-
L-EQDEM PRESEPJU MALTI
Dan l-aħħar ir-raġel qed jgħid li qed jinkwieta… peress li spiss sirt insib ruħi nħuf f’xi monasteru jew ieħor! Iżda xi tridni nagħmel jekk f’dawn il-binjiet li sa ftit ilu kont inħares lejhom b’tant formalità, qed niltaqa’ ma’ nies interessanti ferm li jilqgħuni b’idejhom miftuħa? Min-naħa l-oħra, permezz ta’ dawn il-mawriet, qed nirrealizza kemm teżori uniċi jinsabu għas-satra u l-kenn ta’ dawn il-postijiet. U bħala kittieba, inħoss id-dmir li nibqa’ nfittex sabiex naqsam magħkom dawn l-iskoperti żgħar tiegħi.
Did-darba l-għatx għat-tagħrif ħadni fil-qalba tal-Imdina, ġewwa l-monasteru ta’ San Pietru fejn jabitaw is-Sorijiet Benedittini tal-Klawsura. Kont ilni sena sħiħa nixxennaq biex nidħol f’dan il-post minħabba li sirt naf li hemm ġew kien hemm l-eqdem presepju eżistenti fil-gżejjer Maltin. Finalment, proprju f’dawn il-ġranet tal-Milied, irnexxieli niftiehem mal-Badessa Sr. Maria Adeodata Testaferrata de Noto OSB biex inżur dan il-presepju. Barra minn hekk, hi laqqgħatni ma’ Joseph Flask, kittieb u riċerkatur ferventi tal-ħajja u l-istorja ta’ din l-Ordni Benedittina sabiex ikun jista’ jipprovdini b’aktar tagħrif dwar il-presepju nnifsu.
Qabel imxejna għall-presepju, Joseph beda jinfurmani ftit dwar l-Istorja tal-Monasteru.
“L-oriġini ta’ dal-monasteru tmur lura għall-1414 meta l-patrijiet Benedittini ta’ San Niccolo’ l’Arena ingħataw dar bħala donazzjoni. Dawn il-patrijiet kienu magħrufa sewwa fl-Imdina u matul is-snin huma rnexxielhom jakkwistaw numru ta’ proprjetà oħra li kienu jinfdu f’xulxin, fl-inħawi tal-kappella ċkejkna li kienet iddedikata lil San Pietru. Fl-1418 dan il-bini nbidel fi sptar għall-patrijiet morda jew anzjani imma meta fl-1427 dawn il-patrijiet iddeċidew li jħallu l-pajjiż, in-nobbli tal-Imdina wrew ix-xewqa li l-bini jinbidel f’monasteru għas-Sorijiet Benedittini tal-Klawsura. Għalhekk huma xtraw il-proprjetà kollha li kellhom il-patrijiet u fl-1430 ġiet stabbilita l-ewwel komunità femminili reliġjuża f’Malta. Il-grupp tas-Sorijiet Benedittini beda jitkattar ġmielu hekk kif bosta xebbiet minn familji nobbli bdew jingħaqdu ma’ dil-komunità. Dawn ix-xebbiet ġabu magħhom ġid kbir u ftit ftit il-monasteru ssawwar f’dak li nsibu llum.”
Ħriġna f’wieħed mill-kurituri prinċipali u issa stajt nammira l-ġmiel arkitettoniku tal-post. Kont qed inħossni tassew kurjuża biex nara l-presepju imma sadanittant, aħna u mexjin lejn il-qalba tal-monasteru, għajnejja ntlew bid-dettalji rfinati li kien mogħni bihom dal-bini. Kont tassew konxja illi hemm ġew mhux la kemm ħa toqgħod dieħla u ħierġa u allura xtaqt nieħu miegħi kemm jista’ jkun memorji. Finalment wasalna quddiem il-presepju u stennejt sakemm il-Badessa u Joseph neħħew il-purtieri u fetħu t-twejqiet tal-ħġieġ kbar li kienu qed jostruh.
“Mhux magħruf preċiżament kemm għandu żmien dan il-presepju u naturalment lanqas ma nafu min kien dak li ħadmu oriġinarjament. Żgur li kien diġa’ jeżisti fis-Seklu XVIII fi żmien l-Isqof ta’ Malta Fra Paolo Alpheran de Bussan (1728-1758) hekk kif jidher minn tagħrif li sibt, fejn dan l-Isqof reġa’ ġedded l-indulġenza ta’ 40 jum li kellu fuqu l-presepju lil kull min fil-lejl tal-Milied jieqaf quddiemu u jgħid Missierna, Sliema u Glorja. L-indulġenza, bl-istess kundizzjonijiet kienet reġgħet iġġeddedt u anki miżjuda għal 200 Jum, minn Mons. Mikiel Gonzi, Arċisqof ta’ Malta fit-22 ta’ Lulju 1958.
Barra minn hekk, minn xi kitbiet li jidhru fuq in-naħa ta’ wara tal-presepju jirriżulta li dan kien ġie restawrat iktar minn darba. L-ewwel restawratur aktarx ħalla ffirmat ismu bl-inizzjali G.B.G u d-data 1826 fuq ġenb minnhom ta’ kastell. Fuq il-ġenb l-ieħor dan kiteb ukoll l-ittri A.M.G.V.S. li jfissru ‘Ad Majorem Gloriam Verbi Sancti’ – Għall-akbar ġieħ tal-Iben Imqaddes t’Alla. Fl-1846 il-presepju ġie mkabbar aktar fuq in-naħa tal-lemin u dan jidher ċar minn sinjali evidenti ħafna. Min għamel dar-restawr, bħal ta’ qablu, ħalla l-inizzjali G.G. Imbagħad fl-1977 ċertu Giuseppe Sammut għamel xi rtokki fuqu li maġġorment kienu jikkonsistu fil-pittura tax-xenarju li qed naraw fuq wara.”
Joseph fetaħli n-naħa ta’ wara tal-presepju u hemmhekk ilmaħt dawn il-firem imħażża b’żebgħa ħamra. Ħassejtni daqs li kieku kont qed inħares fuq il-passat tiegħu u nistqarr magħkom li bdejt ninkedd kif fi żminijiet oħra ma kellhomx ħabta jħallu aktar dettalji speċifiċi. Meta tkun tapprezza dawn l-affarijiet, kważi kważi tħosshom li jixtiequ jkellmuk imma ma jistgħux. Il-preżenza tagħhom donnha tipprovokak biex tiskopri aktar evidenza u dak is-sens ta’ impotenza fik jifilġek. Wara li ħadt xi ritratti, erġajna mxejna len in-naħa ta’ quddiem tiegħu.
“Il-presepju hu maħdum mill-kartapesta u mill-ixkejjer. In-naħa tax-xellug tiegħu, fejn hemm il-grotta, hija l-aktar parti antika u daqstant ieħor il-pasturi li nsibu hemm.
Issa għandek tinnota illi dan il-presepju għandu partikolarità interessanti ħafna għax għall-kuntrarju ta’ dak li ssib fi presepji oħra, hawnhekk il-pasturi ma jaqblux bejniethom. Min magħmul ċkejken, min hu akbar, min bi stil, min b’ieħor. Ir-raġuni ta’ dan kollu hija illi dawn il-pasturi żieduhom is-sorijiet infushom matul is-snin. Dak iż-żmien kien hemm id-drawwa li jirregalaw il-pasturi fi żmien il-Milied u għalhekk, hekk kif xi soru kienet taqla’ wieħed, kienet tmur tħaffef issiblu post adattat fil-presepju. Iżda f’xi mumenti, mhux il-pasturi tal-Milied biss sabu ruħhom inklużi mal-popolazzjoni t’hemm ġew. Ħares sewwa fil-fond lejn il-ġenb ta’ dik id-dar. Qed taraha dik l-istatwa klassika Griega moħbija ħdejn il-kantuniera? Dik waħda minnhom!”
Iva! Hekk kien. Tbissimt. Minn quddiem għajnejja għaddiet bħal leħħa x-xena ta’ soru minnhom li minn hemm u minn hawn irnexxielha tħalli proprju lil dik l-istatwa hemmhekk. Issa stajt nara dan il-presepju minn perspettiva oħra u dlonk daħal ftit aktar f’qalbi. Għax allura fhimt li hemmhekk, f’dik ir-rokna mdaqqsa tal-monasteru, kien hemm aktar minn sempliċi presepju antik. Infatti kien hemm ukoll il-memorji personali ta’ numru kbir ta’ sorijiet li qattgħu ħajjithom jgħixu hemm. U waħda minn dawn ma kienet ħadd għajr il-Beata Maria Adeodata Pisani OSB.
“Fis-16 ta’ Lulju 1828 hija daħlet bħala postulanta f’dan il-monasteru u għexet hawn għal diversi snin fejn fostom serviet anki bħala Badessa. Dan il-presepju kien għal qalbha ħafna u kellha devozzjoni kbira lejh. Xhieda ta’ dan hija s-sensiela ‘Fioretti in onore del Divino Bambino Gesù’ li tikkonsisti f’21 fjurett li hija kitbet meta ġiet ispirata minn dix-xena tat-twelid ta’ Ġesù Bambin. Oriġinarjament il-fjuretti kienu miktuba bit-Taljan imma biex ikunu aktar aċċessibbli għall-pubbliku, jiena ttraduċejthom għall-Malti taħt it-titlu ‘Il-Fjuretti tal-Milied’. Speċjalment tul in-Novena tal-Milied, il-Beata Maria Adeodata Pisani kienet tħobb tiġbor lil ħutha s-sorijiet quddiem dan il-presepju sabiex joqogħdu jitolbu u jimmeditaw quddiemu. Il-Beata mietet proprju f’dal-monasteru fl-età ta’ 48 sena, fil-25 ta’ Frar 1855.”
B’sorpriża kbira, hekk kif konna qed induru mal-presepju, Joseph intebaħ b’firma oħra li qatt ma kien ra qabel! Kienet tinsab fuq in-naħa ta’ wara ta’ bini li hemm fil-parti ta’ quddiem tal-presepju. Bi tbatija, daħħalna l-kamera biex nifhmu x’kien hemm miktub. Ir-ritratt żvela tħarbixa b’żebgħa ħamra li kienet iġġib l-inizzjali G.G. u oħrajn inqas ċari, aktarx G.I. Evidentement il-presepju għandu ħafna aktar x’jgħidilna… Il-Badessa preżenti qaltli illi f’lejlet il-Milied is-sorijiet żammew id-drawwa tradizzjonali li jagħmlu purċissjoni madwar il-monasteru li tispiċċa quddiem dan il-presepju fejn imbagħad jitqiegħed l-inċens u jsir xi talb u kant.
“Presepju bħal dan għandu valur storiku qawwi imma fih ukoll sinifikat purament spiritwali. Għax għalkemm dawn is-sorijiet qed jgħixu fil-klawsura u kif ngħidu huma maqtugħin mill-ħajja tad-dinja, però huma qegħdin jgħixu f’dinja. Għaldaqstant bħal bnedmin l-oħra kollha għandhom bżonn dik ix-xi ħaġa materjali u tanġibbli li tgħinhom jifhmu l-importanza ta’ dan il-misteru tat-twelid ta’ Ġesù Bambin fid-dinja.”
Wara li ħadt xi ritratti tiegħu u tajtu l-aħħar titwila, il-presepju reġa’ ngħalaq f’postu u nsatar mill-ġdid. Sellimna lil xulxin u l-bieb il-kbir tal-monasteru ngħalaq warajja. Bqajt wieqfa fuq il-bankina għal ftit tal-ħin. In-nies, ħafna minnhom turisti, kienu għaddejjin iħaffu mit-triq ta’ quddiem dal-bini silenzjuż sabiex ifittxu jaraw is-soliti attrazzjonijiet. Min-naħa tiegħi, kont qed inħossni qisni għadni kif qomt minn xi ħolma u biex naċċerta ruħi ttawwalt malajr lejn ir-ritratti li kont għadni kif ġbidt bil-kamera. Imma hemm kienu! Ma kontx ħlomt. Għalhekk iddeċidejt li ma nitlifx aktar ħin u ħaffift lejn il-karozza biex infittex inniżżel ħsibijieti sakemm kienu għadhom friski. Ma ridt inħallilkhom xejn barra minn din l-esperjenza tant unika.
(Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-26 ta’ Diċembru 2010)
Category: Torca - Perspettivi | Tags: Badessa Sr. Maria Adeodata Testaferrata de Noto OSB,Beata Maria Adeodata Pisani OSB,Fiona Vella,fjuretti,Fra Paolo Alpheran de Bussan,Giuseppe Sammut,Imdina,Joseph Flask,monasteru ta’ San Pietru,Mons. Mikiel Gonzi,perspettivi,presepju,presepju Imdina,Sorijiet Benedittini tal-Klawsura,Torċa