• INT, SA FEJN KAPAĊI TASAL?

    Jiġu mumenti f’ħajtek meta tħossok waħdek wisq. Qalbek titqal u bħal taqa’ dalma quddiem għajnejk. Ġewwa fik tibda tħoss bħal vojt profond li m’għandu l-ebda qiegħ. Il-Woman answering phonekwistjonijiet ta’ madwarek  jibdew jidhru bla tarf u mingħajr ebda soluzzjoni. Nies f’dinjietek kemm trid imma ħadd minnhom li tista’ tafda b’dak li tant qed jifnik. Huma waqtiet fejn donnok tisma’ lil ruħek tixher għall-għajnuna, għall-attenzjoni, għall-imħabba. Tixxennaq imqar għal stranġier, li akkost li ma jafekx, xorta waħda lest li jagħtik ftit widen. Imqar leħen ħabib li jtaffilek kemmxejn mis-sikta u mis-solitudni tal-lejl. Imqar xi ħadd li jgħinek tara d-dawl mill-ġdid…

    “Is-solitudni hija l-akbar povertà” qalet darba Mother Theresa. “Waħda mill-agħar mardiet hija li ma tkun ħadd għal ħadd,” sostniet darb’oħra. Ma kienet tieqaf qatt tinkoraġġixxi lil dak li jkun biex jgħin “Jekk ma tistax titma’ mitt persuna, almenu itma’ waħda.” U finalment ammettiet illi “Il-miraklu mhux li aħna nwettqu dan ix-xogħol imma li aħna kuntenti li nagħmluh.”

    Dawn il-kwotazzjonijiet dwew f’moħħi hekk kif kont qed nisma’ dak li kellhom x’jgħiduli l-intervistati ta’ din il-ġimgħa. Svetlana Camilleri, il-Leader tas-Supportline 179 tal-Aġenzija Appoġġ, flimkien ma’ voluntier ta’ dan is-servizz, spjegawli dak li jiltaqgħu miegħu ta’ kuljum waqt il-ħabtiet meta jċempel it-telefon.

    “Fl-ewwel ġranet tiegħi bħala voluntier, nistqarr li kont nibża’ daqsxejn, għax meta terfa’ t-telefon, ma tkunx taf x’każ ser jippreżentalek dak li qiegħed iċempel. Imma mbagħad, ftit ftit, tibda tagħmel il-kuraġġ u t-taħriġ li tieħu flimkien mal-għajnuna kontinwa li jagħtuk l-istaff tal-Aġenzija Appoġġ, jgħinuk tidħol dejjem aktar fl-ambjent ħalli tkun ta’ għajnuna għal ħaddieħor,” beda jispjegali l-voluntier.

    Bl-għajnuna ta’ numru ta’ voluntiera, is-servizz tas-Supportline 179 ilu għaddej għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena, u preżentament l-Appoġġ għandha madwar 78 voluntiera f’dan il-qasam.

    “Għandna voluntiera li ilhom magħna mill-bidu,” infurmatni Svetlana. “Madanakollu kull sena ssir sejħa għall-voluntiera oħra sabiex inkunu nistgħu noffru servizz aħjar lil dawk li huma fil-bżonn. Is-sena li għaddiet irċevejna 16,446 telefonata u 10,868 minnhom kienu każijiet ġenwini.”

    X’tip ta’ telefonati jwieġbu dawn il-voluntiera?

    “Tista’ tgħid li jkun hemm telefonati ta’ kull xorta għax is-Supportline huwa vast ħafna. Ikun hemm min iċempel għax ikun qed ibati mis-solitudni u jkun jixtieq lil xi ħadd jisimgħu. Ikollu l-bżonn li jiftaħ qalbu ma’ xi ħadd li lest li jiddedikalu ftit ħin sakemm itarrafflu l-problemi tiegħu u dak li jkun għaddej minnu. Kultant tasal xi telefonata mingħand xi ġenituri li jkollhom id-dubju li wliedhom huma involuti fid-droga u allura dawn ikunu jeħtieġu parir dwar kif ser jaffrontaw din is-sitwazzjoni. Imbagħad nirċievu wkoll telefonati li jkollhom bżonn intervent immedjat bħal per eżempju meta qed iċċempillek mara li sabet ruħha barra t-triq flimkien mat-tfal tagħha, wara li kellha titlaq malajr mid-dar minħabba sitwazzjoni ta’ vjolenza domestika. F’sitwazzjonijiet bħal dawn il-voluntier jiggwida lil mara biex tmur għand il-pulizija sabiex tagħmel rapport, filwaqt li jibda wkoll iċempel lix-xelters adegwati li forsi jkunu jistgħu joffru rifuġju temporanju lil din il-familja. Ikun hemm każijiet oħra fejn il-voluntier jeħtieġlu jsegwi b’attenzjoni lil xi ħadd li qed iċempel minħabba li għandu f’moħħu li jwettaq xi suwiċidju. Infatti, waqt dawn it-telefonati jkun hemm individwi li diġà jkollhom il-pjan lest ta’ kif ser ineħħu ruħhom b’idejhom. Oħrajn ikollhom il-ħsieb li xi darba jaslu għal din id-deċiżjoni u allura hawn tidħol l-abbiltà tal-voluntier li jkellem u jiggwida lill-persuna biex tersaq għall-għajnuna.

    Huwa importanti li niċċaraw illi l-voluntiera fl-ebda mument ma jkunu weħidhom waqt dawn it-telefonati. Fil-ħinijiet tal-uffiċċju ser isibu l-ħaddiema tal-Appoġġ bħala referenza, u wara dan il-ħin dejjem ikun hemm supervisors on call li ġeneralment dejjem ikunu social workers. Dan ifisser li matul l-24 siegħa li jkun għaddej is-servizz, il-voluntiera dejjem ikunu jistgħu jirreferu ma’ xi ħadd li huwa professjonali f’dan il-qasam.”

    Staqsejt min jista’ japplika biex isir voluntier u x’qiegħed ikun mistenni minnhom?

    “Fir-realtà kull min għandu ‘l fuq minn 21 sena jista’ jkun voluntier. L-importanti huwa li dawn l-individwi jkunu lesti li jieħdu dan l-impenn bis-serjetà u b’responsabbiltà. Aħna nistennew minnhom li jkunu jistgħu jattendu għal tliet xiftijiet fix-xahar, kull xift ta’ 4 siegħat. Hekk kif il-voluntiera jintagħżlu biex jagħtu dan is-servizz, huma jingħataw taħriġ bażiku sabiex jakkwistaw il-ħiliet neċessarji. Barra minn hekk, kull xahrejn, aħna norganizzaw support groups għall-voluntiera sabiex inkunu nistgħu niddiskutu dwar id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom waqt dan ix-xogħol. B’dan il-mod, apparti li l-voluntiera jkunu qed jingħataw is-sosteniment regolari min-naħa tal-aġenzija, huma jkunu qed jitħarrġu dejjem iżjed f’ċirkustanzi varji li jistgħu jiltaqgħu magħhom.

    Bħala Supportline, bħalissa l-aktar li għandna bżonn ta’ voluntiera huma fil-weekends, fil-ġranet pubbliċi u fix-xift ta’ fil-għaxija, jiġifieri bejn it-8.00pm u nofs-il-lejl. Peress li dan is-servizz jibqa’ għaddej 24 siegħa kuljum, huwa jagħti lok lil dawk l-individwi li jaħdmu imma li jixtiequ jagħtu daqqa t’id, sabiex isibu l-ħin adegwat li jistgħu jgħinu fih.

    Bħalissa għandna l-applikazzjonijiet miftuħa għal dawk li jixtiequ jagħtu s-sehem tagħhom bħala voluntiera u b’hekk min jixtieq isir jaf aktar dwar dan is-servizz, jista’ japplika sas-7 ta’ Settembru 2011. Wara din id-data, aħna nibagħtu għal dawk li jkunu applikaw sabiex jattendu għal interview. L-applikanti jiġu mistiedna wkoll bħala grupp ħalli b’hekk inkunu nistgħu nosservaw kif huma jirrelataw ma’ persuni oħra. Minn hawn ukoll, aħna nkunu nistgħu nindividwaw x’tip ta’ persuni qed japplikaw u fejn naħsbu li jistgħu jkunu l-aktar ta’ servizz, peress li l-voluntiera jistgħu anki jgħinu fis-servizz Programm Ulied Darna.”

    Tlabt lil Svetlana tgħidli aktar dwar dan is-servizz …

    “Il-voluntiera ta’ Programm Ulied Darna jmorru fid-djar ta’ familji li diġà qed jirċievu xi servizz ieħor li toffri l-Aġenzija Appoġġ, jew Aġenzija oħra fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali.Svetlana Camilleri L-għan tal-voluntiera jkun li jgħinu lill-familji biex jakkwistaw ċerti abilitajiet sabiex ikunu jistgħu jiffunzjonaw bl-aħjar mod possibbli bħal ngħidu aħna, jorganizzaw attivitajiet għat-tfal, jgħinu fl-interazzjoni u fil-komunikazzjoni bejn il-ġenituri u l-ulied billi per eżempju juruwhom kif jgħinu lit-tfal jagħmlu l-homework jew kif iżommu d-dixxiplina b’mod kostruttiv. Dawn il-voluntiera jistgħu wkoll jiddirezzjonaw aħjar lill-ġenituri f’kif jużaw il-flus tagħhom b’mod aktar effiċjenti, kif iqassmu x-xogħol tad-dar jew kif isajru ikel aktar bnin u tajjeb għas-saħħa.

    Fir-realtà dawn huma affarijiet prattiċi tal-ħajja ta’ kuljum, iżda li jagħmlu differenza kbira jekk ikunu nieqsa f’familja. Għaldaqstant meta nirrealizzaw li ċerti familji partikolari, b’dik id-daqsxejn għajnuna tal-voluntier, jistgħu jiġu lura fuq saqajhom, aħna noffrulhom dan is-servizz. Huwa importanti li nsemmu illi l-voluntier mhux ser imur fid-djar u jagħti xi lecture lill-membri tal-familja jew li min-naħa l-oħra ser ixammar il-kmiem u jagħmel ix-xogħol kollu hu. Infatti aħna nitolbu lil dawn il-familji biex meta l-voluntier ikun id-dar tagħhom, huma jibqgħu għaddejjin bir-rutina ta’ kuljum sabiex il-voluntier ikun jista’ josserva fejn hemm il-bżonn li l-familja tingħata l-għajnuna ħalli tissaħħaħ.”

    Waqt ir-riċerka tiegħi għal din l-intervista, iltqajt ukoll mal- Emotional Support Helpline 116 123.

    “Biex inżommu mal-linja tal-Unjoni Ewropeja dan in-numru joffri s-servizz tas-Supportline lil dawk l-individwi li jkunu jinsabu barra minn pajjiżhom, ħalli b’hekk ikun hemm numru ġenerali magħruf fejn wieħed jista’ jersaq għall-għajnuna. Dan ifisser li min forsi kien imdorri jċempel fuq il-helpline tal-pajjiż tiegħu, jista’ juża l-istess numru, u fil-każ ta’ Malta, it-telefonata tkun iddirezzjonata għall-voluntieri tas-Supportline 179.”

    Tlabt lill-voluntier li kien magħna waqt din l-intervista biex jgħaddili ftit l-esperjenza tiegħu f’dan ix-xogħol li qed jagħmel…

    “Issa ilni voluntier mas-Supportline għal dawn l-aħħar sitt snin u nista’ ngħid li sa llum għadni nħoss ħafna sodisfazzjon li qed inkun ta’ għajnuna għal dawk li jċemplu. Niftakar li għall-bidu ma kontx naf eżattament x’inhu r-rwol ta’ voluntier fuq Supportline imma meta mbagħad ingħatajt it-taħriġ, mill-ewwel għoġbitni n-natura tax-xogħol għalkemm irrealizzajt li kienet ġenerika ħafna.

    Waħda mill-aktar affarijiet li jolqtuni f’dan ix-xogħol hija l-opportunità li tmiss tassew mal-polz tas-soċjetà. Permezz tas-Supportline tesperjenza ġrajjiet li bosta nies qed jgħixu fil-magħluq. Dawn ma jkunux affarijiet li tista’ titkellem dwarhom ma’ kulħadd u allura f’ċirkustanzi regolari tal-ħajja, rari niltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum. Huma realtajiet ta’ tbatija u żminijiet diffiċli li jgħaddu minnhom ċerti individwi li forsi nies oħra lanqas joħolmu biss li jeżistu. Fil-fatt jiġu mumenti fejn li kieku ma nkunx konxju li qed naħdem fuq sitwazzjoni vera, nasal biex nemmen li dak li qed nisma’ mhux tassew minnu!

    Minħabba dax-xogħol tibda tara l-ħajja minn lenti differenti. Tibda tapprezza ħafna iżjed l-affarijiet iż-żgħar f’ħajtek, bħal ngħidu aħna s-saħħa fiżika u mentali u l-affarijiet materjali li tgawdi minnhom. Man answering phoneTitgħallem tgħożż aktar lin-nies ta’ madwarek: lill-familjari, lill-ħbieb u lil bosta individwi oħra li tgħix magħhom ta’ kuljum, l-aktar meta tara x’iġarrbu n-nies li jkunu tilfu lil xi ħadd għażiż għalihom u l-proċess diffiċli li jgħaddu minnu sakemm jirkupraw. L-istess meta ttiegħem is-solitudni ta’ dawk li jċemplulek. Kif tista’ ma titqanqalx meta tara li ċerti nies iċemplu sempliċiment biex jitkellmu ftit għax m’għandhomx mod ieħor ma’ min jitkellmu? Tibda tifhem li inti tgawdi bosta affarijiet li ħaddieħor m’għandux u għalhekk apparti li tibda tapprezza aktar dak li għandek, tħoss aktar il-ħtieġa li tgħin.

    Meta jgħaddu s-siegħat li nqatta’ fuq is-Supportline nipprova ma nibqax naħseb dwar dak li nkun smajt għalkemm ikolli nammetti li mhux dejjem jirnexxieli għax ċerti sitwazzjonijiet li jgħixu wħud, imissulek qalbek wisq. Imma grazzi għat-taħriġ li ningħata regolarment mill-Aġenzija, jiena nitgħallem kif naqta’ ċertu linja bejn kemm ninvolvi ruħi ħalli hekk inkun fi stat tajjeb li ngħin lil ħaddieħor. Trid iżżomm ċar f’moħħok li mhux dejjem ser taqdi għal kollox lil dak li jkun għax jiġu waqtiet fejn dan ma jkunx possibbli. Fuq kollox trid iżomm lura milli tiġġudika, akkost liema sitwazzjoni tisma’ dwarha.

    Min-naħa tiegħi, nixtieq nagħmel kuraġġ lil dawk li huma mħajjra biex jingħaqdu bħala voluntiera mal-Appoġġ. Hemm ħafna x’tagħti f’dan ix-xogħol imma żgur li tieħu wisq aktar lura. Jiena għandi fiduċja kbira fit-taħriġ li jingħata u għalhekk jekk forsi hemm xi ħadd li jaħseb li din hija biċċa xogħol kbira wisq għalih, inħajjru jipprova xorta waħda, japplika, jattendi għat-taħriġ u mbagħad jieħu deċiżjoni wara. Ċertament irid ikollok xeħta u ħajra għal xogħol bħal dan. Nagħlaq billi nfakkar illi jekk ma tippruvax, żgur li ma tkunx taf sa fejn inti kapaċi tasal!”

    L-applikazzjonijiet jagħlqu fis-7 ta’ Settembru 2011. Għal aktar informazzjoni tistgħu ċċemplu fuq is-Supportline 179 jew 22959000. Inkella tistgħu tapplikaw permezz tal-websites: www.appogg.gov.mt jew www.fsws.gov.mt, jew tniżżlu applikazzjoni u tibgħatuha bil-posta, indirizzata lil: Christine Zammit, Aġenzija Appoġġ, 36 St Luke’s Road, G’Mangia, PTA 1318.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-28 t’Awwissu 2011)