• PONT MAĊ-ĊINA – IT-TIELET PARTI – Il-filosofija tal-ġonna Ċiniżi

    Mix-xellug - Id-disinjatur Luo Yi, l-inginier Hu Zhong Jing u t-traduttrici Zhang XueqinP1140403

    Is-sindku tal-Kunsill Lokali ta' Santa Lucija, Frederick CutajarDettal tat-'tea room'

    Darba waħda fiċ-Ċina kien hemm filosofu popolari Taoist li jġib l-isem ta’ Zhuang Zi. Huwa kien miexi fuq pont flimkien ma’ ħabibu Hui Zi meta nnota xi ħut jgħum fl-ilma ta’ taħthom. “Ara dawk il-ħut kemm jidhru sereni jgħumu fl-ilma. Dak sinjal li huma ferħanin,” lissen il-filosofu. “Int m’intix ħuta. Kif taf li dawk il-ħut huma ferħanin?” irrispondih sieħbu. “U int m’intix jien. Allura kif taf li jien ma nafx li l-ħut huma kuntenti?” wieġbu lura l-filosofu. Jingħad li l-filosofija tal-ġonna tradizzjonali Ċiniżi nbniet fuq ġrajjiet bħal dawn hekk kif dawn jesprimu l-ġid li jġib fuqu l-bniedem meta jgħix ħaġa waħda man-natura. Hekk kif il-filosofu ħass il-kuntentizza meta osserva l-hena tal-ħut, daqstant ieħor igawdi l-bniedem meta japprezza l-kobor tan-natura ta’ madwaru.

    Skoprejt dan ir-rakkont waqt li kont qed nagħmel ir-riċerka tiegħi dwar il-ġonna tradizzjonali Ċiniżi. Għal darb’oħra, dan l-istudju laqqgħani ma’ bosta kunċetti li qatt ma kont smajt dwarhom qabel u mill-ġdid ħassejtni affaxxinata b’din il-kultura tant differenti minn tagħna. Intbaħt li għalkemm ġieli żort il-Ġnien tas-Serenità li jinsab fil-lokalità ta’ Santa Luċija, fejn qatt ma nqast milli nagħraf il-ġmiel tal-arkitettura Ċiniża li hu mogħni bih, fir-realtà kont qed nitlef ħafna mit-tifsira profonda tiegħu peress li ma kellix idea tal-istorja u tal-filosofija li jeżistu wara ġonna bħal dawn. Għaldaqstant, ħassejt għatx kbir sabiex insib ruħi mill-ġdid f’dan il-ġnien ħalli nkun nista’ narah b’għajnejn oħra. U x-xorti daħkitli meta s-Sindku ta’ Santa Luċija, Frederick Cutajar, stedinni biex nagħti titwila lil dan il-post, li dan l-aħħar għadda minn rinovament kbir, qabel il-ġnien jinfetaħ għall-pubbliku f’Mejju li ġej. Huwa introduċini wkoll ma’ Hu Zhong Jing, l-inġinier prinċipali li kien responsabbli minn dan il-proġett, mad-disinjatur Luo Yi, u mat-traduttriċi, Zhang Xueqin sabiex b’hekk nifhem aħjar is-sinifikat ta’ dan is-sit.

