• Il-ħajja hi sofferenza

    Oliver Friggieri - Poeziji (CD)Fjuri li ma jinxfux

    Hekk thabbat il-qalb MaltijaChildren come by shipI bambini arrivano in nave

    Darba xi ħadd wissieni biex nevita li nersaq qrib wisq tan-nies li nammira, ħalli ma noħroġx diżappuntata. Kien parir stramb li ħasadni imma mhux darba u tnejn li ż-żmien ikkonfermali kemm kien jagħmel sens. Madanakollu b’xorti tajba, meta xorta nagħmel fattija, ġieli jkun hemm ukoll sorpriżi sbieħ, bħal meta dan l-aħħar kelli l-opportunità li nsir naf aħjar lill-Professur Oliver Friggieri.

    Infatti, għalkemm dan l-individwu ta’ kalibru mill-iprem huwa meqjus bħala kolonna ta’ għerf f’pajjiżna, waqt il-ħin li għaddejt niddiskuti miegħu, għaraft ukoll l-umiltà, il-ġenwinità u s-sensittività li huwa għandu, u dawn komplew żiedu bil-kbir ir-rispett li għandi lejh u lejn ix-xogħolijiet tiegħu. Waqt din il-laqgħa tagħna, id-diskors tiegħu kien katina twila ta’ ħsibijiet u ta’ kunċetti għaqlin, bosta minnhom imqanqla mill-esperjenza ta’ wieħed li ġarrab il-ħajja. Ħafna minn dawn ir-riflessjonijiet ġew miġbura fit-triloġija tiegħu ‘Hekk tħabbat il-qalb Maltija’ – xogħol li huwa ferm għal qalbu u li ħadlu 12 il-sena sakemm finalment ġie ffinalizzat u ppubblikat.

    Min-naħa l-oħra ma kienx daqstant elokwenti dwar il-ħajja tiegħu, għalkemm dak li kien neċessarju nkun naf, sibtu xorta waħda fil-ktieb awtobijografiku tiegħu ‘Fjuri li ma jinxfux: Tifkiriet 1955 – 1990’ u f’CD bl-isem ‘Poeżiji’ li tinkludi wħud mill-aktar versi personali tiegħu.

    Bħal Friggieri, jiena nemmen li xejn m’għandu jittieħed b’mod frivolu u mgħaġġel imma wieħed għandu jaspira li jaqra u jifhem ukoll ħafna mid-djalogu li jkun qed jintqal fis-silenzju, fir-rigi mhux miktuba tal-kotba u kif ukoll fil-waqfiet tad-diskors, fil-konverżazzjoni siekta tal-ħars tal-għajnejn u fiċ-ċaqliq tal-ġisem li jkomplu jitkellmu anki meta x-xufftejn jingħalqu biex jitwaqqaf il-kliem.

    Min hu l-Prof. Oliver Friggieri?

    Twieled fl-1947 fl-inħawi ta’ Balzunetta, il-Furjana. Studja l-Filosofija u l-Letteratura u kien l-ewwel individwu li kiseb M.A. u Ph.D. fil-Letteratura Maltija. Huwa l-awtur ta’ madwar 150 ktieb bil-Malti, filwaqt li għandu wkoll 65 ktieb ieħor tradotti f’bosta lingwi barranin, fosthom l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż, l-Ungeriż, ir-Rumen, l-Għarbi, in-Norveġiż, is-Sloven, il-Ġermaniż, l-Urdu, il-Maċedonjan, ir-Russu, is-Serbo-Kroat, u l-Portugiż. Kitbietu jinkludu wkoll għadd ta’ poeżiji li bħall-kotba, spiss sabu ruħhom jixterdu u jiġu apprezzati mal-bqija tad-dinja letterarja. Friggieri ta sehemu wkoll f’diversi ġurnali akkademiċi kemm f’dawk li jiġu ppubblikati f’pajjiżna u anki f’pajjiżi oħra. Jgħallem il-Malti fl-Università ta’ Malta u bejn l-1987 u l-2004 kien ukoll il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti. Rebaħ bosta unuri, kemm lokali u kif ukoll internazzjonali fosthom: il-Premju Letterarju tal-Gvern Malti (1988, 1996, 1997) u l-Premio Mediterraneo Internazionale (Palermo, 1988). Fl-1999, il-Gvern Malti onorah ukoll bħala Membru tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu, filwaqt li fl-2012 huwa rċieva l-premju Al Merito della Repubblica Italiana mill-ambaxxatur Taljan Luigi Marras, f’isem il-President Giorgio Napolitano, għar-riċerka kbira li huwa għamel fir-rigward tar-relazzjonijiet kulturali bejn Malta u l-Italja.

    Min hu Oliver?

    Għalkemm b’lista ta’ suċċessi bħal din, ma stajtx ma nimpressjonax ruħi, jiena dejjem inkun qed ngħarrex għal aktar minn hekk minħabba li nippreferi li nifhem min hu l-individwu nnifsu u x’wasslu biex laħaq qċaċet bħal dawn.

    Fl-awtobijografija tiegħu Oliver mill-ewwel jistqarr illi għeruqu ġejjin minn Balzunetta li hu jiddeskrivi bħala “…medda art fqira, imgħammra minn nies fqar li jgħixu fi djar aktarx imċaħħda minn kumditajiet elementari, nies tax-xogħol mifrudin mill-bqija tal-Furjana b’ħajt twil….”.

    ‘Fjuri li ma jinxfux’ kienet espressjoni li ħarġet biha ommu biex tiddeskrivi l-fjuri tat-tip sempreviva li ħadd ma kien jagħtihom importanza għax ma kienux sbieħ daqs il-fjuri l-oħrajn, filwaqt li hu u ħutu kienu jaqtgħuhom mill-ġonna pubbliċi tal-Furjana biex iżejjnu d-dar bihom “…fjuri b’eċċezzjoni kbira… li jibqgħu dejjem l-istess. Ma kellhomx il-ħtieġa li jissaqqew jew li jitqiegħdu fid-dawl. Fjuri foqra li ma jfittxux, fjuri speċjali li ma jinxfux.” Fjuri li wara li ltqajt m’Oliver u partikolarment wara li flejt il-kitbiet tiegħu, stħajjilt li kien ixebbaħħhom xi ftit jew wisq miegħu, l-aktar minħabba li dawn kellhom il-kapaċità li bis-sabar, fis-silenzju, u mingħajr ħafna pretensjonijiet, jgħixu u jissoppravvivu saħansitra fl-eqqel ċirkustanzi.

    Ispirazzjoni mit-tbatija

    Minn dejjem jistqarr li kitbietu tispira ruħha minn kollox imma l-iżjed mit-tbatija li huwa jinnota madwaru, kemm fil-bnedmin u anki fl-annimali. “It-tbatija hi waħda għal kulħadd, kull fejn hemm id-demm u l-laħam. Id-dulur huwa wieħed dejjem.”

    Kif esprima fit-triloġija tiegħu li tikkonsisti mill-kotba: ‘It-tfal jiġu bil-vapuri’, ‘La jibnazza niġi lura’ u ‘Dik id-dgħajsa f’nofs il-port’, Oliver juri li “Id-diffikultajiet u l-problemi m’għandhomx klassi soċjali. Il-bniedem qiegħed f’din id-dinja biex ibati. Il-ħajja hi sofferenza. L-ikbar xewqa tal-bniedem hija li jibqa’ jgħix u din hija frustrata u ttraduta mill-mard u mill-mewt. Jista’ jkun li l-bniedem inħoloq biex jiġi frustrat, sfidat, imxekkel, imċekken, imkisser, mirbuħ u umiljat mill-mewt? Jista’ jkun li allura d-dinja hija assurda kif qalu ħafna filosofi qabilna?”

    Il-marki li tħalli l-mewt

    Probabbli s-sensittività profonda tiegħu, li aktar ‘il-quddiem għamlitu poeta u kittieb tal-ħsus tal-ħajja, ġiet affetwata mill-mumenti ta’ niket li ġġib il-mewt magħha, fosthom meta fi tfulitu bdew imutu l-membri anzjani tal-familja tiegħu, imma aktar minn hekk meta mietet oħtu Olga waqt it-twelid u huwa tħalla jara ġisimha mejjet, żgħir u skur. “Ersaqt lejha maħsud u bqajt inħares skantat. Xtaqt immissha, inħarrikha, iżda rogħda ta’ biża’ ġriet ma’ ġismi kollu.”

    Esperjenza qarsa li huwa kellu jerġa’ jgħixha darbtejn oħra aktar il-quddiem, meta tilef lill-aħħar żewġ ulied tiegħu subien, fejn l-ewwel wieħed twieled mejjet, filwaqt li t-tieni miet wara ftit siegħat. Ix-xokk u t-tbatija tremenda li jħallu realtajiet bħal dawn ġew deskritti minn Oliver b’mod akut fil-poeżija eleġija tiegħu ‘Pellegrin distratt’ fejn fosthom kiteb hekk: “Kemm ward li ma jiftaħx…. Int xemgħa li ma xegħeltx… Int poeżija miktuba għalxejn…. Int knisja vojta, għasfur bla kant, munita falza….. B’ilsien sigriet lissint il-kelma ta’ qatt, qatt! Kantajtli l-eleġija ta’ bniedem li m’hu ħadd…. Laqlaqt sillabi suwed, bibbja ta’ verità tal-vjaġġ inutli tiegħek….. Int pellegrin distratt li tilef triqtu…. Int xejn… Int ibni!”

    “Ma naħsibx li hemm poeżija jew hemm letteratura li tinkiteb mingħajr bikja kbira ta’ l-awtur. Hekk hu għallinqas fil-każ tiegħi,” stqarr Oliver. Infatti l-kitba toffrielu spazju biex hu jimraħ aktar fil-wisa’ dwar dawn il-ħsibijiet, it-teoriji u l-mistoqsijiet eżistenzjali u soċjali fejn b’paralelliżmu ma’ storja mmaġinarja, huwa jsensel ukoll realtajiet li ġraw tassew filwaqt li jistieden lill-qarrejja biex jixtarruhom u jistħarrġuhom huma wkoll. Infatti, Arturu u Susanna, tnejn mill-karattri prinċipali f’din it-triloġija, ġew iddiżinjati mill-awtur biex jgħaddu mill-istess imrar, fejn huma jitilfu lill-uliedhom bl-istess mod u permezz ta’ kliemhom, possibilment, il-kittieb żvoga dak kollu li kien ilu biex jgħid dwar it-tbatija tiegħu stess “Għaliex il-ħajja għandha tkun hekk? X’inhi t-tifsira ta’ dan kollu? Din telqet qabel ma bdiet! Għalfejn twieldet jekk kull ma għamlet hu li twieldet biex tmut? Imma xi jrid Alla minna quddiem dan kollu?”

    Anki l-mewt ta’ missieru u ommu aktar il-quddiem ħalliet il-marka tagħha f’qalb dan il-poeta sensibbli. Infatti f’kitbietu hu jistqarr li kellhom jgħaddu l-ġranet qabel ma seta’ jibki l-bikja vera għat-telfa tagħhom. “Dawn l-okkażżjonijiet għallmuni li l-mewt ta’ persuna għażiża hi speċi ta’ ragħda li trid ċertu żmien biex tasal, u mbagħad tasal u ġġib magħha mhux biss ħasda imma wkoll il-paċi.” Paċi li forsi nkisbet permezz taż-żewġ poeżiji ‘Requiem għal missieri’ u ‘Requiem għal ommi’ fejn finalment il-poeta lissen dak li kien ilu biex jgħid.

    Ktieb anki għall-qassisin

    Biex iwieġeb il-mistoqsijiet diffiċli li jqanqlu l-ġrajjiet fit-triloġija tiegħu, Oliver idaħħal il-karattru ta’ Dun Grejbel; qassis li madwaru ddur din il-ġrajja twila aktar minn 700 paġna, u li finalment wara ħafna għawġ u problemi, joħroġ bħala l-eroj ta’ dan ir-rakkont. Fl-introduzzjoni tat-triloġija, Charles Briffa jikteb hekk: “Bil-karattru ta’ Dun Grejbel, Friggieri feda x-xbieha tal-qassis Malti li kien għadda minn ġudizzju aħrax ta’ kundanna fir-rumanzi tat-tmeninijiet. Friggieri ried jiddefamiljarizza d-dehra tal-qassis Malti; il-letteratura kienet ilha mis-sittinijiet tippreżenta lill-qassis bħala element ta’ abbuż tal-mentalità raħlija. Drajna naqraw kemm il-qassisin ingannaw lin-nagħaġ tagħhom. Friggieri issa tana wieħed li kissrilna dak li kien sar familjari biex narawh tabilħaqq bħala xbieha ta’ Kristu.”

    “Kristu huwa preżenti l-ħin kollu f’dan ir-rumanz permezz tal-karattru ta’ Dun Grejbel,” stqarr Oliver. Fit-triloġija tiegħu, Dun Grejbel jingħata l-istess destin ta’ Kristu meta fittex lill-Maddalena (Susanna), talli fittixha biex jgħinha l-poplu akkużah u flimkien ma’ Pilatu (l-Isqof) ikkundannawh, sakemm finalment naraw ir-rebħa tar-risurrezzjoni (ir-ritorn lejn ir-raħal). “Bħal Kristu, waqt l-aħħar mumenti iebsa tiegħu, naraw lil Dun Grejbel isejjaħ lil Alla ‘Alla tiegħi, Alla tiegħi, Għaliex tlaqtni?’. Imma mbagħad bħalu jistabar, jintelaq f’idejn il-Missier u jsib il-mistrieħ ‘Missier f’idejk jien nerħi ruħi.’ U daqshekk. Dik hija l-qofol ta’ kollox. Dik hija l-fidi,” sostna l-awtur.

    “Jiena nemmen. U bil-kotba tiegħi ppruvajt ukoll inxerred it-twemmin f’Alla. Ridt nuri li l-bniedem ma jistax jgħaddi mingħajr l-appoġġ u l-garanzija tat-twemmin f’Alla. Mingħajr Alla l-ħajja hi insopportabbli. Alla huwa anki kuntratt politiku, eżistenzjali, psikoloġiku: huwa jserraħ ras l-umanità li l-umanità ma hix biss razza msejkna, patetika, destinata li tgħix b’mod jew b’ieħor għal ftit snin biex tintrema bħala oġġett moqżież taħt l-art. Il-fidi hi futur, u għalhekk il-fidi hi wkoll kwistjoni politika li tinteressa lil kulħadd, issa u hawn, u dejjem u kullimkien.”

    Fost il-qarrejja tat-triloġija tiegħu, Oliver kellu wkoll f’moħħu lill-qassisin. “Dan ktieb jiena ktibtu anki għall-qassisin. Il-qassis Malti kien benefattur ewlieni tas-soċjetà Maltija matul bosta sekli, inkluż fil-preżent. Il-qassis għalija huwa jew bniedem li qed jaħli ħajtu jew bniedem li qed jagħmel il-ġid. Jaħli ħajtu meta ma jkunx qassis veru – jiġifieri jekk ma jkunx full-timer ma’ Alla billi jitkellem dwaru l-ħin kollu.”

    Il-qassis li qatt ma sar

    Intant, biex wieħed jifhem aktar dan l-aspett tal-awtur, ta’ min insemmi illi Oliver sa minn tfulitu kien ħolom u xtaq li jsir qassis. Fil-fatt huwa għamel numru ta’ snin jistudja fis-Seminarju biex isir qassis sakemm darba minnhom irrealizza li dik ma kienetx triqtu. “L-idea tas-saċerdozju kienet ċara f’moħħna. Ma kinetx idea astratta, u lanqas ma kienet sempliċi frott tat-trobbija u tat-tradizzjoni. Fil-verità, kollox huwa r-riżultat tal-kuntest li wieħed jikber fih…. Is-saċerdozju huwa tassew l-akbar għażla, l-ogħla waħda. Maż-żmien kelli nirrinunzja għal din l-għażla, imma mbagħad kelli nsib ruħi nikteb fuqha u nanalizzaha fir-rumanzi tiegħi kollha…. Tlaqt minn qassis għax ma ħassejtx li stajt ngħix f’kommunità magħluqa. Ridt inkompli nistudja. Maż-żmien ħadt l-istat tiegħi imma xorta bqajt b’rispett kbir lejn Alla u lejn il-Knisja tiegħu.”

    Madanakollu ma setax jonqos li deċiżjoni bħal din iġġib il-konsegwenzi tagħha. “Missieri rrabja ħafna u fit-tul u kellu jdum ħafna biex jgħaddilu. Ħadha bi kbira u l-imġieba tiegħu tbiddlet ta’ taħt fuq miegħi. Kont ħieles dejjem, f’kull pass li għamilt, imma issa kont kissirtlu l-mistennija kollha. It-tamiet li rawwem u saqqa għal snin sħaħ. Tlewwimna sew u kelli ngħaddi minn żmien diffiċli, oppost għal kull ma fassalt sa minn tfuliti,” kiteb Oliver fl-awtobijografija tiegħu.

    Ċertament sitwazzjoni bħal din tweġġa’ għax sa minn dejjem kull iben tħabat biex jogħġob lil missieru. Infatti, akkost li Oliver kompla fit-triq ġdida li huwa għażel u fiha għamel suċċessi kbar li wasslu għal diversi unuri u apprezzamenti minn pubbliku kbir, dan hu dak li kiteb fl-awtobijografija tiegħu lejn l-aħħar tagħha, meta missieru kien xjaħ u marad: “Kont għadni kemm sirt Professur fi tmiem is-snin tmenin u ħsibt li mmur ngħidlu u nagħtih ferħa. Kont konvint li se nferrħu ħafna… “Pa, pa, sirt Professur.” … Ma setax jifhimni u baqa’ ma fehemx. Ma feraħx u jien tbegħidt minnu ftit u bkejt. Kien stenna tant li jara li l-isforzi li għamel għal snin twal miegħi ma kienux għalxejn! Kien ħolom tant! Issa li mort biex narah jifraħ, ma stajtx inferrħu.”

    Anki dan il-kunflitt bejn il-missier u l-ulied ġie studjat u mgħarbel sewwa f’din it-triloġija fejn kultant, jekk wieħed ikun qara wkoll l-awtobijografija tal-awtur, il-qarrej jibda jifhem minn fejn setgħu tnebbħu wħud mis-sitwazzjonijiet li ġew inklużi f’din il-ġrajja.

    Għalkemm kultant id-diffikultajiet jagħmlu aktar ħoss, naturalment kien hemm il-mumenti sbieħ ukoll fil-ħajja ta’ dan il-personaġġ fosthom permezz tat-twelid ta’ bintu Sara li eventwalment għamlitu wkoll nannu.

    Darb’oħra…

    “Jiena ma ridtx nikteb rumanz biss. Ridt nikteb teżi, jiġifieri proposta ta’ x’inhu l-poplu Malti,” spjegali Oliver dwar il-ħsieb wara l-kitba tat-triloġija tiegħu. L-analiżi li pprovdini biha se niddiskutiha l-ġimgħa d-dieħla fl-artiklu li jmiss.

     

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (8 Parti) fit-Torċa tat-22 ta’ Ġunju 2014)

    Category: Torca - Features & Articles | Tags: