• Is-siwi ta’ dak li ma jiswiex

    Joe Cachia.JPGIl-forom strambi li jiehdu s-sigar fin-natura.jpg

    Guzeppi Busuttil - l-ewwel bonsajist f'Malta.JPGFiku - bonsaj.jpg

    Ma tistax ma taffaxxinax ruħek meta tara s-siġar tal-bonsaj! Is-sengħa wara din l-arti ħajja li kapaċi ċċekken siġra daqshiex f’waħda ċkejkna, hija xi ħaġa tal-meravilja. L-idea ta’ dawn l-istil ta’ siġar inħolqot fiċ-Ċina u aktar tard żviluppat ukoll fil-Ġappun, sakemm f’dawn l-aħħar snin xterdet ukoll mal-bqija tad-dinja. Jidher li hawn Malta, l-ewwel esebizzjoni tal-bonsaj saret fl-1991 mill-Bonsai Culture Group (Malta) u minn dakinhar ‘l hawn din l-Għaqda ħadmet qatiegħ biex iżżewweġ din il-kultura barranija flimkien ma’ dik Maltija, fosthom billi tittanta tkabbar siġar tal-bonsaj li jiffurmaw parti mill-pajsaġġ tipiku Malti.

    “Hemm min hu tal-idea li din id-drawwa taħqar jew tkasbar is-siġar billi ma tħallihomx jikbru b’mod naturali,” beda jispjegali Joe Cachia, il-PRO tal-Bonsai Culture Group (Malta). “Imma jekk inħarsu ftit lejn in-natura nnifisha ninnutaw illi s-siġar jgħaddu minn ħafna trasformazzjonijiet minħabba l-elementi naturali, fosthom bir-riħ, bin-nixfa u bis-sajjetti li spiss jirriżultaw f’forom strambi.”

    L-għan prinċipali wara s-siġar tal-bonsaj

    “Fir-realtà l-għan prinċipali wara s-siġar tal-bonsaj huwa li tinħoloq xena ta’ armonija u ġmiel li tfakkar is-sbuħija tal-ħolqien u tal-ambjent. Iz-zkuk mgħaqqdin u mgħawwġin jirriflettu l-passaġġ taż-żmien u jnissel ir-rispett lejn dawn is-siġar ċkejknin. Hemm filosofija sħiħa wara din is-sengħa li primarjament tiffoka fuq il-bilanċ bejn id-Divinità (Alla, Buddha eċċ), il-bniedem u n-natura,” kompla jgħidli Joe.

    “Is-siġra tal-bonsaj u l-kontenitur tagħha huma żwieġ armonjuż bejn it-tnejn fejn wieħed jikkumplimenta lill-ieħor. Infatti ħafna mill-kontenituri jinħolqu sabiex joħorġu l-ġmiel tas-siġra speċjalment f’dak li hu kulur, forma u qies tagħha. Anki l-arti tal-manifattura ta’ dawn il-kontenituri taċ-ċeramika huma parti mit-tradizzjoni antika taċ-Ċina u tal-Ġappun.”

    “Il-bonsaj juru s-siwi ta’ dak li ma jiswiex. Is-sengħa tal-bonsaj hija forma ta’ arti ħajja li ġġib is-sliem u t-trankwillità u tgħin bħala terapija għall-qalb imnikkta. Hija wkoll dixxiplina li tgħin fl-iżvilupp mentali u filosifiku tal-bniedem.”

    L-oriġini kienet fiċ-Ċina

    Għalkemm ħafna jaħsbu illi l-idea tal-bonsaj ħarġet mill-Ġappun, fir-realtà din is-sengħa bdiet fiċ-Ċina żmien twil ilu. Fil-qabar tal-Prinċep Zhang Huai li jmur lura għal madwar 706 W.K, instabu tpinġijiet varji li juru xi nisa li kienu qed joffru minjaturi ta’ xeni b’pajsaġġ imżejjen bil-blat u l-pjanti żgħar impoġġijin ġewwa dixxijiet baxxi.

    Jingħad li l-ewwel speċi ta’ siġar li ntużaw f’dan il-qasam inġabru mill-pajsaġġ naturali u ntagħżlu minħabba li kellhom zkuk b’għamliet mhux tas-soltu. Ftit ftit dawn is-siġar bdew jitqiesu bħala sagri u biż-żmien il-bniedem għaraf kif hu stess seta’ jimmanipula s-siġar sabiex dawn jieħdu forom uniċi.

    “Fiċ-Ċina din is-sengħa ngħatat l-isem ta’ penjing li tfisser xena ġewwa dixx. L-iskop ta’ dawn ix-xeni kien li joħolqu impressjoni sabiħa tan-natura fil-minjatura u għalhekk kienu jintużaw elementi naturali biex jibnuha bħal pjanti u ġebel. Madanakollu, biex ix-xogħol jidher isbaħ, dawn kienu jiġu rranġati wkoll b’xi figuri ta’ bnedmin jew annimali,” qalli Joe.

    “L-ewwel li ħolquhom kienu aristokratiċi Ċiniżi tal-qedem li kienu jemmnu li s-siġar żgħar xjuħ u ta’ surijiet strambi kellhom setgħat imsaħħra. Tant hu hekk li l-ewwel qsari kienu għotjien ta’ ġarar reliġjużi li jkunu jfakkruhom fil-muntanja Penglai, li kienet muntanja msaħħra fejn kollox kien sewwa u tajjeb. Fl-istess ħin, il-passatemp li tkabbar siġra stramba kienet tagħti lok għall-konversazzjoni interessanti meta kienu jistiednu lil xi ħbieb. Madanakollu, lejn l-aħħar tas-snin sittin xi studenti fiċ-Ċina ħolqu moviment sabiex jeqirdu dak kollu li kien ifakkar il-passat fewdali u s-sistema aristokratika, u sfortunatament bosta kollezzjonijiet tal-penjing ġew distrutti jew mitluqa.”

    “Fil-mużew ta’ Penjing fil-Ġonna Botaniċi ta’ Shangai wieħed jista’ jsegwi l-evoluzzjoni ta’ dawn is-siġar permezz ta’ diversi disinji u pitturi li jmorru lura għall-perjodu tas-6 u d-9 seklu W.K. Maż-żmien il-penjing li kienet ‘xena ġewwa dixx’ inbidlet f’penzai li kienet tfisser ‘siġar qawwijin u sħaħ ġewwa dixx’.

    Il-Ġappuniżi sejjħulha bonsaj

    Jingħad li madwar 1,200 sena ilu, l-ewwel pensai miċ-Ċina ddaħħlu fil-Ġappun bħala xbiehat reliġjużi u minn hemm żviluppa l-isem ta’ bonsai (li hija traduzzjoni tal-kelma Ċiniża penzai). Ta’ min jgħid illi l-kultura Ċiniża kienet taffaxxina ferm lil Ġappuniżi u infatti huma adottaw bosta drawwiet minn dan il-pajjiż.

    Għall-kuntrarju ta’ min jaħseb li dawn is-siġar jinħaqru meta jinbidlu f’minjaturi, elf sena ilu, xi ħadd fil-Ġappun kiteb illi “is-siġar li jitħallew jikbru fin-natural, jikbru bl-addoċċ u bla ebda sura. Huwa biss meta l-bniedem jikkurahom b’imħabba li dawn jingħataw forma u stil li kapaċi jqanqlu lil min iħares lejhom.”

    Intant Joe spjegali illi “filwaqt li fiċ-Ċina sar attentat biex dawn it-tip ta’ siġar minjatura jinqerdu, il-Ġappun kien qed jagħmel minn kollox biex ixerred il-kultura tiegħu mal-pajjiżi tal-Punent, fejn fosthom kienet qed tiġi ntrodotta wkoll l-idea tal-bonsaj bħal ngħidu aħna permezz ta’ films popolari bħal Karate Kid (1984).”

    In-namra mal-bonsaj f’Malta

    L-ewwel darba li Joe sar jaf b’din is-sengħa antika kien fl-1968 meta qara artiklu dwarha fuq rivista barranija. “Mill-ewwel għoġobni dan il-passatemp għax fih rajt xaqq dawl li tani ħjiel kif nista’ nimla l-vojt li d-deru u s-sagħtar nexfin kienu qed iħallu fil-presepji li kont inħobb nagħmel. Meta kont żgħir, kienet tkun l-hena tiegħi li ngħin lil missieri jagħmel il-presepju mill-kartapesta fejn wara li kienet tinxef iż-żebgħa, konna npoġġu ġewwa fih il-pasturi u xi zkuk biex jirrappreżentaw siġar żgħar. Niftakar li minn Għajn Żejtuna kont naqta’ d-deru u s-sagħtar biex iħaddru lill-presepju. Imma bil-kemm kien jasal San Stiefnu, li dawn ma kienux jidbielu, iwaqqgħu l-weraq, u l-frott ħamrani tad-deru jinxef! Kont nixtieq ferm li jkolli xi ħaġa li ma tmutx, xi siġar żgħar li jgħixu mqar minn San Stiefnu sat-Tre Re! Iżda għalkemm dan l-artiklu nebbaħni dwar din il-possibilità, ma kien hemm xejn fih li tispjega kif tkabbar jew tieħu ħsieb il-bonsaj,” tarraffli Joe.

    “Kellhom jaslu s-snin tmenin sabiex nara l-ewwel bonsaj, f’Malta. Kienet ta’ Ġużeppi Busuttil (ara ritratt fuq), mis-Siġġiewi, li kien ilu jkabbarhom għal iktar minn tletin sena u għalhekk nemmen li hu kien l-ewwel bonsajist f’pajjiżna. Ftit wara sirna ħbieb kbar u beda jgħallimni milli kien jaf. Xtieli ta’ siġar kelli kemm trid, peress li kont nieħu sehem fil-Kampanja ‘Kabbar Siġra’ iżda qsari tagħhom ma kontx insib. Ix-xorti laqqatni maċ-ċeramista Maltija, Sina Farrugia, li b’paċenzja kbira wrietni kif naħdimhom mit-tafal li kont nixtri, u konna naħmuhom ġol-forn tal-iskola, fejn konna ngħallmu t-tnejn.”

    “Intant, fin-naħa l-oħra ta’ Malta, fil-Liċeo tas-Subien f’Tal-Ħandaq, żewġ għalliema oħra, Carmelo Busuttil u Joe Casha, wkoll kienu bdew jesperimentaw bil-Bonsaj. Sirt naf bihom wara li fl-1992 huma tellgħu wirja ta’ bonsaj fl-Imdina, flimkien mal-Friends of Japan Society u studenta tiegħi qaltli dwarha. Meta ltqajt magħhom skoprejt li dawn kienu għadhom kif waqqfu il-Bonsai Culture Group (Malta) u dlonk dħalt membru. Minn hemm bdiet tittella’ wirja kull sena u din id-drawwa għadha għaddejja sa llum.”

    Is-siġar li jistgħu jsiru bonsaj

    L-esperti jsostnu illi prattikament kull siġra tista’ tinbidel f’bonsaj. Però wieħed irid iżomm f’moħħu s-sens ta’ proporzjon li huwa fundamentali f’dan il-qasam u għalhekk, dawk is-siġar li għandhom weraq kbar m’humiex ikkunsidrati bħala adattati ħafna.

    “L-iktar siġar lokali li huma ideali għall-bonsaj huma ż-żebbuġa selvaġġa, il-ħarruba, id-deru, l-għargħar, il-ġniepru, il-prinjoli, l-ulmu u t-tina.”

    Il-ħarruba

    “Il-ħarruba hija waħda mis-siġar li wħud iqisuha difettuża għall-prattika tal-bonsaj minħabba li għandha l-weraq kbar. Dan il-fatt jagħmilha diffiċli li wieħed ikollu siġra folta għax il-weraq jikbru fuq zkuk iżgħar li jkunu kemmxejn twal bejn werqa u oħra u għalhekk il-ħarrub jidher isbaħ meta jitkabbar daqsxejn. Min-naħa l-oħra, il-ħarrub ftit li xejn jimrad, ħlief li jbati mill-istagħdir tal-ilma,” infurmani Joe.

    “Iżda nzerta li l-ħarruba hija waħda mis-siġar l-aktar għal qalbi, anki għax ir-riħa tagħha tqabbadni nostalġija kbira ta’ meta kont għadni tifel niġri fl-inħawi tal-Mellieħa u ta’ Selmun qalb dawn is-siġar antiki u sbieħ. Mill-esperimenti li għamilna fl-Għaqda s’issa sibna illi l-aħjar u l-eħfef mezz kif tnissel il-ħarrub huwa billi tiżra’ ż-żerriegħa tagħhom għax mit-tirqid fl-art għadna qatt ma rnexxielna nieħdu siġar.”

    “Xi wħud li jkabbru l-ħarruba bħala bonsaj, anki f’pajjiżi oħra, jsostnu illi din hija siġra mill-aqwa għall-bonsaj. Hija siġra li tikber bil-mod. Għandha ħafna għeruq li huma l-punt dgħajjef tagħha minħabba li huma delikati hafna. Meta tkun żgħira tkun sensittiva ħafna imma la darba tikber, issir b’saħħitha u tiflaħ kwazi kollox.”

    Il-ġingko – siġra li sfidat il-bomba atomika

    “Siġra oħra li għandi rispett kbir lejha hija l-gingko. Man-nies li jipprattikaw l-arti tal-bonsaj, din hija magħrufa bħala waħda mill-aqwa siġar li tista’ tkabbar f’minjatura. F’Malta ftit li xejn hawn gingkos imħawwla f’ġonna pubbliċi, probabbilment għax hi tippreferi art niedja.”

    “Sadanittant ħafna oħrajn japprezzaw il-gingko minħabba li din hi tassew siġra unika. Jaħsbu illi l-ispeċi tagħha ilha teżisti ‘il fuq minn 270 miljun sena, jiġifieri ferm qabel l-eżistenza tad-dinosawri. Fatt interessanti huwa illi din is-siġra kienet maħsuba li nqerdet għal kollox minn wiċċ id-dinja miljuni ta’ snin ilu, sakemm darba minnhom instab li din kienet għadha teżisti fil-ġonna tat-tempji Buddisti. Minn dawn il-postijiet fil-Ġappun, ittieħdet xi żerriegħa tagħha lejn l-Ewropa u din bdiet titkabbar fl-Olanda, fil-Ġermanja, fid-Danimarka u fl-Irlanda fejn tawha l-isem “Siġra tat-Tempji”, mentri fi Franza u fi Spanja bdew isejjħulha s-”Siġra tal-Pagoda”.”

    “Intant, il-potenzjal ta’ din is-siġra deher biċ-ċar meta fis-6 t’Awissu 1945, l-Amerikani tefgħu l-bomba atomika fuq Hiroshima l-Ġappun li qerdet dan il-post kważi għal kollox. Imma mhux lil gingko li kienet tinsab inqas minn 1000 metru ‘il bogħod mill-epiċentru! Infatti, it-tempju li kienet tinsab fih inqered, filwaqt li s-siġra bil-blast ġiet mitfugħa la ġenbha, imma din bdiet tarmi l-weraq ġdid f’inqas minn xahar wara, u sa llum għadha ħajja. L-istess ġralhom mill-inqas ħames siġar tal-gingko oħra. Mhux ta’ b’xejn li l-gingko hija meqjusa bħala s-siġra tat-tama!”

    Kif tinħoloq siġra fil-minjatura?

    “M’hemm l-ebda seħer involut! Is-sigriet għas-suċċess fil-bonsaj huwa l-imħabba u d-dedikazzjoni, flimkien ma tisqija bil-għaqal! Bażikament dawn is-siġar jinżammu ċkejknin billi wieħed inaqqi l-weraq ġdid u jnaqqas mill-għeruq b’kura, b’paċenzja u b’rispett.”

    “Mhux ħafif li ssib kliem tajba biżżejjed li jfissru l-emozzjonijiet kollha li jħoss wieħed meta joqrob lejn siġra bonsaj. Però ħarsà iktar mill-qrib lejha tagħti tifsira iktar valida. Kull min għandu xi siġra tal-bonsaj jista’ jispjegalek kemm dan il-passatemp jagħtik ferħ u serħan il-qalb. Kif tkellimna, kien hemm żmien meta dawn kienu meqjusa bħala ħwejjeġ sagri, imma llum hemm min jikkunsidrahom bħala pets, filwaqt li oħrajn ixebbħuhom ma’ poeżiji 3D.”

    “Jekk wieħed jagħraf jieħu ħsieb dawn is-siġar, iċ-ċokon tagħhom joffri l-opportunità li wieħed ikabbar foresta sħiħa ġo bitħa żgħira! U speċjalment f’dawn l-aħħar snin, meta sfortunatament qed naraw l-ambjent jittiekel ftit ftit u jogħsfor minn quddiem għajnejna, li jkollok siġra ċkejkna taż-żebbuġ jew tat-tin f’darek, protetta minnek, żgur li toffrilek sodisfazzjon li xejn aktar ma jista’ jagħtik.”

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (15 parti) fit-Torċa tas-17 t’Awissu 2014)