• AKTAR KIENET TAGĦTI KAS TAL-KANT TAL-KOR

    Il-mużika hija l-ħoss li jħallu l-emozzjonijiet… Awtur mhux magħruf.

    Tiskanta x’jgħaddi minn moħħ it-tfal! Il-persuna li ntervistajt illum qaltli illi darba waħda, meta kienet għadha tifla ċkejkna, kienet marret tqerr għand qassis peress li ndunat illi waqt il-quddiesa Joanna Magri aktar kienet tagħti każ tal-kant tal-kor milli tat-talb u tal-quddiesa nnifisha. Iżda hu serrħilha rasha billi qalilha illi meta wieħed ikun qed ikanta jkun qiegħed jitlob darbtejn u għalhekk ma kelliex għalfejn tinkwieta.

    Joanna Magri illum għandha 24 sena iżda l-imħabba lejn il-mużika u l-kant ilha snin sħaħ titrawwem fiha.

    “Nibda biex ngħid li lil kull min jitwieled, Alla jkun għamillu diġà l-qafas ta’ ħajtu. Minn dejjem niftakarni affaxxinata bil-mużika. Mhux l-ewwel darba li kont inkun fis-shower u nagħmel tabirruħi li hi mikrofonu u noqgħod inkanta magħha. Kont iffissata wkoll fuq id-diski u kull meta kien ikolli ċans, kont noqgħod nirrikordjahom. L-hena tiegħi imbagħad kienet li noqgħod nismagħhom u nkanta magħhom il-ħin kollu.

    Il-passjoni lejn il-mużika ma ġietx mix-xejn għax kemm nannti u kif ukoll ommi kienu t-tnejn sopranos mal-kor il-kbir ta’ San Ġiljan. Għalhekk meta darba waħda ommi semgħatni nkanta ma’ diska partikolari, mill-ewwel intebħet li kelli talent moħbi. Kien għad kelli biss 6 snin u ommi xtaqet tara kemm verament kont maqtugħa għal dal-qasam. Għalhekk kitbitni fil-kor Cantores Santi Juliani immexxi mill-Mro Lino Attard li fil-preżent huwa wkoll iċ-chairman tal-Orkestra Nazzjonali ta` Malta u Elvia Agius li sfortunatament m’għadiex magħna.

    Il-bidu bħal f’kollox hu diffiċli speċjalment sakemm tidħol fir-rutina tar-rehearsals imma jiena mill-ewwel urejt interess kbir. Nista’ ngħid li dawn iż-żewġ personaġġi kienu importanti ħafna f’ħajti peress li emmnu fija mill-ewwel u nkoraġġewni biex inkompli nikber fil-kant. Għabbewni b’ħafna studju ta’ vuċi u teknika hekk kif bdew jittestjaw l-ilħna tat-tfal fil-kor biex jikkonfermaw min minna kien kapaċi jkanta fl-għoli u min le sabiex tinħoloq dik l-armonija tal-kor.

    Għamilt 15 il-sena mal-kor ta’ San Ġiljan imma meta żżewwiġt u mort noqgħod f’Wied il-Għajn kelli nieqaf u minflok mort nitħarreġ fl-Iskola tal-Arti mas-soprano Rosabelle Bianchi. Hemmhekk tgħallimt it-teknika tal-vuċi u t-teknika ta’ kif tieħu n-nifs; għodda importanti ħafna f’dal-qasam speċjalment fil-mużika sagra fejn inti trid tħaddem ħafna d-dijaframma.

    Sadanittant qalbi baqgħet imxennqa biex nerġa’ nkanta f’kor u meta darba jiena u r-raġel konna qegħdin nisimgħu l-quddiesa fil-Knisja ta’ Wied il-Għajn, il-Kappillan għamel sejħa għal dawk li xtaqu jingħaqdu mal-kor t’hemmhekk. M’hemmx għalfejn ngħidlek, dak il-ħin wiċċi xegħel bil-ferħ u ddeċidejt li nipprova peress li sa mill-ewwel darba li kont smajt il-kor ikanta kien għoġobni ferm.

    Mill-ewwel tista’ tgħid li integrajt u kemm il-koordinatriċi Patricia Debono u kif ukoll l-organista Kenneth Caruana tawni sostenn kbir u bdew anke jgħadduli biex inkanta biċċiet u siltiet solo speċjalment fil-Ġimgħa l-Kbira, fi  żmien il-Milied jew f’xi tieġ.”

    Ngħidilkom is-sew hekk kif kont qed nitkellem ma’ Joanna u bdejt ninnota dak il-leħen melodjuż imma meqjus tagħha, bdejt insibha diffiċli biex nimmaġinaha tkanta b’dakJoanna Magri - imħabba għall-kant il-leħen għoli li s-soprani huma magħrufa għalih. M’inix xi waħda esperta fil-mużika u għalhekk minn dejjem xtaqt inkun naf x’iwassal biex wieħed jiġi kkwalifikat bħala soprano, mezzo-soprano, contralto eċċ. Issa li ġietni x-xoqqa f’moxtha staqsejt…

    “Mhux l-ewwel waħda li qed tikkummenta hekk dwar il-vuċi tiegħi, tant li sikwit jgħiduli li leħni jinstema’ qisu ta’ tifla żgħira. Imma nassigurak li meta nkanta, nsir qisni persuna oħra.

    Biex nispjegalek kif wieħed jagħraf x’tip ta’ vuċi għandu, immaġina l-pjanu: għandek ix-xellug b’noti low-register, għandek in-nofs b’noti middle-register u għandek il-lemin b’noti high-register. Issa meta inti tmur titħarreġ fil-vuċi jew hekk kif tidħol ma’ xi kor, isirlek test partikolari billi tindaqq skala fuq pjanu u inti trid tkanta eżatt bħall-pjanu. Permezz t’hekk, dak li jkun qed jevalwalek il-vuċi jkun jista’ jara x’potenzjalità għandek. Fil-każ tiegħi ġie konkluż li jiena soprano.”

    Għalkemm Joanna tħobb kull tip ta’ mużika, l-aktar li taffaxxinaha hija l-mużika sagra.

    “Inħobb nisma’ minn kollox: minn mużika sagra sa pop, house, trends music eċċ. Però naħseb illi peress li għaddejt dawk is-snin kollha nkanta f’kor, awtomatikament il-mużika sagra tiġi l-ewwel għalija. Barra minn hekk, leħni huwa iżjed adattat għal dit-tip ta’ mużika  u allura bla ma trid, la tkun kapaċi f’xi ħaġa tippreferi tispeċjalizza fiha u tistudja fuqha.

    X’sodisfazzjon jagħtik il-kant?

    “Il-mużika titfagħni f’dinja oħra u ninsa dak kollu li jkun għaddej madwari. Hija diffiċli ferm biex infehmek bil-kliem dwar il-ferħ li nħoss. Naħseb li bħal kull artist ieħor ikollok dak is-sodisfazzjon li qed tħaddem it-talent tiegħek u fl-istess ħin permezz tiegħu qed tallegra lil dawk ta’ madwarek.”

    Iltqajt ma’ diffikultajiet biex dħalt f’dan il-qasam?

    “Nista’ ngħid li jiena kont kemmxejn iffortunata għax ftit li xejn kelli minn dawn il-problemi. Anzi sibt nies li għenuni u nkoraġġewni ħafna. Però bħala diffikultà forsi nista’ nsemmi l-ħin twil meħtieġ għar-rehearsals li xorta waħda ma tantx inqisu bħala problema għax fir-realtà dan iservi biex tipperfezzjona l-istil tiegħek.

    B’danakollu ma rridekx taħseb li kelli ħajti ward u żahar. Għaddejt minn mumenti meta ħajti ma kinetx daqshekk faċli. Kien hemm żmien meta kont niddubita kemm mill-kapaċità tal-vuċi tiegħi u kif ukoll Joanna Magri - kantmill-possibilità li għad xi darba nirnexxi. Iżda dawn huma affarijiet li kulħadd jgħaddi minnhom. Is-sigriet huwa li tross sninek u tipprova temmen ftit aktar fik innifsek u timbotta ruħek lejn fejn hemm l-opportunità. Tipprova u tara. Hekk jew hekk mhux ser taqa’ d-dinja jekk ma tirnexxix. Sinjal li ma jkunx destinek u f’dak il-każ timxi għal xi ħaġa oħra. Madanakollu jekk tiġik tajba u tara li miexja fit-triq it-tajba, tkun ftaħt bieb għalik u pass wara pass fl-aħħar tasal biex twettaq il-ħolmiet tiegħek.”

    Fil-fatt ħolma kbira ta’ Joanna ser tinqata’ nhar il-Ġimgħa li ġejja 16 ta’ Lulju 2010 fil-Montekristo Estate hekk kif hi ser ittella’ kunċert flimkien mal-organista mill-Latvja, Liene Circene.

    “Il-kant fil-kor jogħġobni u jagħtini ħafna sodisfazzjon speċjalment meta ġieli kkompetejna barra minn Malta u ġejna minn ta’ quddiem. Iżda xorta waħda, dan l-aħħar kont qed inħoss dik ix-xewqa li nagħmel pass ieħor; li noħroġ bħala solista u nintegra mal-pubbliku.

    Ix-xorti riedet illi fil-kor iltqajt mas-Sindku ta’ Wied il-Għajn, Mario Calleja li mill-ewwel wera interess kbir fit-talent tiegħi u wegħedni li xi darba għad ikolli l-kunċert tiegħi personali. U kelmtu żammha meta ġurnata minnhom infurmani li kienu qed isiru xi arranġamenti biex jittella’ kunċert fl-okkażjoni li Wied il-Għajn ingħaqad ma’ Douzelage; li hija assoċċjazzjoni ta’ twinning tal-ibliet fl-Unjoni Ewropeja. Saru l-kuntatti bejni u bejn l-organista brava mill-Latvja u wara ħafna xogħol bejnietna issa nħossuna ppreparati ferm biex nagħtu spettaklu mill-aqwa.”

    Kunċert hija biċċa xogħol kbira. Kelli kurżità kif qed tħossha u x’inhuma l-ħolmiet tagħha wara opportunità bħal din?

    “Eċitata ħafna żgur għax għalkemm ormaj ilni nkanta ħafna, dal-kunċert huwa xi ħaġa ġdida għalija. Bħal kull kantant ieħor tkun tixtieq li kollox imurlek sewwa u għalhekk qed nipprepara ferm għalih. Il-kunċert ser ikun maqsum fi tnejn fejn f’parti minnhom l-organista Liene Circene ser tkun qed iddoqq xi siltiet tagħha u fil-parti l-oħra din ser tkun qed takkumpanjani fil-kant tiegħi. Jekk imur kollox sew f’dan il-kunċert, hemm il-pjan illi ix-xahar id-dieħel immur nagħti kunċert ma’ l-istess pjanista fil-Latvja.

    Staqsejtni dwar il-ħolm… Naturalment il-bniedem hekk kif jilħaq tarġa, jkun irid jitla’ oħra u għalhekk issa nixtieq li xi darba jkolli ċ-ċans li niltaqa’ ma’ żewġ personaġġi lokali li tant nammira u li jiena kburija ħafna bihom kemm minħabba li għandhom talent kbir u anki għax għamlu isem sabiħ lil Malta – Miriam Gauci u Joseph Calleja. Nispera minn qalbi li xi darba jkolli l-opportunità li nkanta magħhom.”

    Minn kliem Joanna ma tistax ma tindunax illi hi temmen ħafna fid-destin.

    “Iva hekk hu. Fuq kollox nemmen li kif jgħid il-Malti: il-bniedem jipproponi u Alla jiddisponi. Għaldaqstant jidhirli illi akkost li inti forsi taħdem ħafna għal xi ħaġa, jekk ma jkunx imn’Alla, jinqalgħu ċirkustanzi li jwaqqfuk u ma jirnexxielek tagħmel qatt dak li tixtieq int. Ovvjament irrid ngħid ukoll illi trid tgħin ruħek biex Alla jgħinek apparti li l-aktar ħaġa kruċjali hija li temmen fik innifsek. Min-naħa tiegħi jiena dejjem nirringrazzja ‘l Alla li tani dan it-talent u li qed jgħini nesprimih. Kuntenta ħafna li dħalt f’dal-qasam tal-kant u ser nipprova nagħmel minn kollox biex nirnexxi. Il-bqija…”

    Min jixtieq aktar informazzjoni dwar dan il-kunċert jista’ jċempel fuq 21637171.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-11 ta’ Lulju 2010)