-
Min qatt kien jobsor?!
Waħda mill-aqwa karatteristiċi li jifirdu l-bniedem mill-annimal hija dik li l-bniedem kapaċi jgħaddi l-għerf tiegħu flimkien ma’ dak tal-antenati li għexu qablu, lill-ġenerazzjonijiet ta’ wara. Kien dan li għen lill-umanità tagħmel il-progress għax permezz ta’ dawn il-memorji u t-tifkiriet, kull individwu li jitwieled, ma jkollux għalfejn jerġa’ jibda mix-xejn biex jiskopri d-dinja, imma dejjem seta’ jibni fuq it-tagħrif ta’ dak li kisbu dawk ta’ qablu. Il-ġabriet, il-kollezzjonijiet u l-mużewijiet jiffurmaw ukoll parti minn din is-sistema li prinċiparjament għandha l-iskop li toħloq identita’ u li twassal ċerti messaġġi. F’dawn l-artikli se nkun qed nesplora wħud minn dawn il-kollezzjonijiet li jinsabu fil-gżejjer tagħna, fejn apparti li se naqsam magħkom minn xhiex jikkonsistu, se nimirħu wkoll fil-ġrajjiet ta’ xi oġġetti esebiti, filwaqt li se ninvestigaw anki l-għan wara dawn il-ġabriet.
Għal din in-ġimgħa ddeċidejt li nasal wasla sal-Mużew tas-Santwarju ta’ Ħaż-Żabbar li jinsab biswit is-santwarju nnifsu li hu ddedikat lill-Madonna tal-Grazzja. Nistqarr li kont ilni nisma’ b’dan il-mużew imma qatt ma sibt iċ-ċans li nżuru. Żgur li qatt ma bsart li wara dik il-faċċata silenzjuża tiegħu kien hemm daqstant kwantità kbira ta’ oġġetti li jkopru bosta elementi diversi. Iżda wisq inqas immaġinajt li ġewwa dan il-mużew kien hemm saħansitra l-uniku karru li kien jintuża waqt il-pesta ta’ l-1813 u li b’xi mod misterjuż irnexxielu jiskappa mill-qerda li minnha kellhom jgħaddu l-oġġetti kollha li messew ma’ din l-epidemija tal-waħx.
Il-binja ta’ dan il-mużew hija distinta minħabba li hija l-unika waħda f’Malta li nbniet bil-ħsieb li sservi din il-funzjoni, wara li għal numru ta’ snin, il-Kappillan Monsinjur Ġużeppi Zarb, kien ilu jiġbor diversi oġġetti ta’ nteress u jesponihom fis-sagristija. Hekk kif maż-żmien dawn id-donazzjonijiet baqgħu deħlin, huwa deherlu li kien xieraq li dawn jitpoġġew ġo mużew apposta u għalhekk bħala fundatur, il-Kappillan Zarb inawgura dan il-post fil-5 ta’ Settembru 1954. L-għan prinċipali kien li l-patrimonju ta’ Ħaż-Żabbar ma jitħalliex jintilef u minflok jinġabar taħt il-protezzjoni u l-kura ta’ dan il-mużew sabiex b’hekk ikun jista’ jitgawda minn kulħadd, u anki biex iservi bħala riżors ta’ studju għar-riċerkaturi.
Ġużeppi Theuma, is-Segretarju tal-Kummissjoni tal-mużew, offra li jakkompanjani u jfehemni dwar l-oġġetti esebiti. Naturalment, l-ewwel li laqtitli għajnejja kienet ġabra ta’ artifatti arkeoloġiċi fejn skont l-esperta Dr Claudia Sagona, l-eqdem tliet biċċiet jiddataw 600 sena QK u jappartjenu lill-Perjodu Puniku. Għalkemm il-kollezzjoni mhiex kbira ħafna, din hija interessanti mmens l-aktar minħabba li tiġbor fiha oġġetti li nġabru minn numru ta’ oqbra u katakombi li nstabu fl-inħawi tal-madwar u li ħafna minnhom illum huma midfuna taħt il-bini li ttella’ fuqhom.
Anki l-kollezzjoni tal-muniti tmur lura għal ħafna snin, tant li l-eqdem waħda nħadmet f’Malta fl-125 sena Q.K, fl-Era Repubblikana Rumana. Din il-munita hija sinifikanti ħafna peress li s-simboli li għandha fuqha juru x-xbieha ta’ Isis li kienet meqjuma mill-Feniċi. B’hekk dan juri li akkost li l-poplu tal-gżejjer Maltin kien maħkum mir-Rumani, huwa kien qed jitħalla fil-libertà li jadura lill-allat li ried hu. Permezz ta’ l-espert tal-muniti John Gatt, il-bqija tal-esebiti ġew irranġati b’mod kronoloġiku li jwassal sal-perjodu ta’ l-Ingliżi, meta finalment Malta ma baqgħetx tipproduċi l-muniti tagħha u minflok bdiet tuża dawk tal-kolonizzaturi.
L-oġġetti mprezzabbli f’dan il-mużew jibqgħu jiżvelaw ruħhom ma’ kull pass li tmidd fih. Infatti hawnhekk ukoll wieħed jista’ jara r-riżultat ta’ l-ewwel intervent li sar fejn affresk inqala’ minn postu u tpoġġa f’mużew. Dan l-affresk instab b’kumbinazzjoni fl-1954 fil-kappella ta’ Santa Duminka waqt xi xogħol ta’ restawr li kien qed isir fiha wara l-ħsara li ġabet magħha t-Tieni Gwerra Dinjija. Infatti huwa kien mistur wara l-kwadru titulari ta’ Santa Duminka u hekk kif inqala’ dan minn postu, nkixef l-affresk prezzjuż li jmur lura għas-sena 1500 u juri xbieha tal-Madonna tal-Grazzja. Rafel Bonnici Calì kien inkarigat mir-restawr ta’ dan l-affresk u hekk kif bl-interċessjoni tal-Madonna tal-Grazzja, oħtu Lorenza fieqet minn problema li kellha f’saħħitha, huwa ddeċieda li ma jitħallasx ta’ xogħolu u minflok kiteb il-wegħda tiegħu madwar l-affresk.
Kollezzjoni oħra impressjonanti f’dan il-mużew hija dik ta’ l-ex-voto li għalkemm snin ilu kienet tikkonsisti minn xi 300 kwadru, illum fadal biss 85. Michael Buhagiar spjegali x-xogħol li sar fuq din il-ġabra ta’ kwadri li numru minnhom ġew restawrati. Il-kwadri qegħdin esebiti b’mod kronoloġiku fejn l-eqdem wieħed m’għandux data, mentri dak ta’ warajh għandu mpinġija fuqu d-data 1631, akkumpanjata ma’ l-inizzjali V.F.G.A. Votum Fecit et Gratiam Accepit (Għamel wegħda u qala’ l-grazzja), liema inizzjali sikwit jidhru fl-ex-voto l-oħra wkoll. Il-valur prinċipali ta’ din il-kollezzjoni huwa li din hija l-akbar ġabra ta’ kwadri marbuta ma’ l-aspett marittimu b’rabta mal-perjodu tal-Kavallieri ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann. Uħud minn dawn il-kwadri tant huma dettaljati li jistgħu jagħtu tagħrif siewi dwar il-binja tal-bastimenti tal-epoka. Id-donaturi ta’ dawn il-kwadri jvarjaw u jinkludu kaptani ta’ galeri, uħud mill-ekwipaġġ u bosta individwi oħra li b’xi mod ħelsuha minn ħalq il-mewt wara li talbu l-għajnuna tal-Madonna tal-Grazzja. Fatt kurjuż huwa li ċerti nies, biex jassiguraw aktar il-possibilità li jsalvaw, għamlu wegħda ma’ aktar minn qaddis wieħed u għalhekk insibu li ċerti ex-voti li jinstabu f’dan il-mużew, wieħed isib kopja tagħhom eżatt f’xi parroċċa oħra iżda mżejjen b’xi qaddis ieħor. Għalkemm illum din id-drawwa għoddha nqatgħet għal kollox, għad hemm min joffri dawn l-ex-voto wara li jkun ħeles minn xi diżgrazzja.
Jekk wieħed jaħseb ftit, kull oġġett jitfa’ dawl fuq is-soċjetà li ħalqitu. Il-folklor, it-twemmin u r-riti reliġjużi jispikkaw ħafna f’dan il-mużew. Fosthom wieħed isib numru ta’ oġġetti tal-fidda li ngħataw bħala wegħdi u għadd ta’ relikwi u affarijiet oħra relatati ma’ qaddisin differenti. F’waħda mis-swali tal-post tinsab ukoll l-ewwel fonti tal-magħmudija li saret fl-1616 u li fuqha jidhru l-armi tal-Granmastru Wignacourt u ta’ l-Isqof Baldassare Cagliares. Ktieb antik li jkopri dan il-perjodu juri d-dettalji ta’ l-ewwel tarbija li ġie mgħammed fis-santwarju ta’ Ħaż-Żabbar minn dan il-fonti u li tiegħu l-Granmastru Wignacourt għażel li jkun parrinu. Kienu diversi l-Granmastri u l-kavallieri li kellhom x’jaqsmu ma’ dan is-santwarju peress li ħafna minnhom kellhom qima kbira lejn il-Madonna tal-Grazzja. Infatti f’dan il-mużew insibu wkoll arloġġ Malti li ġie rregalat mill-Granmastru Hompesch, flimkien ma’ suġġetta li oriġinarjament kienet tintuża biex jinġarr hu iżda li f’Ħaż-Żabbar bdiet tiġi użata biex jitqassam il-vjatku, wara li mas-suġġetta żdiedet l-emblema tas-sagrament. Suġġetta oħra ġiet regalata mill-Granmastri Rafel u Nicola Cottoner. Konnessa wkoll ma’ Hompesch hemm kopja tad-digriet tal-1798 li bih huwa għolla lil Ħaż-Żabbar għat-titlu ta’ belt.
Diversi paramenti sagri u oġġetti oħra li jintużaw fil-knisja jkomplu jżejjnu din l-esebizzjoni, fosthom: pissidi u kalċijiet diversi, affarijiet li kienu jintużaw waqt il-vjatku, u saħansitra l-aċċessorju li bih kienu jqarbnu lill-vittmi tal-pesta imma li f’dan il-każ kien intuża għal dawk li ħadu l-marda qawwija tal-ġidri fl-1830. Kollezzjoni oħra turi informazzjoni u lbies tal-fratellanzi tas-Sagrament, tar-Rużarju, taċ-Ċintura u ta’ San Mikiel. Min-naħa l-oħra sett ta’ ritratti u numru ta’ affarijiet huma xhieda ta’ ċelebrazzjonijiet importanti f’Ħaż-Żabbar li fosthom jinkludu l-Inkurunazzjoni tal-kwadru titulari fl-1951, il-pellegrinaġġ ta’ Ħadd in-Nies, kif ukoll dak tar-roti u l-muturi.
Rokna oħra interessanti tkopri l-fdalijiet tal-Vulcan Bomber Ingliz li fl-14 t’Ottubru 1975 kien sploda fl-ajru fuq Ħaż-Żabbar u qatel ħames membri mill-ekwipaġġ u lil Vincenza Zammit. Apparti li din il-kollezzjoni tiġbor fiha diversi oġġetti lokali li jfakkru din it-traġedja, ġejt infurmata wkoll illi l-qraba tas-suldati barranin li mietu f’dan l-inċident, sikwit iżuru lil dan il-post bħala memorja tal-familjari tagħhom u mhux darba u tnejn li rregalaw xi affarijiet personali tal-mejta lil dan il-mużew sabiex jiġu nklużi ma’ dawn it-tifkiriet.
Żgur li wieħed ma jistax jonqos milli jsemmi l-ammont kbir ta’ kwadri li jżejjnu lil dan il-post u li bosta minnhom huma xogħol ta’ wħud mill-aqwa artisti fosthom: Francesco Zahra, Giuseppe Calì, Stefano Erardi, Rafel Bonnici Calì, Alfred Briffa u Giuseppe Maria Caruana. Barra minn hekk, f’dan il-mużew hemm ukoll ġabra ta’ statwi reliġjużi antiki li nġabu minn xi kappelli u knejjes li bosta minnhom m’għadhomx jeżistu. F’naħa oħra wieħed isib ukoll bċejjeċ ta’ skultura fil-ġebel li fil-passat kienu jiffurmaw parti mill-arkitettura tal-knisja.
Waqt din iż-żjara, ġie jiltaqa’ miegħi ukoll Frans Gafa li kellu rakkont straordinarju x’jgħidli. Infatti kien hu li sab il-karru li kien intuża fil-pesta ta’ l-1813 u li issa qed jifforma parti mill-kollezzjoni tal-mużew. Fost id-dettalji li għaddieli huwa qalli li sa llum, ħadd m’għandu idea kif u l-għala dan l-oġġett ma nħaraqx waqt dak iż-żmien tal-biża’. Skont Frans, probabbilment dan il-karru li kien jinsab wieqaf ma’ ħajt ġol-kappella tal-kannierja, kien kompla jintradam bil-ħamrija meta saru xi xogħolijiet strutturali fil-post sabiex jiġi rinfurzat il-bini ħalli jkun jista’ jerfa’ l-piż tal-koppla li hemm illum. Kien fl-1992 meta Frans innota kaxxa forma ta’ skorfina midfuna fil-ħamrija li għall-ewwel hu ħasibha kaxxa li biha kienet tintagħġen l-għaġina tal-ħobz. Iżda meta mar jistaqsi lil xi individwi midħla tas-santwarju, ħadd ma kien jaf xejn dwar dan l-oġġett u kien hemm min qallu biex ma jaqla’ xejn. Madanakollu Frans daħħalha f’rasu li jara x’kien hemm hemm taħt u għalhekk darba minnhom niżżel miegħu lil ħuħ u wara li bewwqu ftit l-għatu tal-injam ta’ dan l-oġġett u ħadu xi ritratti, sabu li kien hemm rota fih. Dan il-fatt aktar qanqal kurżità u għalhekk Frans ġabar ammont ta’ nies miegħu biex ibattlu l-ħamrija li kien hemm ħalli joħorġu dak li kien hemm moħbi. L-ewwel ma nqala’ kien l-għatu li kellu xi kitba fuqu iżda meta Frans tellgħu fuq biex xi qassis ifehmu x’kien hemm miktub, tqanqal pandemonju sħiħ għax il-kliem kien jgħid: Questa cascia fatta il 10 Luglio 1813, la Sinor Maestro Gioachino Xerri per carreggiare li pestitere morti (dan il-karru ġie magħmul fl-10 ta’ Lulju 1813, is-Sinjur Mastru Gioachino Xerri biex iġorr il-mejtin tal-pesta). Fortunatament, wara li saru xi testijiet dak il-ħin stess fuq numru ta’ skaldi li qalgħu mill-karru nstab li kien għadda ħafna żmien mill-oriġini tiegħu u għalhekk ma kienx għad fadal periklu għal min imiss miegħu u kollox spiċċa b’wiċċ il-ġid. Xorta waħda wieħed jistaqsi kemm kien hemm individwi li kienu niżlu fil-kannierja matul dawk is-snin (il-kannierja ngħalqet għad-dfin fl-1925) mingħajr ma qatt intebħu bil-periklu li kien hemm ħdejhom!
Kien hemm wisq aktar x’nirrakkuntalkhom, imma l-ispazju ma jippermettix. Għalhekk nistidinkhom taslu wasla intom f’dan il-mużew li jkun miftuħ għall-pubbliku kuljum, inkluż is-Sibt, il-Ħadd u fil-festi pubbliċi, bejn id-9.00am u nofsinhar.
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela ĠABRIET IT-TIFKIRIET (1 parti) fit-TORĊA tat-3 ta’ Novembru 2013)
Category: Torca - Perspettivi | Tags: