Archive for June 7th, 2015

  • Wiċċ imb’wiċċ ma’ Patri Gerard

    Ma tistax ma tieqafx tiċċassa lejh meta tara ritratt ta’ ras ta’ skeletru ta’ bniedem iddekorata! Aktar u aktar meta ssir taf li dik hija relikwa ta’ individwu magħruf ħafna madwar id-dinja. U li din tinsab f’monasteru f’Malta.

    Patri Gerard Sasso: il-Fundatur tal-Ordni ta’ San Ġwann

    Relikwa - Patri Gerard Sasso (Ritratt - Fiona Vella)Iltqajt għall-ewwel darba ma’ din l-immaġni waqt xi xogħol li kont qed nagħmel relatat mal-Assedju l-Kbir li seħħ fl-1565. Skoprejt li dik ir-ras kienet maħsuba li tappartjeni lill-Patri Gerard Sasso, il-Fundatur tal-Ordni ta’ San Ġwann, li għex bejn l-1040 u l-1120.

    Jingħad li Patri Gerard kien bniedem twajjeb ħafna u ta’ qalb kbira. Kien jifforma parti mill-Ordni Benedittina u fil-11 il-seklu, huwa rħielha lejn Ġerusalemm sabiex jagħti l-għajnuna tiegħu lill-pellegrini li kienu jżuru dik l-art fi kwantitajiet kbar, akkost il-perikli u s-sofferenza.

     Il-perikli tal-pellegrini

     Dak iż-żmien ma kinetx xi ħaġa faċli li tmur pellegrinaġġ biex iżżur siti Kristjani, speċjalment meta dawn kienu f’art oħra li spiss kienet maħkuma mill-Misilmin. Apparti l-biża’ minn xi attakk fejn wieħed seta’ jiġi misruq jew maqtul, kien hemm ukoll id-diffikultà tat-tul tal-vjaġġ bl-inqas kumdità possibbli. Il-mard, l-inċidenti u l-mewt temmew il-ħajja ta’ bosta minn dawn il-pellegrini. Kienet meqjusa bħala xi ħaġa komuni li pellegrin jista’ ma jirritorna qatt lejn daru u fil-fatt kien hemm sistemi legali li kienu jorbtu lil dak li jkun biex iħallas dejnu qabel ma jitlaq fuq xi vjaġġ bħal dan.

    Jitwaqqaf sptar għall-pellegrini f’Ġerusalemm

    Dan it-tiġrib lill-pellegrini qanqal lil grupp ta’ negozjanti minn Amalfi sabiex iwaqqfu post fejn dawn in-nies setgħu jingħataw l-għajnuna u l-kura meħtieġa. Dan is-servizz tant kien utli u meħtieġ li finalment il-post inbidel fi sptar u dan beda jitmexxa minn Patri Gerard.

    Għalkemm oriġinarjament, dan il-post kien maħsub biex jilqa’ biss lill-pellegrini Kristjani, Patri Gerard ma kienx jagħmel din id-differenza bejn bniedem u ieħor. Jekk persuna kienet fil-bżonn, hu kien jilqagħha b’idejh miftuħa bla ma qatt jistaqsi xejn aktar.

    Titwaqqaf l-Ordni ta’ San Ġwann

    Dan l-aġir tiegħu sar magħruf sewwa man-nies, tant li finalment, aħbaru waslet għand Papa Paskal II. Dan tant ħass ammirazzjoni lejn ix-xogħol li kien qed iwettaq il-patri li fil-15 ta’ Frar 1113, huwa rrikonoxxa l-isptar u l-ordni tiegħu billi ħareġ Bulla Papali li fosthom ta lill-Ordni id-dritt li tagħmel ir-regoli tagħha u li tirrispondi direttament lill-Papa. Minn hemm, dan il-grupp ta’ patrijiet inbidel fl-Ordni ta’ San Ġwann.

    Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien din l-Ordni bdiet tiġbed ir-rispett tan-nies, l-aktar tan-nobbli li l-membri tal-familja tagħhom kienu ngħataw l-għajnuna minn dawn il-patrijiet waqt xi pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa. Bħala rikonoxximent, dawn l-individwi sinjuri bdew jibgħatu somom kbar ta’ flus sakemm il-ġid beda dieħel għand l-Ordni bir-radam.

    Għalkemm Patri Gerard kien l-ewwel mexxej tal-Ordni, qatt ma kibritlu rasu. Huwa baqa’ dejjem bniedem umli, jaqdi dmiru mal-fqir, il-marid u l-batut. Miet fl-1120 u postu ttieħed mill-Kavallier Franċiż Raymond du Puy. Dan ma kien jixbaħ xejn lil ta’ qablu għax apparti li kien reliġjuż, kien ukoll statista. Infatti, huwa ma damx ma bidel in-natura tal-Ordni, ikkodifika r-regoli tagħha u waqqaf grupp ta’ patrijiet li kienu lesti li jiġġieldu sabiex jipproteġu lill-pellegrini. Barra minn hekk, huwa ra kif joħloq mezzi oħra sabiex isaħħaħ il-qagħda finanzjarja tal-Ordni billi akkwista artijiet u rikkezzi oħra.

    Ġisem Patri Gerard jitqies b’relikwa

    Wara l-mewt ta’ Patri Gerard, ġismu nżamm fil-monasteru ta’ Ġerusalemm u l-Kavallieri raw kif għamlu biex ippreservawh bl-aħjar mod. Dan il-korp kien miżmum b’qima kbira tant li kull meta l-Kavallieri bidlu l-post tal-kwartieri tagħhom, huma ħaduh magħhom bħala relikwa prezzjuża.

    Ras Patri Gerard issib ruħha Malta

    Il-Monasteru ta’ Sant’Ursula l-BeltIżda ġara li għal xi raġuni, dan il-ġisem ma baqax intatt u fl-1749, ras il-patri sabet ruħha f’Malta wara li nġarret minn Monasque fi Franza fuq ordni tal-Gran Mastru Emmanuel Pinto. Dan it-tagħrif huwa kkonfermat minn dokumenti li hemm maħżuna ġol-kaxxa ċkejkna li fuqha sserraħ din ir-relikwa.

    Għall-ewwel, din ir-ras inżammet fil-Palazz Maġisterjali u aktar tard, din tmexxiet flimkien mar-relikwi l-oħra li kienu merfugħa fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann il-Belt. Eventwalment, fid-19 ta’ Ġunju 1830, din ir-ras ġiet fdata f’idejn is-sorijiet tal-Monasteru ta’ Sant’Ursula, il-Belt, fejn għadha sa llum, f’vetrina żgħira biswit l-altar tal-kor, ġewwa l-kappella tal-monasteru.

    Fil-21 ta’ Diċembru 2001, ir-relikwarju tal-injam li kienet miżmuma fih din ir-ras, inbidel ma’ wieħed tal-fidda u dan ġie rregalat mill-Prof. Dr Guglielmo de Giovanni-Centelles, Duka ta’ Precacore, flimkien ma’ martu Donna Carla.

    Wiċċ imb’wiċċ ma’ Patri Gerard

    Madre Prijoressa Sr. Agnese Zammit OSS biswit ir-relikwa ta' Patri Gerard Sasso (Ritratt - Fiona Vella)Wara li rriċerkajt din it-tema, ma stajtx ma nżurx il-post fejn tinsab din ir-relikwa. Akkost li l-monasteru jiġbor fih sorijiet tal-klawsura, it-talba tiegħi ġiet milqugħa mal-ewwel u ma domtx ma sibt ruħi wiċċ imb’wiċċ ma’ dan il-bniedem li tant nies jitkellmu b’rispett lejh.

    “Kull sena, jiġu għadd ta’ nies minn madwar l-Ewropa kollha biex iżuru din ir-relikwa,” infurmatni l-Madre Prijoressa Sr. Agnese Zammit OSS tal-Monasteru ta’ Sant’Ursula l-Belt.

    Il-Madre Prijoressa liebsa l-istolone u l-manto di punta“F’April li għadda, kellna anki żjara statali mill-Prinċep u Gran Mastru tal-Ordni ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm, ta’ Rodi u ta’ Malta, Frá. Matthew Festing. Għal din l-okkażjoni, peress li aħna sorijiet tal-Ordni, nilbsu l-abitu statali li jinkludi l-istolone u l-manto di punta”.

    Kull sena, fit-13 t’Ottubru, dawn is-sorijiet jorganizzaw quddiesa solenni b’rispett lejn Patri Gerard. Għal din iċ-ċelebrazzjoni, jattendu l-Kavallieri ta’ San Ġwann kollha li joqogħdu Malta u mill-ġdid huma jilbsu l-abitu statali.

    Ħadd ma jaf kien kien jidher wiċċu

    Ħadd ma jaf fiċ-ċert kif kien wiċċ Patri Gerard. Madanakollu, sforz ir-rispett kbir li n-nies minn dejjem kellhom lejh, saru diversi pitturi tiegħu fejn wiċċu ġie mmaġinat mill-artisti. Wieħed minn dawn il-kwadri li juri lil Patri Gerard qed jilqa’ lil Godfrey de Bouillon, Duka ta’ Lower Lorraine u mexxej tal-Ewwel Kruċjata ġie maħdum mill-pittur magħruf Antoine De Favray u jinsab esebit fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti fi Triq Nofsinhar il-Belt.

    Sadanittant, jekk qanqaltilkhom biżżejjed kurżità, tistgħu taraw ukoll kopja ta’ dan il-kwadru fuq il-blog tal-Assedju l-Kbir ta’ Heritage Malta – www.heritagemalta.org/1565

    Apparti kurżitajiet simili relatati mal-Ordni ta’ San Ġwann, f’dan il-blog tistgħu ssegwu wkoll rakkonti ġurnata b’ġurnata ta’ dak li għaddew minnu Malta, il-Maltin u l-Kavallieri waqt il-perjodu aħrax tal-Assedju l-Kbir li beda f’Mejju u ntemm f’Settembru tal-1565.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela MINN RITRATT (12 il-parti) fit-Torċa tas-7 ta’ Ġunju 2015)

    2015.06.07 / no responses / Category: Torca - Features & Articles