• PONT MAĊ-ĊINA – IS-SITT PARTI – Fuq vjaġġ virtwali

    mongol-mongolia-black-city-alxa-zuoqi-inner-china-globe-in-131883[1] badain-jaran-desert-china--20183

    Dan huwa l-aħħar artiklu ta’ din is-sensiela li kellha l-għan prinċipali li ddewwaqkhom ftit mill-faxxinu taċ-Ċina u tal-kultura ta’ niesha. Permezz ta’ dawn l-artikli, erħejtilha flimkien magħkom fuq vjaġġ sinifikattiv ta’ riċerka li laqqgħani ma’ numru ta’ perspettivi interessanti, mal-filosofija ta’ wħud mill-aqwa għorrief, u ma’ użanzi, tradizzjonijiet, rakkonti u leġġendi li qatt ma kont smajt bihom qabel. Personalment nemmen li din l-esperjenza għenet biex bnejt pont maċ-Ċina li serva biex wessgħali aktar il-firxa ta’ ħsibijieti u tal-mod ta’ kif nevalwa ċerti aspetti. Nittama li anki intom il-qarrejja gawdejtu xi ħaġa mill-informazzjoni li qsamt magħkom. Għażilt li nagħlaq din is-sensiela billi nżur virtwalment xi wħud mis-siti Ċiniżi li nittama li xi darba għad nara tassew u li forsi anki intom titħajjru tagħmlu l-istess…

    Is-sit arkeoloġiku ta’ Zhoukoudian

    Zhoukoudian huwa villaġġ żgħir li jinsab madwar 50km fuq lbiċ ta’ Beijing. Dan il-post huwa mfittex ħafna mill-ġeologi minħabba s-saffi sedimentarji antiki mmens li fih. Infatti kien saff antik tal-perjodu Ordovician li biddel id-destin ta’ dan il-post, hekk kif ġewwa dan il-ġebel, bdew ifeġġu diversi fossili umani li d-dinja qatt ma kienet rat bħalhom qabel.

    Kien fl-1918 meta l-ġeoloġist u arkeoloġist, Johann Gunnar Andersson, ġie mgħarraf dwar xi fossili li kien hemm f’għolja msemmija Chicken-bone qrib l-inħawi ta’ Zhoukoudian. Huwa wettaq xi studju f’dan il-post u ġabar għadd kbir ta’ fossili tal-annimali. Iżda r-rota dwar din il-ġrajja bdiet iddur meta fl-1921, huwa rritorna flimkien mal-palaeontologu Otto Zdansky, sabiex jerġa’ jsir tiftix ieħor f’dawn l-inħawi u fost il-fdalijiet tal-annimali, nstabu wkoll żewġ sinniet umani. Din l-iskopertà qanqlet ħafna interess fl-arena xjentifika peress li sa dak iż-żmien, qatt ma kienu nstabu fdalijiet umani f’saffi daqstant antiki, la fiċ-Ċina u anqas fl-ebda pajjiż ieħor fil-kontinent tal-Asja.

    Dawn is-sejbiet wasslu għall-finanzjarjament ta’ aktar riċerka u ta’ aktar tħaffir fuq dan is-sit arkeoloġiku, fejn fost il-fdalijiet umani li nstabu, l-aktar waħda sinifikattiva saret fl-1929 mill-ġeologu u arkeologu, Pei Wenzhong. Din is-sejba kienet tikkonsisti fil-fdalijiet ta’ ras umana ta’ individwu li għex f’dawk il-partijiet taċ-Ċina madwar 200,000 – 700,000 sena ilu, liema tip ta’ umani kienu saru magħrufa bħala Peking Man. Din l-iskopertà ġabet magħha informazzjoni ġdida hekk kif din tefgħet aktar dawl fuq l-oriġini tal-bniedem u ta’ l-evoluzzjoni li għadda minnha. Infatti minn oġġetti oħra li nstabu, fosthom ta’ labbra tal-ħjata magħmula minn għadma rqiqa u ta’ ġiżirana maħduma mill-ġebel, mis-snien tal-annimali u mill-għadam, kien hemm indikazzjoni illi dawn l-umani kienu diġà bdew jiżviluppaw il-kunċett ta’ kultura u li kienu kreattivi. Huma kienu wkoll kapaċi jikkontrollaw in-nar u jikkaċċjaw l-annimali kbar.

    Minħabba l-importanza kbira tiegħu, fl-1987, dan is-sit li maż-żmien infetaħ ukoll għall-pubbliku, sar jifforma parti mill-Wirt Kulturali Dinji.

    It-Triq tal-Ħarir u l-Grotti tal-Buddha

    It-Triq tal-Ħarir tirreferi għal rotta ta’ trasport li fiż-żminijiet antiki, kienet tgħaqqad liċ-Ċina maċ-Ċentru u mal-Punent tal-Asja, mal-Afrika, u mal-kontinent tal-Ewropa. Dan il-passaġġ beda jinħoloq madwar it-2 seklu u dawk li l-aktar li kienu jużawh kienu negozjanti tal-ħarir.

    Madanakollu biż-żmien, il-kuntatt bejn iċ-ċivilizazzjonijiet differenti beda jħalli l-influwenzi tiegħu anki f’oqsma oħra. Ngħidu aħna fil-qasam tat-teknoloġija u x-xjenza, iċ-Ċina ntroduċiet mal-bqija tad-dinja l-prodott tal-karta u tal-istampar, filwaqt li mbagħad hija assorbiet elementi oħra minn pajjiżi varji, fosthom fl-oqsma ta’ l-arti, tal-filosofija u tar-reliġjon fejn naraw l-introduzzjoni tal-Buddiżmu u ta’ l-Islam. Dan għen biex il-kulturi jaċċettaw aktar id-differenzi ta’ xulxin fi żmien id-dinastiji ta’ Han u Tang.

    Intant, hekk kif il-Buddiżmu beda jinfirex matul it-Triq tal-Ħarir, ftit ftit bdew jinbnew għadd ta’ grotti u tempji kbar li bdew jiżżejnu bi statwi u murali ta’ ġmiel liema bħalu. Sfortunatament, ħafna minn dawn inqerdu mas-snin iżda dawk li rnexxielhom isalvaw huma xempju ta’ dak li kien hemm qabel.

    Il-Grotti ta’ Mogao: Dawn jinsabu mibnija fuq l-irdumijiet tal-muntanja Minsha fl-inħawi tal-belt ta’ Dunhuang li dari kellha importanza strateġika fit-Triq tal-Ħarir. Għal elf sena sħaħ, matul ir-4 u l-14 il-seklu, għadd ta’ nies waslu f’dawn l-inħawi sabiex jibnu dawn il-grotti li maż-żmien issawwru f’teżori artistiċi u arkitettoniċi fejn bosta mix-xogħolijiet kienu jirrappreżentaw ix-xbieha ta’ Buddha. Fis-sena 1987, il-grotti ta’ Mogao bdew jiffurmaw parti mill-Wirt Kulturali Dinji.

    Il-Grotti Longmen: Bi storja ta’ aktar minn 1,500 sena, dawn il-grotti li jinsabu f’Luoyang, huma magħrufa għal statwa ġganteska ta’ Buddha li hi twila 17 il-metru u li ħadet tliet snin biex tlestiet. Barra minn hekk, dan il-post huwa sinifikanti peress li fih wieħed jista’ josserva wkoll it-trasformazzjoni artistika fir-rappreżentazzjoni tal-Buddha, hekk kif din bdiet tinbidel minn xbieha ta’ patri Indjan f’sofferenza, għal immaġini ta’ patri aktar seren ta’ żmien id-dinastija Tang, u b’hekk tnissel stil ġdid b’dehra aktar Ċiniża. Fis-sena 2000, il-grotti Longmen bdew jiffurmaw parti mill-Wirt Kulturali Dinji.

    Il-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina (The Great Wall of China)

    Dan il-ħajt dam jinbena 2,000 sena – mis-7 seklu Q.K. sas-16 il-seklu W.K. Taw sehemhom fih 19 il-dinastija sakemm dan wasal biex ilaħħaq il-100,000 kilometru. M’hemm ebda kostruzzjoni oħra madwar id-dinja li għandha dan il-kobor kollu jew li damet tinbena għal daqstant żmien. Daqshekk ieħor huwa diffiċli biex wieħed iqabbel ix-xogħol kbir li dan il-ħajt kien jinvolvi u s-sofferenza kollha li sewa lil tant nies hekk kif ħafna minnhom ġew imġiegħla jagħtu sehemhom fil-bini tiegħu.

    Il-bidu tal-bini ta’ dan il-ħajt jiftakar żmien meta l-pajjiż kien maħkum minn gwerra wara l-oħra u din il-kostruzzjoni kellha l-għan li toffri protezzjoni mill-għadu. Infatti, permezz ta’ dan il-ħajt, il-bdiewa reġgħu ħadu r-ruħ hekk kif is-suldati li kienu qed jiġu min-naħa tat-tramuntana, sabu barriera kbira tilqagħhom. Sadanittant, dan il-ħajt wassal ukoll biex l-art tinqasam fi tnejn, fejn instab illi l-parti tan-nofsinhar kienet aktar sħuna u adattata għall-agrikoltura, filwaqt li l-naħa tat-tramuntana kienet aktar kiesħa u tixraq aktar għat-trobbija tal-merħliet tal-annimali. Din id-diviżjoni, apparti li temmet il-komunikazzjoni bejn iż-żewġ kulturi, min-naħa l-oħra tat ukoll skop lin-nies tat-tramuntana biex jieqfu jibbażaw l-ekonomija tagħhom fuq il-gwerer u minflok joħolqu xi ħaġa tagħhom. Maż-żmien iż-żewġ kulturi kibru u tgħallmu japprezzaw id-differenzi ta’ xulxin billi jerġgħu jiltaqgħu flimkien sabiex jinnegozjaw il-prodotti varji tagħhom.

    Matul is-sekli, dan il-ħajt sar is-simbolu tal-għaqda u tas-saħħa tan-nies taċ-Ċina hekk kif huwa sar xhieda ta’ kif bi sforz u b’għan komuni, wieħed kapaċi jwettaq kollox. Fil-preżent, f’dan is-sit, li fis-sena 1987 sar parti mill-Wirt Kulturali Dinji, kuljum jinġabru eluf ta’ turisti sabiex igawdu l-kobor u l-ġmiel tiegħu.

    Il-Belt Ipprojbita (The Forbidden City)

    Minn din il-belt, 24 imperatur tad-dinastiji Ming u Qing ħakmu liċ-Ċina mis-seklu 15 sas-seklu 20. Fiha ġie mibni l-palazz imperjali li kien iservi kemm bħala r-residenza tal-imperatur u kif ukoll bħala sit ta’ ċerimonja u ċentru politiku, flimkien ma’ għadd ta’ binjiet oħra li kienu jiġu użati mill-familjari.

    Il-bini tal-Belt Ipprojbita nbeda fis-seklu 15 mill-imperatur Yongle u biex din tlestiet kompletament fuq medda ta’ art ta’ 8 kilometri, ħadmu fuqha madwar miljun individwu għal diversi għexieren ta’ snin. Il-kuluri li ntużaw għat-tisbieħ ta’ din il-belt għadhom jimpressjonaw anki lill-viżitaturi ta’ llum. Is-selezzjoni tal-lewn isfar kien simbolu tal-poter imperjali fiċ-Ċina l-antika, filwaqt li l-kulur aħmar dejjem kien jirrappreżenta l-ferħ. Hemm madwar elf binja individwali ġewwa din il-belt u kważi s-soqfa tagħhom kollha ġew dekorati b’madum kulur id-deheb u b’ħitan aħmar. Jingħad li l-kumpless ta’ dan il-palazz huwa l-ifjen wieħed f’Beijing u li fost il-binjiet tat-tip tiegħu, huwa l-aktar wieħed preservat. L-arkitettura raffinata tiegħu u l-kollezzjonijiet kbar u varji li jinsabu fih huma evidenza ħajja tar-rikkezza storika ta’ dan il-pajjiż.

    Fl-1912, l-aħħar imperatur li kien joqgħod ġewwa l-palazz tal-Belt Ipprojbita, Aisin-Gioro Puyi, abdika mit-titlu ta’ imperatur taċ-Ċina u xi snin wara, hu ġie mġiegħel jitlaq minn din il-belt. Waqt xi nkwiet politiku li nqala’ fil-pajjiż fl-1949, din il-belt ġarrbet xi ħsarat u għalhekk meta xi snin wara nqalgħet rivoluzzjoni oħra, il-Premier Zhou Enlai kien bagħat armata sħiħa sabiex tipproteġi dan il-post.

    Fl-1987, il-Belt Ipprojbita ġiet dikjarata bħala parti mill-Wirt Kulturali Dinji u l-post inbidel f’mużew. Illum dan il-post huwa mekka tat-turisti li jżuru ċ-Ċina.

    L-art misterjuża ta’ Alxa

    Alxa tinsab fil-punent taċ-Ċina, fir-reġjun tal-Mongolja, u tkopri madwar 270,000 kilometru kwadru ta’ art (ftit akbar mill-Ingilterra). L-inħawi tagħha minn dejjem kienu mdawwra b’ċerta atmosfera misterjuża, probabbilment minħabba l-ġografija unika tagħhom fejn fosthom wieħed isib tliet deżerti.

    Wieħed minn dawn huwa magħruf bħala d-deżert ta’ Badan Jara u fil-medda ta’ art tiegħu, li tikkonsisti minn 47,000 kilometru kwadru, jgħixu biss madwar 100 familja, filwaqt li fi kwart minnu għadu qatt ma rifes il-bniedem. Dan id-deżert huwa l-aktar wieħed għoli fid-dinja u skont leġġenda antika, ir-raġuni hija li taħtu hemm mirdum l-imperu kollu tar-re Badan. Skont ir-rakkonti tan-nies tal-post, dan ir-re, li kien jgħix fi żmien antik, kien bniedem tant kiefer li finalment lanqas l-allat ma felħu jarawh aktar b’għajnejhom. Għalhekk darba minnhom huma ddeċidew li jidfnu lilu u lill-imperu tiegħu kollu taħt ir-ramel. Bi ħniena lejn in-nies tal-post, l-allat ħallew biss xi għadajjar mikxufin. Fis-snin ta’ wara, uħud minn dawk li jieħdu ħsieb il-merħliet isostnu li wara xi tempesti qawwija tar-ramel, ġieli lemħu xi traċċi ta’ strutturi jitfaċċaw minn taħt id-deżert. Fatt ieħor kurjuż dwar dawn l-inħawi huwa li meta wieħed jiżżerżaq fuq ir-ramel, minnufih jibda jinstema ħoss qawwi u stramb li jixbaħ l-irbumbjar distanti li jagħmel ajruplan.

    Realtà stramba oħra hija illi jeżistu madwar 140 għadira mifruxa f’dan id-deżert, fejn għalkemm il-livell tax-xita huwa ta’ 80mm biss fis-sena u l-volum tal-evaporazzjoni huwa ta’ aktar minn 3000mm, il-livell tal-ilma ta’ dawn l-għadajjar qatt ma nbidel f’dawn is-snin kollha. Barra minn hekk, fl-għadira Yinderi Tu, għalkemm l-ilma tagħha huwa mielaħ, wieħed isib madwar 108 għajn ta’ ilma ħelu li jnixxi fiha mill-art, liema ilma jingħad li għandu elementi fih li jgħinu fis-saħħa tal-bniedem. Infatti, in-nies tal-post iqisu dawn in-nixxiegħat bħala sagri.

    L-inħawi ta’ Alxa huma magħrufa wkoll għall-foresta tas-siġar rari tat-tip ‘diversified-leaved poplar’, liema siġar jingħad li huma kapaċi jgħixu għal elf sena u li saħansitra jibqgħu ma jitmermrux sa elf sena wara li jmutu. Xi darba kien hemm ħafna aktar siġar bħal dawn ġo din il-foresta imma darba minnhom nar qawwi qered naħa minnhom kompletament, apparti għal siġra waħda. Illum din is-siġra hija 22 metru għolja, 2 metri wiesgħa u l-firxa tal-weraq tagħha jwasslu għal aktar minn 200 metru kwadru. In-nomadi tal-inħawi jqisuha bħala sagra u sa llum għadhom jinġabru jitolbu taħtha. Ta’ min isemmi li f’dawn l-inħawi nġibed il-film ‘Hero’ li ħareġ fiċ-ċinema fl-2003 fejn l-artist prinċipali kien Jet Li.

    Għal dawk li jħobbu l-avventura, Alxa hija ideali għax is-siti insoliti huma numerużi. Fost dawn hemm il-Belt is-Sewda, li hija belt storika abbandunata, fejn uħud mill-partijiet tal-arkitettura straordinarja tagħha għadhom jidhru sa llum mitluqa fir-ramel. Ħafna viżitaturi jżuru dan il-post kemm minħabba r-romantiċiżmu storiku tiegħu u kif ukoll minħabba li teżisti leġġenda li tirrakkonta li taħt ir-ramel ta’ dawn l-inħawi jinsab teżor kbir moħbi.

    Min-naħa l-oħra, għal dawk li taffaxxinahom l-arkeoloġija, fuq il-muntanja Mandalay, wieħed jista’ jara aktar minn 6000 tinqixa fil-blat, li bosta minnhom jirrappreżentaw annimali u xeni tal-kaċċa, filwaqt li numru ieħor jinkludu xi karattri ta’ kitba antika Ċiniża. S’issa ħadd għadu ma fehem il-għala dan it-tinqix jinsab biss fuq il-parti tan-nofsinhar tal-muntanja, lejn fejn taqbel ix-xemx. L-istess għad irid jiġi skopert min wettaq dan it-tinqix u għal liema raġuni?

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela PONT MAĊ-ĊINA fit-Torċa tas-27 t’April 2014)