• Fhiex kapaċi jsarraf il-Malti

    Il-Markiz Nicholas De Piro mal-pappagall tieghu Kiku (Ritratt - Patrick J Fenech)Il-Markiz Nicholas De Piro - tfajjel

    Il-buznanna Carmela De PiroIl-genituri tal-Markiz - Il-Baruni Nicholas u l-Baronessa Phyllis De Piro

     

    Jidhirli li l-idea tan-nobbilta’ minn dejjem kienet tixbaħ lil żewġ faċċati opposti ta’ munita: stmerrija u faxxinu. Stmerrija minħabba d-dubju u spiss anki l-evidenza li ħafna min-nobbiltà nbniet fuq l-abbuż tal-fqir. Faxxinu peress li l-lussu u t-titli b’dak kollu li jġibu magħhom huma l-ħolma ta’ ħafna.

    Hekk kif għal darb’oħra dil-ġimgħa żort lill-Markiż Nicholas De Piro ġewwa Casa Rocca Piccola, l-Belt, sibtu qed jieħu r-ritratti flimkien ma’ xi viżitaturi. Ċertament in-nisa barranin aktar kienu jidhru ħerqana mill-irġiel tagħhom sabiex jieħdu lura magħhom f’pajjiżhom it-tifkira tal-laqgħa tagħhom mal-Markiż innifsu.

    In-nobbiltà: xi ħaġa tajba jew ħażina?

    “Mhux darba u tnejn li jistaqsuni jekk in-nobbli kienux xi ħaġa tajba jew ħażina għal Malta,” stqarr il-Markiż. “Jiena nemmen li n-nobbli lokali kienu parti mill-istorja ta’ l-iżvilupp li permezz tiegħu dan il-pajjiż wasal fejn wasal illum. Għalkemm f’pajjiżi oħra, bħal fi Franza, in-nobbiltà abbużat wisq mill-poter tagħha u ħallset prezzha, fosthom fir-rivoluzzjoni Franċiża, ma nistgħux nitfgħu fl-istess miżien lin-nobbli kollha. Infatti f’pajjiżna, f’dawk iż-żminijiet ta’ taqlib, ma rajnix lill-poplu Malti jdur kontra n-nobbli Maltin u f’pajjiżna ma seħħet l-ebda rivoluzzjoni.”

    “Probabbilment, anki minħabba ċ-ċokon ta’ artna, kemm in-nobbli u kif ukoll il-bqija tal-poplu kienu jafu li jiddependu minn xulxin u li idealment ħadd ma kellu jirfes il-kallu ta’ l-ieħor. Tassew, in-nobbli kienu privileġġjati minħabba li kellhom bosta artijiet. Imma huma kienu konxji wkoll li dawn l-artijiet, biex isarrfu ta’ investiment, riedu jinħadmu min-nies. Min-naħa l-oħra, in-nies kienu jafu illi permezz ta’ l-art tas-sinjur setgħu jaqalgħu l-ħobża ta’ kuljum għal familthom. U hekk, ir-rota kienet iddur ħarir bejniethom, għalkemm naturalment, xi kwistjoni ‘l hemm u ‘l hawn kienet tinqala’ wkoll.”

    Id-drittijiet u d-dmirijiet tan-nobbiltà

    Il-Markiż kompla jispjegali dwar dan l-aspett tal-artijiet, fosthom kif in-nobbiltà kienet marbuta b’sistema, imsejjħa l-prima genitura, li biha kienet tiġi protetta r-rikkezza tal-familja u anki l-futur tal-gabillotti, li kienu jissejjħu hekk minħabba li kienu jħallsu l-gabella jew aħjar il-kera tal-art.

    “Meta wieħed iħares lejn in-nobbiltà u s-sistemi tagħha fil-passat bl-għajnejn ta’ llum, aktarx li se jibni stampa li mhux neċessarjament taqbel mar-realtà ta’ dak iż-żmien. Kull perjodu għandu s-sitwazzjonijiet tiegħu li fihom il-bniedem għaraf joħloq strutturi sabiex il-ħajja tkompli għaddejjha bl-aħjar mod possibbli. Ngħidu aħna fil-preżent, meta nsemmu l-prima genitura, spiss ikun hemm min isostni li din kienet inġusta minħabba li kienet tikkonsisti fil-fatt li l-akbar parti tal-ġid tal-familja kienet tgħaddi għand l-ewwel iben, filwaqt li l-oħrajn kienu jieħdu l-bqija. Imma dan kien isir sabiex il-ġid ma jisparpaljax ruħu b’konsegwenza li jintilef it-titlu tal-familja. Sadanittant, b’din is-sistema, anki l-gabillotti kienu protetti għax hekk kif imut is-sid, sempliċiment kien jidħol sid ieħor minfloku u kollox kien jibqa’ għaddej b’mod trankwill. Ċertament mingħajr din ir-regola, li kieku l-ulied kollha kellhom jitolbu l-parti tagħhom tal-art, apparti li l-ġid kien jinqasam u t-titlu tan-nobbiltà jisfuma fix-xejn, xogħol il-gabillotti kien ikun mhedded kull darba li ssir xi bidla.”

    “It-tieni tifel tan-nobbli kien idealment jinżamm viċin il-familja għalkemm seta’ wkoll ikollu karriera bħal ngħidu aħna ta’ avukat, qassis jew suldat. Dan kien isir sabiex f’każ li l-ewwel iben jiġi nieqes, it-tieni iben seta’ jidħol fiż-żarbun ta’ l-ewwel wieħed u jiret kollox hu. Min-naħa l-oħra, l-ewwel bint kienet mistennija li tiżżewweġ għand xi familja għanja oħra u din kienet tiġi provduta b’dota mill-ifjen. Biss biss jekk tifli d-dokumenti fl-arkivji ta’ din id-dar, iġġib għajnejk wara widnejk b’dak li kienet tingħata, ovvjament biex jimpressjonaw lill-familja l-oħra bil-ġid tagħhom. Ngħidu aħna f’dota minnhom sibt li t-tfajla li kienet ser tiżżewweġ ġiet irregalata bi tliet faldetti (għonnelli): waħda kienet tiswa 6 skudi, oħra 19 il-skud, filwaqt li t-tielet waħda kellha l-valur ta’ 60 skud għax kienet imżejjna bil-perli u probabbli kienet tintuża għat-tieġ.”

    “Kuntrarjament, destin it-tieni bint kien li tidħol f’monasteru, ħalli b’hekk il-ġid tal-familja ma jibqax jixtered, għalkemm anki din kienet tingħata dota sostanzjali magħha. Sa minn ċkunitha din it-tifla kienet tiġi ppreparata biex tieħu dan l-istat u għalhekk fejn tfal oħra kienu jilgħabu b’xi pupa f’forma ta’ tarbija, lil dawn il-bniet kienet tingħatalhom xi kuruna u xi pupa liebsa ta’ soru.”

    Anki s-subien ta’ wara kienu jiġu mħajjra jsiru qassisin. U infatti, il-bużnanna tal-Markiż, Carmela De Piro neè Manduca, kellha żewġ subien qassisin li wieħed minnhom kien Monsinjur Ġużeppi De Piro. Illum, dan il-Monsinjur huwa magħruf ħafna għall-fondazzjonijiet li waqqaf u għal kemm iddedika ħajtu kollha għall-fqir. “Għadni niftakar meta kelli 6 snin u żorna lil din il-bużnanna li kellha 92, fid-dar tagħha fl-Imdina. Imma missieri, l-aktar li kien iħobb jirrakkonta dwarha kien meta fl-1935, huwa kien mar għaliha biex jeħodha dawra bil-karozza li xtara u hi kollha mbeżżgħa qaltlu, “Mela mhux bil-karozzin se mmorru? X’fettillek ġejt għalija bil-karozza tan-nar? U jekk ninħarqu?!”

    Għalkemm l-ewwel iben kien jiret il-parti l-kbira tal-ġid permezz tal-prima genitura, irridu niftakru li din kienet marbuta u dan kien ifisser li din ma setgħetx tinbiegħ, l-aktar minħabba li magħha kien hemm marbut it-titlu nnifsu tan-nobbiltà.

    “Hawn Malta kellna tliet tipi ta’ titli: baruni, konti u markiż. Fil-familja tagħna naraw li kien fl-1716 meta kellna l-ewwel baruni u dan ingħata dan it-titlu wara li kien kapaċi juri li huwa seta’ jgħix flimkien mal-familja tiegħu mingħajr ma jkollu għalfejn jaħdem. Fuq kollox, hu kellu jikkonferma wkoll li kien ta’ karattru eżemplari għax dak kien element fundamentali fit-tifsila tan-nobbiltà.”

    Skont il-Markiż, ir-reputazzjoni tajba kienet kollox għan-nobbli. Għajnejn l-awtoritajiet u anki dawk tal-poplu kienu l-ħin kollu fuqhom u huma kellhom biża’ kbira li jagħtu eżempju ħażin. “F’dawk iż-żminijiet, jekk titlef ir-reputazzjoni tiegħek, in-nies lanqas biss kienu jħarsu lejk fit-triq u kienu joqogħdu jqasqsu fuqek. Jien niftakar li meta kont tifel żgħir inqala’ skandlu minħabba li raġel minn familja nobbli kien qiegħed jidher ma’ ċerta mara li n-nies kienu jarawha ‘kerha’. Darba waħda waqt li konna għaddejjin mill-pjazza, inzertajna lil dan l-individwu miexi fit-triq, u missieri dlonk qalilna “Isa! Kulħadd iħares in-naħa l-oħra!” Daqstant kont tiġi emarġinat jekk is-soċjetà kienet tħoss li tkun żbaljajt. Tassew li kont privileġġjat minħabba t-titlu ta’ familtek, imma mbagħad kien hemm fuqek il-piż fejn kont mistenni tagħti eżempju tajjeb il-ħin kollu.”

    Il-familja De Piro u żmien il-gwerra

    Infatti għalkemm missier Nicholas, il-Baruni Jerome de Piro, ma kellux għalfejn jaħdem, meta nqalgħet il-gwerra, huwa għażel li jxammar il-kmiem u jidħol fl-armata biex jiddefendi lill-pajjiżu. U meta minħabba n-nobbiltà tiegħu riedu jlaħħquh mill-ewwel fizzjal, huwa nsista li ried joqgħod man-nies li kien jaf, in-nies tar-raba’ li magħhom hu kellu ħbiberija kbira.

    “Missieri kien iħobb jirrakkonta ħafna u kulħadd kien jieħu gost jisimgħu għax kellu ċertu mod kif jinseġ l-istejjer. Fosthom jien niftakru jkellimni dwar żmien il-gwerra u t-tbatija u l-qerda li ġabet magħha f’pajjiżna. Darba minnhom qalli kif wara li hu u sħabu kienu niżżlu mal-200 ajruplan tal-għadu f’ġurnata waħda, huwa ħares lejn ix-xellug biex isellem lil xi ħadd minn ħbiebu u minflok ma ra l-ħadd għax waqt l-aħħar taqtiegħa, dawk kollha li kienu f’dik il-parti, kienu ntlaqtu b’bomba diretta.”

    “Jiena twelidt f’nofs dan it-taqbid fl-1941. Dakinhar missieri kien fl-inħawi ta’ Hompesch fejn kien hemm ħafna periklu peress li l-għadu spiss kien jattakka l-baċiri. Hekk kif waslitlu l-aħbar li twelidt jien, hu telaq kollox minn idejh għax skont ir-regola ta’ dak iż-żmien, suldat li jitwelidlu iben jew bint, kellu 24 siegħa ‘compassionate leave’. Issa jiena kont twelidt San Ġiljan fix-xelter tan-nannu u allura missieri ried jara kif se jasal s’hemm malajr kemm jista’ jkun. Imma karozzi mhux la kemm issib. Kollox kien skarsa. Saħansitra l-isqof kellu biss nofs gallun petrol fix-xahar biex jinqeda u għalhekk biex jasal minn post għall-ieħor, kulħadd kien ikollu jimxi, irid jew ma jridx.”

    “Għaldaqstant missieri telaq għal għonq it-triq bit-tama li jgħaddi xi ħadd u jaqtgħu biċċa. U infatti f’ħin minnhom jgħaddi vann kbir u meta missieri talbu lift, waqaflu biex irikkbu miegħu. Imma hekk kif missieri fetaħ il-bieba tal-vann, sab li dan kien mimli nies mejtin u għalhekk hu għalaq il-bieba bil-ħatfa u għarraf lix-xufier li kien jippreferi jimxiha. “Grazzi xorta waħda,” qallu. “Imma rajt biżżejjed mejtin!” Ħa sagħtejn sakemm wasal ħdejja u rani.”

    L-edukazzjoni tan-nobbli

    Meta kellu 9 snin, Nicholas intbagħat jistudja fi skola fl-Ingilterra li kienet immexxija mill-patrijiet Benedittini. “Kellna dixxiplina ħarxa mhux ħażin, għalkemm jien naħseb li kien hemm bżonnha għax hekk tlajna nies. Fi tfuliti jiena kont imfissed mhux ħażin imma hemmhekk il-fsied tarli! Fil-fatt il-karattru tiegħi nbidel mill-lejl għan-nhar. F’din l-iskola kienu jaħdmu b’sistema fejn l-istudenti ż-żgħar kienu mġiegħla jservu l-kbar u b’hekk ġejna edukati biex inkunu nafu x’inhi tbatija. B’dan il-mod, akkost li aħna konna kollha tfal ġejjin minn familji tat-tajjeb, tgħallimna napprezzaw lil min il-quddiem kellu jaħdem għalina u kif għandna nitrattawh b’rispett.”

    Ħasadni l-Markiż meta stqarr li fi tfulitu ma kienx joħlom b’xi karriera partikolari għax hekk jew hekk, sa ċertu punt, destinu kien diġà miktub. Huwa kien l-ewwel iben fil-familja u warajh kien hemm erbat ibniet. Għaldaqstant il-primo genitura kienet tmiss lilu. Fatt kurjuż huwa li missieru ma riedux jattendi l-Università ta’ Oxford fejn kien mar kuġinuh minħabba li hu kien tal-fehma li hemmhekk, dan il-ġuvnott kien tilef ir-reliġjon tiegħu u beża’ li ibnu seta’ jiġrilu bħalu.

    L-interess fl-arti u fl-antikità

    Xorta waħda l-Markiż għamel xi xogħolijiet ‘l hemm u ‘l hawn sakemm darba minnhom sab ruħu l-Ingilterra fejn kera dar u beda negozju fil-qasam tal-antikità. Ftit ftit din il-linja tax-xogħol ħajjritu jibda jfittex kwadri antiki dwar Malta li kienu mpittra minn artisti barranin. Kien żmien meta l-ġenerazzjoni żagħżugħa Ingliża ma kinetx għadha tapprezza dawn ix-xeni ta’ Malta li l-ġenituri tagħhom kienu żejjnu d-djar tagħhom bihom u għalhekk huwa sab għadd ġmielu minn dawn ix-xogħolijiet. Huwa beda jibgħathom Malta sabiex jinbiegħu u dawk il-kwadri li ma rnexxilux jakkwista, beda jeħdilhom ir-ritratti ħalli jżomm rikordju tagħhom.

    “Bla ma naf kif, sibt ruħi nieħu interess kbir fl-arti u meta ġbart kollezzjoni mhux ħażin tar-ritratti ta’ dawn ix-xogħolijiet, iddeċidejt li nippubblika l-ewwel ktieb tiegħi ‘The International Dictionary of Artists who painted Malta’. Ħafna qaluli li ħadd ma kien se jinteressah jixtrih dan il-ktieb, tant li biex ippubblikajtu, ħallejt f’idejn bank lokali u ma tanix sold tiegħu. Biex imbagħad dan il-ktieb mhux talli nbiegħ, talli nħataf u darba minnhom smajt li xi volumi minnu spiċċaw anki irkantati. Intant, jiena għamilt il-kuraġġ u bqajt niġbor aktar dettalji u ritratti ta’ dawn l-artisti. Saħansitra flimkien ma’ marti, qbadt nikkuntattja lil diversi mużewijiet madwar id-dinja u rnexxieli nidħol nieħu r-ritratti ta’ xogħolijiet relatati ma’ Malta anki fil-libreriji tal-kastell ta’ Windsor. Eventwalment, dawn ġew inklużi fil-pubblikazzjoni l-ġdida tar-reviżjoni ta’ l-ewwel ktieb.”

    Ir-rabta ma’ art twelidek

    Fil-kamra tal-istudju tiegħu, il-Markiż urieni numru ta’ kotba li huwa kiteb matul is-snin u li bosta minnhom jirriflettu b’xi mod jew ieħor lil Malta jew lis-soċjetà Maltija. Fil-fatt f’dawn l-aħħar snin huwa qed jaħdem ukoll fuq ktieb ġdid relatat mar-ritratti tal-personaġġi Maltin u dan għandu jkun ippubblikat dalwaqt.

    “It-tajra ttir il-bogħod imma mbagħad tmur lura lejn fejn twieldet. Għalkemm qattgħajt diversi snin l-Ingilterra, dejjem Malti bqajt. Tgħallimt il-mod tal-Ingliżi, ammirajt l-ideat u d-dixxiplina tagħhom. Iżda fl-aħħar mill-aħħar, dejjem Malti bqajt. U sa kemm jifdalli ż-żmien, beħsiebni nkompli nixtarr u ngħarbel is-sabiħ tas-soċjetà tagħna ħalli b’hekk kulħadd jagħraf fhiex kapaċi jsarraf il-Malti.”

     

    (Dan l-artiklu ġie ppublikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (11 il-parti) fit-Torċa tat-13 ta’ Lulju 2014)

    Category: Torca - Features & Articles | Tags: