• Il-pretensjonijiet tagħna l-Maltin

    Il-Markiz Nicholas De Piro - CopyCasa Rocca Piccola

    Il-mejda tal-pranzu ta' Casa Rocca PiccolaL-arkivju ta' Casa Rocca Piccola

    Ngħid għalija, ma nistax nimmaġinani niftaħ dari għall-pubbliku waqt li nkun għadni qed ngħix fiha. Imma din hi d-deċiżjoni li ħa darba minnhom il-Markiż Nicholas De Piro fir-rigward tad-dar tiegħu Casa Rocca Piccola. “Niftakar li meta tarraft xi ħaġa lil missieri dwar dan il-ħsieb li kelli, huwa ma kien konvint xejn. “X’qed jgħaddilek minn moħħok int?” qalli. “Mid-dehra domt wisq l-Ingilterra u daħħlulek ideat strambi.” Imma l-Markiż, li fl-Ingilterra kien diġà jamministra residenza nobbli oħra, ma qatax qalbu minn dan il-kliem u nsista ma’ missieru biex jippruvaw, sakemm fl-aħħar dan ċeda. “Dan kien mezz kif stajna nsalvaw din id-dar,” stqarr il-Markiż. “Fortunatament missieri għex biżżejjed biex ra l-ħolma tiegħi ssir realtà, hekk kif bdew ġejjin l-ewwel viżitaturi biex jarawha.”

    Casa Rocca Piccola

    Casa Rocca Piccola għandha storja li tmur lura madwar 400 sena. Inbniet fiż-żmien meta bdew jitfasslu l-ewwel proprjetajiet fil-belt Valletta. L-ewwel sid tagħha kien Don Pietro La Rocca li kien ammiral ta’ l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann fil-Berġa tal-Italja. Magħha huwa kellu wkoll Casa Rocca Grande li llum inqasmet f’żewġ proprjetajiet differenti.

    Matul is-snin, Casa Rocca Piccola għaddiet minn id għall-oħra sakemm finalment sabet ruħha għand il-familja De Piro. Infatti llum din hija r-residenza tad-9 Markiż de Piro u tal-familja tiegħu. Ta’ min isemmi li dan il-Markiż għandu wkoll it-titlu ta’ Baruni ta’ Budach u kavallier ta’ Malta.

    Din id-dar tikkonsisti minn 50 kamra u għandha 11 il-entratura differenti. Illum, bosta minn dawn il-kmamar, anki dawk użati mill-familja De Piro, huma miftuħa għall-pubbliku, għalkemm hemm ukoll sezzjoni privata. Skont il-Markiż, il-fatt li din id-dar għadha tgħix fiha l-familja u għalhekk mhiex mużew, huwa dak li jiġbed għadd ta’ Maltin u turisti lejha. Personalment, nemmen ukoll li l-karattru dħuli u l-aċċessibilità tal-Markiż huma punti oħra sinifikanti li jiġbdu aktar viżitaturi lejn il-post.

    L-għanijiet prinċipali wara l-ftuħ tad-dar għall-pubbliku

    “Kulħadd jaf kemm hemm spejjeż involuti biex iżżomm dar antika f’ordni xierqa. Aktar u aktar meta tikkunsidra l-kobor ta’ proprjetà bħal din. Biss biss għandna madwar 300 bozza fid-dar kollha u dan mhu xejn meta tqis il-manteniment kontinwu u r-restawr meħtieġ, kemm tal-bini nnifsu u kif ukoll tal-aċċessorji u l-oġġetti l-oħra kollha. Ngħidu aħna, konxju li dalwaqt ġejja spiża kbira peress li l-injam antik li hawn f’din id-dar, speċjalment dak użat fil-gallariji, qiegħed isir tabakk biż-żmien li għadda minn fuqu. Apparti li d-dar hija maħbuba minna u mhux se nħalluha taqa’ f’kundizzjoni ħażina, issa li hi miftuħa għall-pubbliku, aktar u aktar hu meħtieġ li jinżamm il-livell tagħha. U infatti, minħabba li aħna konxji li d-dar probabbilment qiegħda tgħaddi minn aktar strapazz peress li qed jidħlu fiha ħafna nies, hekk kif naraw xi ħaġa mhux flokha, dlonk naraw li nirranġawha mill-ewwel.”

    L-ispejjeż enormi li wieħed jeħtieġ biex iżomm dar kbira u antika bħal din kienu wieħed mir-realtajiet il-għala l-Markiż iddeċieda li jagħmel il-pass li jiftaħha għall-pubbliku: “Meta l-viżitaturi jiltaqgħu miegħi u jirringrazzjawni talli għoġobni nilqagħhom f’dari, jiena nistqarr magħhom li dak hu pjaċir tiegħi u ngħidilhom ukoll illi li ma kienx għas-sostenn tagħhom, kieku jiena u familti m’għadniex noqogħdu hawn.”

    “Issa ngħiduha kif inhi, jiena jaqbilli aktar jekk naqbad id-dar u nbiegħha. Imma sinċerament, lanqas biss noħlom li nagħmel dan u infatti bħalissa qiegħed naħdem biex inwaqqaf fondazzjoni li tassigura li din id-dar tibqa’ dejjem aċċessibbli għall-pubbliku, anki fil-futur. Hija ħasra li f’belt sabiħa u storika bħal tagħna, ftit li xejn għad fadal djar abitati ta’ dan it-tip. Imxi mat-triqat u osserva d-djar bħalha abbandunati, filwaqt li numru ieħor ġew maqsuma u restawrati u mibdula f’banek, uffiċini jew ħwienet.”

    “Kien dan ukoll li wassalni biex nagħżel li niftaħ dari għall-viżitaturi. Mhux darba u tnejn li kont nisma’ t-turisti jiddiskutu: “Rajna t-tempji Neolitiċi, rajna l-bini tal-Kavallieri. Imma xi dar Maltija nistgħu naraw?” Fil-fatt, jien kont wieħed minn ta’ l-ewwel li għamilt dan. U għamiltha mhux biex niftaħar jew biex nitkabbar b’dak li għandi. Imma għax fosthom sinċerament xtaqt lil-barranin jaraw b’għajnejhom il-pretensjonijiet u l-ambizzjonijiet tagħna l-Maltin billi josservaw kif inżejjnu u niddekoraw djarna. Wisq nieħu gost meta nara xi tfajla jew xi mara barranija tagħti b’minkbejha lil seħibha u tgħidlu “Qed tara xi djar għandhom il-Maltin, ħi?”

    “Personalment nemmen li dan hu l-kontribut li qed nagħti lill-pajjiżi; billi nagħti aċċess lill-pubbliku ħalli jammira u jifhem aħjar il-karattru tagħna l-Maltin. X’hemm iktar mid-dar innifisha li tirrappreżenta l-identità ta’ poplu? Kieku nista’, ma nżommx flus lil min jogħġbu jiġi jara d-dar tagħna u infatti, jiġu mijiet ta’ studenti jżuruha bla ħlas. Imma kif spjegajtlek, dan mhux possibbli.”

    “Kienu ħafna li qatgħuli qalbi dwar dan il-proġett għax m’għandix għajnuniet. Kollox jiena rrid nagħmel. Imma l-viżitaturi f’Casa Rocca Piccola, kull ma jmur dejjem jiżdiedu, tant li skont il-kalkoli tagħna, jidher li f’aktar minn 20 sena żaruna madwar nofs miljun persuna!”

    L-arkivji u kmamar oħra

    Waqt din l-intervista, kelli l-privileġġ li ndur ma’ Casa Rocca Piccola flimkien mal-Markiż u b’hekk stajt napprezza ġmielha. Ħadt gost ukoll nisma’ r-rakkonti tiegħu li ma kienu jispiċċaw qatt. Naturalment, minħabba li jiena dejjem inħossni miġbuda l-aktar lejn il-lat storiku ta’ oġġett, l-iktar partijiet ta’ din id-dar li għoġbuni kienu x-xelters kbar li jinsabu taħtha. Skoprejt li qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, tnejn minn dawn ix-xelters kienu jintużaw bħala bjar u kienu jiffurmaw parti mill-barriera li minnha nqata’ l-ġebel biex inbniet Casa Rocca Piccola.

    Madanakollu ma stajtx ma nitqanqalx mill-ġmiel u l-eleganza tal-kamra tal-pranzu li kienet irranġata bi stil impekkabbli, mill-kappella dekoruża u anki mill-artal mobbli li jinfetaħ biex jiżvela d-dekorazzjonijiet reliġjużi u antiki tiegħu, mill-kamra tas-sodda grandjuża li min jaf kemm hawn min jixtieq li jorqod f’waħda bħalha, u mill-kwantità ta’ għamara, aċċessorji u kwadri mill-ifjen.

    Iżda ċertament, bħall-Markiż, nemmen li tnejn mill-aktar kmamar sinifikanti li hemm f’Casa Rocca Piccola, huma l-librerija b’kotba antiki ferm u l-arkivji li jmorru lura għal għaxar ġenerazzjonijiet tal-antenati tiegħu. “Dawn l-arkivji jiswew mitqlhom deheb għall-istudjużi u r-riċerkaturi peress li jiftħu tieqa enormi fuq diversi aspetti tal-poplu tagħna; kemm f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-istorja, u kif ukoll mal-arkivji statali, mal-kultura u t-tradizzjonijiet eċċ. Infatti ġew diversi studenti u riċerkaturi, kemm Maltin u kif ukoll barranin, sabiex jiflu d-dokumenti li għandna ħalli bihom jiktbu xi teżi tagħhom.”

    Bħad-dar, il-fatt li dawn l-arkivji għadhom jinsabu fi stat kollettiv u miżmum tajjeb, flimkien mad-disponnibilità tal-Markiż li jaqsamhom ma’ min juri interess fihom, hija realtà straordinarja. Kif diġà semmejt, min jaf kemm djar bħal Casa Rocca Piccola ġew abbandunati u llum alla m’għamilhom u l-istess sar minn diversi arkivji li tpoġġew f’xi kantina u ntilfu darba għal dejjem.

    Intant, domna s-siegħat nitkellmu dwar x’fihom dawn l-arkivji fejn fosthom issemmew mijiet ta’ ittri li ntbagħtu mill-antenati tal-Markiż lill-Gran Mastri, lil nobbli oħra, lil ħbieb eċċ.

    Uħud minnhom għandhom annedoti ħelwin bħal ngħidu aħna ittra li ntbagħtet lil Francesco Montalto li fit-18 il-seklu meta hu kien se jżewweġ lil bintu ma’ wieħed Sqalli. Missier l-Isqalli bagħat lill-ibnu Malta sabiex isir jaf aħjar lil din it-tfajla u wara li ltaqa’ magħha, dan il-ġuvni kiteb lil missieru hekk: “Qed nieħu pjaċir b’din it-tfajla aktar milli mmaġinajt għax fost l-affarijiet l-oħra sbieħ li għandha u l-karattru ħelu tagħha, iggustajtha żżomm għajnejha baxxi u tiħmar malajr!” Meta missier l-Isqalli qara l-ittra ta’ ibnu, huwa ddeċieda li jibgħatha lura lil missier it-tfajla biex jurih is-sentiment li dan kien iħoss lejha. U missier l-għarusa refa’ l-ittra fl-arkivji u b’hekk illum, mijiet ta’ snin wara, qed naraw kif kienet il-kultura tan-namur ta’ dak iż-żmien.

    Parti oħra mid-dokumenti tal-arkivji tinvolvi għadd ta’ dokumenti li juru ż-żmien meta wieħed mill-antenati tal-Markiż ġie mlaħħaq bħala Prokuratur tal-Qamħ mill-Gran Mastru Perellos. Anki hawn, wieħed isib dettalji importanti ta’ x’kien qed jordna l-pajjiż u f’liema kwantitajiet f’dak il-perjodu u b’hekk wieħed jista’ jieħu diversi indikazzjonijiet ta’ x’kien qed iseħħ f’pajjiżna, l-istat tal-għixien tas-soċjetà, kemm kien hawn popolazzjoni eċċ. Fir-realtà, arkivji bħal dawn m’għandhomx limitu għar-riċerka hekk kif per eżempju, waqt l-ewwel vjaġġ ta’ dan il-Prokuratur, hekk kif hu wasal ġewwa Licata fejn kien intbagħat biex jixtri l-qamħ, huwa kiteb lill-Gran Mastru u qallu: “Wasalna qawwijin u sħaħ. B’xorti tajba, ma ltqajnix mal-pirati u d-deheb li kellna fuq il-vapur issa qiegħed l-art u msakkar sewwa. Dalwaqt se niltaqgħu mal-aġenti. U biex nurik ir-rispett tiegħi, bħalissa qed nagħmillek inkin profond.”

    Kostumi u Kollezzjonijiet

    Sezzjoni oħra ta’ Casa Rocca Piccola hija dik tal-kostumi u l-kollezzjonijiet li fosthom jinkludu diversi donazzjonijiet u kif ukoll oġġetti tal-antenati tal-familja. Uħud mill-ilbies imur lura għat-18 il-seklu u jibqgħu ġejjin sal-21 seklu. Minħabba l-preservazzjoni meħtieġa tad-drappijiet, dan l-ilbies jiġi mibdul regolarment u għalhekk meta wieħed iżur dal-post, mhux neċessarjament li se jara l-istess affarijiet ta’ qabel.

    Fost dawn l-esebiti, hemm ukoll kollezzjoni mill-ifjen tal-bizzilla li hija ferm għall-qalb il-Markiż. Mill-ġdid, parti kbira minn dil-bizzilla ġejja mill-familjari tal-Markiż fejn fosthom, żewġ zijiet tiegħu tawh il-kollezzjonijiet tagħhom b’donazzjoni meta rawh jiftaħ għall-pubbliku din is-sezzjoni fid-dar. Anki diversi persuni oħra għadhom sal-ġurnata ta’ llum jersqu lejn Casa Rocca Piccola biex iħallu l-bizzilla tagħhom lill-Markiż bit-tama li jarawha esposta f’din il-kollezzjoni imma l-aktar għax jemmnu li l-Markiż jaf jieħu ħsiebha.

    “Imma issa jiena wasalt fil-limitu tal-kapaċità tiegħi hawnhekk,” huwa stqarr. “Oriġinarjament kelli sitt ikmamar iddedikati għal din il-kollezzjoni u maż-żmien, meta rajna l-interess tal-pubbliku, żidna sitt ikmamar oħra. Ilni ħafna noħlom li xi darba f’dan il-pajjiż għad ikollna mużew tal-kostumi u tal-kollezzjonijiet tal-ħwejjeġ bħal kif għandhom fil-Victoria and Albert Museum f’Londra. U emminni, għandna biex nagħmluh! Biss biss il-bizzilla li għandna hija prezzjuża ferm, kif wieħed jista’ jara fil-ktieb li ppubblikajat dan l-aħħar ‘The Ladies of Malta’ fejn diversi personaġġi nisa Maltin jidhru lebsin madwar 70 biċċa mill-bizzilla tagħna. Immaġina, wieħed mid-dbielet tal-bizzilla kien ħa 10,000 siegħa biex inħadem. Inħallik taħseb biss kemm seta’ ġie jiswa lil min ordnah!”

    “Madwar 15 il-sena ilu konna għamilna esebizzjoni tal-ħwejjeġ antiki fil-Palazz tal-President li kienet ferm sabiħa u marret tajjeb ħafna mal-pubbliku. Meta ġietna l-idea biex nagħmluha, ma konniex bsarna x’ser insibu u kemm rikkezzi fih dan pajjiżna. Niftakar darba minnhom mort ġo palazz fl-Imdina u staqsejt lis-sid jekk kellhux xi ħwejjeġ antiki li xtaq jislifna għall-esebizzjoni u dan ħareġ libsa f’kundizzjoni perfetta tat-18 il-seklu bħal dawk li naraw fil-kwadri ta’ De Favray! Għal dik l-esebizzjoni konna ġibna esperta Franċiża li urietna kif għandna nesebixxu l-ħwejjeġ li ġbarna minn għadd ta’ djar differenti. Fosthom kellna nibnu manekini apposta minħabba li l-forom tan-nies tbiddlu ħafna matul iż-żminijiet. Infatti jidher li n-nisa tat-18 il-seklu, bilkemm kellhom qadd daqs kemm kien jiġi żgħir meta kienu jrossuhom fil-ħwejjeġ tal-moda li kien hemm f’dak iż-żmien.”

    Għal aktar minn darba l-Markiż wera x-xewqa li kien lest li jagħti dawn il-kollezzjonijiet imprezzabbli tiegħu bħala donazzjoni jekk f’Malta jitwaqqaf mużew adattat għal dawn l-esebiti. U jiena nemmen li speċjalment issa li riesqa l-Valletta 2018, messna nikkunsidraw proġett bħal dan.

    Intant, mal-Markiż iddiskutejt ukoll xi tfisser li tkun tagħmel parti minn familja nobbli u x’kienet il-funzjoni ta’ familji bħal dawn. Imma dan se ngħidulkhom fl-artiklu li jmiss….

     

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (10 Parti) fit-Torċa tas-6 ta’ Lulju 2014)

    Category: Torca - Features & Articles | Tags: