Archive for March 1st, 2015

  • IL-KULURI TAĊ-ĊINA (8 Parti) Siti reliġjużi f’Pekin

    Għalkemm matul is-snin, iċ-Ċina sfat attakkata kemm il-darba u diversi binjiet sinifikanti fiha ġew meqruda, b’xorti tajba llum għad fadal bosta strutturi mill-isbaħli jixhdu l-kobor tal-arkitettura tradizzjonali Ċiniża.

    Fost dawn insibu numru ta’ palazzi u tempji li wieħed jista’ jżur ġewwa l-belt ta’ Pekin.

    It-Tempju tal-Ġenna (The Temple of Heaven)

    Dan it-tempju jinsab fin-naħa tax-xlokk ta’ Pekin. Fih l-imperaturi tad-Dinastiji Ming u Qing kienu jaduraw il-ġenna, filwaqt li kienu jitolbu biex ikollhom ħsad tajjeb mill-għelieqi tagħhom.

    Dan il-post inbena bejn l-1406 u l-1420 mill-Imperatur Yongle li sawwar ukoll il-Belt Ipprojbita. Oriġinarjament kien maħsub li kellu jservi bħala altar tal-ġenna u kif ukoll tad-dinja iżda l-imperaturi baqgħu jibnu u jżidu f’dan il-lwog sakemm maż-żmien, dan sar tempju sħiħ mibni fuq medda ta’ art kbira 2,730,000 metru kwadru.

    Mudellar bl-isfond tat-Tempju tal-GennaFil-preżent, din l-istruttura hija maqsuma f’żewġ partijiet: l-artal intern u l-artal estern. Tianxinshi (ġebla tal-qalba tal-Ġenna) jew Yuanxinshi (qalb tonda tal-ġebel) tinsab proprju fiċ-ċentru tat-terrazzin ta’ fuq ta’ Yuanqiutai. Dan kien il-post fejn kien jintasab l-imperatur biex jitlob. Jingħad illi kull min jitla’ jitkellem fuq din il-ġebla, kapaċi jinstema’ minn ħafna ‘l bogħod.

    Min-naħa l-oħra, Qiniandian (is-sala tat-talb għall-ħsad it-tajjeb) hija l-binja prinċipali tal-altar għat-talb għall-qamħ. Din l-istruttura għolja 32 metru hija waħda mill-isbaħ partijiet f’dan it-tempju. Fost id-dekorazzjonijiet tagħha, il-ħitan esterni ta’ din is-sala ġew imżejjna b’madum ikħal, filwaqt li fuq it-tarf nett tpoġġa ballun lewn id-deheb. Fattur importanti dwar il-kobor tas-sengħa użata f’din il-binja huwa illi l-ebda travu jew musmar ma ntużaw biex iżommuha flimkien. Minflok, din isserraħ fuq 28 kolonna massiċċa tal-injam li b’mod inġenjuż ġew marbuta mal-bqija tal-istruttura sabiex iżżommu kollox bħala ħaġa waħda.

    It-Tempju tal-Ġenna huwa mdawwar b’ħajt twil li jifforma kwadru fin-naħa ta’ nofsinhar u nofs ċirku lejn in-naħa tat-tramuntana. Skont it-twemmin tradizzjonali Ċiniż, dan sar biex jiġu rrappreżentati l-ġenna li kienet maħsuba li kienet tonda u d-dinja li kienet kwadra.

    Id-diżinn uniku u t-tqassim ta’ dan is-sit ġew maħluqa apposta sabiex jesprimu l-filosofija Ċiniża ta’ armonija kompleta bejn il-bniedem u n-natura. Infatti, matul is-snin, dan it-tempju ġie meqjus bħala kapolavur li jisfuma l-arkitettura fin-natura bl-aktar mod eċċellenti.

    Barra minn hekk, din l-istruttura hija kkunsidrata wkoll bħala riflessjoni profonda tal-kultura Ċiniża f’dak li għandu x’jaqsam mal-politika, il-filosofija, l-astronomija, il-kalendarju, il-mużika, il-pittura u l-qasam tal-ġonna.

    Divertiment fit-Tempju tal-GennaMatul il-perjodu tat-Tieni Gwerra tal-Loppju li seħħet bejn l-1856 u l-1860, dan it-tempju safa maħkum mill-Imperu Brittaniku u dak Franċiż li kienu qed jeħduha kontra d-Dinastija Qing taċ-Ċina. Aktar tard, fl-1900, waqt ribelljoni oħra, l-Alleanza tat-Tmien Nazzjonijiet ħadet taħt idejha dan il-kumpless u biddlitu f’ċentru militari. L-okkupazzjoni ta’ dan il-post, li damet madwar sena, iddesekrat dan it-tempju u rriżultat fi ħsara enormi kemm fil-bini u kif ukoll fil-ġonna tal-madwar. Sadanittant, ġew irrapurtati wkoll diversi serqiet ta’ artifatti li ttieħdu mit-tempju.

    Hekk kif id-Dinastija Qing falliet u spiċċat, dan is-sit tħalla għal rieħu u ġie abbandunat kompletament. Dan kompla wassal għal ħsarat ħafna akbar fejn saħansitra waqgħu xi swali.

    Fl-1914, Yuan Shikai, l-ewwel President tar-Repubblika taċ-Ċina wettaq ċerimonja reliġjuża f’dan it-tempju bħala attentat li jiddikkjara ruħu Imperatur taċ-Ċina.

    Għal bosta snin, l-aċċess għal din iż-żona kien ipprojbit, sakemm fl-1918, din tbiddlet fi ġnien u nfetħet għall-pubbliku. Intant, fl-1961 it-Tempju tal-Ġenna ġie inkluż bħala parti mil-Lista ta’ Monumenti Storiċi u Kulturali Ċiniżi taħt protezzjoni tal-istat u b’hekk beda jsirlu r-restawr meħtieġ. Imbagħad, fl-1998, dan is-sit beda jifforma wkoll parti mill-lista tal-Wirt Kulturali Dinji tal-UNESCO.

    Illum dan il-post huwa popolari ħafna kemm man-nies tal-lokal u kif ukoll mat-turisti. Infatti, waqt iż-żjara tagħna, kien hemm mijiet ta’ viżitaturi ta’ kull età u ġens li kienu qed jagħmlu kull xorta ta’ attività bħaż-żfin, kant, u logħob varju. Barra minn hekk, kien hemm ukoll numru ta’ għarajjes li kienu qed jiġbdu r-ritratti tat-tieġ tagħhom fl-isfond tal-istrutturi varji ta’ dan it-tempju. Xi fotografi oħra kienu qed jieħdu ritratti artistiċi u tal-moda lil diversi mudelli.

    Fatt interessanti huwa illi f’sezzjoni mill-ġonna ta’ dan it-tempju, wieħed jista’ jara siġra kbira li hija magħrufa bħala ‘iċ-ċipressa tad-disgħa draguni’. Tissejjaħ hekk minħabba li jekk wieħed juża naqra immaġinazzjoni, jista’ jistħajjel iz-zokk tagħha bħal disgħa draguni jitremblu f’xulxin. Jingħad illi din iċ-ċipressa għandha mal-elf sena u għadha ħajja sa llum.

    Yonghegong Lamasery

    Magħrufa wkoll bħala l-Palazz tal-Armonija u l-Paċi, din l-istruttura li tinsab lejn in-naħa tal-grigal ta’ Pekin, ġiet mibnija fl-1694.

    Oriġinarjament, fil-perjodu tad-Dinastija Ming, dan il-post kien maħsub biex iservi bħala residenza għal dawk l-irġiel li kienu jiġu kastrati u mpjegati sabiex jipproteġu lin-nisa li kienu jgħixu fil-qrati orjentali.

    Qima fit-tempju BuddistMadanakollu, mill-1725, dan is-sit beda jintuża bħala l-palazz residenzjali tal-Imperaturi Yongzheng u Qianlong tad-Dinastiji Qing, meta dawn kienu jixtiequ joħorġu għal ftit taż-żmien mill-Belt Ipprojbita. Infatti, il-ħitan ħomor, il-madum isfar u l-iljuni tal-ġebel li wieħed isib f’dan il-lwog huma simboli li hemmhekk xi darba kien jgħix xi membru tal-familja imperjali.

    Kien fl-1744, waqt id-Dinastija Qing, illi finalment ir-rwol ta’ dan il-palazz inbidel f’tempju u f’residenza għall-patrijiet Lama filwaqt li sar ukoll iċ-ċentru nazzjonali tal-amministrazzjoni Lama.

    L-arkitettura, id-disinn u d-dekorazzjonijiet tiegħu huma meraviljużi hekk kif dan il-post huwa mqassam f’sebat ibtieħi differenti bi strutturi li jvarjaw bejn swali, paviljuni u torrijiet, li kollha jintonaw flimkien akkost li fihom karatteristiċi tradizzjonali varji tal-popli ta’ Han, Tibet, Manchu u Mongolja.

    Hruq tal-incens fit-tempju BuddistIllum dan il-post huwa miftuħ kemm għat-turisti u kif ukoll għal dawk li jkunu jixtiequ jqimu d-diversi statwi Buddisti li hemm imxerrda man-numru ta’ binjiet li jiffurmaw lil dan il-palazz. Fost dawn l-istatwi, wieħed isib ukoll statwa ġganteska ta’ Buddha għolja 26 metru li ġiet maħduma minn biċċa sħiħa tal-injam tas-sandlu. Jingħad li din hija l-ikbar statwa fid-dinja tax-xorta tagħha.

    Ċertament, dan it-tempju huwa xempju tal-arti reliġjuża tradizzjonali Ċiniża. Hu wkoll il-post ideali għal dawk li japprezzaw isegwu r-ritwali differenti ta’ ġnus oħra

    Nistqarr illi anki jekk in-nies ta’ madwari kienu qed iqimu reliġjon differenti minn dak li nħaddan jien, xorta waħda ħassejt serenità kbira ġewwa dan it-tempju, speċjalment meta bdejt nara l-qima qawwija fost individwi ta’ kull età.

    Għalija, iż-żjara ġo dan il-lwog kienet esperjenza memorabbli u unika li laqqgħatni ma’ aspett ieħor tal-kultura u s-soċjetà taċ-Ċina.

     (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-1 ta’ Marzu 2015)

     

     

     

    2015.03.01 / no responses / Category: Torca - Features & Articles