• Temi Zammit

    Faccata ta' Volum 1.jpgTemi Zammit waqt ix-xoghol tieghu fil-qasam tal-kimika.jpg

    Disinn li gie ppubblikat fil-Malta Mail tas-6 ta' Gunju 1914.jpg

    Kull tant żmien, l-umanità tnissel numru ta’ individwi prolifiċi li permezz tagħhom jitwettqu proġetti sinifikanti li jwasslu biex ibiddlu l-istorja ta’ pajjiżhom u sikwit, anki dik tad-dinja. Wieħed minn dawn kien Themistocles Zammit, li aktar tard sar magħruf bħala Sir Temi Zammit. Akkost li Zammit kien ġej minn familja umli, fejn il-ġenituri tiegħu la kienu jafu jiktbu u lanqas jaqraw, huwa rnexxielu jirbaħ bosta ostakli u jilħaq l-ogħla unuri. Infatti, fost il-kisbiet tiegħu, huwa sar tabib u speċjalizza fil-qasam tal-kimika, kien ukoll awtur tal-letteratura Maltija, rettur fl-Università ta’ Malta, kreatur u direttur ta’ l-ewwel Mużew Nazzjonali u kuratur tas-sezzjoni tal-arkeoloġija. Ċertament, b’dawn ix-xogħolijiet tiegħu, Zammit għamel bosta suċċessi personali, iżda fl-istess ħin, huwa kiseb ukoll ġieħ u rispett lejn il-poplu Malti u lejn pajjiżu. Madanakollu sal-ġurnata ta’ llum, fil-gżejjer tagħna ma ssib l-ebda monument li jagħti dak il-prestiġju nazzjonali li tant jixraq lil dan l-individwu. X’żammna lura?

    Kurjuża dwar dan il-fatt u konxja kemm personalment ftit li xejn naf dwar Zammit, dan l-aħħar ħtaft l-okkażżjoni biex nintervista lill-Professur Roger Ellul-Micallef rigward iż-żewġ volumi li huwa ippubblika riċentement dwar il-perjodu, il-ħajja u l-kisbiet ta’ Temi Zammit. Ma tridx wisq biex tifhem li xogħol Ellul-Micallef huwa kapolavur minnu nnifsu. Iżda meta aktar tard intervistajt ukoll lill-Professur Anthony Bonanno u lill-Professur Oliver Friggieri dwar dan l-istudju dettaljat, huma t-tnejn qablu li b’dawn il-pubblikazzjonijiet monumentali, finalment Temi Zammit irċieva r-rikonoxximent li tant kien ilu jistħoqqlu.

    L-awtur: Prof. Roger Ellul-Micallef

    L-awtur ta’ din il-bijografija, Roger Ellul-Micallef, huwa professur fid-Dipartiment tal-Farmakoloġija Klinika u Terapija fl-Università ta’ Malta. Huwa minn dejjem kellu interess kbir fl-istorja tal-mediċina, partikolarment fl-iżvilupp tal-mediċina tradizzjonali Maltija. B’hekk ma setax jonqos li xi darba jew oħra, l-istudji tiegħu kienu ser ilaqqgħuh ma’ Temi Zammit, anki peress li bħalu, huwa studja l-mediċina u kien ukoll rettur ta’ l-Università ta’ Malta. Probabbilment, id-destin kien ilu jsejjaħlu sabiex jikteb dwar dan il-personaġġ, hekk kif xi snin ilu, waqt li hu kien rettur, huwa skopra għadd ta’ kwadri ta’ personalitajiet Maltin miġbura u mitluqa f’rokna tal-università l-antika fejn Zammit innifsu kien rettur, u ħadhom lejn l-università l-ġdida sabiex jesponihom aħjar. Fost dawn il-kwadri, kien hemm pittura ta’ Temi Zammit, li Ellul-Micallef dendel bi prominenza fl-uffiċċju tiegħu. B’hekk, għalkemm huwa ma kellux il-privileġġ li jiltaqa’ ma’ Temi Zammit innifsu, madanakollu jista’ jgħid li għex għal għaxar snin miegħu.

    Intant, matul l-erbgħa snin li l-awtur ħa biex kiteb din il-bijografija, huwa rriċerka b’mod dettaljat lil Temi Zammit billi pprova jsegwi l-għażliet li dan għamel f’ħajtu, filwaqt li ttanta jifhem ir-raġunijiet wara dawn id-deċiżjonijiet li bosta drabi mexxewh tant il-quddiem. Fatt interessanti huwa illi madwar tletin sena ilu Ellul-Micallef irnexxielu jintervista lil iben Temi Zammit, il-Kaptan Charles Zammit, filwaqt li dan l-aħħar in-neputi ta’ Zammit, Temi, għaddielu wkoll xi kitbiet ta’ nannuh. Fost dawn il-kitbiet, huwa sab notamenti li Zammit kien iħobb iħalli dwar xi kotba li jkun qara u allura b’hekk, l-awtur seta’ jifhem aħjar x’kien jinteressa lil dan l-individwu. Iżda mhux biss! Infatti l-awtur fittex il-kotba li għalihom irrefera Zammit sabiex jinnota wkoll dak li huwa kien għażel li jħalli barra; liema deċiżjonijiet jitfgħu dawl ieħor sinifikanti fuq dan il-personaġġ.

    Jintqal li l-bniedem huwa essenzjalment prodott ta’ żmienu u għalhekk l-awtur, biex jifhem aħjar lil Temi Zammit, irriċerka wkoll fl-iċken dettall il-kuntest li dan għex fih. Għaldaqstant, din il-bijografija tinkludi wkoll introduzzjoni twila mhux ħażin li tiddeskrivi s-sitwazzjonijiet soċjali, kulturali, politiċi, ekonomiċi u reliġjużi li ċertament kellhom influwenza qawwija fuq Zammit. B’hekk il-qarrej apparti li jista’ jifli mill-qrib il-ħajja ta’ dan l-individwu, li tkopri ż-żmien bejn l-1864 u l-1935, għandu wkoll materjal informattiv dwar il-qagħda tal-gżejjer tagħna fi żmien meta dawn kienu meqjusa bħala bażi navali Brittanika importanti ħafna.

    Huwa impossibbli li nagħmlilkhom taqsira ta’ din il-bijografija mdaqqsa u għalhekk, f’dan l-artiklu ser ninkludi xi tagħrif bażiku li qrajt minnha sabiex nintroduċikhom ma’ dan il-personaġġ tant kbir. Temi Zammit twieled fit-30 ta’ Settembru 1864. Huwa kellu erbgħa aħwa: tnejn bniet u tnejn subien. L-iżgħar wieħed minn ħutu, Manwel, miet fl-età ta’ 24 sena minħabba attakk tal-appendiċite u din kienet traġedja kbira f’ħajjet Temi, l-aktar meta apparentement huwa daħħalha f’rasu li hu kien il-ħtija wara l-mewt ta’ ħuħ. Dan minħabba li meta Manwel ħass l-uġiegħ, Temi, li diġà kien tabib, tah il-morfina biex itaffilu l-uġiegħ, u b’hekk l-infezzjoni tal-appendiċite nħbiet sakemm żviluppat f’peritonitis li eventwalment ħasditlu ħajtu. Probabbilment kien għalhekk li Zammit ipprefera li jaqbad karriera fil-laboratorji u mhux li jikkura l-pazjenti. Kienet ħasra li Zammit għadda minn din it-tbatija ta’ ħtija daqstant kiefra f’ħajtu għax fir-realtà, f’dak iż-żmien it-tobba ftit li xejn kienu jafu dwar din il-marda. Infatti tabib prominenti fil-qasam tal-appendiċite li kien magħruf li salva ħajjet ir-Re Dwardu VII, ġarrab it-telfa ta’ bintu bl-istess marda meta din ma ġietx operata fil-ħin u anki hi żviluppat peritonitis u mietet.

    Min-naħa l-oħra, kien proprju x-xogħol siewi li hu kien jagħmel fil-laboratorju li wassal biex wara ħafna riċerka, testijiet u analiżi, Temi Zammit irnexxielu jiskopri kif kienet qed tiġi trażmessa fil-bniedem il-marda tad-deni rqiq. Fatt kurjuż huwa illi għall-ewwel, l-istudjużi kienu jaħsbu li d-deni rqiq kien qed jiġi kkawżat minn gidma ta’ xi insett partikolari, u għaldaqstant kienu qed isiru diversi esperimenti fuq għadd ta’ xadini sabiex jippruvaw jistudjaw aħjar din il-marda bit-tama li jsibu rimedju għaliha. Iżda ġie żmien meta kien hemm skarsezza ta’ dawn l-annimali u sadanittant, Zammit iddeċieda li jkompli jesperimenta fuq il-mogħoż. Ix-xorti kienet daħkitlu hekk kif is-sigriet ta’ din il-marda kien moħbi proprju fil-mikrobu li kien qed iġorr il-ħalib tal-mogħoż. Infatti dan kien perjodu meta fit-triqat Maltin, wieħed kien għadu jara diversi merħliet iterrqu ‘l hemm u ‘l hawn, saħansitra fl-inħawi tal-belt kapitali. In-nies kienu jwaqqfu lis-sid tal-mogħoż u dan kien jaħlibilhom mogħża u jbiegħilhom bieqja ħalib sabiex jixorbuh sħun hekk kif għadu ħiereġ minn sider l-annimal. Numru ta’ ritratti ta’ kartolini li jidhru f’din il-bijografija jikkonfermaw illi dan il-prodott tant kien meqjus bnin illi pajjiżna kien qed jiġi irriklamat għalih anki mal-barranin. Madankollu l-iskoperta ta’ Zammit li dan il-ħalib kien il-kaġun tad-deni rqiq bidel din is-sitwazzjoni mill-lejl għan-nhar. Infatti, din il-bijografija ddaħħal lill-qarrejja fl-ispirtu tal-kwistjonijiet kollha li qamu hekk kif kien hemm min ħa l-prekawzjonijiet li kienu qed jiġu mwissija mill-awtoritajiet, fosthom biex jitgħalla l-ħalib, mentri oħrajn baqgħu jinsistu li l-ħalib ma kienx il-kawża u b’hekk baqgħu jixorbuh mill-mogħża kif kienu qed jagħmlu qabel.

    Mitlub jgħidli x’ħalla fih dan l-istudju li qarrbu tant lejn il-ħajja ta’ dan il-personaġġ, il-Prof. Ellul Micallef stqarr: “Ammirazzjoni kbira lejn dak li rnexxielu jagħmel Temi Zammit fi żmien relattivament qasir, b’mezzi li kienu relattivament limitati.”

    Kritiku: Prof. Anthony Bonanno

    Sabiex nevalwa l-aspetti arkeoloġiċi li ġew diskussi f’din il-bijografija, tkellimt mal-Prof. Anthony Bonanno. Huwa kellu kliem ta’ tifħir lejn dan ix-xogħol, tant li qabblu ma’ enċiklopedija fejn wieħed jista’ jgħid li m’hemmx persuna waħda li b’xi mod, anke remotament, messet ma’ Malta, f’dan il-każ b’interess fil-qasam arkeoloġiku, li ma tissemmhiex u li ma tingħatalhiex informazzjoni bijografika, bħas-sena tat-twelid u dik tal-mewt, il-professjoni tagħha u jekk hi, jew xi ħadd li jiġi minnha, kellha konnessjoni ma’ Malta f’xi qasam ieħor. Infatti, Bonanno insista li mill-lum il-quddiem, kull riċerkatur li jagħmel xi tiftix fuq xi persuna li jissuspetta li kellha x’taqsam ma’ Malta, speċjalment fil-perjodu li jkopri is-seklu 19 u l-ewwel nofs tas-seklu 20, m’għandux jonqos li jikkonsulta dan ix-xogħol ta’ referenza indispensabbli, hekk kif dan il-għan l-awtur qiegħed għad-dispożizzjoni tal-qarrej indiċi ta’ madwar elf isem.

    Temi Zammit ma kienx biss studjuż u akkademiku, iżda impenja ruħu bis-sħiħ ħalli joħloq fil-poplu Malti l-għarfien u l-kuxjenza dwar il-wirt arkeoloġiku tiegħu u ħadem biex jitwaqqfu l-istrutturi leġislattivi u mużeali biex dan seta’ jseħħ. Flimkien ma’ Manwel Magri, kollegi oħrajn u uffiċjali tal-gvern, Zammit ra li tgħaddi liġi biex tħares il-wirt arkeoloġiku tal-pajjiż mill-qerda, sikwit vandaluża, li kienet qed tiġri quddiem għajnejn kulħadd. Il-kontribut ta’ Zammit biex jitwaqqaf għall-ewwel darba u jkompli jissaħħaħ il-Mużew Nazzjonali, li tiegħu kien direttur għal kważi 30 sena, kien rikonoxxut minn ħafna personalitajiet ta’ kalibru u studjużi f’dan il-qasam.

    Bħala kuratur tas-sezzjoni tal-arkeoloġija, Temi Zammit kien responsabbli minn diversi siti: l-iktar oqbra mħaffrin fil-blat taħt l-art li kienu jinkixfu sikwit, iżda wkoll ta’ skavi fuq siti preistoriċi, bħat-tkomplija tal-iskav tal-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni wara l-mewt ħesrem ta’ Manwel Magri fl-1907. Madanakollu l-”monument” (kif sejjaħlu Zammit stess) l-iktar importanti fil-karriera arkeoloġika tiegħu kien il-kumpless ta’ tempji megalitiċi ta’ Ħal Tarxien. Ta’ min ifakkar li kien hawn li Temi Zammit seta’ għall-ewwel darba jiddistingwi żewġ perjodi differenti tal-preistorja Maltija: in-Neolitiku mwaħħar u dak ta’ Żmien il-Bronż, li nkixef għall-ewwel darba f’għamla ta’ saff fond mimli rmied u reċipjenti tal-fuħħar, b’għadam uman maħruq ġo fihom, iddepożitati fuq xulxin u maġenb xulxin. Kien f’dan it-tempji li nstab ukoll, għall-ewwel darba, il-metal f’saff preistoriku.

    Zammit jidher li kellu l-ikbar diżappunt tiegħu fil-qasam taż-żminijiet klassiċi u post-klassiċi, jiġifieri meta firex l-interess tiegħu fuq siti Rumani, l-iktar dak fuq in-naħa tat-tramuntana tad-Domus Romana, fejn ma sabx dak li kien qed jistenna, jiġifieri, fi kliemu, “pavimenti iddekorati b’mużajċi sbieħ, frammenti ta’ iskrizzjonijiet, statwi u dekorazzjonijiet arkitettoniċi”, bħal ma kien sab Antonio Annetto Caruana fl-1881. Ma rrealizzax kemm kien importanti ċ-ċimiterju Għarbi li skava fid-depożiti ta’ fuq il-fdalijiet Rumani: sit li sa llum, jikkostitwixxi wieħed mill-iktar fdalijiet rari u importanti ta’ dan it-tip ta’ monument arkeoloġiku ta’ żmien l-Għarab fil-Mediterran.

    Il-Prof. Bonanno temm l-analiżi tiegħu ta’ din il-bijografija billi qal illi “Sal-bieraħ kien hemm vojt kbir, ikrah u ingrat, fl-istorjografija Maltija. Illum dak il-vojt nistgħu inqisuh mimli.”

    Kritiku: Prof. Oliver Friggieri

    Rigward il-qasam tal-letteratura Maltija li ġie inkluż f’din il-bijografija, tkellimt mal-Prof. Oliver Friggieri, li għoġbu jintroduċini wkoll man-novelli ħelwin li kiteb dan il-personaġġ u li dwarhom kiteb l-awtur.

    Skont Friggieri, l-awtur wera li l-figura ta’ Temi Zammit kienet essenzjalment filantropika, fejn huwa ried jagħmel il-ġid lill-poplu Malti li ma kien jaf xejn dwar ċerti oqsma. Il-personalità mħallta ta’ Zammit, arkeologu, riċerkatur, mediku u awtur letterarju, tidher daqs li kieku tinqasam fi tliet fergħat maqtugħin minn xulxin. Imma ħarsa mill-qrib lejn dawn l-aspetti differenti tiegħu turi li dawn huma biss xejriet differenti ta’ identità waħda. Infatti Zammit kien wieħed li jemmen fil-qawwa tal-kelma, kemm meta din hi xjentifika, kemm meta hi istruttiva u anki meta hi letterarja.

    Kif naraw f’din il-bijografija, Zammit kellu rispett qawwi lejn il-lingwa Maltija, f’perjodu meta din ma tantx kienet tingħata importanza. Infatti kien hu l-ewwel professur li bħala rettur tal-università beda juża l-lingwa Maltija u flimkien ma’ Pietru Pawl Saydon, kien kapaċi joħloq ambjent favur il-Malti fl-università, akkost li f’dak iż-żmien lanqas biss kien jeżisti dipartiment tal-Malti. Kien perjodu meta l-lingwa Maltija ma kellhiex dinjità bħalma ma kellhomx dinjità t-templji neolitiċi lokali. Allura nistgħu ngħidu li kien hu li skopra l-ġebla li kienet ser titbaqqan u tinqered, bħal fil-każ tat-tempji ta’ Ħal-Tarxien, u kien hu wkoll li skopra l-kelma u l-lingwa Maltija li kienu għoddhom inqerdu taħt il-preżenza tal-lingwi barranin.

    Zammit kien bniedem li f’xogħlu kien qed ifittex l-għeruq ta’ pajjiżna sabiex jagħraf u jikkonferma jekk dawn il-gżejjer kellhomx identità tagħhom, inkella kienux biss blat f’nofs ta’ baħar. B’dan il-għan huwa beda jiġbor il-kliem antik Malti, it-termini tekniċi tal-għodod Maltin u d-drawwiet tradizzjonali tal-poplu tagħna sabiex aktar tard, huwa fassal bihom rakkonti interessanti permezz tal-osservazzjoni tal-ħajja tan-nies tat-triq. B’hekk Zammit wera li pajjiżna kien nazzjon, filwaqt li kkonferma li l-wirt kulturali tagħna kien jinsab fit-toroq, fl-għelieqi u fl-irħula.

    Friggieri għalaq din l-analiżi billi stqarr, “Għalija, dawn il-volumi monumentali, mimlija bi kwantità ta’ annotamenti dwar Temi Zammit, huma rivelazzjoni kompleta ta’ bniedem illi kulħadd isemmih imma li ftit li xejn nafu dwaru u probabbilment hija din ir-raġuni għala dan l-individwu għadu mhux rispettat biżżejjed. Issa dan il-personaġġ kbir Malti qed jiġi rikonoxxut u nittama li dan ser jispira lil ħafna oħrajn sabiex inkomplu nitkellmu dwaru.”

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela ĠABRIET IT-TIFKIRIET (18 il-parti) fit-Torċa tat-2 ta’ Marzu 2014)