    Il-bidu tal-ġonna tradizzjonali Ċiniżi

    Il-professjoni tal-bennejja u tad-disinjaturi tal-ġonna tradizzjonali Ċiniżi tmur lura għal mijiet ta’ snin. Jingħad li l-idea tal-ħolqien ta’ dawn il-ġonna tqanqlet mill-pittura tal-pajsaġġi u tax-xenarji li kienet apprezzata ferm f’dawk il-perjodi. Dan minħabba li kien biss permezz tal-arti li l-bniedem seta’ jipposjedi xbieha tal-ġmiel naturali li kien jinsab madwaru. Inizzjalment, kienu l-istess artisti li bdew jiġu mqabbda biex jiddiżinjaw u jippjanaw l-ewwel ġonna fejn ix-xogħol primarju tagħhom kien jinvolvi li joħolqu xeni rilassanti u sbieħ, sabiex kull min jimxi ġo fihom jingħata l-impressjoni li qiegħed jgħix ġo xi xena mpittra. Fl-istess ħin il-ġonna kellhom il-funzjoni li fi sbuħithom jesebixxu l-ġmiel tan-natura. Naturalment dawn l-artisti bdew jużaw uħud mill-kunċetti filosofiċi li kienu jħaddnu fil-qasam tagħhom fejn ngħidu aħna l-artist Da Chongguang esprima ħsibijietu b’dan il-mod: “Il-muntanji huma statiċi, imma jekk ikun hemm l-ilma ġieri, l-istampa kollha takkwista l-moviment. Il-ġebel ma jiċċaqlaqx imma jekk ikun hemm is-siġar ħajjin, il-kwadru jingħata spirtu ħaj.” Eventwalment, dan wassal biex mal-milja taż-żmien inħolqu ġonna ta’ eleganza mill-ifjen b’karatteristiċi tassew uniċi.

    Tipi differenti ta’ ġonna

    L-ewwel ġonna li nħolqu kienu l-ġonna imperjali. Dawn kellhom il-funzjoni li jesponu r-rikkezza u l-poter tal-imperatur u għalhekk huma ġew diżinjati fuq firxa vasta ta’ art u mżejjna bl-isbaħ pjanti, fjuri kkuluriti u siġar kbar. Eżempju ta’ ġnien minn dawn li għadu jeżisti sa llum huwa magħruf bħala ‘Summer Palace’ u jinsab f’Beijing. Wara dawn, tfasslu wkoll il-ġonna tat-tempji li wkoll kienu mogħnija b’lussu liema bħalu. Aktar tard, ngħataw il-ħajja l-ġonna privati li s-sidien tagħhom ġeneralment kienu uffiċjali rtirati tal-gvern jew individwi sinjuri ħafna. B’kuntrast mal-oħrajn, dawn il-ġonna kienu jitfasslu fuq il-prinċipju tar-riservatezza u tar-raffinatezza sottili, fejn in-natura tagħhom, għalkemm sublimi u tpaxxi l-għajn, kellha toffri serħan u rilassament tal-ġisem u tar-ruħ sabiex isservi bħala rokna ta’ ġenna ta’ l-art.

    Il-ġonna tradizzjonali privati fl-istil Suzhou

    L-inġinier Hu Zhong Jing u d-disinjatur Luo Yi spjegawli illi l-Ġnien tas-Serenità li jinsab f’Santa Luċija ġie maħdum fl-istil ta’ ġnien tradizzjonali privat b’karatteristiċi Suzhou.

    Suzhou hija belt fin-naħa t’isfel taċ-Ċina li fiż-żminijiet antiki kienet għanja u sabiħa ħafna tant li kienet magħrufa bħala l-Venezja tal-Orjent. Fiha wieħed kien isib ukoll l-aqwa ġonna privati tant li dawk minnhom li rnexxielhom isalvaw sa llum huma meqjusa bħala parti mill-wirt kulturali tal-pajjiż u saħansitra wħud ġew dikjarati bħala parti mill-Wirt Dinji fl-1997. Numru minn dawn jinsabu matul in-naħa t’isfel tax-xmara Yangtze, li hija l-itwal xmara fl-Asja u t-tielet mill-itwal fid-dinja.

    Il-ġonna Suzhou kienu ferm iċken mill-ġonna l-oħra. Is-sidien tagħhom ġeneralment kienu jkunu individwi litterati rtirati mix-xogħol li jixtiequ rokna ta’ serenità u rifuġju mill-bqija tad-dinja. Jingħad li l-kunċett ta’ dawn il-ġonna ġie ispirat mill-kultura tal-eremiti. Ta’ min isemmi li f’dak il-perjodu numru ta’ individwi litterati kienu sabu ruħhom ippersegwitati minn mexxejja korrotti u qattiela u għalhekk biex iżommu l-integrità morali tagħhom u anki biex jiskappaw il-mewt, huma kienu qed jaħarbu fuq il-muntanji u jistaħbaw fl-għerien jew f’xi ħofra ġewwa xi zokk wiesgħa ta’ siġra u jgħixu bħala eremiti. Hemmhekk huma għaddew ħajja iebsa u ta’ periklu iżda fl-istess ħin in-natura ta’ madwarhom offrietilhom sodisfazzjon spiritwali u pprovdietilhom sors ta’ ispirazzjoni għall-abbilitajiet artistiċi u letterarja tagħhom. Kien minn hawn li bdew joħorġu l-pitturi mill-aqwa u l-poeżiji li jmissu r-ruħ. Din l-integrazzjoni ta’ pittura u poeżija finalment wasslet biex inħoloq l-aktar ambjent artifiċjali straordinarju li qatt ħoloq il-bniedem.

    Il-filosofija tal-ġonna Suzhou

    Biex wieħed japprezza l-ġonna Suzhou, jeħtieġ li jimxi fihom ħalli josserva u jifhem sewwa r-raġuni wara l-għażla tad-disinji ta’ xeni differenti li jidhru minn angoli varji. Infatti dawn il-ġonna huma magħrufa bħala l-mudell tipiku li jispjega b’mod ċar il-filosofija tad-disinn ta’ siti bħal dawn li huma taħlita perfetta ta’ rikkezza u kultura flimkien ma’ kollaborazzjoni sħiħa bejn disinjaturi professjonali u nies ta’ sengħa mill-iprem.

    Wieħed mill-prinċipji bażiċi fit-tisfila ta’ dawn il-ġonna kien illi dawn jiġu ibbażati fuq disinji ta’ veduti mpittra antiki u għalhekk it-tifsila tagħhom issejjħet ‘xenarju misluf’. B’hekk parti mill-abilità tad-disinjatur kienet li jara kif ser jagħti l-ħajja lil dawn ix-xeni artistiċi billi joħloq speċi ta’ kopja tagħhom permezz tat-tqegħid ta’ materjal allokat f’pożizzjonijiet partikolari madwar l-art disponibbli. Il-preżenza tal-muntanji u tax-xmajjar kienet fundamentali u dawn ġew rappreżentati permezz ta’ binjiet artistiċi ta’ ġebel partikolari, kultant anki prezzjuż, u t-tifsil ta’ vaski kbar tal-ilma mimlija bil-ħut. L-ilma kellu wkoll il-funzjoni li jieħu post il-mirja billi permezz tar-riflessjonijiet tiegħu tan-natura, id-dinja reali tinbidel f’dik virtwali u tagħti lok għall-meditazzjoni.

    Il-formazzjonijiet magħmula bil-ġebel jilgħabu parti importanti ħafna f’dawn il-ġonna, tant li mingħajrhom wieħed ma jistax jgħid li għandu ġnien awtentiku tradizzjonali Ċiniż. Wieħed mill-materjali prezzjużi li sikwit jintużaw f’dawn il-formazzjonijiet huwa l-ġebel magħruf bħala ‘Taihu Lake stones’ minħabba li l-karatteristiċi distinti tiegħu jirriflettu numru ta’ ideali li l-bniedem għaqli jixxennaq għalihom. Ngħidu aħna l-irquqija ta’ dan il-materjal jissimbolizza r-riservatezza, il-porożità tiegħu tirrappreżenta l-flessibilità li tippermetti ċ-ċirkulazzjoni libera tal-enerġija, l-istruttura fina tal-ġebla tesprimi r-raffinatezza u d-delikatezza, filwaqt li t-tikmix tagħha jixxebbaħ mal-forom taċ-ċafċif ħafif tal-ilma.

    Miżuri oħra li jsiru f’dawn il-ġonna jservu biex jagħtu sens akbar ta’ spazju. Fosthom insibu li t-twieqi għandhom l-għan li joħolqu perspettiva ta’ kobor filwaqt li joffru l-opportunità li wieħed jara diversi xeni minn angoli differenti. Daqstant ieħor il-forma partikolari tas-soqfa mtellgħa ‘l fuq tal-paviljuni għandhom l-iskop li jiġbdu l-għajn tal-viżitatur il-fuq lejn is-smewwiet u b’hekk joħolqu l-idea ta’ grandjożità. Anki l-kurituri angolati min-naħa għall-oħra f’forma ta’ zig-zag huma maħsuba biex ikabbru hekk kif dan it-tip ta’ passaġġ jipprovdi mixja ferm itwal milli kieku wieħed kellu jgħaddi mill-istess distanza b’mod dritt. Barra minn hekk mill-ġdid, l-angoli differenti ta’ dawn il-kurituri joffru perspettivi varji tal-ġnien. L-istess jagħmlu l-forom varji maqtugħa fil-ħitan fejn apparti li jsebbħu bid-disinn tagħhom bħal fjuri, vażuni jew qmura, huma jippermettu li wieħed jista’ jagħti daqqa t’għajn lejn dak li hemm f’xi kantuniera oħra tal-ġnien. Madanakollu, l-ħajt ta’ madwarhom iħalli wkoll l-element ta’ sorpriża għall-viżitatur hekk kif il-bqija tax-xena tkun moħbija.

    Kollox, sa l-inqas oġġett li ssib f’dawn il-ġonna, għandu t-tifsira u l-funzjoni tiegħu. Anki l-kulur tal-pjanti, tal-fjuri, tal-binjiet u tal-aċċessorji kollha jilgħab fattur sinifikanti f’dawn il-postijiet peress li għall-kuntrarju tal-ġonna imperjali, fejn jintużaw ilwien li jidhru ħafna, bħad-deheb, l-aħmar u l-aħdar qawwi, fil-ġonna Suzhou x-xena hija mistennija li tkun tixbaħ lil dik tat-tpinġijiet antiki maħduma bil-linka tradizzjonali u għalhekk tintuża skala ta’ kuluri fuq l-abjad, l-iswed, il-griż u l-aħmar fil-kannella. Barra minn hekk, f’dawn il-ġonna jiġu apprezzati ferm l-oġġetti antiki, bil-kuluri tagħhom mitfija, minħabba li dawn joħolqu sens ta’ żmien u ta’ profondità.

    Il-kitbiet ta’ ‘couplets’ li kienu jikkonsistu f’xi ideat jew sentimenti tas-sid, inkella f’xi kwotazzjonijiet minn xi poeżiji sinifikanti, kienu jitwaħħlu f’xi inħawi partikolari tal-ġonna u bosta drabi dawn kienu jiġu disinjati minn esperti tal-kalligrafija. Dawn il-kitbiet ma kellhomx biss l-iskop li jiddekoraw il-post imma anki biex bihom jistagħna aktar l-ambjent kulturali tal-ġnien innifsu u flimkien ma’ l-għażliet kollha li semmejt hawn fuq, il-viżitatur ikun jista’ jxomm ir-riħa tfuħ tal-kotba li kienu tant għal qalb il-litterati.

    Tibdiliet fi Ġnien is-Serenità

    L-inġinier Hu Zhong Jing infurmani li f’dawn l-aħħar ħames xhur twettqu diversi xogħolijiet f’dan il-ġnien fejn fosthom ġew irranġati xi partijiet li oriġinarjament kienu saru fl-1997 u li ddeterjoraw matul is-snin, u anki żdiedu xi kostruzzjonijiet oħra. Din il-ħidma saret permezz ta’ għadd ta’ ħaddiema Ċiniżi speċjalizzati fil-bini ta’ dawn il-ġonna, filwaqt li l-‘landscaping’ sar minn kumpaniji lokali. Dan il-proġett li primarjament tħallas mill-gvern Ċiniż taħt il-ftehim tal-Foreign Aid Projects ġie jiswa madwar 4.21 miljun ewro.

    Hu Zhong Jing insista li dan il-proġett hu frott il-ħbiberija kbira li teżisti bejn iż-żewġ pajjiżi. Barra minn hekk huwa qalli illi xogħol bħal dan li jsir f’diversi pajjiżi oħra madwar id-dinja, għandu l-iskop li jsaħħaħ il-kooperazzjoni u anki li jesponi l-kultura Ċiniża fost kulturi oħra.

