• Tgħid wasal iż-żmien biex insolvu dawn il-misteri?

    Il-fdalijiet tas-salib bid-dizinn BizantinIl-qiegh taz-zarbuna tal-injam bit-takkuna

    It-tliet munitiL-inizzjali mal-hajt tal-1909

    Għal din il-ġimgħa, minflok l-artiklu fis-sensiela ‘Kobor il-Malti’, se nkun qiegħda ngħaddilkhom xi informazzjoni interessanti marbuta mal-parroċċa l-antika ta’ Santa Katarina, magħrufa bħala Ta’ San Girgor, iż-Żejtun. Dawn id-dettalji kienu parti minn preżentazzjoni li jiena tajt waqt is-simpożju nazzjonali li ġie organizzat minn Wirt iż-Żejtun fil-5 ta’ Lulju 2014, proprju f’din il-knisja stess. L-għan prinċipali ta’ dan is-simpożju nazzjonali kien li jiġi kkommemorat u diskuss l-400 anniversarju mill-aħħar ħbit tat-Torok fuq iż-Żejtun u l-inħawi tal-madwar.

    Nistqarr li ma niftakarx żmien meta ma kontx affaxxinata b’din il-knisja antika li tinsab viċin sewwa tad-dar tal-familja tagħna. Kien missieri li webbilni biha l-ewwel darba, hekk kif waqt li konna sejrin nisimgħu quddiesa hemmhekk, huwa rama jirrakkuntali li f’din il-knisja, kienu nstabu għadd ta’ skeletri umani ġewwa tliet passaġġi sigrieti. Għalkemm kont għadni daqsxejn ta’ tifla, moħħi baqa’ jtambar dwar din l-iskoperta u akkost li kont beżgħana mhux ftit mill-preżenza tal-iskeletri, ma qgħadtx bi kwieti qabel ikkonvinċejtu biex jgħid lil xi ħadd ħa jdaħħalni narahom. Dak kien mument sinifikanti wisq għalija u dlonk inħaraq fil-memorja tiegħi biex ma jitħassar qatt aktar. U hekk kif ħarist bejn b’biża’ u bejn b’imħabba lejn dawk il-fdalijiet umani li ħadd ma kien jaf min kienu u kif spiċċaw hemm, sibtni qiegħda nwiegħed lili nnifsi, li meta nikber, kont ser nagħmel minn kollox biex dawn in-nies tintsabilhom u tintraddilhom lura ġrajjiethom. Minn dakinhar ‘l hawn, bħal donni waqajt taħt is-seħer ta’ dawn l-individwi u għadni sa llum nittama li xi ħadd jgħini nwettaq din il-ħalfa li darba għamilt.

    Imma ejja nibdew mill-bidu, mis-sejba nnifisha ta’ dawn il-passaġġi sigrieti, li wkoll hija msawwra b’opinjonijiet varji dwar kif seħħet. Jingħad li l-anzjani Żwieten, minn dejjem kienu jirrakkuntaw illi madwar il-koppla tal-knisja ta’ San Girgor, kien hemm midfuna xi skeletri ta’ nies li kienu nqabdu hemm mit-Torok. Madanakollu, akkost li għal diversi snin, sar diversi tiftix madwar il-koppla, dawn il-passaġġi qatt ma nstabu u maż-żmien in-nies bdew jaħsbu li din ma kinetx ħlief leġġenda.

    Sakemm fl-1969, fiż-Żejtun tqum agħa kbira u fil-ġurnal Times of Malta tal-15 t’April, toħroġ l-istorja illi finalment dawn il-passaġġi flimkien mal-fdalijiet umani kienu nstabu! Ritratt karatteristiku ta’ din is-sejba juri lis-sagristan Ġann Marì Debono biswit l-għadam ta’ ġewwa l-passaġġi. Fl-artiklu, Debono jirrakkonta kif waqt li kien qiegħed iħalleb il-bejt tal-knisja, huwa nnota ġebla ħierġa l-barra u wara li qalagħha, sab li din kienet tagħti għall-fetħa tal-passaġġi.

    Għal diversi snin wara, kulħadd, inkluż jien, baqa’ jirrepeti din il-ġrajja. Iżda fl-2011, waqt li kont qiegħda nitkellem mar-riċerkatur anzjan Żejtuni, Carmelo Baldacchino, huwa tarraffli li kien hemm individwu, li kien isostni li fir-realtà, kien hu li sab dawn il-passaġġi l-ewwel. Naturalment, ma stajtx ninjora dikjarazzjoni bħal din u għalhekk tlabtu jlaqqgħani ma’ Grezzju Vella ħalli nisma’ minn fommu dak li kellu xi jgħid.

    Iltqajt ma’ Vella fil-pjazza ta’ quddiem il-knisja ta’ San Girgor u huwa rrakkuntali kif meta kien daqsxejn ta’ ġuvnott, huwa kien mar flimkien ma’ zijuh u ħabib tiegħu sabiex jagħmlu xi tiswijiet f’din il-knisja. Meta lestew, Dun Ġwann Palmier talabhom jitilgħu jiċċekkjaw il-bejt peress li meta tagħmel ix-xita, kien qed jidħol l-ilma. Filwaqt li l-irġiel bdew jagħmlu dan ix-xogħol, Vella ntasab bil-qiegħda u biex jgħaddi ż-żmien, qabad jigref ġewwa xaqq li lemaħ. Fi ftit tal-ħin, dan ix-xaqq beda jinfetaħ aktar tant li hu seta’ jitfa’ ġebla għal isfel minnu. Hekk għamel u dlonk innota li minflok il-ġebla waqgħet għal isfel ġewwa l-knisja, mill-ħoss li għamlet donnha waqgħet xi mkien viċin. Huwa sejjaħ lill-oħrajn u dawn ġibdu l-attenzjoni ta’ Dun Palmier hekk kif intebħu li l-ġuvni kien sab ċangun li kien qed jgħatti xi daħla. Palmier talabhom jaqalgħu ċ-ċangun u minnufih intlemħet daħla mudlama. Skont Vella, kien f’dan il-mument li wasal Ġann Marì Debono s-sagristan. La Palmier u lanqas Debono ma kienu jafu x’hemm hemm taħt, għalkemm probabbilment huma rrealizzaw x’seta’ kien hemm. Iżda Vella ma kellu l-ebda idea tal-għidut li kienu jingħadu dwar il-passaġġi sigrieti għax kieku żgur li ma kienx jaċċetta li jidħol hemmhekk meta ġie deċiż li jniżżluh b’ħabel peress li hu biss seta’ jidħol mill-fetħa. Huwa rrakkuntali l-esperjenza tal-waħx li għadda minnha hekk kif waqt li kien qed jixgħel sulfarina wara l-oħra biex jagħmel naqra dawl, ħabta u sabta, huwa sab ruħu mdawwar b’għadd ta’ skeletri umani u tgħidx kemm ġera lura ‘l barra bil-qatgħa li ħa! Spiċċa biex marad sewwa b’raxx li telgħalu ma’ ġismu kollu u skont hu, hekk kif hu għosfor mix-xena, l-istorja li ntqalet lill-ġurnalisti tbiddlet. Vella stqarr li kien ilu mill-1969 ma jersaq lejn dik il-knisja li kienet tqanqallu memorji tal-biża’. U meta staqsejtu l-għala kien tkellem issa, huwa sostna li kien wasal iż-żmien biex tingħad il-verità kollha. Infatti, huwa għamel ftit tal-kuraġġ u tela’ miegħi fuq il-bejt biex jurini fejn kienu qegħdin dakinhar li seħħ dan kollu.

    Iżda dwar is-sejba oriġinali ta’ dawn il-passaġġi, hemm aktar rakkonti. Fosthom, meta skoprew dawn il-passaġġi fl-1969, migrufa ma’ waħda mill-ġebel fl-entratura tat-tielet passaġġ, instab li kien hemm xi inizzjali sewgiti bid-data 1909. Dan is-sinjal kien jindika li 60 sena qabel, xi ħaddieħor kien diġà daħal hemm ġew imma ma tkellimx. Għaliex? Ħafna staqsew. Xi wħud jirrakkuntaw li meta sar jaf b’dan, il-kappillan ta’ dak iż-żmien beda jfittex jekk kienx hemm xi anzjani Żwieten li kellhom dawk l-inizzjali, sakemm huwa sab lil ċertu Carmelo Zahra, magħruf bħala r-Rangu. Meta mistoqsi mill-kappillan jekk kienx hu li giref dawk l-inizzjali, Carmelo stqarr li hekk kien, filwaqt li rrakkonta illi fl-1909, hu kien qiegħed ma’ grupp li rnexxielu jsib il-passaġġi. Skont hu, meta daħlu fihom sabu skeletri lebsin ta’ suldati u magħhom kellhom xi armi u bnadar. Hu qal li xi individwi mill-grupp serqu dawn l-affarijiet u heddu lill-oħrajn biex ma jitkellmux u għalhekk kulħadd għalaq ħalqu. S’issa għadni ma nafx jekk kienux ittieħdu xi miżuri oħra wara stqarrija bħal din. Imma llum, ftit li xejn issib min jemmen din l-istorja, għalkemm ħafna jikkummentaw kif instabu ftit li xejn oġġetti ma’ l-iskeletri. Tgħid wara kollox, Carmelo kien qed jgħid il-verità?

    Sfortunatament f’pajjiżna għandna ħabta neċitaw ruħna għal ftit taż-żmien dwar xi ħaġa biex imbagħad wara ftit nitilqu kollox għal rieħu u naqbdu ma’ fatt ieħor. U ż-żmien jagħmel xogħolu hekk kif jibda jnessi l-memorji u jisraq bil-mod il-mod lin-nies involuti sakemm ġrajjiethom issir trab, forsi mħallta ma’ daqsxejn leġġenda. Hekk seħħ ukoll bis-sejbiet li kienu nstabu flimkien mal-iskeletri fl-1969. Skont il-Kanonku Dun Joe Abela, probabbilment kien Walter R Zahra li ġabarhom flimkien ġewwa armarju sabiex jipproteġihom. Iżda mbagħad dawn intesew u ntelqu ġewwa kamra ċkejkna li tinsab ġol-garigor tal-knisja ta’ San Girgor. Sa mn’Alla li snin ilu, meta kont għadni tifla, darba minnhom Dun Joe lemaħni ninteressa ruħi fil-knisja u nieħu n-noti dwarha, u ddeċieda li jtellgħani ħalli nara dawn is-sejbiet.

    Għaddew aktar minn 30 sena minn dik il-ġurnata u li kieku qatt rajt xi ritratt ippubblikat ta’ dawn is-sejbiet! Għalhekk, għal dan is-simpożju ddeċidejt li nsib dawn il-fdalijiet, anki jekk ftit riedu jemmnuni li dawn kienu jeżistu tassew. Infatti hawnhekk, irrid nirringrazzja lil Dun Gino Gauci li tani daqqa t’id biex insibhom, akkost ir-reżistenza sfieqa li ltqajt magħha minn persuna li tieħu ħsieb il-knisja ta’ San Girgor. Tassew hija ħasra li meta riċerkaturi bħali juru interess f’post storiku bħal dan, ikollhom iħabbtu wiċċhom ma’ nies ta’ din ix-xorta li donnhom jagħmlu minn kollox biex jaqtgħulek qalbek. Possibbli għadu ma wasalx iż-żmien li post ta’ importanza soċjali, kulturali, storiku u arkitettoniku bħal dak jaqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ xi ħadd professjonali?

    Intant, merfugħin ġewwa armarju b’nota mitfija miktuba fl-1969, finalment sibt dawn il-fdalijiet li kienu jikkonsistu fosthom minn: qiegħ ta’ żarbuna tal-injam bit-takkuna, parti minn dak li hu maħsub li hu salib b’diżinn Biżantin, biċċiet ta’ kwaru tal-injam li forsi kien ta’ xi ikona, tliet muniti – tnejn tal-bronż fejn għadu jidher is-salib ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann u oħra tad-deheb mikula ħafna, biċċiet tal-fuħħar tas-16 u s-17 il-seklu, fdalijiet ta’ għadam tal-annimali u parti ċkejkna minn korazza. Għalkemm ippruvajna nsibu ċ-ċavetta li kienet qed issakkar dan l-armarju, ma rnexxilniex nagħmlu dan u għalhekk ħadt ir-ritratti kif stajt, minn wara ħġieġa maħmuġa bit-trab taż-żmien. Mill-ġdid, hawnhekk insejjaħ lill-awtoritajiet responsabbli u nistaqsi kemm għad fadal snin nistennew sakemm xi ħadd jasal biex jistudja, jirrestawra, jikkonserva u jesponi f’post aktar xieraq lil dawn il-fdalijiet li jiffurmaw parti importanti fl-istorja ta’ dan is-sit? Tuġagħni wisq qalbi meta nara lil dan il-pajjiż jarmi l-ġid ta’ missirijietna u minflok jintefa jaħli ħinu u jinvesti flusna fuq frivolitajiet oħrajn.

    Imma issa ejja naqilbu ftit fuq l-iskeletri nfushom… Skont Walter R Zahra, meta saret din is-sejba, kienu ttieħdu xi kampjuni tal-għadam il-British Museum f’Londra bit-tama li jiġbru xi informazzjoni dwarhom. Imma hemmhekk, huma ġew mgħarrfa illi minħabba li dawn l-għadam kienu għamlu diversi snin esposti għall-arja, ma setax isir studju tal-carbon-dating fuqhom. Qalulhom ukoll li kien jidher illi dawn l-għadam ma kienux ġew midfuna taħt il-ħamrija.

    Min-naħa l-oħra, meta fl-1978, Seshadri Ramaswamy u Joseph Leslie għamlu studji paleopatoloġiċi fuq dan l-għadam, huma ħarġu b’riżultati differenti. Infatti, apparti dettalji oħra, huma rrappurtaw illi skont il-kulur tal-għadam, kien jidher li dawn in-nies mietu bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien, fejn l-iżgħar individwu kellu 8 snin. Fl-opinjoni tagħhom dawn l-għadam kienu midfuna xi mkien ieħor qabel sabu ruħhom f’dawn il-passaġġi. Dan minħabba illi f’numru ta’ vertebrae instabu traċċi ta’ ħamrija. Barra minn hekk, huma qalu li peress li kien hemm diskrepanza sostanzjali bejn l-ammont u t-tip ta’ għadam li nstab, jidher li dawn kienu nġarru minn post għall-ieħor. Għalhekk huma kkonkludew li dan il-post seta’ kien qed jiġi ntużat għal xi żmien bħala ossarju. Għalkemm hemm min jaqbel ma’ din it-teorija, ħafna oħra jistaqsu x’sens tagħmel li ttella’ dak l-għadam uman f’post daqstant inkrepattiv minflok titfgħu x’imkien ieħor aktar prattiku? Madanakollu, ħafna individwi oħra jiskantaw kif sejba ta’ din ix-xorta qatt ma nisslet sens ta’ interess fl-awtoritajiet sabiex jiddefinixxu informazzjoni aktar preċiża dwar din is-sejba storika, kemm permezz ta’ studji ta’ carbon dating u anki tad-DNA? Tgħid hemm xi ċans li nibdew nagħmlu xi ħaġa issa?

    Nixtieq kieku nista’ nibqa’ ngħidilkhom dwar dan il-post tant għal qalbi u dwar dak kollu li jinsab fih, imma bħas-soltu ninsab illimitata mill-ispazju. Madanakollu, min jixtieq jaqra aktar dwar dan u dwar l-analiżi tas-sebgħa kelliema l-oħra li ppreżentaw diversi studji varji u interessanti, jista’ jakkwista l-pubblikazzjoni ‘The Turkish Raid of 1614’. li se jkun qed joħroġ fi ftit taż-żmien ieħor minn Wirt iż-Żejtun. Aktar dettalji jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit www.wirtizzejtun.com jew minn fuq Facebook.

     

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-20 ta’ Lulju 2014)

    Category: Torca - Features & Articles | Tags: