Archive for July 27th, 2014

  • Se nħallu dan l-għerf jintilef?

    Rita Attard - 1.JPGRita Attard qed taghmel il-massaggi - 1.JPG

    F’dawn l-aħħar snin, madwar id-dinja, qed naraw jinbet mill-ġdid l-interess fil-prattiċi tradizzjonali relatati mal-fejqan, kemm tal-ġisem u tal-moħħ u kif ukoll tal-ispirtu. Probabbilment il-bniedem intebaħ li wasal iż-żmien li jnaqqas id-dipendenza totali fuq il-mediċini, u minflok jerġa’ jitgħallem isib il-bilanċ tiegħu permezz ta’ metodi aktar naturali. Ħafna tefgħu għajnejhom fuq l-Orjent, l-aktar minħabba li f’dawn il-pajjiżi, wieħed isib filosofiji mill-iżjed antiki dwar dawn l-użanzi. Infatti, ħarsa waħda lejn ir-reklamar li jikkonċerna dan l-aspett, fosthom anki f’Malta, tarahom jirreferu għall-metodi użati f’dawk il-lwogi. Imma fir-realtà, kemm minna jafu li f’pajjiżna stess, wieħed isib numru ta’ anzjani li jħaddnu wkoll għerf bħal dan li ilu ġej minn żmien żemżem, tant li huma stess lanqas jafu l-oriġini tiegħu?

    Tal-massaġġi

    F’żogħżiti, meta kien ikollha xi tip ta’ uġiegħ fil-muskoli, niftakar lil ommi ssemmi li kienet sejra għand “tal-massaġġi”. Nistqarr li bħala żagħżugħa, ma tantx kont nemmen bl-effettività ta’ dawn l-affarijiet. Madanakollu ommi kienet issostni li nies bħal dawn kienu kapaċi jserrħu l-bniedem minn ħafna uġiegħ u tbatija. Għaddew is-snin u dawn il-memorji kważi nsejthom kompletament, sakemm sibt ruħi qed nistudja l-Memorja Pubblika u t-Tradizzjoni Orali ta’ pajjiżna, u dlonk ġejt miġbuda lura lejn dan it-tip ta’ ambjent.

    Bosta minnhom waslu biex jieqfu

    Fittex ‘l hemm u fittex ‘l hawn, ftit ftit irnexxieli niskopri illi fil-gżejjer tagħna għad fadal numru ċkejken ħafna ta’ anzjani li għadhom jipprattikaw massaġġi fuq in-nies flimkien mal-użu ta’ żjut u ħxejjex mediċinali. Bosta minnhom jinsabu f’età avvanzata, minn 70 sena ‘l fuq, u għaldaqstant waslu biex jieqfu kompletament minn dan ix-xogħol tagħhom.

    “Hu xogħol ta’ strapazz u biż-żmien ma tkunx tiflaħ tkompli aktar,” qaluli. “Iżda n-nies jibqgħu jfittxuk. U meta tarahom iħabbtulek il-bieb għax ikunu muġugħin u b’ħarsa ta’ ħniena jitolbuk biex tgħinhom, spiss ma jkunx hemm għażla ħlief li tipprova tagħtihom daqqa t’id. Imma kemm ikun aħjar li kieku xi ħadd aktar żagħżugħ jitħajjar jinteressa ruħu sabiex jitħarreġ f’din is-sengħa!”

    Hekk ukoll sostniet miegħi Rita Attard, mara ta’ 81 sena mill-Mellieħa, li f’diversi rħula u wisq aktar fil-gżira t’Għawdex, hi magħrufa għal din il-kapaċità tagħha li tfejjaq permezz tal-massaġġi u l-ħxejjex mediċinali. “Is-sena li għaddiet, l-ispeċjalista tiegħi rrakkomandali biex nieqaf minn dan ix-xogħol peress li qed nagħmel ħafna stress fuq qalbi u għalhekk issa ninsab kważi wieqfa għal kollox fejn jidħlu l-adulti. Sa mn’Alla li lħaqt ħarriġt żewġ persuni oħra, waħda mill-Mellieħa u l-oħra minn Għawdex, għax b’hekk inkun nista’ nirreferi għandhom lin-nies li għadhom iċempluli.”

    Il-possibilità ta’ rimedju għall-awtiżmu

    Imma meta jġibulha t-tfal, Rita ma tkunx tiflaħ tgħidilhom le, speċjalment meta taf li bi ftit paċenzja u sforz, bosta drabi hi kapaċi tbiddlilhom ħajjithom mill-lejl għan-nhar. “Bħalissa, l-aktar ħaġa li qiegħda tinkwetani hija l-ammont kbir ta’ tfal li jbatu bl-awtiżmu fejn donnhom it-tobba għadhom ma sabux irkaptu ta’ din il-problema. Mentri jiena, fis-sempliċità kollha tiegħi, bl-esperjenza li rawwimt matul dawn is-snin kollha fil-qasam tal-fejqan, jidhirli li possibilment irnexxieli niskopri rimedju.”

    Rita bdiet tirrakkuntali xi ġrajjiet li jikkonċernaw tfal li kienu meqjusa li jbatu bl-awtiżmu. “Darba minnhom ġiet omm b’żewġt itfal li kienu jbatu b’din il-kundizzjoni. Huma kienu għaddejjin minn bosta diffikultajiet minħabba li ma kienux jitkellmu u kienu jikkomunikaw biss bis-sinjali. Bdejt napplika l-massaġġi tiegħi fuqhom u wara ftit taż-żmien jiġu għandi, darba waħda ommhom ċemplitli u nisma’ tifel ikellimni. Ngħid is-sew għall-ewwel ħsibtu xi kuġin tat-tfal imma tgħidx kif bqajt meta l-omm qaltli li dak kien wieħed minn uliedha! Emminni, il-ferħ li tħoss f’mumenti bħal dawn huwa inspjegabbli.”

    Skont Rita jidher li l-problemi fiżiċi li jikkonċernaw l-awtiżmu jinsabu f’partijiet partikolari tal-ġisem. “Mit-tfal li qed iġibuli qed ninnota sensiela ta’ sintomi simili. Bosta drabi qed insib il-muskoli tal-għonq mgħaqqdin, speċjalment fin-naħa tax-xellug u jien inħollhom bil-mod il-mod permezz tal-massaġġi. Imbagħad nagħmlilhom ukoll movimenti b’idejja fit-tond fuq kull naħa ta’ nagħshom, fejn hemm żewġ speċi ta’ ħofriet. Ftit ftit it-tfal jibdew ilissnu xi kliem, imbagħad jirrepetu wara l-oħrajn, sakemm finalment jibdew jiffurmaw sentenzi weħidhom u minn hemm ikompli l-progress tagħhom. “


    Mill-esperjenza ta’ Rita, it-tfal kollha li resqu għandha b’dawn it-tip ta’ diffikultajiet għamlu kambjamenti impressjonanti, apparti f’żewġ każi fejn kien jidher li kien hemm ukoll xi ħsara fil-moħħ. Allura ngħid jiena, meta wieħed jara dawn ir-riżultati, ma tagħmilx sens li l-esperti f’dan il-qasam jersqu jistudjaw aktar bir-reqqa x’inhuma jgħidu u jagħmlu dawn l-anzjani tagħna qabel ikun tard wisq u jieħdu għerfhom magħhom?

    L-għasfur il-qalb

    Rita kompliet tfehemni dwar is-sintomi li jiġu għandha n-nies bihom u fosthom bdiet tispjegali dwar l-għasfur il-qalb. Permezz ta’ mudell ta’ skeletru, hi urietni kif l-għasfur il-qalb (magħrufa bħala ‘xiphoid process’) hija qarquċa tonda ratba li tinsab ‘l isfel mill-isternum. Isejjħulha għasfur għax ixebbħu lilha ma’ ras ta’ għasfur u l-kustilji ta’ fuqha mal-ġwienaħ. “Hemm każi fejn għal xi raġuni, din il-parti tiċċaqlaq minn postha u b’hekk tikkawża ħafna uġiegħ u dwejjaq fil-bniedem peress li hija mqabda ma’ diversi muskoli. Bosta mis-sintomi tagħha jkunu relatati ma’ uġiegħ fl-istonku, tbatija biex wieħed jiekol u diarrhoea. Meta l-għasfur il-qalb jitla’ ‘l fuq sewwa, dan jibda jidher saħansitra mqabbeż il-barra fil-ġisem tal-bniedem.”

    Biż-żmien Rita tgħallmet tagħraf is-sintomi tal-għasfur il-qalb, tħoss b’idejha jekk hux qiegħed f’postu jew le, u anki tqiegħdu lura f’postu permezz ta’ massaġġi.

    “Darba ġie raġel ta’ 70 sena għandi. Kien ilu 40 sena jbati bl-uġiegħ ta’ stonku u għalkemm ġera għand bosta tobba fil-Kanada fejn kien joqgħod, dawn sempliċiment kienu jgħidulu li għandu għadma sfigurata (għax fil-fatt l-għasfur il-qalb kien jidher ħiereġ il-barra). Meta huwa beda jirrakkuntali xi jħoss, jiena mill-ewwel fhimt x’kellu. Immassaġġajtu u f’darbtejn ġie tajjeb. Bilkemm ried jemmen kemm għamel snin isofri għalxejn! Qalli jaħasra mank kont nafek qabel!”

    Xi rimedji antiki

    Missier Rita, Ġanni, kien gabillott u kien jaf ħafna tagħrif dwar il-ħxejjex lokali. Infatti mid-Dipartiment tal-Agrikoltura ġieli kienu jibgħatulu xi studenti barranin tal-mediċina ħalli jdawwarhom max-xagħri tal-Mellieħa u jurihom dawn l-ispeċi ta’ pjanti u jkellimhom dwarhom. Rita u ħuha wrew interess f’dan l-għerf ta’ missierhom u sa minn tfulithom bdew jitgħallmu dwar il-karatteristiċi ta’ dawn il-ħxejjex.

    “Ngħidu aħna jekk tgħalli l-weraq tat-tilliera, tista’ tapplikah biex tfejjaq l-eczema u t-tbajja’ bojod fuq il-ġilda. Min-naħa l-oħra, il-ħaxixa tar-riħ tista’ tgħalliha u tixrobha meta jaqbdek riħ. L-ilma li joħroġ mit-togħlija tal-weraq taż-żebbuġ hu tajjeb għall-pressjoni. Il-ħubbejża hija ideali biex tfejjaq il-feriti biha. Jekk wieħed ikollu xi problemi relatati mal-ormoni, jista’ jgħalli n-naniegħ u jixrob tazza kuljum. Problemi tal-ġilda, fosthom gdim tan-nemus u ċesti fuq l-għajn, jissolvew permezz tal-lumi. Biex isebbaħ il-ġilda tista’ tħallat il-meraq imsaffi ta’ nofs lumija ma’ ¾ ta’ kikkra ilma u 2 taqtiriet tea tree oil u mbagħad tnaddaf wiċċek u tgħaddih b’din it-taħlita.”….. u l-lista baqgħet għaddejja.

    Il-fidi u l-fejqan

    Rita spjegatli kif hi bdiet tagħmel dawn il-massaġġi wara li darba minnhom, żewġha Joseph lewa siequ u lanqas pass ma seta’ jmidd. Għalhekk huma sejjħu lil ħuha Ċensu peress li dan kien jagħmel il-massaġġi fuq in-nies u hu qagħad jfhemha kif tħoss il-muskoli miġbudin ħalli tkompli tagħmel il-massaġġi hi fuq żewġha.

    “Hekk għamilt u f’erbat ijiem għaddielu. Imbagħad ftit ftit bdew ġejjin il-familjari u l-ħbieb u skoprejt li kont maqtugħa sewwa għal dax-xogħol. Illum nemmen li dan kien don. Nistqarr li fil-bidu li bdejt nagħmel dawn l-affarijiet, kont ngħolli jdejja ‘l fuq u nitlob – Mulej tini jdejk għax għandi n-nies ġejjin u ma nafx x’ser ikollhom. U hekk kif idejja kienu jibdew jiġru fuq in-nies bien nipprova nifhem fejn kien l-għerq tal-problema, niftakar li kont inħoss idejja jnemnmu u mbagħad b’xi mod, nifhem x’għandi nagħmel.”

    Hekk kif in-nies bdew jitkellmu bejniethom dwar il-kapaċità ta’ Rita, il-fama tagħha bdiet tiżdied u daqstant ieħor l-individwi li bdew resqin għandha. “Kont inkun ibukkjatha minn xahar il-quddiem, dejjem għaddejja u n-nies dejjem ġejjin. Sakemm fl-aħħar din is-sitwazzjoni bdiet iddejjaq lir-raġel tiegħi għax beda jsostni li kont ġibtlu d-dar każin bin-nies deħlin u ħerġin il-ħin kollu. Bdejna nilletikaw bejnietna sikwit u finalment anki jiena bdejt niddejjaq b’dan l-inkwiet miegħu. U għedt dan x’irridu?”

    “Għalhekk għodwa waħda bdejt inċempel lin-nies biex inħassar l-appuntamenti magħhom u wara nofsinhar, dħalt nistrieħ ftit…. Ix-xena li feġġet quddiemi hekk kif għalaqt għajnejja għadha ċara sa llum. Kont qisni qed nara xi xena ta’ film fuq it-TV imma minflok kien hemm il-kamra li fiha kont naqdi n-nies. Fuq is-sodda nara bniedem mixħut fuq is-sodda min-nofsu ‘l fuq, u par idejn qed jagħmlulu l-massaġġi, u bil-wieqfa ħdejn is-sodda nilmaħ lil Kristu! Qomt dak il-ħin stess u mort inċempel lil Sunta, li dari kienet in-ners ta’ Frenċ tal-Għarb, biex ngħidilha dwar din il-ħolma tiegħi. Bil-kalma kollha hi fehmitni li l-Mulej kien qed jgħidli li ma riednix nieqaf minn dak ix-xogħol u li fuq kollox, kien ser jgħini. Infatti, wara dakinhar, żewġi ma baqax jikkummenta aktar u minflok beda jġibli n-nies hu wkoll.”

    Rita u Sunta kienu ilhom is-snin ħbieb. Ġara li l-fama ta’ Rita waslet s’għand Sunta u din darba minnhom talbitha l-għajnuna minħabba li għandha kienu jmorru ħafna nies b’xi problemi ta’ saħħa. Hekk kif Rita aċċettat li tgħin lin-nies li jmorru għand Sunta, ix-xogħol tagħha aktar żdied u hi kienet tipprova tagħmel minn kollox biex tgħin ittaffi l-uġiegħ u l-problemi.

    “Ġew għandi saħansitra individwi li kellhom difetti fiżiċi konsiderevoli u bil-mod u bil-paċenzja, jiena erħini nfittex u nwitti sakemm il-bniedem jiġi għall-aħjar jew saħansitra jfieq. Jgħiduli li għandi jdejja taz-zokkor u li ma nweġġgħahomx bħal individwi oħrajn. Li naf żgur huwa li jiena ma nagħmilx dax-xogħol għall-flus imma għax inkun tassew nixtieq ngħin minn qalbi. Nagħti minn dak li naf u nħaddem it-talent li tani Alla.”

    Lil Rita daquha anki nies minn pajjiżi oħra, l-aktar turisti li jinzertaw isiru jafu biha b’xi mod jew ieħor u jispiċċaw għandha. “Darba kien hemm koppja anzjani Ingliżi qegħdin f’lukanda f’Buġibba u l-mara kienet kważi tkaxkar sieq minnhom għax kienet tinsab muġugħa ħafna. Inzerta li kien hemm waħda mill-Mellieħa li qaltilhom bija u huma għamlu l-kuraġġ u ġew ifittxuni u sabuni. Għall-ewwel il-mara bdiet kważi tibża’ minni għax lanqas biss riedet tinża biex turini fejn kienet il-problema. Imma mbagħad, hekk kif ikkalmat ftit u fdatni, u bdejt naħdem fuqha, mill-ewwel bdiet tħoss l-uġiegħ inin. Tant spiċċajt ikkonvinċejthom li meta darba minnhom, din l-Ingliża kienet f’darha u waqgħet u weġġgħet sewwa, żewġha ċempilli, ibbukkja titjira u ġabha għandi!”

    Min se jkompli warajna?

    L-istejjer ta’ Rita ma riedu jieqfu b’xejn. Hekk jew hekk kellha madwar 50 sena esperjenza x’tirrakkonta. Iżda finalment l-elementi ta’ dan it-talent tagħha kienu jikkonsistu f’imħabba u ħniena kbira lejn il-proxxmu, flimkien ma’ rieda kbira biex titgħallem, tisma’, tifhem u tfejjaq.

    “Nixtieq ħafna li ngħaddi dak kollu li tgħallimt lil kemm jista’ jkun nies possibbli. Kif urejtek b’dawn ir-rakkonti tiegħi, jista’ jsir ġid kbir jekk wieħed ikun jaf x’għandu jagħmel. Hija ħasra li n-nies jitħallew ibatu meta jeżistu rimedji effikaċi, li m’għandhomx bżonn ta’ mediċini u li ma jiswewx flus. Naturalment, jien m’inix kapaċi nieħu post it-tabib imma spiss, forsi bla ma jkunu jafu t-tobba, jiena u huma nkunu qed naħdmu flimkien għalkemm b’modi differenti fuq l-istess pazjent.”

    Skont Rita wħud mit-tobba l-anzjani jsostnu li l-massaġġi li tagħmel hi huma kollha ħmerijiet tax-xjuħ u l-fejqan relatat huwa immaġinazzjoni tal-moħħ. Madanakollu, xi tobba ta’ età iżgħar, huma aktar miftuħin għal dawn il-metodi ta’ Rita u xi ftit minnhom ġieli interessaw ruħhom li jmorru jiltaqgħu magħha ħalli hi tispjegalhom dwar is-sintomi li tinnota fin-nies li jiġu għandha. “Almenu jekk jagħrfu s-sintomi, dawn it-tobba jkunu jistgħu jirreferuhom għand nies li jagħmlu dan ix-xogħol, minflok ma jressquhom mill-ewwel għal xi operazzjoni.”

    Iżda Rita għandha għajnejha l-aktar fuq it-terapisti li skont hi għandhom ikunu dawk li jkomplu fuq dak li anzjani bħalha bnew matul ħajjithom. “Xogħolhom huwa indikat preċiż għal dak li nagħmlu aħna u għalhekk huma ideali biex jitħarrġu fuq dawn il-metodi tradizzjonali li aħna tgħallimna mingħand missirijietna. Jiena lesta li ngħallem lil kull min jiġi għandi u ngħidlu dak kollu li naf. Issa minnhom jonqos!”

    (Dan l-artiklu ġie ppublikat fis-sensiela Kobor il-Malti (Parti 12) fit-Torċa tas-27 ta’ Lulju 2014)

    2014.07.27 / no responses / Category: Torca - Features & Articles