• Arani missier!

    Paul u Catherine CaruanaFlippers

    Il-qatghaUff xi dwejjaq!

    L-ewwel darba li ġejt wiċċ imb’wiċċ max-xogħolijiet tal-artist Belti Paul Caruana, kien fl-2012 waqt l-aħħar esebizzjoni tiegħu ‘Short Stories’ li huwa tella’ fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti, il-Belt. Nistqarr li nġbidt mill-ewwel lejn il-pitturi ta’ Caruana kemm għall-istil distint tiegħu u kif ukoll għat-temi kulturali u soċjali li huwa għażel li jitratta. Fuq kollox, għoġobni wkoll il-fatt li dan l-artist żejjen dawn ix-xogħolijiet b’dettalji personali li sikwit kellhom laqta umoristika. Għalhekk, meta riċentement sirt naf li Caruana kien ser itella’ esebizzjoni li tkompli ma’ dik ta’ qabilha, ħtaft l-opportunità biex insir naf aktar dwar min kien dan l-artist.

    L-akbar kritiku tiegħi

    Hekk kif illum qed niċċelebraw Jum il-Missier, inzerta li missier Caruana, li llum m’għadux magħna, jilgħab karta sinifikanti ferm fil-ħajja ta’ dan l-artist. Infatti, skont Caruana, kien proprju missieru Manwel li ħajjru jersaq lejn l-arti.

    “Missieri kien jaħdem man-Navy u allura kien iqatta’ ħafna żmien fuq il-baħar filwaqt li jżur artijiet differenti. Fl-ittri li kien jibgħatilna, kellu ħabta jpinġilna dak li jkun qed jara jew jesperjenza waqt dawn il-vjaġġi tiegħu. Ngħidu aħna meta mar l-Amerika, bagħatilna tpinġija tal-istatwa tal-libertà, u meta darba xtrali karozza tal-pulizija, biex ifehemni kif kienet tidher, huwa ddiżinjahieli fuq il-karta tal-ittra. Min-naħa l-oħra, ommi ddeċidiet li anki aħna messna nibgħatulu t-tpinġijiet tagħna u għalhekk, wara li kienet tiktiblu xi erbgħa kelmiet lura, kienet tqabbad lili biex inpinġielu xi ħaġa. Matul is-snin dawn it-tpinġijiet tiegħu bdew jonqsu imma minflok huwa beda jibgħatli diversi komiks li bl-illustrazzjonijiet u l-grafika tagħhom, komplew jiġbduni biex nesperimenta bl-arti.”

    “Intant, ix-xogħol ta’ missieri kien jinvolvi wkoll waqfiet twal hawn Malta fejn mhux darba u tnejn li tħalla bla paga għal diversi ġimgħat jew xhur. Waqt dawn il-perjodi, hu kien jispiċċa jirreġistra imma b’erbgħa liri fil-ġimgħa, mhux la kemm tgħajjex familja bi tliet itfal. Għalhekk, fost ix-xogħolijiet l-oħra li kien jagħmel, missieri kien jibni mudelli tax-xwieni mill-isbaħ. Kienu jinħatfu mill-ewwel kif ilestihom għax hu kien jaħdimhom b’maestrija u b’galbu kbir, tant li kien idum ix-xhur biex ilesti waħda.”

    Manwel ma kienx xi artista imma kellu għajn tajba għall-arti u mhux darba u tnejn li kien jagħti l-pariri tiegħu lil ibnu meta kien jarah qed ipinġi xi ħaġa.

    “Meta bdejt nikber u nuri interess fl-arti, missieri kien l-akbar kritiku tiegħi. Kien ifaħħarli x-xogħol tiegħi imma fl-istess ħin kien jimbuttani biex nimxi pass ieħor il-quddiem ħalli nipprova nagħmel xi ħaġa aħjar. Darba minnhom, meta kelli madwar 15 il-sena, kont pinġejt xi ħaġa li tassew kienet għal qalbi u meta mort nurihielu qalli li kienet sabiħa imma li stajt nagħmel aħjar. Dakinhar tant ħadt għalija li nfqajt nibki u bir-rabja li qabditni, qattgħajt it-tpinġija u għedtlu li ma kontx sa npinġi aktar. Sfortunatament, wara ftit taż-żmien, missieri marad bil-kanċer u nbaram f’sitt xhur. Ħadnih l-isptar u f’ġimgħa waħda biss, hu għosfor minn ħajti darba għal dejjem.”

    Din it-telfa ħalliet ġerħa kbira f’qalb Caruana tant li llum, akkost li huwa jgħodd l-54 sena, it-tbatija li nisslet fih din l-esperjenza, għadha tinqara mill-bixra ta’ wiċċu u mid-diskors tiegħu.

    “Illum lest li naqta’ jdejja t-tnejn barra u npinġi b’saqajja li kieku xi ħadd jgħidli li kapaċi jġibli lil missieri lura ħalli jikkritikani. Niftakar li ftit tax-xhur wara li miet missieri, kont qlajt żewġ karti li tpinġi fuqhom biż-żejt u ġietni l-idea li nikkopja stampa li kien hemm fuq ktieb li kien għall-qalbi ħafna u li kien dwar il-baħar. Ridt ukoll nuża l-palette knife sabiex inkun ippruvajt xi ħaġa ġdida, bħal kif kien dejjem iħeġġiġni missieri. Finalment ħarġet biċċa xogħol sabiħa li għoġbot ħafna anki lill-għalliem tiegħi, Antoine Camilleri. Imma qalbi ngħasret li ma ġietnix f’rasi nagħmel xi ħaġa hekk qabel ma miet missieri ħalli b’hekk kont inkun nista’ nurih sa fejn kont wasalt bis-saħħa tiegħu.”

    Caruana urieni l-kwadru li kien qed ikellimni dwaru li kien juri xena mdaqqsa ta’ baħar imqalleb. Ma ridtx wisq biex nifhem illi l-mewġ kbir u r-ragħwa bajda mqanqla minnu kienu qed jissimbolizzaw ir-rabja tat-telfa li l-artist kien għadu kif ġarrab.

    “Din il-pittura hija l-aktar waħda għal qalbi u żgur li ma nasal biex ninfired minnha qatt. Oriġinarjament kont dendiltha fi kwadru fid-dar t’ommi fejn poġġejtha fuq xbieha tal-qalb ta’ Ġesù u tal-Madonna minħabba li kienet tal-istess qies eżatt. Iżda ġara li dakinhar li mietet ommi, ħija ċempilli u talabni biex immur nieħu t-tpinġija tiegħi għax hekk kif ommi ħadet l-aħħar nifs, il-pittura tiegħi waqgħet minn ġol-kwadru u nkixfet mill-ġdid ix-xbieha qaddisa li kien hemm qabel.”

    L-istudju tal-arti

    Caruana studja l-arti sakemm kien għadu l-iskola imma mbagħad baqa’ jitħarreġ matul is-snin. Fost l-għalliema tiegħu jiftakar lil Antoine Camilleri li minnu tgħallem xi jfisser id-dritt li tkun artist, lil Harry Alden li wrieħ xi tkun il-preċiżjoni, u lil Anthony Degiovanni li ħajjru jieħu l-arti bis-serjetà u mhux aktar bħala passatemp.

    “Kulħadd jitwieled artist imma mbagħad immorru l-iskola u nibdew niddixxipplinaw ruħna. Nibdew niltaqgħu ma’ nies li jikkoreġuna l-ħin kollu u li spiss jippruvaw jinfluwenzawna skont dak li huma jemmnu fih. B’hekk ħafna minna jinsew min huma eżatt u jitilfu l-essenza tagħhom li kienet tagħmilhom uniċi.”

    Dik li tagħżel il-kwadri

    Bla tlaqliq ta’ xejn, Caruana stqarr li huwa ftit li xejn jagħti każ tal-kritika: “Għalija kritiċi kelli tnejn: missieri u issa marti. Il-bqija ħadd.”

    Huwa jemmen li b’hekk biss jista’ jibqa’ jżomm l-istil partikolari tiegħu li huwa bena matul is-snin.

    “Marti Catherine għandha għajn tajba wkoll għall-arti imma fl-istess ħin mhiex artista u allura ma tippruvax tinfluwenzani. Għalhekk napprezza l-kritika tagħha. Fl-istess ħin, kulħadd ikollu bżonn lil xi ħaddieħor biex jagħtih l-impressjoni tiegħu dwar ix-xogħolijiet li jkun qed jagħmel, ħalli b’hekk jieħu perspettiva differenti.”

    Infatti Paul stqarr li hija Catherine li tagħżel il-biċċa l-kbira tax-xogħolijiet li jittellgħu fl-esebizzjonijiet tiegħu.

    Ommu u l-ewwel esebizzjoni tiegħu f’Malta

    Mingħand Paul tpaxxejt nisma’ l-ġrajjiet dwar ħajtu li ma kienu jispiċċaw qatt! Ma setax jonqos li fosthom tidħol ukoll ommu, li fuqha, wara l-mewt ħabta u sabta ta’ missieru, waqa’ l-piż kollu biex trabbi l-familja.

    “Kienet iebsa l-ħajja għax meta miet missieri, ommi lanqas sold ma kellha. Il-gvern kien jagħtiha xi ħaġa tar-romol imma dawn qatt ma kienu biżżejjed. Batejna. Niftakar li kien hemm żewġ persuni partikolari li regolarment kienu jagħtuna xi ħaġa tal-karità ħalli nibqgħu għaddejjin.”

    “Meta miet missieri, għamilt sena lanqas naf x’se naqbad nagħmel bija nnifsi fosthom dwar jekk kontx se nkompli l-iskola jew le. Iżda għalkemm konna magħfusin sewwa, ommi qatt ma sfurzatni biex noħroġ naħdem u ħalliet id-deċiżjoni f’idejja. Fir-realtà ma tantx kien hemm wisq għażla u ftit wara sibt xogħol biex inkun nista’ nagħtiha daqqa t’id fil-flus.”

    L-ewwel esebizzjoni solo ta’ Caruana kien fiha 69 biċċa xogħol u saret f’Moskow fl-1985 bil-għajnuna tal-ħabib tiegħu Stephen Florian. It-tieni waħda ttellgħet f’Malta fl-1988 fil-bini tal-British Legion fi Triq Melita, l-Belt. Din l-esebizzjoni għandha memorji nostalġiċi ħafna għal Caruana peress li kienet ommu li rranġatlu biex jagħtuh l-ispazju għall-esebizzjoni.

    “Agħmlulu pjaċir, aqtgħulu xewqtu,” kienet qaltilhom. “Hekk jew hekk din mhux ta’ darba se tkun? Mhux se jagħmel xi esebizzjoni oħra!”

    Għalhekk meta fl-1990, Caruana organizza esebizzjoni artistika oħra fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti u ommu saret taf li kien ser jiftaħhielu Dr Ugo Mifsud Bonnici, taha ħass ħażin bl-emozzjoni li ħasset għax qatt ma kienet basret li binha kien għad jasal s’hemm.

    Żvolġiment ġdid

    Wara numru ta’ xogħolijiet u esebizzjonijiet li għamel Caruana fejn bosta minnhom kienu jitrattaw xeni tipiċi Maltin relatati mal-baħar, huwa ħass li kellu jieqaf għal ftit sabiex jagħti lilu nnifsu ċ-ċans biex joħroġ b’ideat ġodda.

    Eventwalment, fl-2008 Caruana tella’ l-wirja ‘Good vibrations’ u fiha huwa ntroduċa l-ewwel pitturi tiegħu li kienu marbuta mat-tradizzjonijiet kulturali tagħna l-Maltin. “Il-Kuratur Anzjan tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti, Sandro Debono, qalli li din l-esebizzjoni ntlaqgħet tajjeb ferm mal-pubbliku. U minn hemm għamilt il-qalb biex inkompli niżvolġi din it-tema. Finalment iddeċidejt li l-esebizzjoni li jmiss kienet ser tkun ibbażata fuq il-memorji tiegħi u permezz tagħhom kont ser nirrakkonta mhux biss l-istorja tiegħi imma anki dik ta’ niesi u ta’ pajjiżi.”

    L-aħħar esebizzjoni ‘Short Stories’ u dik li jmiss

    “Apprezzajt ferm meta bosta nies żaru l-aħħar esebizzjoni tiegħi ‘Short Stories’, xi kultant anki aktar minn darba sabiex jerġgħu jiflu d-dettalji li kienu jidhru fil-kwadri. Uħud minnhom qaluli li kont qanqaltilhom bosta memorji l-aktar meta bdew jagħrfu xi postijiet u xi minn daqqiet anki lill-individwi li kien hemm fil-pitturi. Ir-rispons tan-nies hija l-aktar ħaġa prezzjuża għalija u nkun qed nistenniha bil-ħerqa meta ntella’ esebizzjoni. Inkun kurjuż ferm biex nara x’effett ħalliet fuqhom u x’dehrilhom mix-xogħolijiet tiegħi. Għalhekk għamilt ħafna kuraġġ meta n-nies li ġew jaraw din il-wirja bdew jixtru x-xogħolijiet tiegħi u jħajjruni biex inkompli nibni fuq din it-tema.”

    Infatti, hekk għamel Caruana u waqt din l-intervista kelli x-xorti li nara minn qabel uħud mix-xogħolijiet tiegħu li qed jiġu ppreparati għall-esebizzjoni li jmiss fejn f’numru minnhom, l-artist pinġa lilu nnifsu meta kien żgħir. Wieħed minnhom kien jismu ‘Flippers’ u fih l-artist pinġa mument li seħħ tassew f’ħajtu meta darba minnhom xtara żewġ flippers ta’ qies differenti mill-monti tal-Belt u meta mar id-dar tgħidx x’kienet għamlitlu ommu! Xogħol ieħor ‘Il-Qatgħa’, kien jinkludi d-dehra ta’ numru ta’ abbatini deħlin mal-qassis fil-Knisja tal-Ġiżwiti tal-Belt, filwaqt li tifel liebes tal-karnival jinsab moħbi wara kolonna, lest biex jagħtihom qatgħa. Iż-żewġ kwadri l-oħra kienu jitrattaw it-tema taċ-ċelebrazzjoni tal-Preċett għalkemm fuq aspetti differenti. Infatti wieħed minnhom ‘Hand me down’, Caruana ddedikah lil dawk it-tfal kollha li fi żmienu, fosthom hu, il-familja tagħhom ma kellhiex biżżejjed flus biex tagħmlilhom libsa ġdida tal-preċett u għalhekk kienu jissellfuha mingħand xi ħaddieħor, bħal dik it-tifla li tidher fil-pittura. Min-naħa l-oħra, il-kwadru l-ieħor ‘Uff xi dwejjaq!” kien qed juri mument ħelu waqt il-Preċett ta’ Caruana meta tifla li lilu ma kienet togħġbu xejn kienet qiegħda ssus warajh għax kienet tiffansjah.

    Għall-futur, Caruana jixtieq biss li Alla jisilfu biżżejjed għomor ħalli jgħaddi l-bqija ta’ ħajtu kollha jpinġi. U jiena, fil-fond ta’ qalbi ħassejt li ma’ kull biċċa xogħol, dan l-artist kien qiegħed isejjaħ bejnu u bejn ruħu “Arani missier!”

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (7 Parti) fit-TORĊA tal-15 ta’ Ġunju 2014)

    Category: Torca - Features & Articles | Tags: