-
IMĦABBA BLA KUNDIZZJONI
Ngħiduha kif inhi, sikwit dil-ħajja mhiex faċli tgħixha. Bosta drabi teħodlok ħafna aktar milli tagħtik u lil uħud minna għandha ħabta tkabarhom saħansitra xi ftit aktar mill-oħrajn. Jiġu mumenti meta jagħtik li tfendi għal rasek u li tħalli l-mewġ iħabbat mal-bqija… min jiflaħ jikkumbatti jgħix u min ma jiflaħx jintilef. Iżda xi ħaġa ġewwa fik ma tħallikx tirraġuna hekk għal tul ta’ żmien. “Ma nistax nibdel id-dinja waħdi, imma nista’ nitfa’ ġebla matul l-ilmijiet sabiex noħloq ħafna rimi,” inkoraġġiet darba Madre Tereża bi sfida quddiem id-diffikultajiet tal-ħajja. L-eżempju ta’ nies bħalha huwa kruċjali biex nagħrfu ngħixu l-umanità tagħna. Il-ħlewwa ta’ dawn ir-rimi messew miegħi din il-ġimgħa meta waqt intervista ma’ John Rolè u Pat Bonello mill-Appoġġ dwar il-fostering u dwar servizz ġdid ta’ Trobbija Speċjalizzata li għadu kemm ġie mniedi dan l-aħħar, dawn qaluli li dawk li jidħlu biex jagħtu l-għajnuna tagħhom jagħmlu dan bil-ħsieb sħiħ li jwettqu xi ħaġa tajba f’ħajjithom.
INTERVISTA: JOHN ROLÈ – Leader, Fostering Services
FOSTERING
L-idea tal-fostering minn dejjem kienet tintrigani għax nista’ nobsor li jesiġi ħafna kuraġġ. Kont kurjuża biex nifhem min kien kapaċi jħobb daqstant, kemm kien hemm nies minn dawn, u x’riżultati qed ikollu dan il-qasam?
“Aħna konxji li l-fostering mhiex xi biċċa xogħol faċli biex tidħol għaliha għax fiha diversi sfidi, titlob impenn serju u tirrikjedi ħafna mħabba,” beda jispjegali John Rolè. “Huwa każ fejn l-individwi letteralment jiftħu l-familja tagħhom sabiex jilqgħu fiha lil dawn it-tfal ħalli jgħinuhom jgħixu ħajja aħjar. Fortunatament jeżistu numru ta’ familji Maltin u Għawdxin li bil-ġenerożità enormi tagħhom lesti li jagħtu daqqa t’id biex jingħata ċans ieħor lil dawn it-tfal li jgawdu d-dritt ta’ tfulija xierqa. Infatti bħalissa għandna 250 tifel u tifla fostered, filwaqt li hemm 201 familja li qed jagħtu l-għajnuna fil-qasam tal-fostering.
Is-sistema formali bħala tim tal-fostering fl-Appoġġ ilha għaddejja biss mis-sena 2000. Madanakollu diġà qed naraw il-frott tax-xogħol li sar u huwa dan li jżommok għaddej. Bħala eżempju, nista’ nsemmilek il-każ ta’ tifel li kien fostered u li llum huwa żagħżugħ iggradwat bħala avukat, fejn fil-preżent jifforma wkoll parti mill-board tal-fostering. Għad irridu naraw x’ser ikun ir-riżultat tal-għadd ta’ tfal li qed igawdu mill-għajnuna tal-fostering. Biss biss illum qegħdin indaħħlu anki trabi direttament ma’ foster carers, minflok li jgħaddu l-ewwel fl-istituzzjonijiet, kif kien isir qabel. Is-sena l-oħra kellna 12-il tarbija li ġew fostered, filwaqt li b’kollox kien hemm 50 tifel u tifla li ġew milqugħa f’familji oħra. Dis-sena kien hemm 14-il tarbija li ġew fostered u għad baqa’ 115-il tifel u tifla li qed jistennew lil xi ħadd biex jilqagħhom għandu.”
Is-sejħa għal familji ġodda li lesti biex jgħinu hija dejjem miftuħa. John spjega dwar il-proċess li jgħaddu minnu dawk li juru l-ħajra li jiffosterjaw.
“Meta aħna nirċievu talba jew applikazzjoni mingħand xi familja li tixtieq tidħol għall-fostering, aħna mmorru nżuruhom sabiex niddiskutu aktar fil-fond dwar din il-possibilità. Naturalment l-għan ta’ din il-laqgħa tkun kemm biex infiehmu aħjar fhiex jikkonsisti dan ix-xogħol, kemm biex naraw x’wassal lil din il-familja biex tieħu din id-deċiżjoni, u anki biex nevalwaw l-ambjent li fih dawn il-foster carers prospettivi ser ikunu qed jilqgħu lit-tfal. Huwa importanti ħafna li f’dawn il-każi, fejn hemm diġà t-tfal fil-familji, dawn ukoll jiġu kkonsultati u nklużi fid-deċiżjoni sabiex finalment jitwettaq pass għaqli.
Dawk il-familji li jidhrilna li jistgħu jgħinu jgħaddu imbagħad għall-pass li jmiss: fejn huma jiġu mitluba li jattendu għal 6 laqgħat ta’ 3 siegħat il-waħda. F’dawn il-laqgħat huma jingħataw taħriġ f’diversi aspetti tal-fostering bħal: il-fostering x’jinvolvi b’mod ġenerali, it-tfal min huma, it-trawmiet li jgħaddu minnhom u l-pakkett li jġorru magħhom, min huma l-ġenituri ta’ dawn it-tfal u l-problemi li dawn ikunu sabu ruħhom fihom li finalment wassluhom biex uliedhom ikollhom bżonn il-fostering, l-abilitajiet neċessarji fil-foster carers: x’inkunu qed infittxu aħna bħala aġenzija – f’din is-sessjoni jattendu anki xi foster carers stess biex jgħaddu l-esperjenzi tagħhom, nitellmu wkoll fuq l-effett tal-fostering fuq il-koppja u fuq uliedhom u kif dawn għandhom jieħdu ħsieb lil xulxin. Finalment niddiskutu l-possibilità li dawn it-tfal imorru lura għand il-ġenituri tagħhom u allura x’għandhom jagħmlu l-foster carers matul is-snin sabiex ikun hemm tranżizzjoni tajba jekk jasal dan il-mument. U allura hawn jidħol ukoll l-aspett ta’ kif il-foster carers ser jgħixu u jaċċettaw din it-tranżizzjoni? U x’tip ta’ kuntatt jista’ jibqa’ jkun hemm ma’ dawn it-tfal, jekk dawn ikunu marru lura għand il-ġenituri tagħhom.”
Xtaqt nifhem kif it-tfal jiġu magħżula biex imorru għand xi familja partikolari għal fostering?
“Ġeneralment in-nies għandhom it-tendenza li jmorru direttament fl-istituzzjonijiet fejn jinżammu t-tfal meta jkunu jixtiequ jagħmlu l-ġid lil xi tifel jew tifla. U allura jkun hemm każi fejn koppja torbot qalbha ma’ xi tifel jew tifla partikolari li jgħixu f’dawn il-postijiet u eventwalment jitħajjru biex ikunu l-foster carers tagħhom. Għalkemm aħna napprezzaw il-ġest ta’ dawn l-individwi, nippreferu ħafna aktar illi l-kuntatt ma jsirx b’dan il-mod għax jaf ikun hemm sitwazzjonijiet li jikkumplikaw jew li jagħmlu impossibli dan l-arranġament. Biex nagħtuk eżempju, immaġina li t-tifel li xi ħadd ikun jixtieq li jrabbi, bla ma jafu, jinzerta t-tifel ta’ xi ġar u jkun hemm ċirkustanza fejn l-identità tal-foster carer ma tkunx tista’ tiġi mikxufa.
Fil-fatt qabel ma aħna niddeċiedu min minn dawn it-tfal ser imur għand xi familja partikolari, inkunu evalwajna sewwa kull aspett sabiex din l-esperjenza tibda u tkompli possibilment bl-iktar mod stabbli. Għalhekk inqisu l-ħtiġijiet tat-tfal u naraw li l-kwalitajiet li għandhom il-foster carers u l-ambjent u s-sitwazzjoni li qegħdin jgħixu fihom, huma adattati għal dan il-każ. Biex nagħtuk eżempju ieħor, jekk ikun hemm xi tfal oħra fil-familja, ġeneralment naraw li t-tfal li jiġu fostered ikunu iżgħar, kemm biex it-tfal tal-koppja jkunu ta’ eżempju għalihom u anki biex dawn ma jqisuhomx bħala kompetizzjoni għalihom imma idealment jieħdu ħsiebhom huma wkoll.
Illum qed issir ħafna enfażi li għandha tinħoloq stabbiltà fil-ħajja tat-tfal u allura ma nistgħux nippermettu li jsiru ċerti żbalji li bihom terġa’ tinħoloq l-instabbiltà. Tgħallimna ħafna mis-sitwazzjonijiet u l-konsegwenzi tal-passat. U għalkemm ma nistgħu qatt nagħtu garanzija li kollox ser jirnexxi kif nixtiequ aħna, min-naħa tagħha aħna nippruvaw nagħmlu mill-aħjar biex kull esperjenza ta’ fostering tagħti l-frott meħtieġ.”
John sostna li ma jrid bl-ebda mod jitfa’ xi dell ikraħ fuq l-istituzzjonijiet varji li jieħdu ħsieb it-tfal għax dawn ċertament jagħmlu ħafna ġid fost it-tfal li jieħdu ħsieb. Iżda fl-istess ħin ir-riċerka turi li l-kuntatt one-to-one mat-tfal joffri aktar opportunità sabiex dawn jakkwistaw il-ħiliet tant neċessarji fi tfulithom.
“Forsi wieħed ma jirrealizzax li wħud minn dawn it-tfal ikunu saħansitra nieqsa mill-aktar affarijiet bażiċi li aħna neħduhom bħala ovvji. Ngħidu aħna, jekk tarbija tibki, normalment il-ġenitur jew il-kustodju, ser jerfagħha, jħaddanha miegħu u jara x’għandha bżonn. Iżda sfortunatament, mhux it-trabi kollha jgawdu minn din il-kura. F’ċerti każi, it-trabi jibdew jiġu mċaħħda mill-possibilità li jikkomunikaw sewwa u anki milli jifhmu u jitgħallmu ċerti emozzjonijiet. Per eżempju jekk tarbija għandha l-ġuħ, dak il-ħin għaliha jkun l-aħħar tad-dinja jekk ħadd ma jitmagħha. Għalhekk meta ommha taqbadha f’idejha u tħaddanha magħha biex tisqiha, it-tarbija tagħraf li hemm min jieħu ħsiebha u titgħallem tisma’ t-taħbiet kalm tal-qalb tal-omm u tirregola t-taħbiet ta’ qalbha ma’ tagħha. B’mod awtomatiku, f’dawn il-mumenti kruċjali, it-tarbija tkun qed titħarreġ kif aktar il-quddiem għandha tirreaġixxi għad-diffikultajiet tal-ħajja. Min-naħa l-oħra, tarbija li tiġi injorata u titħalla tibki għal ħin twil ġo cot, jew tarbija li titwaqqa’ jew anki tiġi msawwta, titla’ konfuża, beżgħana u anzjuża kontinwament. Aktar il-quddiem, meta din ser tikber u ssib ruħha taħt stress, mhux ser tkun kapaċi tilqagħlu daqshekk u tippanikja mingħajr ma tkun taf sewwa x’għandha tagħmel biex tikkalma.
Dawn l-esperjenzi jikkonfermaw għala t-tfal igawdu aktar meta jkunu ġewwa familja fejn jistgħu jingħataw attenzjoni individwali. Permezz tal-foster carers li jiġu mħarrġa apposta, biż-żmien dawn it-tfal jingħataw il-ħiliet biex inaqqsu l-biża’ u jitgħallmu li hemm nies li jħobbuhom u li tixirqilhom il-fiduċja tagħhom. Mhux darba u tnejn li jiġu foster carers li jgħidulna b’dawn il-mumenti mqanqla fejn akkost li juru ħafna mħabba lit-tfal li jkunu fostered, dawn isibu diffikultà biex jirrispondu lura. “Imma jiena nħobbok tant!” jgħidulhom. U t-tfal iwieġbu, “Ma nafx kif inħobb. Għini!”
Speċjalment fil-bidu l-foster carers iridu jkunu konxji li huma ser jagħtu ħafna mingħajr ma jieħdu daqstant lura. Iċ-ċavetta hija hekk kif jirnexxielhom jibnu relazzjoni sabiħa ma’ dawn it-tfal li f’ħajjithom ikunu diġà għaddew minn tbatija kbira. Infatti għal kull sena trawmatika tagħhom, huma jkollhom bżonn sentejn biex ifiequ: sena biex ineħħu dak li kellhom ġewwa fihom u oħra biex jassorbu dak li kellhom jitgħallmu f’dik is-sena ta’ qabel. Meta t-tfal jibdew jesperjenzaw il-veru mħabba bla kundizzjoni li suppost ħadu fil-bidu nett, hemm normalment tibda tara t-trasformazzjoni hekk kif it-tfal bil-mod jibdew jidraw jafdaw u finalment jikkomunikaw tajjeb u jħobbu lil dawk ta’ madwarhom.”
Iebsa biex tifhem kif xi ħadd daqstant żgħir ikun diġà għadda minn tant inkwiet f’ħajtu u hija inkwetanti jekk toqgħod taħseb x’jista’ jiġri minn dawn it-tfal jekk xi ħadd ma jieħux ħsiebhom kif jixraq. Iżda John u Pat sikwit semmew ukoll it-tbatija li jgħaddu minnha l-ġenituri nfushom ta’ dawn it-tfal li xi drabi minħabba d-diffikultajiet tagħhom, isibu ruħhom fis-sitwazzjoni ħarxa li jagħtu t-tfal tagħhom għal foster caring bit-tama li almenu wliedhom jgħixu ħajja aħjar minn tagħhom.
“Fil-fatt ħafna minn dawn it-tfal li jiġu fostered, akkost li jkunu batew fil-familja tagħhom, xorta waħda jkollhom lealtà kbira lejn il-familjari tagħhom. Għalkemm mhux kollha jkunu jridu jew jistgħu jmorru lura fid-dar tal-ġenituri tagħhom, xorta waħda huma jkunu ħerqana li jkunu jafu li “xi ħadd qiegħed jieħu ħsieb il-mummy” u li “xi ħadd qiegħed jagħti każ tal-problemi li kien hemm fil-familja tagħna”. Naturalment mhux it-tfal kollha jkollhom din il-lealtà.
Għandna każi fejn ir-rabta bejn it-tfal u l-foster carers tant kibret, li anki meta laħqu l-età tagħhom, dawn għażlu li jibqgħu jgħixu ma’ din il-familja li ħadet ħsiebhom fl-agħar mumenti ta’ ħajjithom.
Bħala eżempju ta’ x’iġġib din il-bidla fit-tfal nista’ nsemmilek każ li seħħ dan l-aħħar fejn tifel ta’ 9 snin li ġie fostered ra tarbija tat-twelid li qed tiġi iffosterjata u lil dawk li qed jieħdu ħsieb lilu qalilhom “Kemm hu tajjeb li ser tmur għall-fostering dik it-tifla! Għax għallinqas hi ser tiffranka dak kollu li għaddejt minnu jien u mhux ser ikollha d-diffikultajiet li jien qed inġib hawn lilkhom!”
Ma tistax ma tħossx għal kliem bħal dan u għalhekk ma kontx sorpriża daqstant meta ntbaħt li sitwazzjonijiet bħal dawn iqanqlu anki lil dawk li kienu qed ikellmuni u li min jaf kemm jaraw aktar b’għajnejhom!
INTERVISTA: PAT BONELLO – Manager, Out of Home Care Programme
TROBBIJA SPEĊJALIZZATA
F’dawn l-aħħar ġranet l-Appoġġ fetħet tip ta’ servizz ieħor magħruf bħala Trobbija Speċjalizzata. Dan huwa maħsub biex jagħti għajnuna lil tfal li għandhom aktar diffikultajiet fil-ħajja minn tfal oħrajn u għalhekk anki l-pakkett finanzjarju li jingħata lil min ikun qed jieħu ħsiebhom huwa kemmxejn akbar u jista’ jilħaq l-€10,000 – li fih ikun inkluż ic-Child in Care Benefit, għal kull tifel jew tifla li jkollhom bżonn din it-tip ta’ trobbija. Il-familji jew individwi li se jilqgħu din l-isfida, li biha jistgħu jagħmlu differenza kbira fil-ħajja ta’ dawn it-tfal jew żgħażagħ, iridu jkunu lesti li jilqgħuhom fi ħdan il-familja tagħhom u jagħtuhom żmien ta’ trobbija li tilħaq il-bżonnijiet partikolari tagħhom.
“In-nies li ser jitħajjru għal dan it-tip ta’ servizz ser ikollhom sfida akbar minħabba ċ-ċirkustanzi tat-tfal. Fost dawn l-isfidi nistgħu nsemmu tfal li jkunu aktar kbar fl-età, tfal b’xi diżabilità, tfal b’xi mard kroniku, żewġt aħwa flimkien, tfal jew żgħażagħ li missew mad-droga, tfajla tqila b’tarbija li ma tistax tgħix mal-familja tagħha minħabba li tinsab f’periklu eċċ. Aħna nafu li mhux ser ikun hemm mijiet li jidħlu għal dan ix-xogħol imma anki jekk jirnexxielna nagħmlu d-differenza fil-ħajja ta’ ftit minn dawn it-tfal inkunu qed nagħmlu ħafna. Naturalment aħna ser inkunu qed noffru taħriġ adegwat għal dawk li jiddeċiedu li joffru l-għajnuna tagħhom, filwaqt li dawn ser ikunu wkoll segwiti b’mod regolari minn ħaddiema soċjali inkarigati apposta. Ċertament ir-riżultati, għalkemm sikwit jiġu bil-mod ħafna, jagħtu bosta sodisfazzjon lil kull min ikun involut.
“M’hemmx dubju! L-aħjar post għat-tfal huwa mal-familji tagħhom u aħna nippruvaw nagħmlu minn kollox biex it-tfal ma jinħarġux mid-dar tagħhom. Imma sfortunatament ikun hemm każi fejn għall-protezzjoni u għall-ġid tat-tfal stess, dan ikollu jsir. Xi wħud minn dawn it-tfal jibdew jgħixu ġewwa l-istituzzjonijiet u hemmhekk huma jingħataw l-opportunità li jkunu maħbuba u li jibdew mill-ġdid jgħixu tfulithom. Ta’ min isemmi li ħafna minn dawn it-tfal irnexxew fil-ħajja bil-ħiliet differenti tagħhom u llum huma adulti eżemplari. F’dawn l-aħħar snin, numru minnhom qed jimxu wkoll għand familji ġodda li b’imħabba u b’ġenerożità kbira qed jieħdu ħsiebhom u jrabbuhom daqs li kieku kienu wliedhom.
Kien ikun ħafna aħjar li kieku dawn it-tfal qatt m’għaddew minn dawn l-esperjenzi trawmatiċi. Imma issa hekk ġara u ma nistgħux immorru lura! Għalhekk issa jiddependi kemm aħna ser inkunu lesti li ngħinuhom jirkupraw dak li tilfu fis-snin bikrin ta’ ħajjithom. Studji varji flimkien mal-esperjenzi tagħna ta’ kuljum jikkonfermaw li l-bidla u l-fejqan huma possibbli. Iżda kollox jistrieħ fuq kemm nies ser ikunu lesti li joffru spalla ta’ kuraġġ u l-kenn ta’ djarhom biex dawn it-tfal iduqu l-ħlewwa ta’ xi jfisser li tkun maħbub tassew.”
Għal aktar tagħrif jew biex tapplika biex toffri l-għajnuna tiegħek bħala foster carer tista’ ċċempel fuq Supportline 179 jew lill-Aġenzija Appoġġ fuq 22959000 jew permezz tal-website www.appogg.gov.mt Jekk tixtieq tipprovdi servizz ta’ Trobbija Speċjalizzata, jew tixtieq aktar informazzjoni, tista’ wkoll iċċempel fuq in-numri ta’ hawn fuq jew inkella tibgħat email fuq outofhome.appogg@gov.mt
(Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-20 ta’ Novembru 2011)