ukoll ipproponejt taxxa żgħira fuq dawk it-turisti li jidħlu bil-vapuri tal-cruises. S’issa din l-idea baqgħet ma ntlaqgħatx imma kieku ssir, faċilment niġbru mijiet ta’ eluf ta’ ewro oħra fis-sena.

    Sabiex anki nissalvagwardjaw l-interessi ambjentali jiena ħriġt b’possibilità oħra ta’ introjtu ta’ fondi billi qed nissuġġerixxi li jsir xi tibdil kif tiġi ntaxxata l-proprjetà. Jidhirli li għandha titneħħa t-taxxa preżenti li titħallas max-xiri tal-ewwel u tat-tieni proprjetà u minflok għandha titpoġġa taxxa annwali fuq it-tielet u aktar proprjetajiet. Apparti li b’hekk inkunu nistgħu nużaw dawn il-fondi għat-tisħiħ tal-ambjent u l-wirt kulturali, inkunu wkoll qed niskoraġġixxu l-bini ta’ aktar proprjetà żejda.

    Barra minn hekk teżisti l-possibilità illi dawk l-investituri l-kbar li jakkwistaw xi biċċa art kbira biex jagħmlu n-negozju minnha għandhom iħallsu perċentwal żgħir ta’ taxxa li jiġi amministrat għall-proġetti kulturali.”

    Imma kemm jidhirlek li dan kollu hu possibbli li jitwettaq?

    “Bil-flus u bin-nies jekk tpoġġi moħħok hemm, kollox tagħmel. Saru bosta affarijiet kbar f’dan il-pajjiż u jiena nemmen li din tista’ tkun waħda minnhom. Jeħtieġ li nisparaw il-fuq kemm jista’ jkun. Ħalli mbagħad forsi nolqtu ftit aktar ‘l isfel imma għallinqas inkunu wasalna x’imkien.

    Nitgħaxxaq meta mmur indur f’ċertu pajjiżi u nara li għandhom il-wirt kulturali tagħhom tant miżmum tajjeb. U trid jew ma tridx tistaqsi imma aħna għaliex m’aħniex kapaċi nżommu kollox hekk ukoll? Sfortunatament f’pajjiżna teżisti bħal telqa ġenerali kulturali li jidher li hija aċċettata mill-poplu. Qisna m’għandnix dik il-kburija nazzjonali bl-affarijiet tagħna.

    Il-ġenerazzjoni tagħna hija l-ewwel ġenerazzjoni li għexet taħt tmexxija esklużivament Maltija u forsi għalhekk illum qed tinħoloq aktar kuxjenza minn qabel. Nittamaw li l-ġenerazzjonijiet futuri jkunu Studenti tal-arkeoloġijaaħjar minna. B’dan il-ħsieb aħna rridu naraw ħamsin sena oħra x’ser inħallu lill-ġenerazzjoni ta’ warajna f’dan il-pajjiż. Uħud mill-affarijiet u s-siti li semmejt f’din l-intervista ilhom jitgawdew minn ġenerazzjoni għall-oħra u aħna obbligati li naċċertaw li dawn jibqgħu jitgawdew anki minn dawk ta’ warajna.

    Għal 2018 ġie deċiż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropeja illi l-Belt Valletta ser tkun il-Belt Kapitali tal-Kultura Ewropeja. B’hekk għal perjodu ta’ sena, l-belt tagħna ser isservi ta’ vetrina fuq il-ħajja u l-iżvilupp kulturali tagħna Maltin. Indubbjament dan huwa inċentiv ulterjuri biex naħdmu qatiegħ sabiex nippreżentaw lill-pajjiżna bl-aħjar mod u mhux biss b’sempliċiment face-lift!”

    Finalment x’inhu l-iskop ta’ din il-preżentazzjoni u ta’ din l-intervista?

    “L-għan tiegħi huwa li nistimola diskussjoni. Il-qasam kulturali hu fundamentali għalija għax nemmen li huwa t-timbru uniku li għandna bħala pajjiż. Inħoss li għamilna avvanz enormi f’Malta f’dawn l-aħħar għaxar snin. U għalhekk nisħaq li hu possibbli li nkomplu mexjin il-quddiem fl-għaxar snin li jmiss.

    Huwa neċessarju li għaxar snin oħra nħarsu lura u nkunu kburin dwar fejn wasalna u kemm imxejna ‘l quddiem. Irridu naslu fi stat li ma jkollna l-ebda wieħed mis-siti maġġuri li jkun tal-mistħija jew bir-riskju li ser jaqa’ biċċiet. Anzi, għandna nagħmlu minn dawn il-postijiet, attrazzjonijiet mill-aqwa li kemm il-poplu Malti u kemm it-turisti jieħdu pjaċir iżuruhom sabiex permezz tagħhom jitgawda u jiġi apprezzat aktar il-wirt kulturali għani u mprezzabbli li għandna f’pajjiżna.”

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-20 ta’ Ġunju 2010)