• IL-KULURI TAĊ-ĊINA (Is-7 Parti) Ħarsa lejn l-arti Ċiniża

    Bħalissa, is-settur tal-arti fiċ-Ċina huwa wieħed mill-aktar dinamiċi, hekk kif l-artisti Ċiniżi qed jerħulha jesploraw u jimirħu f’orizzonti differenti sabiex jippruvaw jesprimu r-rwol ġdid li għandu pajjiżhom fid-dinja. Dawn ix-xogħolijiet artistiċi varji jinstabu mxerrda madwar iċ-Ċina kollha f’diversi distretti popolari tal-arti, f’numru ta’ galleriji artistiċi u f’bosta mużewijiet.

     Permezz ta’ dan l-artiklu, jiena se niddeskrivilkhom dawk l-inħawi li żort f’Pekin u Shanghai li huma relatati ma’ dan il-qasam.

     751D Park – Pekin

     Kont immaġinajt li ż-żjarat tagħna f’Pekin kienu ser ikunu kollha marbutin mal-istorja. Għaldaqstant kienet tassew sorpriża interessanti meta ġejna akkumpanjati f’dan iċ-ċentru ta’ arti kontemporanja.

    Sa ftit tas-snin ilu, din il-medda art b’qies ta’ 40,000 metru kwadru, kienet tifforma parti minn żona industrijali. Madanakollu, riċentement, din ġiet trasformata f’post iddedikat kollu kemm hu għall-arti u ngħatat l-isem ta’ 751D Park.

    Xoghol ta' Liu Fei - An enchanting warL-arkitettura distinta ta’ stil Bauhaus irnexxielha tisfuma b’mod armonjuż mal-karattru l-ġdid li ngħata lil dawn l-inħawi fejn issa wieħed isib numru ta’ galleriji tal-arti, swali tal-esebizzjonijiet, ħwienet tal-kotba, ristoranti u kafetteriji.

    Għalkemm m’inix xi waħda li nifhem wisq fl-arti, nistqarr illi l-ħin li qattgħajt f’dan il-lwog sabiex nesplora dawn ix-xogħolijiet artistiċi, fetħuli tieqa oħra fuq iċ-Ċina li minnha stajt nixtarr aħjar lil dan il-pajjiż u l-kultura tiegħu. Infatti, kull post li dħalt fih offrieli l-opportunità li nosserva, napprezza u nixtri kreazzjonijiet bi stili tassew uniċi u b’disinji oriġinali ta’ immaġinazzjoni bla tarf.

    Fosthom, laqtitni ħafna l-esebizzjoni artistika ta’ Liu Fei li kienet iġġib l-isem ta’ An Enchanting War. Fiha, l-artist ippreżenta l-perċezzjonijiet tiegħu dwar il-gwerer futuri filwaqt li kkontempla dwar kif dawn ser jiġu miġġielda. Għamel dan permezz ta’ kreazzjonijiet li jżommuk fil-post tħares lejhom, l-aktar hekk kif hu esprima d-disprezz u l-kritika tiegħu lejn il-gwerra permezz ta’ ġmiel u kruha ironiċi u li jaħsdu.

    Il-Mużew Nazzjonali tal-Arti – Pekin

     Dan il-mużew hu ddedikat għall-kollezzjonijiet, għar-riċerka u għall-esebizzjonijiet ta’ xogħolijiet artistiċi moderni u kontemporanji li jsiru fiċ-Ċina. Għalkemm il-bini tiegħu nbeda fl-1958 u nfetaħ għall-pubbliku fl-1963, l-istil arkitettoniku tiegħu tfassal fi stil tradizzjonali Ċiniż hekk kif dan jinkludi fih kurituri, paviljuni u saqaf imżejjen b’madum ta’ lewn safrani.

    L-artista Liu Xia biswit ix-xogħol taghha fil-Muzew Nazzjonali tal-ArtiFil-wisgħa ta’ 18,000 metru kwadru, dan il-mużew għandu fih 17 il-sala tal-esebizzjoni mqassma fuq 5 sulari. Fil-kollezzjonijiet tiegħu jħaddan aktar minn 100,000 biċċa xogħol artistika, li l-biċċa l-kbira tagħhom inħadmu minn artisti mill-aqwa matul perjodi differenti li jkopru s-snin mill-aħħar tas-seklu 19 sa llum.

    Mit-twaqqif tiegħu, dan il-mużew organizza eluf ta’ esebizzjonijiet artistiċi li jirriflettu l-iżvilupp tal-arti Ċiniża. Kull sena, dawn l-attivitajiet jiġbdu miljuni ta’ viżitaturi lejn dan il-post u b’hekk dan iservi wkoll bħala vetrina għall-artisti involuti.

    Waqt iż-żjara tagħna f’dan il-post, fost ix-xogħolijiet esebiti, kien hemm il-wirja Beautiful China: Call of Humanism, liema attività tax-xorta tagħha kienet qed issir għall-ewwel darba. Infatti, f’din l-esebizzjoni kien hemm 200 biċċa xogħol artistika għall-bejgħ u l-flus li kienu ser jinġabru minnha, kienu ser imorru biex jgħinu lill-eluf ta’ persuni li jbatu minn xi diżabbilità. Fatt interessanti kien li fost ix-xogħolijiet għall-bejgħ, kien hemm uħud li kienu maħduma minn artisti rinomati ferm imħallta ma’ oħrajn ta’ livelli differenti, fosthom anki ma’ ta’ artisti u kalligrafi li kellhom xi diżabbilità.

    M50 – Shanghai

     Din iż-żona artistika li tikkonsisti minn għadd ta’ galleriji u spazji għall-esebizzjonijiet, tinsab f’50 Triq Moganshan, Shanghai, imma ħafna jirreferu għaliha bħala M50.

     Sa ftit tas-snin ilu, din il-lokalità ċentrali kienet tifforma parti minn fabbrika tat-tessuti iżda wara li din l-industrija ngħalqet, ftit ftit bdew jinġibdu għadd ta’ artisti lejn dan il-post minħabba li kien qed jinkera bi prezz baxx. Kien fis-sena 2000 meta daħlu l-ewwel artisti sabiex jesponu xogħolijiethom f’dawn l-inħawi. Illum M50 inbidlet f’kumpless kollu kemm hu ddedikat lill-arti.

    Xogholijiet tal-arti fid-distrett M50Ċertament hawnhekk, dawk li japprezzaw l-arti għandhom fejn jintilfu bl-għażla tassew varja ta’ ideat u xogħolijiet, kemm f’dik li hi skultura u kif ukoll pittura. F’dan il-lwog, wieħed spiss ikollu ċ-ċans ukoll li jiltaqa’ mal-artisti nfushom u li jixtri x-xogħolijiet direttament minn għandhom. Il-prezzijiet ivarjaw ħafna: jibdew minn tassew irħas u jibqgħu telgħin sa somom pjuttost esorbitanti. Madanakollu, jekk wieħed ikun kapaċi jinnegozja prezz tajjeb, jaf imur lura d-dar b’xogħol tassew uniku u sabiħ.

    Għalkemm viżwalment din iż-żona ma tolqotx wisq l-għajn, wieħed m’għandux joqgħod lura milli jikkunsidra li jiddedika ftit ħin biex jevalwa dak li jista’ jsib fiha. Infatti wħud mix-xogħolijiet kapaċi jkunu interessanti u provokanti qatiegħ, b’numru minnhom mogħnija wkoll b’natura ribelli.

    Esebizzjoni artistika tal-pittur Heping – Malta

     L-għan prinċipali ta’ din is-sensiela ta’ artikli huwa li nxennaq lill-poplu Malti biex isir jaf aktar dwar il-kultura taċ-Ċina u niesha. Għaldaqstant, fejn nara li hemm l-opportunità li l-Maltin iduqu dak li nkun ktibt dwaru f’pajjiżna stess, jiena nħossni obbligata li ninforma lill-qarrejja bih.

     Fil-fatt, bħalissa, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena Ċiniża, fil-gallerija artistika taċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina li jinsab f’173, Triq Melita, Valletta, qed tittella’ esebizzjoni ta’ xogħolijiet li saru mill-pittur famuż Ċiniż Heping.

    Heping huwa bbażat f’Shanghai u bħalissa huwa jservi bħala għalliem fl-Istitut tal-Moda, l-Arti u d-Disinn ta’ Dunghua University. Huwa jifforma parti mill-ġens Naxi; li huwa wieħed mill-minoritajiet etniċi li jinsabu ċ-Ċina.

    F’dawn l-aħħar snin, Heping żviluppa lingwa artistika ġdida sabiex permezz tagħha jittrażmetti l-karattru etniku u s-sengħa tradizzjonali tiegħu. Din il-linja artistika tinvolvi taħlita għanja ta’ pittura u kalligrafija li finalment tiġi espressa f’xogħol modern b’tema astratta.

    Xoghol artistiku ta' HepingIx-xogħolijiet ta’ Heping huma magħrufa għall-użu distint tal-kulur u għall-linji maħżuża li flimkien jikkontribwixxu xogħol mhux konvenzjonali li għalkemm jirrifletti ċertu loġika, jinħakem ukoll minn passjoni qawwija. Fuq kollox, is-saħħa ta’ din l-arti tinsab fit-taħlita tal-elementi artistiċi tal-Lvant u tal-Punent li jagħmlu dawn ix-xogħolijiet attraenti għal diversi individwi madwar id-dinja.

    Heping jistqarr li jinteressaħ ħafna l-bniedem u li għalhekk kull xogħol tiegħu jirrappreżenta individwu minn Shanghai: il-belt fejn trabba’ u tgħallem u l-post li għadu sa llum jinfluwenzah ħafna. Huwa jħobb joħloq illustrazzjonijiet li jissimbolizzaw id-dinja moderna urbana li teżisti f’ambjent li l-ħin kollu jinbidel. Madanakollu, huwa jara li jispjega dan kollu billi juża kemm jista’ s-sempliċità.

    Fil-fehma tiegħu, akkost li ż-żmien ta’ llum huwa miżgħud b’għadd ta’ informazzjoni u attivitajiet, min-natura tiegħu, il-bniedem jibqa’ jfittex li jissimplifika l-affarijiet ta’ madwaru sabiex jassorbi u jifhem aħjar. Fil-fatt Heping jissuġġerixxi illi dan it-tiftix għas-sempliċità jinħoloq proprju sabiex jinstab bilanċ mal-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum.

    Intant, jekk wieħed jifli x-xogħolijiet ta’ dan l-artist, spiss se jilmaħ forom astratti imma sempliċi li bihom huwa jrid jiddeskrivi l-perċezzjoni ikkondensata tiegħu tas-suġġetti umani li jpinġi f’kultura urbana u immaġni metropolitana.

    Għal aktar informazzjoni dwar din il-wirja li se ddum miftuħa sal-5 ta’ Marzu 2015, wieħed jista’ jċempel liċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta fuq 21 225 055.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-22 ta’ Frar 2015)