-
L-istorja marittima Maltija
Ma’ dawk li jinteressaw ruħhom fil-qasam marittimu Malti, żgur li l-espert ewlieni tal-istorja marittima Maltija, Joseph Muscat, m’għandu bżonn ta’ l-ebda introduzzjoni. Infatti, kienu bosta dawk li ssuġġerewli biex niltaqa’ miegħu ħalli nsir naf aktar dwar ir-riċerka u x-xogħol siewi li huwa għamel. Ħafna rreferew għalih bħala enċiklopedija ħajja dwar l-aspett marittimu, imma meta jiena kkuntattjajtu u tarraftlu dan, minn fuq it-telefon smajtu jidħak u jgħidli li kienu qed jesaġeraw. Ftehemna biex niltaqgħu dil-ġimgħa ħalli nara ftit min kien dan l-individwu u x’kien il-kontribut li huwa ħalla lil pajjiżna. U eventwalment ikkonfermajt li dawk li kienu kellmuni dwaru, ma tantx kienu marru ‘l bogħod fit-tixbieħa tagħhom.
Iltqajt ma’ Joseph Muscat ġewwa Dar il-Ħanin Samaritan li tinsab f’Santa Venera, fejn huwa jgħix flimkien ma’ sħabu l-oħra anzjani membri tal-Museum. Issa li huwa jgħodd id-79 sena, wara snin twal ta’ attività jaħdem bħala għalliem, soċju tal-Museum, konsulent marittimu, restawratur, mużiċist, presepista, u kittieb, wasal ukoll iż-żmien li jistrieħ u jgawdi ftit is-serenità li toffri din il-fażi tal-ħajja. Madanakollu, meta tkun għext ħajja tant attiva, mhux la kemm taqta’, u infatti Joseph għadu għaddej, anki jekk forsi b’ritmu aktar kawt, billi jagħti daqqa t’id lil xi sudenti jew riċerkaturi li jkollhom bżonn xi informazzjoni dwar il-qasam marittimu.
Is-sengħa ta’ mastrudaxxa
Għal diversi snin, Joseph ħadem bħala għalliem. Imma minn ċkunitu, huwa kien laħaq tħabbeb mas-sengħa tal-mudelli tad-dgħajjes u dan finalment wassal għall-bidla sostanzjali fil-karriera tiegħu. Kien missieru, li kien jaħdem bħala mastrudaxxa speċjalizzat fl-interzjar ta’ mobbli antika, li bdielu t-triq lejn destinu. Kien jieħdu miegħu kullimkien u t-tifel erħielu josserva u jitrawwem minn għandu.
L-interess għall-istorja marittima Maltija
Madanakollu, skont Joseph, kien il-ktieb ‘Raġel Bil-Għaqal’ ta’ Ġużè Galea li qanqallu l-passjoni għall-istorja marittima Maltija, hekk kif dan l-awtur, fl-isfond tar-rakkont tiegħu, inkluda numru ta’ opri tal-baħar differenti u ġrajjiet dwar briganti u skjavi. Ta’ tfajjel li kien, dan it-tagħrif kien biżżejjed biex xgħellu n-niċċa tal-immaġinazzjoni tiegħu u Joseph ma damx ma beda jesprimi din il-ħeġġa billi ntefa’ jaħdem salt mudelli ċkejknin tad-dgħajjes maħdumin mill-injam sabiex ibiegħhom lil sħabu tal-iskola. Il-flus f’idejh bdew jogħġbuh u huwa kompla jiżviluppa dan it-talent tiegħu. U hekk kif ħaġa ġġib lill-oħra u s-snin bdew igerrbu, Joseph sab ruħu dejjem aktar għatxan għal iżjed tagħrif tant li eventwalment, huwa daħal b’ruħu u b’ġismu jfittex u jirriċerka sabiex jiskopri u jgħaqqad flimkien l-istorja marittima ta’ pajjiżu.
Il-mudelli antiki tal-bastimenti ta’ żmien l-Ordni ta’ San Ġwann
Ta’ 18 il-sena, Joseph kien diġà jaħdem bħala skrivan mal-R.A.F fejn hu kellu r-responsabbiltà li jirrestawra l-mudelli antiki tal-bastimenti ta’ żmien l-Ordni ta’ San Ġwann li kien hemm ġol-Mużew Nazzjonali. Iżda hawnhekk ta’ min isemmi li apparti s-sengħa ta’ mastrudaxxa li huwa kellu, biex jagħmel xogħolu sewwa, Joseph kellu jiddedika wkoll diversi siegħat ta’ riċerka dwar dawn il-bastimenti minħabba li f’dak il-perjodu, ftit li xejn kien hemm kotba ppubblikati dwar dan is-suġġett. Huwa għen ruħu wkoll billi beda jixtri xi rivisti, kotba u kits tal-mudelli tax-xwieni u tal-bastimenti minn pajjiżi oħra ħalli b’hekk ikun jista’ jixtarr aktar bir-reqqa sal-inqas dettall li kien fihom dawn l-opri tal-baħar antiki.
Bejn l-1969 u l-1971, Joseph beda jattendi l-Kulleġġ ta’ Giorni sabiex jieħu l-preparazzjoni tiegħu biex isir għalliem tal-Istorja. Hemmhekk huwa rnexxielu jsib bosta kotba relatati ma’ dan is-suġġett u għalhekk meta ġie biex jagħmel it-teżina għat-tieni sena tiegħu, huwa għażel li jiffoka fuq il-linja tal-interess tiegħu billi kiteb dwar il-bastimenti tal-qlugħ li baħħru madwar Malta minn Żmien il-Feniċi sa qabel il-miġja tal-Kavallieri f’Malta. Barra minn hekk, flimkien ma’ din ir-riċerka, huwa ppreżenta wkoll mudell ta’ galera tal-Ordni ta’ San Ġwann li llum tinsab fil-Mużew tas-Santwarju ta’ Ħaż-Żabbar.
It-twaqqif tal-Mużew Marittimu ta’ Malta
Intant, fis-snin 80 tnibbet il-ħsieb li jitwaqqaf mużew marittimu, u għall-ewwel intagħżel is-sit tat-Torri ta’ San Tumas ta’ Wied il-Għajn. Minnufih bdew jinġarru diversi ankri u skrejjen enormi lejn dan il-post. Imma hekk kif waslu wkoll żewġ opri tal-baħar il-ġmiel tagħhom li kienu jikkonsistu f’ferilla tat-tiġrija tal-Birgu u f’gondola li ntbagħtet minn Venezja, instab li dawn ma setgħu jidħlu b’xejn ġewwa dan it-torri li għalkemm minn barra jidher imponenti u kbir, il-ħitan wiesgħa tiegħu jħallu ftit li xejn spazju fuq ġewwa. Għaldaqstant dawn id-dgħajjes tħallew esposti barra t-torri u xortihom riedet li ftit wara, fl-1987, seħħet waħda mill-agħar maltempati li qatt raw il-gżejjer tagħna. Infatti xi residenti li kienu jgħixu qrib it-torri qalu li r-riefnu li ħakem dawk l-inħawi tant kien qalil li setgħu jilmħu lil dawn id-dgħajjes jitqattgħu biċċiet u l-injam tagħhom beda jintrefa ‘l fuq u jixxerred mal-madwar.
Wara telfa bħal din, ma kien għad fadal l-ebda dubju li dan it-torri ma kienx adattat għal dan l-iskop u għalhekk wara aktar tiftix, għajnejn l-awtoritajiet waqgħu fuq il-Forn tal-Birgu minn fejn fi żmien l-Ingliżi, in-Navy kellha l-possibilità biex tforni ħobż u gallettini għall-bastimenti kollha tal-Mediterran. Did-darba r-responsabbiltà biex jibdew ix-xogħolijiet meħtieġa għat-twaqqif ta’ dan il-mużew marittimu waqgħet fuq Antonio Espinosa Rodriquez, espert tal-arti li eventwalment sar il-kuratur tal-mużew, u fuq Joseph Muscat bħala espert marittimu.
Joseph spjegali kif kellhom jibdew ifasslu dan il-mużew letteralment mix-xejn. “Il-post kien miżgħud bl-imbarazz u spiss kien joħroġ kull far daqsiex. Lanqas mejda u siġġu fejn noqogħdu bil-qiegħda ma kellna imma dawk malajr għamilthom jiena. Imbagħad kellna bżonn telefon u dan akkwistajnih minn dak li dari kien il-Mużew tal-Politika fil-Birgu.”
“Sakemm tkompla x-xogħol ta’ tindif u restawr, jiena u Rodriguez għamilna sentejn inħufu ‘l hemm u ‘l hawn madwar il-kollezzjonijiet riservati li kellhom diversi mużewijiet lokali. Skoprejna diversi oġġetti interessanti li sa dak iż-żmien ftit li xejn kienu qed jingħataw importanza. Ngħidu aħna wħud mill-kwadri li identifika Rodriguez ma kienux saru minn xi artisti famużi u għalhekk ma kienux meqjusa daqstant prestiġġjużi. Madanakollu fir-realtà, dawn kienu qed jitfgħu dawl sinifikanti fuq il-mezzi marittimi li kellna fil-gżejjer tagħna żmien twil ilu. Min-naħa l-oħra, ċerti oġġetti tant kienu antiki li biż-żmien kienet intesiet il-funzjoni tagħhom u għalhekk kienu miżmuma magħluqa fuq ġewwa. Fost dawn jiena sibt mazza tal-fidda li kienet tintuża fil-Qorti tal-Ammirall fejn apparti l-valur storiku tagħha, din kienet kurjuża minħabba li kellha għamla ta’ moqdief żgħir. Għaraft ukoll strumenti antiki tan-navigazzjoni u oġġetti tal-bronż li permezz tagħhom kienet titkejjel il-mira tal-kanuni.”
“Ħriġna wkoll induru mal-inħawi tal-Kottonera sabiex infittxu xi opri tal-baħar li setgħu jiġu nklużi mal-kollezzjoni tal-mużew, u anki hemm sibna materjal interessanti ħafna. Dak iż-żmien konna fassalna proġett ambizzjuż għal dawn id-dgħajjes li wħud minnhom kienu mkissrin. Il-pjan tagħna kien li fil-mużew marittimu kellu jkun hemm sezzjoni ħajja fejn il-viżitatur seta’ josserva lin-nies tas-sengħa jsewwu dawn il-biċċiet tal-baħar jew jarmaw xi mudell ta’ xi bastiment. Imma sfortunatament, dan il-proġett qatt ma ra d-dawl.”
Wara erbgħa snin ta’ ħidma kbira, Rodriguez u Muscat iddeċidew li kien wasal iż-żmien li l-Mużew Marittimu jinfetaħ għall-pubbliku u hekk sar. “Konna bsarna li hekk kif in-nies kien ser ikollhom l-opportunità li jaraw ix-xogħol li għamilna u l-kollezzjonijiet li ġbarna, huma kienu ser jitħajjru biex jgħaddulna anki xi oġġetti li kienu jinsabu għandhom sabiex jiżdiedu ma’ din il-kollezzjoni nazzjonali. Infatti m’għaddiex wisq żmien minn meta n-nies bdew jersqu lejn dan il-mużew bl-affarijiet tagħhom bħal ngħidu aħna uniformijiet, pitturi u manuskritti antiki li permezz tagħhom komplejna narrikkixxu t-tagħrif u l-esebiti ta’ dan il-mużew.”
Naturalment, ma setax jonqos li r-restawr tal-mudelli antiki ta’ dan il-mużew jitħalla f’idejn Joseph. Fost dawn kien hemm is-sezzjoni tan-nofs ta’ galera Maltija u galera ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann tas-seklu 17. Imma bla dubju, l-aktar mudell li jisraq l-għajn ġewwa dan il-mużew, huwa dak tal-vaxxell grandjuż tat-tielet klassi ta’ nofs is-seklu 18 li aktarx kien jintuża għat-tagħlim fl-Iskola Navali.
“Uħud minnhom kienu jirrikkjedu xogħol enormi u imprekattiv imma li titgħallem minnu. Minn xogħol ġenwin antik dejjem titgħallem,” insista Joseph. “Uħud mill-oġġetti kienu mkagħbra ferm minħabba li matul is-snin, dawn ma kienux merfugħa f’postijiet adegwati. Infatti ġewwa mudell partikolari ta’ bastiment Franċiż ta’ 80 kanun sibt saħansitra moffa ħajja u għalhekk kelli nżarmah kollu, innaddfu, u nerġa’ nibnih biċċa biċċa. Barra minn hekk, mhux darba u tnejn li tmiss xi parti minn mudell u tintebaħ li se taqa’ f’idejk u hawnhekk tinħoloq id-diffikultà biex tara kif se jirnexxielek iżżomm kemm tista’ mill-oriġinal imma li fl-istess ħin tirrestawra dak l-oġġett.”
Għaddew ħafna xogħolijiet minn taħt idejn Joseph Muscat li llum jistgħu jitgawdew ġewwa l-Mużew Marittimu tal-Birgu u kien fl-1995, minħabba raġunijiet ta’ età, li huwa waqaf jaħdem f’dan il-mużew.
Kittieb prolifiku
Ċertament, kontribut ieħor kbir ta’ Joseph kien il-pubblikazzjoni wiesgħa ta’ kotba li jitkellmu dwar it-tema marittima storika ta’ pajjiżna. B’hekk issa kull min jixtieq jinforma ruħu dwar dan is-suġġett, għandu referenza kbira u vasta li fosthom tinkludi għarfien dwar il-flotta ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann, il-kwadri ex-voto marittimi Maltin, illustrazzjonijiet dettaljati tal-opri tal-baħar kollha li kienu jbaħħru f’Malta minn qabel il-Feniċi sal-bidu tas-seklu 20, l-iskjavi u l-ikel u x-xorb fuq il-galeri Maltin eċċ.
Il-graffiti marittimi Maltin
Aspett ieħor fejn Muscat ħalla t-timbru sinifikanti tiegħu kien dak tal-graffiti marittimi Maltin. “Fi tfuliti, meta kont nattendi l-Museum, il- Prefett tagħna tar-Rabat, Ċensu Tanti, spiss kien jeħodna għall-mixjiet twal kull nhar ta’ Ħadd li bosta drabi kienu jinkludu fihom xi mawra lejn xi knisja minn dawk li jinsabu fil-limiti tar-Rabat. Darba minnhom meta wasalna ħdejn il-Knisja tal-Kunċizzjoni, ilmaħt xi taħżiż ta’ xwieni mal-ħitan tagħha u dlonk staqsejt lill-Prefett x’kienu. Huwa spjegali xi ħaġa fuq fuq peress li f’dak il-perjodu ma kien hemm xejn miktub dwarhom.”
“Minn dakinhar ’l hemm, indunajt li dawn il-graffiti kienu jinsabu anki fuq knejjes oħra u l-kurżità tiegħi bdiet tikber mhux ħażin. Bqajt nitħasseb dwarhom għal diversi snin sakemm imbagħad kelli l-lambretta tiegħi u bdejt indur minn kappella għall-oħra madwar Malta. Finalment irrealizzajt li dan it-taħżiż kont issibu aktar fuq il-ħitan tal-kappelli rurali milli fuq dawk tal-knejjes parrokkjali. Barra minn hekk, il-firxa tagħhom f’diversi lwogi, flimkien mas-similarità bejniethom tawni x’nifhem li dan ma kienx xi grif fil-ħitan ta’ xi ħadd li ma kellux x’jagħmel, imma aktar xi ħaġa kulturali li ż-żmien kien nessa s-sinifikat tagħha.”
“Mill-ġdid kelli naqa’ fuq il-kotba barranin sabiex nipprova nsib xi ħjiel dwar dan l-aspett storiku u kulturali tagħna. B’xorti tajba, ma domtx ma sibt xi kotba bil-Franċiż u bit-Taljan li kellhom ħafna informazzjoni dwar graffiti simili li kien hemm fi Franza, fl-Italja u fil-Greċja. Barra minn hekk, fost il-paġni sbieħ ta’ dawn il-kotba, sibt ukoll illustrazzjonijiet interessanti li komplew nebbħuni dwar is-sinifiakt ta’ dawn il-graffiti.”
Dan it-tagħrif ikkonferma li l-graffiti li kienu jinsabu mifruxa madwar il-gżejjer tagħna kellhom validità storika u għalhekk Joseph iddeċieda li jibda jiġbor il-memorja tagħhom qabel l-elementi naturali jisirqu dawn it-tifkiriet tal-antenati tagħna. Infatti huwa akkwista materjal apposta li ma jħalli l-ebda ħsara fuq il-ħitan, u b’paċenzja u b’dedikazzjoni kbira, huwa rnexxielu jiġbor kopja ta’ għadd ta’ graffiti sabiex imbagħad joħroġ ix-xbieha tagħhom fuq il-ġibs verġni. Sfortunatament, għalkemm huwa xtaq ħafna li din il-ġabra ta’ materjal tiġi esposta għall-pubbliku bħala kollezzjoni permanenti, din l-idea tiegħu ma sabitx l-interess mixtieq. U għalhekk f’dawn l-aħħar snin, Muscat beda jqassam xi wħud minnhom, sakemm finalment, dawk li kien għad baqa’ ngħataw bħala donazzjoni lill-Mużew Marittimu.
Unuri u rikonoxximenti
Għalkemm kif semmejt f’dan l-artiklu, l-awtoritajiet tagħna ġieli tilfu l-opportunità li jgawdu mill-għarfien u l-ġenerożità ta’ dan il-personaġġ, min-naħa l-oħra x-xogħol ta’ Joseph Muscat sikwit kien rikonoxxut permezz ta’ numru ta’ unuri li ngħatawlu. Fost dawn huwa kien iddekorat bil-Midalja Għall-Qadi tar-Repubblika għax-xogħol ta’ restawr tal-mudelli tal-bastimenti li llum jinsabu fil-Mużew Marittimu ta’ Malta. Għall-kitba tiegħu dwar il-bastimenti tal-Ordni ta’ San Ġwann, huwa ġie onorat bil-Croce dell’Ordine al Merito Melitense. U għal tliet darbiet huwa rebaħ l-ewwel premju u medalja fil-konkors Premju Letterarju bil-kotba tiegħu “The Dgħajsa”, “Kwadri ex-Voto Marittimi Maltin” u “Sales round Malta.
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (5 parti) fit-TORĊA ta’ l-1 ta’ Ġunju 2014)
Category: Torca - Perspettivi | Tags: