• Għad-dell tal-Mitħna tax-Xarolla

    Il-Mithna tax-Xarolla.JPGJimmy Vella flimkien max-xogholijiet tieghu.JPG

    hmar tas-salib.JPGxadina.JPG

    Carmel Bonello juri kif jinbidel in-naghal ta' ziemel.JPGIkel tradizzjonali Malti.JPG

    Nhar il-Ħadd 12 ta’ Ottubru, 2014, il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq flimkien mal-Fondazzjoni GAL Xlokk organizzaw attività bl-isem Għad-dell tal-Mitħna.

    L-għan prinċipali ta’ din l-attività kien li jingħata ġieħ lil wirt kulturali u storiku tar-raħal taż-Żurrieq. Għaldaqstant infetħu xi siti storiċi għall-pubbliku, ittellgħu wirjiet artistiċi u esebizzjonijiet artiġġjanali, filwaqt li kien hemm ukoll is-sehem ta’ gruppi ta’ żeffiena, daqqaqa u għannejja. Ma naqsitx ukoll l-għażla ta’ ikel Malti.

    Is-sindku taż-Żurrieq, Ignatius Farrugia, kien kuntent ferm bl-attendenza qawwija tan-nies.

    “Dawn l-attivitajiet kienu possibbli bil-għajnuna ta’ GAL Xlokk li tawna daqqa t’id sabiex inġibu fondi Ewropej taħt il-Programm tal-Iżvilupp Rurali LEADER, kif ukoll bl-għajnuna tas-Segretarjat Parlamentari Għall-Presidenza tal-Unjoni Ewropeja 2017 u Fondi Ewropej,” spjega Farrugia.

    “Ħdimna ħafna biex niġbdu n-nies għal din l-attività li ddedikajna għall-mitħna tax-Xarolla u għalhekk qed napprezzaw li n-nies irrispondew bi ħġarhom. Għażilna lil din il-mitħna peress li hija waħda mis-siti prinċipali li għandna fiż-Żurrieq u nemmnu ħafna li din tista’ sservi bħala attrazzjoni kemm għan-nies tal-lokal, kemm għal bqija tal-Maltin u kif ukoll għat-turisti li jiġu jżuru dawn l-inħawi.”

    “Dan l-aħħar għamilna appell fost iż-Żrieraq sabiex jgħinuna narmaw il-kmamar kollha tal-mitħna b’għamara antika. U anki hawnhekk kellna rispons tajjeb, tant li min illum se jżur il-mitħna, se jkun jista’ jaraha armata bħal kif kienet tkun dari, meta t-taħħan kien jgħix ġewwa l-mitħna stess. Barra minn hekk, ħsibna biex intellgħu tours b’xejn fil-mitħna ħalli l-pubbliku jkollu l-opportunità biex isir jaf xi informazzjoni interessanti dwar dan il-post. Fuq kollox, il-Kuratur tal-Mitħna tax-Xarolla, George Sammut, li jiġi wkoll mill-familjari li dari kienu jieħdu ħsieb il-mitħna, se jkun qiegħed juri kif din kienet tiffunzjona snin ilu.”

    Sfortunatament, il-maltemp li ħakem lill-pajjiż il-Ħadd ta’ qabel, ħalla l-impatt tiegħu anki fuq din il-mitħna.

    “It-tromba li qala’ l-maltemp, ħakmet il-paletti tal-mitħna u kkaġunat ħafna ħsara. Minn sitt paletti kien baqa’ tnejn biss sewwa iżda waqt li xi ħaddiema kienu qed jirranġawhom, dawn waqgħu għal isfel u kellna xorti li ma weġġa’ ħadd. Hija ħasra li ġara dan għax qabel seħħ dan il-fatt, il-mitħna kienet għadha tiffunzjona perfettament. Madanakollu, aħna diġà ħadna azzjoni sabiex din tiġi rrestawrata mill-ġdid,” temm jgħid Farrugia.

    Intant, mijiet ta’ nies, inkluż barranin ħatfu l-opportunità biex jidħlu u jaraw il-mitħna tax-Xarolla li kienet imżejjna bl-għamara tal-epoka. Sadanittant, il-pubbliku seta’ jsegwi wkoll l-fdalijiet ta’ oqbra antiki li jinsabu biswit il-mitħna.

    Għal din l-okkażżjoni, infetħet ukoll il-kappella ċkejkna ta’ Sant’Andrija li wkoll qiegħda viċin tal-mitħna. Peress li dan il-post rari jkun miftuħ, anki hawn in-nies daħlu biex jaqtgħu l-kurżità. Infatti, flispazju ċkejken ta’ din il-kappella, wieħed seta’ jara esebizzjoni interessanti ta’ diversi xogħolijiet maħduma mis-sulfarini li ġiet imtellgħa minn Jimmy Vella.

    “Dan hu passatemp tiegħi li jagħtini ħafna sodisfazzjon, anki għax permezz tiegħu, jiena noħloq affarijiet li huma konnessi mal-kultura taż-Żurrieq u b’hekk dawn il-mudelli jservu wkoll bħala promozzjoni għall-wirt kulturali tagħna,” saħaq Vella.

    Il-wirja kienet tinkludi mudelli tal-mitħna tax-Xarolla, tat-torri ta’ Bubaqra u tan-Nigret, il-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Bubaqra, il-Parroċċa ta’ Santa Katarina taż-Żurrieq, karozza tal-linja mill-antiki, ajruplan tal-gwerra u dgħajjes tas-sajd tradizzjonali.

    “B’kollox għandi 31 mudell u din is-sena rbaħt l-unur tal-Malta Records għalihom,” qal Vella.

    Kien hemm ħafna aktar x’tara fl-inħawi tal-mitħna tax-Xarolla hekk kif xi individwi oħra ħolqu attrazzjonijiet varji. Toni Frendo kellu ħmar griż mhux tas-soltu, magħruf bħala ‘tas-salib’, filwaqt li Pawlu Cachia kellu xadina l-ġmiel tagħha. Min-naħa l-oħra, Carmel Bonello beda juri lill-pubbliku kif jitbiddel in-nagħal taż-żwiemel u l-għala jsir dan. Gruppi oħra kienu lebsin ta’ suldati u kien hemm anki min kien qiegħed jagħmel il-bizzilla. Xi individwi lebsin tal-epoka komplew jagħtu l-ħajja lil dawn l-attivitajiet.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fil-gazzetta KULĦADD tad-19 t’Ottubru 2014)