    Min-naħa l-oħra, id-disinjatur Luo Yi dawwarni mal-ġnien u urini kif huwa kellu jkompli jibni fuq l-istess stil li sar qabel sabiex ikun hemm kontinwità. Għaldaqstant il-paviljuni l-ġodda jixbħu ħafna lil ta’ qabilhom u anki l-kuriduri jkomplu mal-oħrajn. Hekk kif fetaħli l-paviljun li se jkun jista’ jintuża għall-esebizzjonijiet u għaċ-ċerimonji, tpaxxejt bil-ġmiel u bl-eleganza tal-għamara bi stil tradizzjonali Ċiniż.

    Naturalment ma setax jonqos li dan id-disinjatur żagħżugħ jittanta jħalli wkoll it-timbru personali u modern tiegħu f’dan il-ġnien. Xogħol minn dawn li laqatni ferm kien id-disinn tat-‘tea-room’ li ġiet dekorata b’settijiet ta’ mwejjed u magħqad tal-porċellana tipika Ċiniża bl-ilwien bojod u koħol li tassew jixirqu mal-ambjent uniku tal-post. Madanakollu, ma stajtx ma nimpressjonax ruħi bil-proġett li huwa ddisinja fil-fetħa tal- entratura prinċipali tal-ġnien. Dan ix-xogħol jinkludi xena minquxa fuq ħaġra kbira li nġiebet mill-belt ta’ Suzhou u fuqha hemm disinjata veduta popolari ħafna fiċ-Ċina tal-belt ta’ Suzhou fi żmien antik. Din ix-xena tista’ tiġi osservata mill-qrib mill-viżitaturi billi jimxu fuq ġebel poġġut b’reqqa ġewwa vaska sabiex joffri s-sensazzjoni li wieħed qiegħed jimxi fuq wiċċ l-ilma. Fiċ-ċentru ta’ din il-vaska, wieħed isib ukoll minjatura ta’ logħba tradizzjonali Ċiniża msejjħa “flowing cups on a winding river”. Din il-logħba kienet tikkonsisti f’diversi kanali mimlija bl-ilma u fihom kienu jitpoġġew tazzi bix-xorb li mbagħad jibdew jiżżerżqu matul il-kanali fuq l-ilma. Dak li t-tazza tiegħu tasal sat-tarf mingħajr ma tinqaleb kien jirbaħ filwaqt li t-telliefa kien ikollhom jixorbu minn din it-tazza jew jikkomponu poeżija.

    Is-sindku Frederick Cutajar li lura fl-1997 kien għażel l-isem ta’ dan il-ġnien kien kburi mhux ftit bix-xogħol li sar peress li issa l-pubbliku se jkun jista’ jgawdi minn post ferm aktar attraenti. Intant, il-viżitaturi issa se jkollhom ukoll il-possibilità li jikru awdjo-gwida mill-ġnien stess sabiex ikunu jistgħu jisimgħu informazzjoni dettaljata dwar partijiet varji mill-ġnien u b’hekk igawdu minn esperjenza aktar sinifikanti. Apparti minn dan, permezz ta’ diversi boards, il-pubbliku se jkollu wkoll spjega bil-miktub ta’ dak li jkun qed jara. Attrazzjoni oħra f’dan il-ġnien tinkludi n-numru ta’ skulturi tal-bronż li juru attivitajiet tradizzjonali Ċiniżi, fosthom: persuna tixrob it-tè, mara tinseġ il-ħarir, raġel jilgħab iċ-ċess Ċiniż u grupp idoqqu strumenti mużikali. Bil-qiegħda fuq bank ħdejn dawn tal-aħħar, Frederick waqaf għal ftit biex nammiraw is-serenità tal-post. U hekk kif għajnejja xorbu l-meravilja tal-post ma kellix diffikultà biex nifhem l-għala s-sindku diġà qiegħed ikollu numru ta’ bookings minn nies li xtaqu jorganizzaw xi attività hemmhekk fejn fosthom ser jiġi ċċelebrat tieġ ftit wara li jsir il-ftuħ uffiċjali ta’ dan il-ġnien.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela PONT MAĊ-ĊINA (3 Parti) fit-Torċa tas-6 t’April 2014)

    Category: Torca - Features & Articles | Tags: