• EJJA NAGĦTUH X’JAQRA LILL-POPLU

    Dil-ġimgħa se nlaqqagħkom ma’ ħabib antik tiegħi li permezz tiegħu jiena komplejt insaħħaħ imħabbti lejn il-kotba. Sirt nafu l-ewwel darba meta bħala studenta, f’sajf Horace Portelli minnhom, sibt ruħi qed naħdem fil-Librerija Pubblika Ċentrali li hemm il-Furjana. Bl-għajnuna ta’ Horace Portelli li kien jaħdem hemmhekk, tħarriġt fl-ewwel passi ta’ librara u b’hekk stajt nifhem aħjar x’jinvolvi s-self tal-kotba. Niftakar li Horace kien ħa lili u lil xi wħud minn sħabi taħt ‘il-mantell tiegħu’ u b’hekk bidlilna esperjenza, li taħt it-tmexxija ta’ persuna oħra kienet għoddha sejra tiqras, għal waħda pożittiva, pjaċevoli u memorabbli. Sal-lum il-ġurnata, aktar minn għoxrin sena wara, kull meta mmur il-librerija, għadni mmur infittxu biex ngħid kelma miegħu u mal-ħaddiema l-oħra li llum ngħoddhom kollha bi ħbiebi.

    Illum Horace huwa l-Manager tal-Customer Care Unit tal-Libreriji Pubbliċi.

    “Issa ilni 30 sena naħdem hawn imma xorta waħda għadni nħossni eżatt bħall-ewwel ġurnata li dħalt f’dax-xogħol.

    Dħalt f’dal-qasam għax il-kotba minn dejjem kont inħobbhom. Nemmen illi l-qari kapaċi jagħnik b’dak l-għerf li l-ebda persuna oħra mhu kapaċi tagħtik. Għalhekk meta ġiet l-opportunità li nidħol fid-dipartiment tal-libreriji ħtaft l-okkażjoni u minn dakinhar ‘l hawn qatt ma mxejt f’xi dipartiment ieħor. Hawnhekk inħossni f’posti u aktar ma jgerrbu s-snin aktar qed nibni esperjenza li permezz tagħha nkun nista’ ngħin aħjar lill-pubbliku in ġenerali. Fil-ħajja ma tieqaf titgħallem qatt għax dejjem hemm fejn tista’ tirranġa għall-aħjar. U huwa proprju dak l-għatx biex inkun naf aktar li jżommni għaddej b’entużjażmu anki wara dawn is-snin kollha naħdem fl-istess post.”

    Imma f’dal-qasam ix-xogħol tal-Customer Care x’jinvolvi?

    “L-ewwel prijorità hija dejjem li nagħtu servizz ta’ eċċellenza lill-klijenti tagħna. Fil-fatt ta’ min isemmi illi d-dipartiment tal-libreriji kien l-ewwel wieħed li fetaħ il-Quality Service Charter li nieda l-gvern. Ta’ sodisfazzjon ukoll kienu d-diversi premijiet li rbaħna għas-servizz li nagħtu lill-klijenti tagħna.

    Bil-kuntrarju ta’ x’jaħsbu wħud, ix-xogħol tal-customer care huwa pjuttost vast. Primarjament aħna qegħdin hawn biex nilqgħu l-ilmenti u s-suġġerimenti tal-klijenti tagħna. Hawnhekk jidħlu wkoll il-formoli kollha ta’ sħubija mal-libreriji sabiex jiġu proċessati. Interessanti tkun taf illi dawn il-formoli jmorru lura sal-1976 u għalhekk numru minnhom huma pjuttost uniċi peress li jirrappreżentaw individwi prominenti li llum m’għadhomx magħna.

    Bil-għan li nxerrdu dejjem aktar l-imħabba lejn il-qari, fil-ġranet tal-iskola norganizzaw ukoll bosta orientation visits għall-istudenti fejn dawn jiġu mgħarrfa dwar is-servizzi tagħna u jittieħdu għal dawra madwar il-librerija kollha.

    Bl-istess skop, noħorġu anki barra mill-librerija u mmorru nagħmlu laqgħat ġol-kunsilli lokali biex inkomplu nħajjru aktar nies jissieħbu magħna. Ma rridx ninsa ngħid li permezz ta’ arranġamenti li saru mal-kunsilli lokali, dawn jagħtuna ħafna għajnuna fostom fondi biex jinxtraw kotba ġodda għal-librerija tal-lokalità tagħhom.  Barra minn dan, bħala rappreżentant għall-media, jiena nipparteċipa wkoll f’xi programmi tar-radju u tat-tv u dejjem intambar fuq l-importanza tal-qari.

    Finalment nagħtu wkoll it-taħriġ u kull għajnuna li jkun hemm bżonn lill-ħaddiema tagħna li għandna mxerrda fid-diversi libreriji madwar Malta u Għawdex.”

    X’tip ta’ servizzi jeżistu fil-Librerija Pubblika Ċentrali?

    “Ninsistu ħafna fuq is-sistema ta’ one-stop-shop fejn il-klijent jiġi u jinqeda minn kollox. Fil-fatt illum biex wieħed jissieħeb mal-librerija hija ferm faċli. Adult kemm iġib karta tal-identità miegħu u tinħariġlu card dak il-ħin stess li tintitolah biex jissellef erbgħa kotba għal tliet ġimgħat. It-tfal jistgħu jiġu ma’ xi ġenitur li jippreżenta l-karta tal-identità tiegħu u l-card tat-tifel jew tifla tinħareġ immedjatament.

    Apparti mill-għażla sabiħa ta’ kotba ta’ kull ġeneru, l-librerija toffri wkoll servizz ta’ referenza fejn il-klijent jista’ wkoll jagħmel xi photocopies li jkun jeħtieġ. Waħda minn dawn hija s-sezzjoni tal-Horace Portelli fil-MelitensiaMelitensia li tikkonsisti f’kollezzjoni ta’ kotba dwar Malta u dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ awturi Maltin. Wieħed isib ukoll ġurnali ta’ dawn l-aħħar tliet snin. Issa li dalwaqt tibda l-iskola dis-sezzjoni jżuruha ħafna studenti għall-proġetti tagħhom. Sezzjoni oħra ta’ referenza tinkorpora kotba dwar diversi suġġetti.

    Fil-librerija għandna wkoll sezzjoni awdjo-viżiva fejn wieħed isib numru ta’ internet points u audio u video casettes kemm edukattivi u anki dawk ta’ divertiment bħal films tat-tfal.

    Parti għal qalbna ħafna hija s-sezzjoni li tieħu ħsieb lil nies bi bżonnijiet speċjali. Għal dawn il-klijenti aħna noffru s-servizz ta’ talking books, li jikkonsistu f’casettes irrekordjati bil-qari tal-kotba. Dawn il-kotba nirrekordjawhom aħna stess fir-recording studio tagħna u jiġu moqrija b’mod volontarju minn nies professjonali. Dan is-servizz jintuża ħafna wkoll mill-anzjani li jkunu qed isibu diffikultà biex jaqraw. Is-selezzjoni ta’ kotba hija tant enormi li min japplika għal dawn it-talking books jintbagħtlu katalgu biex jagħżel liema minnhom l-aktar jolqtuh. Ftit ftit il-membri ta’ dan is-servizz jibdew jirċievu bil-posta u mingħajr ħlas uħud mill-casettes magħżula. Imbagħad meta jlestu minnhom, kemm jaqilbu l-envelope fin-naħa tal-indirizz tagħna u jibagħtuhom lura.

    Huwa importanti ħafna li nfehmu illi d-dettalji tal-kotba kollha li jinsabu fil-libreriji kollha ta’ Malta u Għawdex jistgħu jintlaħqu wkoll permezz tas-sit www.libraries.gov.mt. Dan jinkludi katalgu elettroniku li permezz tiegħu wieħed ikun jaf ukoll f’liema librerija qiegħed il-ktieb li jixtieq u jista’ jirriservah jekk dan ikun qiegħed misluf barra. Minn das-sit wieħed jista’ wkoll iġedded il-kotba mislufa lilu.

    Ta’ min isemmi wkoll illi jekk wieħed ma jsibx xi ktieb li jixtieq, il-librerija tikkunsidra s-suġġerimenti tal-pubbliku għax-xiri ta’ xi kotba li bħalissa m’humiex fuq l-ixkafef tagħha.”

    Bil-card tista’ tinqeda f’kull librerija?

    “Iva imma għalissa l-ktieb ikun irid jiġi rritornat fil-librerija li jkun ittieħed minnha. Aktar il-quddiem nixtiequ li naslu f’punt fejn wieħed iħalli l-ktieb misluf f’liema librerija jrid u dan jirritorna ruħu b’mod awtomatiku lejn il-post li jkun ħareġ minnu.”

    Għaliex tinsistu daqshekk fuq il-qari?

    “Għax il-qari huwa ċ-ċavetta tas-sistema edukattiva tal-bniedem. Jekk wieħed joqgħod il-bogħod minn dak kollu li hu miktub jkun qed jitlef xi ħaġa kbira li tista’ tissarraf f’għerf.

    Kulħadd jaf li hemm żewġ tipi ta’ għerf. Hemm dak li jinħoloq permezz tal-istudju akkademiku u hemm ieħor li jinġieb mill-esperjenza tal-ħajja u mill-qari. L-ewwel tip ta’ għerf huwa neċessarju biex Tfal jaqrawwieħed iġib iċ-ċertifikati u jsib xogħol tajjeb bihom. Però l-ieħor iservi biex wieħed jgħix il-ħajja b’sodisfazzjon u b’ċertu livell ta’ tagħrif dwar bosta affarijiet. Bniedem li jaqra tagħrfu mill-ewwel għax ikun kapaċi jitkellem fuq diversi suġġetti u għalhekk anki jekk forsi wieħed ma jkunx ta’ skola kbira, permezz tal-qari jkun kapaċi jkompli diskursata man-nies.

    Anki kotba b’sempliċiment storja fittizja huma kapaċi jkabbru l-għerf fil-qarrej. Dan minħabba li ħafna mir-rakkonti jkunu qed jirriflettu l-ħajja tas-soċjetà u allura joffru wkoll diversi ideat. Dawn il-kotba jiftħu wkoll tieqa għall-imaġinazzjoni, għal kitba aħjar bil-Malti u għall-użu ta’ espressjonijiet aktar mirquma li jgħinu lil dak li jkun jesprimi ruħu aħjar.”

    Taħseb li jeżistu nies li jaħsbu li mhumiex denji li jidħlu jissellfu minn librerija għax iħossuhom li mhux ta’ skola biżżejjed?

    “Iva naħseb li hemm minnhom. Imma lil dawn aħna għandna d-dmir li nuruhom li huma żbaljati. Fid-dinja m’hawn ħadd għar-rimi u l-librerija qegħdha għal kulħadd. Huwa għalhekk li għandna kull xorta ta’ kotba sabiex b’xi mod nolqtu l-gosti u l-livelli ta’ nies differenti.

    Dal-punt inħoss li huwa validu ħafna u nixtieq niftaħ aktar fuqu. F’dal-pajjiż kultant għandna d-diżgrazzja li nitkellmu b’wisq pessimiżmu. Donna nhedew nikkritikaw bl-amment biex imbagħad ma nagħmlu xejn ta’ ġid. Fostom iweġġagħni kliem bħal meta jingħad li l-poplu Malti ma jħobbx jaqra. Imma dan mhux minnu! Hawnhekk għandna ħafna membri li jiġu jissellfu l-kotba regolarment. Biss biss ngħidlek illi mill-bidu tas-sena ‘l hawn diġa’ nkitbu mat-3000 membru ġdid u dan meta dan l-aħħar, kull sena qed jiżdiedu 5000 membru ġdid.

    Nammetti li jiena bniedem pożittiv u nippreferi nara t-tazza nofsha mimlija. Naċċetta wkoll illi għad fadal perċentwal ta’ nies li ma jaqrawx u agħar minn hekk, perċentwal ta’ nies illiterati. Imma dan ma jfisser xejn ħlief li rridu nxammru aktar il-kmiem ħalli niġbdu aktar nies lejn it-tagħlim u l-qari.

    Imma n-nies ma jinġibdux lejk billi tikkritikahom bl-amment u xxandar messaġġi negattivi bħal dawn mal-irjieħ kollha. In-nies u b’mod speċjali t-tfal għandhom bżonn l-inkoraġġiment. Naqbel meta ssir kritika kostruttiva imma din għandha tiġi ddirezzjonata f’postijiet relevanti minn fejn tista’ tittieħed xi tip ta’ azzjoni.”

    It-tfal huma ħafna għal qalb Horace tant li għal 11 il-sena konsekuttivi huwa kien involut fi programm ta’ Story-telling…

    “Waqafna f’dawn l-aħħar 3 snin minħabba ċirkustanzi li ma kellnix kontroll fuqhom. Imma għal 11 il-sena sħaħ dawn il-programmi kienu ta’ suċċess kbir.

    Jiena kont immexxihom. L-għan tiegħi kien li ngħallem lit-tfal li l-qari huwa pjaċir u mhux xi ħaġa ta’ bilfors biex tgħaddi mill-eżami tal-iskola. Għaldaqstant apparti mill-qari, l-programm kien jinkludi fih ukoll il-parteċipazzjoni ta’ numru ta’ personalitajiet differenti li kienu jiġu jferrħu lit-tfal.

    Bil-kuntrarju tal-pariri li ngħatajt, insistejt fuq il-parteċipazzjoni tal-ġenituri waqt dawn il-programmi. B’hekk b’ġebla waħda kont qed nolqot tnejn għax it-tfal kienu qed jassoċjaw il-qari mal-pjaċir Tfal waqt il-programm ta' story-tellingfilwaqt li l-ġenituri kienu qed jitgħallmu s-sengħa ta’ kif għandhom jimxu ma’ wliedhom fejn jidħol il-qari. Kien ta’ sodisfazzjon kbir li nara tfal jidħlu bilkemm jitkellmu u jispiċċaw wara erbgħa programmi, jgħidu iktar minni… li huwa miraklu! Oħrajn illum kibru u huma studenti fl-università u jiġu jfittxuna u jgħidulna kemm għamilnilhom ġid meta ħabbibnihom mal-kotba.

    Fuq kollox dawn il-programmi kienu jsiru fil-librerija tat-tfal għax jiena ridt inneħħi l-idea tas-silenzju u li ma tistax tiftaħ ħalqek hemmhekk. F’librerija ta’ referenza ċertament li ma tistax tagħmel storbju imma mhux f’librerija tat-tfal! It-tfal biex jieħdu pjaċir iridu jikkomunikaw u jiddiskutu. Barra minn hekk iridu jingħataw iċ-ċans li jagħżlu l-kotba li jridu huma u mhux dawk li jippreferu l-ġenituri tagħhom.”

    Horace jinsisti li l-ġenituri flimkien mal-għalliema huma l-qofol wara l-edukazzjoni totali tat-tfal.

    “Insostni illi t-tnejn iridu jaraw illi l-qari jiġi ppreżentat lit-tfal b’mod leġġer u sabiħ u mhux b’forza. Idealment il-qari jsir ftit ftit kuljum. Ċertament ma jimpressjonawni xejn dawk il-ġenituri li jgħiduli li t-tfal ma jħobbux jaqraw imma mbagħad ġieli tiġi ġurnata u jaqraw salt kotba f’daqqa. Il-qari jixbaħ lit-taħriġ fl-isport – ma tistax tgħid illum ma nagħmilx u għada nagħmel id-doppju.

    U hekk kif qed nitkellmu dwar it-tfal, nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-ġenituri li fil-libreriji t-tfal jistgħu jinkitbu mal-ewwel snin tagħhom. Hemm min joqgħod jistenna li uliedu jkollhomTifel jaqra dawk l-erbgħa snin qabel idaħħalhom membri. Imma fil-librerija hawn kotba għal tfal ħafna iżgħar. Il-ktieb irid isir ħaġa waħda mill-ħajja ta’ wliedna u dan isir aktar possibbli jekk nintroduċuh magħhom sa mill-ewwel snin.”

    Dis-sena Horace huwa ferm kuntent bir-riżultati tal-librerija…

    “Fl-aħħar budget li sar kellna aħbar tajba fejn ingħatajna €100,000 bħala somma supplimentari biex nixtru kotba ġodda għall-librerija. Kienet xi ħaġa ġdida għal Malta u bil-pjaċir ngħid li għamilna l-mirakli bihom! Xtrajna enormità ta’ kotba ġodda u n-nies reġgħet bdiet tersaq lejn il-libreriji. Fil-fatt bejn Jannar u Awwissu 2010 ġew mislufa mas-70,000 ktieb aktar mis-sena ta’ qabel, li mhiex ċajta.

    U hawnhekk nixtieq nagħmel appell minn qalbi – hekk kif qiegħed jiġi ppjanat il-budget ta’ dis-sena, nispera ħafna li nerġgħu niġu kkunsidrati mill-ġdid għal dis-somma. €100,000 jafu jkunu ftit għal ħafna imma ħafna għalina. Wara kollox kulħadd jaf illi l-qari huwa s-sigriet ta’ poplu b’saħħtu li kapaċi jirraġuna u jiddiskuti u li jilħaq livelli aħjar ta’ edukazzjoni. Mela ejja nagħtuh x’jaqra lill-poplu!”

    Minbarra l-qari, wieħed mit-tiri prinċipali tal-librerija huwa illi jingħata rikonoxximent lill-awturi Maltin…

    “Dan is-sajf id-Dipartiment tal-Libreriji flimkien mal-Ministeru tal-Edukazzjoni organizzaw il-Kampanja Libreriji. Din kienet tikkonsisti f’għadd ta’ attivitajiet immirati biex joħolqu aktar għarfien dwar is-servizzi tal-libreriji u anki dwar l-awturi Maltin infushom.

    Laqqgħajna l-awturi Maltin mal-pubbliku u tellgħajna numru ta’ esebizzjonijiet. Dan huwa proġett li għadu fil-bidu tiegħu imma ma rridux naqtgħu qalbna. Jeħtieġ li l-awtur Malti nagħtuh dak li jistħoqqlu. Ma jistax ikun li ngħollu mas-sema awtur barrani u mbagħad ma napprezzawx awtur Malti!

    F’dawn il-ġranet li ġejjin se nkunu qed nagħmlu rendikont ta’ kif morna permezz ta’ din il-kampanja ħalli nkomplu nibnu fuqna s-sena d-dieħla. Għandna wkoll ħafna attivitajiet oħra ppjanati imma għalissa għadhom qed jinħmew!”

    X’jidhirlu mill-kummenti ta’ wħud li l-futur tal-ktieb huwa mhedded mit-teknoloġija ta’ llum?

    “Il-ktieb ma jista’ jispiċċa qatt għax min iħobb il-ktieb jaf li s-sensazzjoni li jagħtik ktieb ma jagħtihulek l-ebda kompjuter. Ix-xamma tal-ktieb, il-kwalità tal-karti minn ktieb għall-ieħor, il-fatt li tista’ ġġorru miegħek kullimkien u tieqaf u tkompli meta trid. Għidli x’hemm isbaħ milli ssib ktieb jistennik fuq il-komodina biswit is-sodda tiegħek? Dawn huma emozzjonijiet li jesperjenzaw biss dawk li jħobbu jaqraw u ċertament l-ebda skrin elettroniku ma jagħtihomlok.”

    Jiena ngħożż lil kull min jagħmel xi ħaġa b’passjoni u indubbjament l-imħabba li Horace iwettaq xogħolu biha, mhi xejn inqas minn hekk. Xtaqt nagħlaq billi nistaqsih 30 sena fil-librerija, x’ħallew fih?

    “Sodisfazzjon kbir! Jiena nemmen ħafna fil-poplu Malti u nemmen ħafna fit-tfal tagħna. Kuntent li permezz ta’ xogħoli qed inkun mezz ta’ inkoraġġiment biex il-qari jixtered aktar f’pajjiżna. Meta waraHorace Portelli - librerija bosta snin tibqa’ tara l-apprezzament ta’ dawk li tkun għent li jibqgħu jiġu jfittxuk għax jemmnu li inti darba tajthom daqqa t’id, dik xi ħaġa kbira għalija. Għidli kif tista’ ma tkunx għal qalbek f’xogħol bħal dan?”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-26 ta’ Settembru 2010)