• Twieled u miet fix-xandir

    Charles Arrigo ihares lejn Evelyn ghadha tifla.jpgEvelyn Arrigo bir-ritratt ma' huha - 1.JPG

    Charles Arrigo fuq ir-Rediffusion.jpgCharles Arrigo.jpg

    Kien ritratt partikolari li deher fuq Facebook li ħajjarni sabiex nikteb dan l-artiklu. Fih kienu jidhru tifla ċkejkna b’ħarsa tassew ħelwa u mqarrba li kienet flimkien ma’ raġel li għall-ewwel jien m’għaraftx. Ir-ritratt kien sempliċi imma intriganti. Ma ridtx wisq biex tintebaħ li bejn dawk it-tnejn kien hemm relazzjoni ta’ affett kbir. Staqsejt ftit u skoprejt li dawn iż-żewġ individwi kienu l-magħruf u mibki Charles Arrigo u oħtu ż-żgħira Evelyn.

    Meta ltqajt ma’ Evelyn sabiex nintervistaha dwar ħuha, sibt li akkost li għaddew tant snin minn dak ir-ritratt, dik il-ħarsa mqarqċa kienet għadha tilgħab f’għajnejha. Iżda fuq kollox, indunajt ukoll li hi kienet tagħti lemħa sewwa lil ħuha. Avolja l-mewt ormaj firdet lil dawn it-tnejn, ir-rabta li kien hemm bejn iż-żewġt aħwa baqgħet soda mmens u nnutajt li d-dmugħ ifeġġ fuq xfar għajnejha kull darba li ssemmih. “Qalbek żgħira inti,” għedtilha jien. Imma hi saħqet bi tbissima li qalbha kienet iktar pjuttost kbira….

    Kien fessud

    Charles Arrigo twieled fis-6 t’April 1929 fil-Belt Valletta. Huwa kien l-ikbar fost sebat aħwa; żewġ subien u ħamest ibniet. Meta kienu jistaqsuh dwar ħutu, Charles kien iħobb isemmi li għall-ewwel kien għamel ħames snin waħdu, tant li l-ġenituri tiegħu ħasbu li ma kienx ser ikollhom aktar tfal. Għaldaqstant, hu kien dara mfissed mhux ħażin u għalkemm wara twieldu ħutu l-oħra kollha, il-fsied baqa’ jħobbu. Intant, anki meta kiber, speċjalment peress li baqa’ għażeb, ħutu l-bniet baqgħu jfissduh ħafna.

    Evelyn tiftakar li speċjalment fl-aħħar snin, Charles kien jgħaddi spiss jiekol għandha. Kien iċemplilha qabel jitlaq mix-xogħol sabiex hi tibda tipprepara l-ikel.

    “Kien jiġi jiekol għall-ħabta tal-10.15am peress li kien jibda kmieni ħafna x-xogħol. Meta kien jasal għandi, kien jiftaħ il-gazzetti kollha u joqgħod jixtarrhom kemmxejn. Imbagħad kien jitlobni nagħmillu wieħed irqiq – jiġifieri gin and tonic. Xil-11.00am konna nibdew nieklu u ngħidu kelma bejnietna. Imbagħad kien jerħilha lura għar-raqda ta’ wara nofsinhar,” ftakret Evelyn.

    Ommu – l-akbar kritika tiegħu

    Kien jinġieb ħafna mal-familjari tiegħu. Imma ċertament, l-aktar persuna għal qalbu kienet ommu. Skont Evelyn hi kienet li bassret mill-ewwel x’kien ser isir binha. “Kien iħobb jikkummenta dwar dak kollu li jara – min ġej, min sejjer, x’qed jagħmel dak u x’qed tagħmel dik. U darba qalithielu – Int kummentatur għad issir la tikber ibni!”

    Aktar minn darba waqt l-intervisti li għamlulu, Charles stqarr li ommu kienet l-għeżeż ħaġa għalih. Kienet ukoll l-akbar kritika tiegħu. Ma nesa qatt meta fid-29 ta’ Settembru 1962, hu kien il-persuna magħżula biex tiftaħ għall-ewwel darba l-istazzjon televiżiv Malti:

    “Dan huwa l-Malta Television Service. Jiena Charles Arrigo qiegħed insellmilkhom f’isem il-kollegi kollha tiegħi tal-Malta Television Service, waqt li nawguralkhom divertiment bil-programmi tal-lejla. Illum inħoss li qed niltaqa’ magħkom wiċċ imb’wiċċ u nixtieq li kienet ħaġa possibbli li nieħu b’id kull wieħed u waħda minnkhom. Mill-lum il-quddiem ser tibdew tarawni ta’ spiss nippreżentalkhom il-programmi u nwasslilkhom l-aħbarijiet fi djarkhom.”

    Dan il-kliem tiegħu, flimkien mal-filmat ta’ dan l-avveniment saru sinonimi mal-qasam tax-xandir u spiss deheru f’diversi programmi. Kienu bosta dawk li bagħtu jifirħulu meta rawh jiftaħ l-istazzjon. Iżda kellu kritika waħda biss – dik t’ommu! “Għaġġilt naqra waqt li kont qed titkellem”, qaltlu.

    “Mal-mama kelli relazzjoni specjali. U kien tassew xokk għalija meta qaluli li tawha ħass ħażin waqt li kienet nieżla mit-tqarbin u mietet hemm fil-knisja. Ghalkemm konna qed nistennew il-mewt tagħha, għax kienet niżlet ftit, ma bsarnix li din kienet ser tiġi daqshekk malajr,” stqarr Charles darba minnhom.

    “Dakinhar kien ġie wieħed fuqi u qalli aħjar tiġi malajr għax il-mamà ħassha ħażin,” qaltli Evelyn. “Mill-ewwel għokritni għajnejja meta ried iwassalni bil-karozza għax minn fejn konna noqogħdu sal-Knisja ta’ San Duminku, ma kienx hemm bogħod. Kif wasalna, nara l-mamà flimkien ma’ patri u hekk kif poġġejt ħdejha, poġġiet rasha fuq spallti, ħarset lejja u telqet. Lanqas biss indunajt li kienet mietet, tant li meta ġiet l-ambulanza, ippruvajt nagħtiha l-ossiġnu. Mewtha niżlitli biss meta ġie Charles biċ-ċurkett tat-tieġ tagħha u tahuli.”

    Qatt ma żżewweġ

    Kull darba li staqsew lil Charles dwar l-imħabba u l-għala baqa’ għażeb, huwa tbissem u ddikkjara li darba minnhom kien joħroġ ma’ tfajla bis-serjetà tant li kienu waslu biex jitgħarrsu. Imma dan qatt ma seħħ u hu spiċċa biex qatt ma żżewweġ.

    “Forsi kont daqsxejn egoista u kont mhedi ħafna bix-xogħol tax-xandir li dejjem tani bosta sodisfazzjon,” qal darba meta reġgħu staqsewh dwar dan. “L-uniku dispjaċir li għandi li ma żżewwġitx huwa li m’għandix ulied, imma almenu llum ghandi s-sodisfazzjon li għandi ħafna neputijiet.”

    Beda l-karriera b’kumbinazzjoni

    “Fi żmien il-gwerra, meta kont għadni l-Liċeo, kienu jippubblikaw gazzetta jisimha ‘Young Malta’ u jien ktibt poeżija jisimha ‘The Flag’ u ppubblikawhieli fiha. Ftit wara ġejt mitlub biex immur naqra din il-poeżija fuq ir-Rediffusion u hekk għamilt,” jirrakkonta Charles dwar il-bidu tal-karriera tiegħu.

    “Iżda ftit wara seħħet kumbinazzjoni oħra… Kont qiegħed nistenna r-riżultati tal-eżamijiet peress li xtaqt inkompli nistudja l-università. U ġurnata waħda, il-ħabib tiegħi Ċensu Calleja, li kellu banka tal-lottu f’San Pawl il-Belt, u li jiena spiss kont neħodlu moħħu bid-diskors tiegħi, urieni avviż li kien jgħid li riedu announcer mar-Rediffusion. “Dan xogħol jgħodd għalik,” kien qalli, hekk kif għaddhieli l-gazzetta. “Isa, tħajjar.”

    Min jaf jekk Ċensu kienx xtaq xi naqra paċi mit-taħdit ta’ Charles? Li hu żgur hu illi meta Charles sema’ minnu, minn dawk kollha li applikaw, intagħżel hu u minn hemm bdiet il-karriera tiegħu.

    Vuċi distinta

    Kienu t-2 ta’ Marzu 1947 meta Charles għamel l-ewwel xandira tiegħu fuq ir-Rediffusion. Dak iż-żmien kien hemm Effie Ciantar inkarigat mill-programmi. Il-vuċi distinta ta’ Charles ma damitx ma ġiet rikonoxxuta u meta Ciantar xtaq iżid programm ieħor bil-Malti, hu staqsa lil Charles jekk kienx lest li jibda jagħmel programm ġdid bil-qari tar-rumanzi.

    “Jien kont inħobb naqra u l-idea għoġbitni,” qal Charles. “Dak iż-żmien fl-iskejjel kienu qed jistudjaw ir-rumanz ‘Raġel Bil-Għaqal’ ta’ Ġużè Galea u għalhekk iddeċidejna li nibdew minnu. Kien xogħol li mal-ewwel tani sodisfazzjon kbir u qrajt mijiet ta’ rumanzi!” …. Min qatt kellu jgħidlu li kien ser idum jaqra r-rumanzi proprju sal-aħħar nifs ta’ ħajtu?

    L-iżvilupp tax-xandir

    Tista’ tgħid li x-xandir Malti u Charles Arrigo kibru flimkien. Fl-1947 ir-Rediffusion kien ilu 12 il-sena għaddej, imma kollox kien baqa’ pjuttost fil-bidu. Fl-1950, Charles ġie appuntat bħala produttur tad-drama u tad-dokumentarji. F’dan iż-żmien huwa kien involut ukoll bħala attur mal-British Institute Players u mal-Atturi Theatre Group u għalhekk ma damx ma beda jieħu sehem fid-drammi li kien jipproduċi huwa stess u anki oħrajn. Aktar tard, meta fetaħ it-televiżjoni Malti, huwa ħa sehem ukoll f’diversi teleserials, fosthom: fil-parti tal-kappillan f”Il-Gaġġa’, bħala qassis f”Leli ta’ Ħaż-Żgħir’, bħala isqof f”Wirt’, bħala tabib f’ ‘Il-Madonna taċ-Ċoqqa’, u bħala kulunell f”Villa Sunset’. Interessanti nsemmu wkoll li hu kien ħa sehem fil-film klassiku ‘The Malta Story’.

    Għall-ħabta tal-1959, ir-Rediffusion iddeċidiet li tibgħat lill-produtturi Maltin l-Ingilterra sabiex dawn jitħarrġu b’mod aktar professjonali mal-BBC u Charles kien wieħed minnhom. “Hemmhekk ġejna ttrenjati f’bosta oqsma fosthom dwar kif isir l-editing, kif jiġu prodotti r-radjudrammi u kif nużaw leħinna aħjar,” ftakar Charles.

    Fl-1962, numru ta’ ħaddiema oħra, inkluż Charles, reġgħu ntbagħtu għand il-BBC, did-darba sabiex jitħarrġu fis-sengħa relatata mat-televiżjoni minħabba li f’Malta kienu qed isiru l-preparamenti biex jinfetaħ l-istazzjon Malti – Malta Television Service. U eventwalment kien Charles stess li fetaħ l-istazzjon.

    “Għalkemm kollox kien jidher miexi ħarir u sewwa dakinhar, kulħadd kellu eċċitament kbir fuqu,” stqarr Charles meta tkellem dwar din il-ġurnata. “Apparti li kien hemm il-preokkupazzjoni biex naraw li kollox imur sew, kellna wkoll id-dubju li l-udjenzi setgħu ma jieħdux grazzja mad-dehra tagħna. In-nies kienu ilhom jisimgħuna fuq ir-radju u ħafna kienu draw u tħabbu ma’ leħinna. Imma issa d-dubju tagħna kien x’ser tkun ir-reazzjoni tan-nies meta tara bixritna. Personalment kont diġà kelli popolarità mhux ħażin u bżajt li se jkun hemm min jgħid – ara, dak hu?! Imma għal grazzja t’Alla nkwetajna għalxejn, għax ma ġrax dak li tħassibna fuqu u n-nies laqgħuna tajjeb ħafna.”

    Fl-1971 Charles sar l-assistent kap tal-programmi tar-radju u tliet snin wara, hu laħaq bħala kap tad-drama u d-dokumentarji. Fl-1987 huwa ngħata r-responsabbiltà bħala deputat kap ta’ Xandir Malta u fl-1991 sar id-direttur eżekuttiv tal-board tal-Public Broadcasting Services u manager ta’ Television Malta.

    Staqsini 20

    Fost ix-xogħolijiet li jibqa’ magħruf għalihom hemm il-programm ‘Staqsini 20′ li hu kien introduċa f’Malta wara li n-nies kienet drat tisimgħu jixxandar bl-Ingliż minn fuq il-General Overseas Service tal-BBC.

    “Il-programm biddel ħafna ismijiet sakemm finalment sar magħruf bħala ‘Staqsini 20′. L-ewwel programm kien ixxandar għall-ħabta tal-1957 meta l-istudios tagħna kienu għadhom f’121 Triq Brittanja, l-Belt, illum magħrufa bħala Triq il-Melita. Dan kien studio żgħir ħafna u meta l-idea ta’ dan il-programm bil-Malti laqtet mill-ewwel l-immaġinazzjoni tas-semmiegħa, lanqas biss kien hemm post għan-nies kollha li xtaqu jattendu. Imbagħad f’Jannar tal-1958 konna mxejna għall-istudios tal-Guardamangia u hemmhekk konna aktar ixxamplati u n-nies setgħu jipparteċipaw b’aktar kumdità. Però ġie żmien meta l-popolarità ta’ dan il-programm tant kibret li ġieli tellgħajnih fit-Teatru Manoel,” irrakkonta Charles.

    Għal dawk li ma jiftakruhx il-programm ‘Staqsini 20′, nistgħu ngħidu li dan kien ibbażat fuq għażla ta’ kliem partikolari li kienu jibgħatu n-nies mid-djar, u panel ta’ individwi kien jipprova jaqta’ dan il-kliem permezz ta’ mistoqsijiet li kienu jagħmlu. Skont Charles, meta l-kliem ma kienx jinqata’ mill-panel, dawk li jkunu ssuġġerewhom, kienu jirbħu lapes tal-fidda.

    Kummentarji

    Ċertament, l-aktar aspett li Charles Arrigo baqa’ magħruf għalih kien ix-xogħol ta’ kummentatur f’bosta okkażżjonijiet statali u kif ukoll reliġjużi. Infatti hu kien wieħed minn tal-ewwel li ħareġ bl-outside broadcasting.

    “Il-kummentarji minn dejjem kienu għal qalbi għax permezz tagħhom stajt nieħu sehem dirett u mill-qrib fl-aktar avvenimenti importanti tal-gżejjer tagħna,” stqarr Charles. Infatti, fost id-diversi kummentarji tiegħu huwa għamel dak ta’ meta Malta saret Repubblika, meta żarna l-Papa Ġwanni Pawlu II, u meta waslet ir-Reġina Eliżabetta II f’pajjiżna.

    Kien ukoll l-ewwel wieħed li mar jagħmel il-kummentarju tal-Karnival t’Għawdex, għalkemm darba minnhom ammetta li l-Karnival ma kienx wisq għal qalbu….

    L-aħħar kummentarju li għamel seħħ tliet ġimgħat qabel miet u dan kien relatat mal-Pontifikal Solenni tal-Konsagrazzjoni Episkopali tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof t’Għawdex.

    Kien ġentlom

    Fl-1995, Charles Arrigo ngħata l-Midalja Għall-Qadi Tar-Repubblika. Bosta minn dawk li ħadmu miegħu jiftakru s-serjetà u l-professjonalità li dejjem ħadem biha u li kien jesiġi anki minn dawk kollha ta’ madwaru. Madanakollu, Charles baqa’ msemmi wkoll għal kemm kien iħobb jagħti daqqa t’id lil dak li jkun biex anki hu jirnexxi f’dak kollu li jkun qed jagħmel.

    Skont oħtu Evelyn, Charles kellu karattru sod u perfezzjonist u kien kapaċi jċanfrek waħda sewwa jekk ma timxix mar-regoli. Iżda mbagħad kien jgħaddilu wkoll malajr u ma kontx iddum ma tara xi tbissima fuq xufftejh.

    Hu spiss kien isostni illi biex wieħed ipoġġi wara mikrofonu jew quddiem kamera, kellu jkun ippreparat sewwa. “Għandna dejjem inżommu f’moħħna li aħna nkunu qed niġu mistiedna nidħlu fid-djar tan-nies u għalhekk irridu nuru serjetà u professjonalità, kemm fl-ilbies, kemm fil-komportament u anki fil-preparazzjoni li nagħmlu. Jekk wieħed ma jkunx imħejji biżżejjed, ikun qed jonqos bil-kbir kemm lejn is-semmiegħa u kif ukoll lejn it-telespettaturi. F’każ bħal dan, ikun ħafna aħjar jekk wieħed jibqa’ d-dar u ma jippreżenta ruħu quddiem ħadd!”

    Meta darba staqsewh kif jixtieq li jibqgħu jiftakruh in-nies, ir-risposta tiegħu kienet: “Jiena m’għandi l-ebda pretensjonijiet li n-nies se jibqgħu jiftakruni b’xi mod jew ieħor. Imma nispera li jekk jiftakru fija jgħidu: Charles Arrigo kien ġentlom.”

    It-tmiem

    Charles Arrigo ħalliena fl-2006. Miet għall-għarrieda, l-istess bħal ommu, waqt li kien qiegħed ix-xogħol – jaqra silta ta’ rumanz ġdid tal-kollega tiegħu Charles Abela Mizzi u jevalwa l-programmi li kellhom isiru.

    “Kont qed nistennieh għall-ikel,” qaltli Evelyn imbikkma. “Ftit tas-siegħat qabel kien ċempilli kif jagħmel is-soltu biex jara x’kont se nsajjar. Għedtlu ravjul t’Għawdex illum. Kien iħobbu ħafna. Qalli nċempillek qabel nitlaq ħalli titfgħu fil-misħun. Imma sfortunatament dit-telefonata ma waslet qatt. Twieled u miet fix-xandir. U jiena bqajt b’qalbi maqsuma li tlift lill-għażiż ħija b’mod tant ħesrem bla ma qatt kelli ċ-ċans li nsellimlu għall-aħħar darba.”

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela KOBOR IL-MALTI (18 il-parti) fit-Torċa tal-14 ta’ Settembru 2014)