-
Is-sigriet tal-Argotti
Għalkemm għandna nuru rispett lil dawk li fil-passat taw kontribut lil pajjiżna, jixraq ukoll li nkunu konxji minn dawk l-individwi li fil-preżent qed jagħmlu xogħol sinifikanti mmens fil-gżejjer tagħna, anki jekk forsi ftit li xejn naqraw dwarhom fil-ġurnali. B’dan il-ħsieb f’moħħi, din il-ġimgħa sibt ruħi fil-parti ta’ ġewwa tal-ġonna botaniċi tal-Argotti fejn iltqajt ma’ Dr Joseph Buhagiar, bijoloġist u direttur ta’ dan il-ġnien. Minbarra li b’hekk finalment kelli ċ-ċans niskopri l-istorja ta’ dawn il-ġonna u li nżur din is-sezzjoni li normalment tkun magħluqa għall-pubbliku, fir-realtà l-aktar mument ta’ valur kien meta sirt naf li permezz tal-istudji xjentifiċi tiegħu, dan il-bijoloġist Malti rnexxielu jikkonferma li ċertu sustanzi li joħorġu minn pjanti partikolari li jikbru anki lokalment, kapaċi jeqirdu b’mod mixtieq liċ-ċelloli tat-tumur.
L-istorja tal-Ġnien Botaniku tal-Argotti
Oriġinarjament, il-Ġonna tal-Argotti bdew bħala żewġ ġonna privati u separati li ġew mibnija fil-bidu tat-18 il-seklu. Wieħed minnhom kien proprjetà tal-Kavallier tal-Ordni ta’ San Ġwann, Don Emmanuel Pinto de Fonseca, filwaqt li l-ieħor kien jappartjeni lill-Balliju Ignatius de Argote et Gusman. Fl-1741, meta Pinto laħaq Granmastru tal-Ordni, De Argote iddeċieda li jakkwista l-parti l-oħra tal-ġnien sabiex iwaħħadha ma’ tiegħu. Madanakollu, f’dan il-perjodu ma kienx jeżisti ġnien botaniku f’dan is-sit.
Infatti fl-1674, il-Kavallieri kienu ħolqu ġnien botaniku fil-Forti Sant’Iermu, biswit is-Sacra Infermeria. Aktar tard, mal-miġja tal-Ingliżi f’Malta, il-pjanti mediċinali u speċi oħra botaniċi ġew trasferiti minn dan il-post għall-Mall tal-Furjana, skont il-parir tal-patri Karmelitan u professur tal-botanija, Carolus Giacinto, li fl-1805 ġie appuntat bħala Professur fil-Katedra tal-Istorja Naturali mill-Università ta’ Malta. Wara l-mewt ta’ Giancinto li seħħet fl-1855, il-ġonna botaniċi tal-Mall did-darba tmexxew għall-ġonna tal-Argotti mill-Prof. Stefano Zerafa li f’dik il-ħabta kien professur tal-Istorja Naturali.
Ta’ min isemmi li Prof. Zerafa ta kontribut importanti ferm f’dan il-qasam fejn apparti li kiteb l-ewwel ktieb dwar il-flora Maltija, “Thesaurus of the Flora of the Maltese Islands”, huwa kien ukoll dak li skopra u semma l-Pjanta Nazzjonali ta’ Malta – widnet il-baħar (Cheirolophus crassifolius jew Maltese Rock Centaury).
Matul is-snin, dawn il-ġonna rċevew ukoll numru ta’ kollezzjonijiet sinifikanti oħra minn xi botanisti influwenti Maltin, fosthom il-kollezzjoni magħrufa ta’ kakti u sukkulenti ta’ Prof. John Borg, li wara mewtu, fl-1945, martu irregalat lill-Università ta’ Malta, u llum dawn jinsabu miżmuma fil-Ġonna tal-Argotti.
Wara kważi 150 sena taħt il-kustodja tal-Università ta’ Malta, fl-1973 dawn il-ġonna għaddew taħt ir-responsabbiltà tad-Dipartiment tal-Agrikoltura. Kien fl-1996 meta l-parti ta’ ġewwa tal-Ġonna Botaniċi tal-Argotti ġew irritornati għand l-Università ta’ Malta sabiex tieħu ħsieb ir-rijabilitazzjoni tagħhom. U minn dak iż-żmien ‘l hawn, din ħadmet bis-sħiħ ħalli tirrestawra dan il-post u biex torganizza u tkabbar il-kollezzjonijiet tal-pjanti.
In-Nymphaeum
Hekk kif Dr Buhagiar laqgħani fid-daħla tal-ġnien interjuri, mill-ewwel ġibidli l-attenzjoni għall-istat preżenti ta’ struttura storika u dekorattiva li kellha l-funzjoni ta’ nymphaeum fil-ġnien tal-Balliju. Din l-istruttura kienet tipika tal-ġonna barokki Taljani u l-għan tagħha, apparti li jżid il-prestiġju tal-ġnien, kien li toffri kenn mill-elementi naturali u veduta sabiħa fuq il-bqija tal-ġnien. Sfortunatament, għadilli jidher ovvju li din il-binja fil-ħolqien tagħha, kienet kapolavur artistiku, illum tinsab fi stat ħażin. Agħar minn hekk hija l-konoxxenza li ormaj dak li ntilef ma jistax jinġieb lura u lanqas ma jista’ jiġi riprodott. Nistgħu biss nisperaw li xi ħadd jinteressa ruħu li joffri l-fondi neċessarji biex almenu dak li baqa’ jiġi ppreservat.
L-ironija hija li din l-istruttura rnexxielha tiskappa l-qerda tat-Tieni Gwerra Dinjija, li kienet ħalliet ħafna ħsara f’dawn l-inħawi, biex imbagħad inqerdet minn xi proxxmu li fis-snin ħamsin iddeċieda li jiksiha bis-siment ħalli jipproteġiha mix-xita. Fir-realtà s-siment ħoloq problema kbira ta’ umdità u d-dekorazzjonijiet mill-isbaħ ta’ korall aħmar, ċagħaq tal-ossidian (ħġieġ volkaniku) u tal-irħam abjad u kristalli tal-kalċite, inbeżqu minn mal-ħajt, waqgħu fl-art, inkinsu u ntremew! Barra minn hekk, fis-snin sebgħin, l-istatwa tal-irħam tal-alla Diana li kienet qed iżżejjen il-funtana ċentrali, tneħħiet minn dan in-nymphaeum u tpoġġiet fil-Palazz tal-President. Minflokha, tpoġġiet kopja fqira tal-konkrit li dan l-aħħar kellha titwarrab ukoll minħabba li l-pedestall tagħha tant ittiekel li kien hemm il-biżà li din taqa’ fuq l-art tal-majolica u tkompli żżid il-ħsara.
Id-dar tas-sajf tal-Balliju Ignatius de Argote et Gusman
Fil-qalba ta’ dan il-ġnien, wieħed isib id-dar tas-sajf tal-Balliju Ignatius de Argote et Gusman li bħalissa qiegħda tiġi restawrata. Imdawwra kif inhi bi pjanti varji u mill-isbaħ, wieħed jista’ jifhem f’ħakka t’għajn għala dan il-personaġġ kien għażel li jqatta’ x-xhur tas-sajf għall-kenn ta’ din il-ġenna tal-art.
L-Erbarju
Naturalment, ma setax jonqos li f’dan il-ġnien botaniku, ikun hemm ukoll l-erbarju; li jikkonsisti minn kollezzjonijiet ikklassifikati ta’ pjanti mnixxfin. Uħud minn dawn il-kollezzjonijiet imorru lura għall-1805 u għalhekk anki dawn għandhom importanza kbira għall-istudjużi u għar-riċerkaturi.
Il-Ġonna Botaniċi tal-Argotti mis-snin 90 ‘l hawn
Fl-1991 Dr Buhagiar ġie mistieden biex jagħmel parti mill-Kumitat tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija li fosthom dal-kumitat kellu l-iskop li jevalwa l-kollezzjonijiet xjentifiċi li kellha fil-passat l-Università ta’ Malta sabiex jara kif dawn jistgħu jerġgħu jingħataw il-ħajja mill-ġdid. Infatti, il-kumitat intalab biex joffri s-suġġerimenti tiegħu rigward il-kollezzjonijiet tal-Ġonna Botaniċi tal-Argotti li matul is-snin kienu tħallew magħluqin fuq xkafef mikxufa u esposti għat-trab. Fl-1994 huwa ġie assenjat il-kariga ta’ kuratur ta’ dawn il-ġonna u minn hemm bdiet il-ħidma biex titwettaq il-konsevazzjoni xierqa ta’ dawn il-kollezzjonijiet.
Dr Buhagiar ħadni nara l-erbarju sabiex inkun nista’ nifhem aħjar dwar dak li jinvolvi. Ġewwa armarji kollu xkaffi stajt nilmaħ għadd ta’ folders tal-karti li bejniethom kellhom ippressati diversi pjanti varji. Hekk kif beda jiftaħli xi kampjuni minnhom, Dr Buhagiar spjegali dwar il-funzjoni ta’ dawn il-kollezzjonijiet li jservu bħala referenza importanti kemm għall-istudenti tal-università li jkunu qed jagħmlu xi riċerka relatata u kif ukoll għal xi studjużi oħra li jkunu jridu jinvestigaw xi kampjuni partikolari. Huwa qalli li idealment dawn il-kampjuni jittieħdu meta l-pjanta tkun kompluta; jiġifieri meta din ikollha l-fjuri jew inkella l-frott sabiex b’hekk ir-riċerkatur ikun jista’ jara stampa sħiħa quddiemu. Sadanittant, huwa nsista dwar in-neċessità li dawn il-kampjuni jinżammu merfugħa b’mod orizzontali ħalli b’hekk ma jintilef xejn mill-kampjun.
Apparti mill-kollezzjonijiet imnixxfa fl-erbarju, dawn il-ġonna botaniċi għandhom ukoll diversi ġabriet ta’ pjanti ħajjin li wkoll iservu bħala referenza, apparti li joħolqu mill-madwar xena mprezzabbli ta’ ġenna tal-art. Imma fir-realtà dawn il-pjanti mhumiex sbieħ biss għax fil-kostituzzjoni tagħhom il-bniedem mhux l-ewwel darba li skopra li jeżistu bosta sustanzi għall-fejqan tiegħu.
Is-sigrieti tas-siġra tal-għargħar
Meta fl-1994 Dr Buhagiar ingħata l-kustodja ta’ dawn il-ġonna, huwa xtaq li jagħmel xi ħaġa li tmur oltre minn dak li kien mistenni minnu. Wara xi tiftix, huwa ddeċieda li jibda jkattar dawk il-pjanti u s-siġar li kienu rari u li kienu qegħdin fil-periklu li jinqerdu kompletament fin-natural. Waħda minn dawn kienet is-siġra tal-għargħar li fil-fatt intagħżlet għal dan it-titlu uniku proprju minħabba r-rarità tagħha. F’dak iż-żmien f’Malta ftit li xejn kont issib minn dawn is-siġar f’ambjent naturali u għalkemm issa żdiedu għal ftit mijiet, xorta għadhom jeżistu fi stat limitat ħafna.
Fatt kurjuż huwa li normalment, din is-siġra tgħix f’ambjent fejn hemm ftit ħamrija. Iż-żerriegħa tagħha li hi mogħnija bil-ġwienaħ biex tinxtered, tinbet fix-xquq tal-blat fejn tibda tikber bil-mod il-mod. L-għerq ta’ dawn is-siġar jibqa’ jfittex l-ilma jew l-umdità u sakemm ma jsibhom, il-pjanta kapaċi tibqa’ biss f’forma ta’ zokk żgħir. Imma hekk kif dan l-għerq jilħaq l-ilma, din is-siġra tirvilla, tikber u ssir sabiħa ħafna.
Intant, waqt li Dr Buhagiar kien qed jagħmel xi riċerka dwar din is-siġra sabiex jippjana l-konservazzjoni tagħha, huwa beda jinnota li spiss kien qiegħed isib referenzi għaliha fil-kitbiet antiki fejn dawn kienu jirreferu għall-injam tagħha bħala indistruġġibli. Dan it-tagħrif tah x’jifhem illi din is-siġra kienet qed tipproduċi xi kimiċi li kienu qed jippreservaw l-injam billi jrażżnu l-mikrobi u l-insetti li setgħu jattakkawha. Għaldaqstant, huwa ddeċieda li jsegwi aktar fil-fond din il-premessa billi beda jieħu xi kampjuni ta’ żjut mis-siġar tal-għargħar wara li jiddistilla l-weraq tagħhom.
Mill-analiżi tal-kompożizzjoni ta’ dawn iż-żjut, huwa wasal biex jidentifika komponenti li kellhom is-saħħa li jaġixxu kontra l-mikrobi. Huwa beda jwettaq xi testijiet fuq organiżmi differenti, fosthom fungi, u kien tassew iddiżappuntat meta ma kellux ir-riżultati mistennija. Kien biss wara xi żmien li rrealizza li kien qiegħed juża doża li ma kienetx konċentrata biżżejjed biex tkun effettiva. Intant, żmien wara, huwa ltaqa’ ma’ kollega u din offrietlu biex jagħmel xi esperimenti fuq numru ta’ ċelloli tat-tumur. U finalment, ir-riżultati tajbin ħarġu mill-ewwel hekk kif huwa sab li dan iż-żejt konċentrat tas-siġra tal-għargħar seta’ joqtol ċelloli tat-tumur bi proċess magħruf bhal apoptosis.
Hawnhekk Dr Buhagiar spjegali b’mod sempliċi dwar it-tifsira ta’ xi termini relatati xjentifiċi. B’hekk sirt naf illi hemm żewġ tipi ta’ modi kif ċellola tista’ tmut: jew b’necrosis (li hija mewta trawmatika), inkella b’apoptosis (li hija mewta programmata b’mod naturali). Biex nagħti eżempju, necrosis isseħħ meta tinħaraq il-ġilda b’mod aċċidentali, ngħidu aħna meta taħbat idejk ma’ borma tikwi. F’dan il-każ, iċ-ċelloli jmutu u jinfaqgħu u l-ġisem jirreaġixxi għal din is-samta billi jifforma inflammazzjoni li tibqa’ tippersisti sakemm il-ġerħa tfieq. Min-naħa l-oħra, apoptosis tiġri meta skont il-programm naturali tagħha, hekk kif tibda tixjieħ, iċ-ċellola tibgħat messaġġ lilha nnifisha sabiex tmut mingħajr ma tinfaqa’ u minflok tiżżarma f’pakketti ċkejknin sabiex dawn jittieklu minn ċelloli ġirien.
Dr Buhagiar kompla r-riċerka għal sustanzi naturali billi daħal jagħmel dottorat barra minn Malta, fejn ħadem fil-qasam tal-kimiċi li kapaċi jikkumbattu t-tumuri. Sfortunatament, il-kumpaniji mediċinali ta’ llum li qed joffru fis-suq trattamenti sintetiċi kontra t-tumuri, ma tantx isibu wisq interess f’dawn is-sustanzi naturali, peress li l-flus il-kbar ma jiġux minn skoperti bħal dawn. U għalhekk, għalissa dawn is-sejbiet jkollhom jistennew…
Kontu qatt tobsru li l-Ġonna Botaniċi tal-Argotti kienu qed jostru sigriet bħal dan?
Min jixtieq ikompli jsegwi dak li jkun qed iseħħ ġewwa dawn il-ġonna jista’ jidħol fil-paġna tal-Facebook: Argotti Botanic Gardens.
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (ir-4 parti) fit-TORĊA tal-25 ta’ Mejju 2014)
Category: Torca - Perspettivi | Tags: