• PONT MAĊ-ĊINA – IT-TIENI PARTI – L-arti ta’ kif tgħix b’saħħtek

    Dr. Wang Xiaolan - id-Direttrici tac-CentruDr Xia Yong Jiang

    Il-prattika tal-agupuntura (Ritratt ta' Choy Hong (Jasmine) Grech)Grupp jipprattika it-Taijiquan - 2

    Għal ħafna mis-soċjetajiet tal-Punent, l-idea ta’ xi tfisser li tkun b’saħħtek hija li ma tkunx marid. Iżda dan mhux il-każ fil-kultura Ċiniża. Infatti fiċ-Ċina l-aspett tas-saħħa jinkorpora fih sistema komprensiva ta’ stil ta’ ħajja li tinsisti ħafna fuq il-bilanċ tal-eżistenza, l-armonija man-natura, dieta tajba, l-użu ta’ ħxejjex naturali u mediċinali, eżerċizzju regolari, metodi varji ta’ massaġġi, rilassament tal-moħħ, tal-ġisem u tal-ispirtu, u numru oħra ta’ prattiċi distinti, fosthom l-agupuntura. Ta’ min isemmi li dan l-għarfien dwar l-arti ta’ kif wieħed jgħix b’saħħtu, li llum jifforma parti mit-tradizzjoni nazzjonali Ċiniża, evolva matul eluf ta’ snin ta’ esperimentazzjoni u studji dwar is-saħħa u l-lonġevità li minn dejjem kienu popolari f’dan il-pajjiż. Hekk kif tħajjart nesplora dan il-kunċett Ċiniż, minnufih sibt ruħi f’dinja pjuttost aljena, fejn il-filosofija, il-lingwa, id-dijanjosi u l-prattiċi użati għall-fejqan huma għal kollox differenti minn dak li aħna mdorrijin għalihom. Għaldaqstant iddeċidejt li ninvestiga din il-fonti ta’ għerf antika billi nersaq għand min seta’ jfissirli aħjar…

    Iċ-Ċentru Reġjonali Mediterranju tal-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża f’Malta

    Iċ-Ċentru Reġjonali Mediterranju tal-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża f’Malta jinsab fl-inħawi ta’ Kordin, Raħal Ġdid. Dan ġie mwaqqaf fl-1994 bħala parti minn proġett ta’ kooperazzjoni bejn Malta u ċ-Ċina. Għal dawn l-aħħar 20 sena, kull sentejn, f’dan iċ-ċentru jintbagħat tim ġdid ta’ tobba miċ-Ċina sabiex jibdel lill-grupp li jkun hemm qabel, ħalli dawn ikunu jistgħu joffru s-servizzi tagħhom kemm minn dan il-post u kif ukoll mill-isptar Mater Dei u mill-isptar ġenerali t’Għawdex.

    Id-Direttriċi taċ-Ċentru, Dr. Wang Xiaolan, infurmatni li l-aħħar tim mediku wasal f’Malta f’Lulju tal-2013 u jikkonsisti minn sitt membri, li erbgħa minnhom huma esperti fil-mediċina tradizzjonali Ċiniża. Hija stqarret illi aktar ma jgħaddi ż-żmien il-poplu Malti qiegħed kull ma jmur iżid fl-attendenza tiegħu f’dan iċ-ċentru, tant li dan l-aħħar huma qed jirċievu madwar 10,000 pazjent fis-sena. Infatti fl-2012, sar investiment ta’ 400,000 ewro mill-gvern Ċiniż, sabiex il-post jiġi restawrat b’mod estensiv bil-għan li jiżdiedlu l-ispazju u jissebbaħ l-ambjent ta’ fejn jintlaqgħu l-klijenti.

    Il-filosofija tal-mediċina tradizzjonali Ċiniża

    It-tabib Xia Yong Jiang, espert fil-qasam tal-mediċina tradizzjonali Ċiniża, laqagħni f’waħda mill-kmamar tat-trattamenti ta’ dan iċ-ċentru sabiex jintroduċini ma’ dan il-qasam u anki biex ikun jista’ jurini fil-prattika dak li jsir fuq il-pazjenti.

    Il-kliem mill-ewwel waqa’ fuq il-filosofija Ċiniża dwar kif tiġi trattata s-saħħa, fejn b’kuntrast mas-sistema tal-Punent li ġeneralment tiffoka biex tikkura l-parti muġugħa jew l-organu marid fil-ġisem tal-bniedem, is-sistema Ċiniża tħares lejn il-bniedem kollu u lejn l-ambjent li qed jgħix fih bil-għan li tifhem x’inhu dak li qed iwassal għal din is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ saħħa. Dan ir-raġunament huwa mibni fuq il-kunċett illi l-bniedem innifsu jikkonsisti f’dinja żgħira li teżisti f’dinja ferm akbar, fejn il-bidliet fid-dinja l-kbira jħallu l-effetti tagħhom fuq saħħet l-individwu. Kollox huwa mibni fuq l-idea tal-armonija bejn il-bniedem u n-natura, l-integrità bejn il-ġisem u l-moħħ tal-bniedem u l-manteniment ta’ bilanċ dinamiku tal-attivitajiet tal-ħajja fl-isfond tal-influwenzi tal-ambjenti interni u esterni.

    Infatti fil-kultura Ċiniża, is-saħħa tal-bniedem tiddependi mill-ekwilibriju bejn il-forzi tal-yin u l-yang. Skont din it-teorija, hekk kif dak kollu li qiegħed taħt ix-xemx għandu parti imdawwla u parti dellija, daqstant ieħor kull ħaġa fid-dinja għandha żewġ aspetti opposti fiha, li għalkemm jeżistu f’kunflitt, fl-istess ħin huma wkoll dipendenti fuq xulxin. Sadanittant, teorija oħra fundamentali hija mwaqqfa fuq il-prinċipju taċ-qi (tinċara ‘ċi’), hekk kif huwa maħsub li dak kollu li hu ħaj, fosthom il-bniedem, għandu fih dan l-element ta’ enerġija naturali li fuqha jiġu bbażati l-azzjonijiet u l-emozzjonijiet kollha. Permezz ta’ sistema ta’ meridjani (bħal tubi) ġewwa l-bniedem, din l-enerġija naturali msejjħa qi flimkien mad-demm, jiċċirkolaw madwar il-ġisem. Barra minn hekk, l-istess sistema li hija magħmula minn aktar minn 360 punt meridjan, tirrelata l-organi interni maċ-ċelloli u ma’ l-organi superfiċjali sabiex tifforma ġisem sħiħ organiku.

    Bosta min-nies tal-Punent jsibuha diffiċli biex jaqbdu tarf ta’ din l-idea taċ-qi u minħabba l-istess raġuni ma jifhmux anqas il-kunċett tal-agupuntura li jinvolvi l-inserzjoni tal-labar fil-ġisem tal-bniedem matul il-kwantità ta’ punti meridjani. Jingħad li l-agupuntura bdiet fil-preistorja hekk kif il-bniedem beda jistudja u jesperimenta fuq ġismu sakemm irrealizza li jekk idaħħal xi ħaġa bil-ponta f’partijiet partikolari tal-ġilda tiegħu, ikun qed joħloq ċertu serħan mill-uġiegħ. Probabbilment f’dak iż-żmien kien jintuża xi għadam irqiq li jiġi raffinat aktar bil-ġebel. Jista’ jkun li kienu jintużaw ukoll ix-xewk twil ta’ xi qniefed. Maż-żmien din is-sejba kompliet tiġi żviluppata sakemm illum wieħed isib labar tal-istainless steel li jvarjaw minn tul ta’ 13mm sa 125mm.

    L-agupuntura

    L-għan prinċipali tal-agupuntura huwa li jimmanipula l-enerġija qi li tkun ġiet ibblukata f’xi post partikolari minħabba xi nuqqas ta’ bilanċ fil-ħajja tal-pazjent. Jintużaw labar differenti fit-tul u fil-qies skont il-bżonn li jkun hemm u dawn jiġu stimulati billi jiddaħlu l-ġewwa fil-ġilda u jiġu mċaqalqa ħalli jħallu l-effett tagħhom. Jeżistu diversi punti partikolari, magħrufa bħala acupoints, fuq il-parti ta’ barra tal-ġisem li minnhom jgħaddi ċ-qi. Hemm tliet postijiet distinti fejn jitpoġġew il-labar: il-‘punt lokali’ li huwa l-lok tal-problema, il-‘punt distanti’ li jkun jinsab fuq l-istess linja tal-meridjan tal-punt lokali, u l-‘punt ashi’ li jimmarka eżatt il-parti fejn il-pazjent l-aktar li jħossu muġugħ. Naturalment it-tabib ikollu bżonn jagħmel id-dijanjosi tiegħu sabiex jagħraf fejn qegħdin dawn il-punti. Intant, kollox jiddependi mir-raġuni l-għala l-pazjent ikun referut

    Bħala persuna li niddejjaq ħafna mil-labar, ikolli nistqarr li l-prattika tal-agupuntura tmeżmiżni ħafna. Madanakollu jeħtieġ ukoll li nassikura lill-qarrejja, li ftit li xejn qatt rajt lil xi pazjent jirreaġixxi għal xi uġiegħ imqanqal mid-dħul ta’ dawn il-labar, anki meta dawn jidħlu fil-wiċċ u fir-ras! Meta staqsejt lil Dr Xia xi tkun ir-reazzjoni tal-pazjenti għall-agupuntura, huwa qalli li bosta drabi l-pazjenti li jirrikorru fiċ-ċentru jkunu ġew rakkommandati li jattendu hemmhekk jew mit-tobba tagħhom stess, inkella minn xi ħbieb li diġà jkunu esperjenzaw din il-prattika u allura jkunu jafu li m’hemm xejn minn xhiex tibża’. Min-naħa l-oħra, t-tabib ikkonfermali li ma’ nies li bħali jitwaħħxu mil-labar u ma’ oħrajn li qatt ma jkunu ltaqgħu ma’ xi ħadd li pprova l-agupuntura, huma jpoġġu jiddiskutu bil-kalma u jfhiemu lil dak li jkun x’ser jiġri u għalfejn, sakemm il-pazjent iħossu rilassat biżżejjed u pront biex issir fuqu din il-prattika tradizzjonali. Intant, hu interessanti nsemmi illi l-agupuntura tintuża għal diversi ċirkustanzi fosthom għall-uġiegħ in ġenerali tal-muskoli, emikranja, puplesija u għal min jixtieq inaqqas mill-piż.

    Waqt din l-intervista nzerta li kien hemm klijenta li fuqha kienet qed tiġi applikata l-agupuntura. Kathy Williams spjegatli kif tul ħajjitha kollha hija kienet tbati minn emikranja qawwija li saret ferm agħar hekk kif għaddiet mill-fażi taċ-change of life. Madanakollu, fit-tliet darbiet li għamlet l-agupuntura f’dan iċ-ċentru, hija mill-ewwel ħassitha ġejja għall-aħjar. Meta staqsejtha jekk qattx beżgħet mil-labar hija weġbitni fil-pront li meta tkun muġugħ tassew, tkun lest li tagħmel kollox biex jgħaddilek. Xorta waħda hija kkonfermatli li l-labar ma jikkawżawx uġiegħ waqt l-applikazzjoni tagħhom. Hija kompliet tfhemni kif f’dik il-ġurnata wara li jsir it-trattament, tħossha daqsxejn imħawwda, imma l-għada tqum fi stat tassew tajjeb hekk kif l-effett tal-agupuntura jibda jirrifletti ruħu fil-ġisem. Kathy qaltli li inizzjalment hija kienet xettika u suspettuża ħafna minn kemm l-agupuntura tista’ tkun verament effettiva iżda wara li ppruvata, hija temmen li għal ċertu wġiegħ partikolari, m’hemm xejn aħjar minnha. Fuq kollox, peress li din hija sistema naturali, ma tħalli l-ebda effetti kollaterali bħal kif tagħmel il-mediċina li mdorrijin nużaw aħna.

    L-investigazzjoni tal-ġisem

    Waqt l-intervista tiegħi ma’ Dr Xia skoprejt ukoll illi d-dijanjosi li jagħmlu t-tobba li jipprattikaw il-mediċina tradizzjonali Ċiniża, wkoll tvarja minn dik tal-Punent. Infatti, dawn it-tobba jkunu diġà bdew jieħdu indikazzjoni ta’ x’jista’ jkollu l-pazjent ma’ l-ewwel daqqa t’għajn li jagħtuh. Dan isir peress li jiġi nnutat kif il-pazjent qiegħed jimxi lejn it-tabib, ngħidu aħna jekk hux qed jgħaġġel jew jimxi dritt, inkella hux qed iserrep. Imbagħad it-tobba jinnutaw il-forma u l-qagħda tal-bniedem li jkollhom quddiemhom, fosthom jekk hux irqiq jew oħxon, l-istat tal-kulur tal-ġilda, l-espressjoni ta’ wiċċu, kif qiegħed bil-qiegħda u l-mod li bih qed jitkellem. Titqies ukoll il-vitalità tal-individwu mill-bixra ta’ għajnejh u miċ-ċarezza tagħhom, mill-kulur ta’ xufftejh u minn kemm ileqq jew jidher b’saħħtu xagħru. Ċertament kont sorpiża ferm bl-attenzjoni kbira li tingħata lill-ilsien hekk kif dan huwa maħsub li jirrifletti l-kundizzjoni tal-organi interni tal-bniedem u għalhekk il-kulur, il-forma u l-kisja li jkun hemm fuqu tiġi osservata fid-dettall.

    L-investigazzjoni tal-pazjent tinkludi wkoll is-smiegħ tal-leħen, tat-tqaħqiegħ u tan-nifs. Dari l-qagħda tas-saħħa tal-pazjent kienet ukoll tinxtamm iżda llum din hija diffiċli aktar peress li n-nies jużaw ħafna fwejjaħ li jgħattu r-riħa personali tagħhom. Waqt din l-eżaminazzjoni jittieħed ukoll il-qari tal-polz tal-pazjent imma dan isir b’mod differenti minn kif nafuh aħna, hekk kif jintużaw tliet iswaba. Evetwalment ikun imiss ukoll li jintmiss il-klijent sabiex titkejjel it-temperatura tiegħu, l-umdità li tinħass fih u xi nefħiet li jista’ jkollu. Tiġi ċċekkjata wkoll il-parti taż-żaqq u wara jiġu identifikati l-postijiet fejn il-pazjent qed iħoss l-uġiegħ.

    Matul dan kollu, it-tabib ikun qiegħed jistaqsi wkoll lill-pazjent xi informazzjoni dwar l-istil tal-ħajja tiegħu, fosthom dwar id-dieta tiegħu, jekk jagħmilx eżerċizzju, jekk għandux xi stress fil-familja jew fuq ix-xogħol. Dan isir sabiex it-tabib ikun jista’ jindividwa fejn qiegħda l-problema tal-pazjent minħabba li kif diġà semmejt qabel, il-filosofija tal-mediċina tradizzjonali Ċiniża tisħaq illi l-mard u l-uġiegħ huma dejjem konsegwenza ta’ nuqqas ta’ bilanċ fil-ħajja.

    Dr Xia insista kemm hu importanti li tinbena relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-pazjent u t-tabib għax huwa permezz t’hekk li dawn it-trattamenti jsiru aktar effettivi. Infatti kont tassew impressjonata meta huwa infurmani li qabel jintbagħtu sabiex jaħdmu hawn Malta, dawn it-tobba Ċiniżi jkollhom jattendu għal tmien xhur kors sabiex jitħarrġu fil-lingwa Ingliża u anki biex jitgħallmu dwar il-kultura Maltija, partikolarment dwar ir-reliġjon tagħna, ħalli b’hekk huma jkunu jistgħu jifhmu u jikkomunikaw aħjar mal-pazjenti Maltin!

    Kompetizzjoni tal-kitba ‘Chinese Doctors through My Eyes’

    Bħala parti miċ-ċelebrazzjoni mill-20 anniversarju mit-twaqqif tiegħu, iċ-Ċentru Reġjonali Mediterranju tal-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża f’Malta nieda kompetizzjoni tal-kitba għall-klijenti tiegħu fejn dawn qed jiġu mħajjra li jiktbu l-esperjenzi tagħhom ġewwa dan il-post. F’artiklu ta’ mhux aktar minn 1500 kelma, min jixtieq jipparteċipa huwa mitlub jikteb dwar l-esperjenzi tiegħu mat-tobba Ċiniżi u xi rakkonti interessanti dwar it-trattamenti li rċevew. Barra minn hekk jistgħu jiġu ppreżentati wkoll xi ritratti li setgħu ttieħdu fiċ-ċentru waqt xi okkażżjonijiet speċjali.

    Huwa importanti li dan il-materjal għandu jintbagħat liċ-ċentru permezz tal-email mrctcm@gmail.com mhux bħala attachment imma bħala parti mill-messaġġ innifsu. Għandhom jitniżżlu wkoll l-isem, is-sess, ix-xogħol, l-indirizz tad-dar u n-numru tat-telefon fil-bidu tal-email mibgħuta.

    Il-kitbiet rebbieħa huma mistennija li jkunu miktuba b’mod ċar u bi stejjer interessanti, li idealment ikollhom perspettiva unika u sens qawwi ta’ emozzjoni. Ir-rebbieħa ta’ din il-kompetizzjoni se jingħataw il-premijiet tagħhom waqt avveniment li ser jiġi organizzat biex ifakkar dan l-20 anniversarju f’April li ġej. Intant, għalkemm l-għeluq ta’ din il-kompetizzjoni kellu jkun sal-31 ta’ Marzu 2014, għall-qarrejja ta’ dan l-artiklu din id-data qiegħda tiġi mġedda sas-7 t’April 2014.

    Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jidħol fil-Facebook fuq Mediterranean Regional Centre for Traditional Chinese Medicine jew iċempel fuq 21691799.

    Lezzjonijiet tat-Taijiquan

    Bil-ħsieb li dawn l-artikli jservu tassew ta’ pont bejn il-kultura Maltija u dik Ċiniża, se nkun qed ninfurmakhom ukoll dwar xi opportunitajiet biex intom stess idduqu ftit minn dak li nkun kellimtkhom dwaru.

    Infatti did-darba se nistedinkhom biex tattendu għall-lezzjonijiet tat-Taijiquan li qed jiġu organizzati miċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta flimkien mal-Valletta Taiji Club. Professjonista f’dan il-qasam ta’ arti marzjali se jkun qed jintroduċi lill-istudenti mhux biss ma’ dan l-istil ta’ difiża imma anki mal-filosofija li hemm warajh u anki mat-teoriji relatati mas-saħħa permezz tat-Taiji. Ta’ min jiċċara li għalkemm din hi forma ta’ arti marzjali, il-movimenti li jintużaw fiha huma ġentili, rilassati u mexxejja, maħsuba biex joħolqu l-bilanċ fil-prattikant sabiex dan jgħix ħajja aktar b’saħħitha.

    Dan il-kors ser isir bejn it-8 t’April 2014 u l-25 t’April 2014. Il-lezzjonijiet isiru kull nhar ta’ Tlieta u l-Ġimgħa mis-6.30pm sat-8.00pm.

    Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jidħol fis-sit taċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina http://malta.cccweb.org/mt/ inkella fil-Facebook fuq China Cultural Centre in Malta jew iċempel fuq 21225055.

     

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela PONT MAĊ-ĊINA (2 Parti) fit-Torċa tat-30 ta’ Marzu 2014)

    Category: Torca - Features & Articles | Tags: