-
Mad-daqq tal-banda
Sa mill-ibgħad snin tal-eżistenza tiegħu, il-bniedem kien affaxxinat bil-kapaċità tiegħu li joħloq ħoss, liema abbiltà eventwalment evolviet fil-mużika. Maż-żmien, ġew żviluppati konsiderevolment anki l-istrumenti mużikali, sakemm illum, teżisti għażla vasta ta’ tipi differenti.
Firxa minn dawn l-istrumenti varji huma użati mill-baned tagħna li llum saru jiffurmaw parti mill-wirt kulturali tagħna. Infatti, ir-ritratti tal-bandisti Maltin saru sinomini mal-esebizzjonijiet fotografiċi li jkunu relatati mat-tradizzjonijiet u l-kultura lokali.
Hekk kif issa beda l-istaġun tal-festi, tħajjart nesplora kemmxejn id-dinja tal-banda u tal-bandisti. Kif stennejt, ħarġu dettalji u rakkonti tassew interessanti.
Il-festa tar-raħal isservi bħala xrara
Il-folla numeruża kienet qed tifraħ u ċċapċap hekk kif l-istatwa tal-patruna tfaċċat glorjuża fil-bieb tal-parroċċa taż-Żejtun. Għadd ta’ bnadar kbar u kkuluriti kienu qed iżejjnu l-bjut tad-djar u tal-każini tal-madwar, iperpru sbieħ fis-sema kaħlana. It-tiżjin tat-triqat kompla jgħani din l-atmosfera ferriħija tal-festa li kienet qed tiġi ċċelebbrata. Iżda bla dubju, dan l-ambjent allegru kien jonqoslu ħafna mill-briju li kieku ma kienx għall-mużika sabiħa tal-banda.
Kien waqt mument distint bħal dan, lura f’Novembru tal-1973, meta Alexander Vella u ħuħ Raymond, flimkien ma’ grupp ta’ ħbieb oħra, iddeċidew li jibdew jagħmlu parti minn dan l-ispettaklu billi jingħaqdu maż-Żejtun Band Club. Alexander, li kellu 15 il-sena dak iż-żmien, jiftakar li missieru ħa gost ferm b’din l-aħbar, l-aktar minħabba li hu stess kien ilu membru f’din is-soċjetà għal bosta snin. Madanakollu, huwa ma naqasx milli jwissi lil uliedu li jekk tassew riedu jirnexxu f’dan il-qasam, huma kellhom jibdew mill-ewwel jieħdu l-affarijiet bis-serjetà u jintefgħu jistudjaw.
Opportunità għal min xtaq jitgħallem idoqq
Ma kienx diffiċli biex tiġi aċċettat bħala membru fiż-Żejtun Band Club peress li l-għan prinċipali ta’ din is-Soċjetà li twaqqfet fl-1933, minn dejjem kien li jagħti l-opportunità lil kull min xtaq jitgħallem idoqq xi strument tal-banda. Infatti, l-istudenti kienu jiġu mgħallma bla ħlas minn għalliema u maestros professjonali, u hekk kif kienu jaqbżu l-aspett teoretiku, is-Soċjetà kienet saħansitra tislifhom strument sabiex idoqqu bih. B’dan il-mod, is-Soċjetà kienet tispera li l-quddiem għad tħajjar lil dawn l-individwi biex jingħaqdu magħha bħala mużiċisti tal-banda, ħalli b’hekk din tkompli ssaħħaħ ir-reputazzjoni tagħha b’membri validi.
Ridt tkun tassew determinat biex tibqa’
Ċertament, sa mill-ewwel lezzjoni, Vella ntebaħ li din ma kienetx se tkun biċċa xogħol faċli.
“Ridt tkun tassew determinat li tingħaqad mal-banda biex tibqa’ għaddej bl-istudju, l-aktar għaliex qabel jagħtuk l-istrument li mingħalik kont se tibda ddoqq, kien jeħtieġlek titgħallem bl-amment in-noti tal-mużika,” stqarr Vella.
“Qatt qabel ma kont tgħallimt il-mużika u għalkemm kieku ried, missieri seta’ jħarriġni, huwa rriffjuta li jagħmel dan. Minflok insista li noqgħod attent waqt il-lezzjoni u li nisma’ sew x’kellu jgħidli l-għalliem. Niftakar li darbtejn biss azzardajt nistaqsih xi ħaġa wara li ma fhimtx x’għamilna fil-lezzjoni imma fiż-żewġ okkażżjonijiet, huwa ċanfarni u wissieni biex ma naħlix il-ħin tal-għalliem tiegħi. Wara dakinhar, qatt ma ppruvajt nistaqsih xi ħaġa oħra u kont nara li nifhem sew dak li jsir fil-klassi.”
Il-bużillis kien li din l-attitudni ddixxiplinata kienet teżisti anki fil-klassi
“L-għalliem tagħna, Edgar Lowell, kien maestro mill-aqwa imma kien bniedem tassew strett. Kien jippretendi li l-istudenti jattendu regolarment għall-lezzjonijiet u li jsegwuhom b’attenzjoni kbira. Ma ninsa qatt meta fl-ewwel lezzjoni, hu fetaħ idejh beraħ quddiemna u hekk kif beda jipponta lejn subgħajh, qalilna li Alla kien tana ħames swaba’ b’erbgħa spazji bejniethom sabiex niftakru dejjem li kien hemm disgħa noti mużikali bażiċi.”
Ridt tuża l-istint
“Minn dakinhar konna mistennija naħdmu iebes u nimxu ‘l quddiem mingħajr ma jkollna għalfejn nistaqsu wisq għall-għajnuna. Kellna nidraw nużaw l-istint tagħna u widnejna biex nifhmu l-ħsejjes u r-ritmi mużikali korretti. Żball wieħed waqt il-lezzjoni kien ikun biżżejjed biex l-għalliem jaqbdek u jibgħatek id-dar bla kliem u bla sliem ħalli tmur tistudja mill-ġdid id-dar. Dak iż-żmien, it-tifħir ma kienx jeżisti u kont tirrealizza biss li kont sejjer tajjeb meta l-għalliem kien jagħtik titgħallem in-noti li jmiss. Dak kollox!”
Wara erbgħa snin taħriġ, Vella beda jdoqq maż-Żejtun Band Club u ma damx ma beda jservi wkoll ma’ baned oħra. Illum, fl-età ta’ 53 sena, huwa għandu esperjenza ta’ 37 sena ma’ din il-banda u kapaċi jdoqq diversi strumenti. Bi gratitudni lejn din is-Soċjetà li tagħtu tant, fl-2012 hu flimkien ma’ martu Jane, rregalaw sett ta’ bandalori tal-bellus meħjutin bir-rakkmu tad-deheb, bħala tifkira tal-involviment tiegħu magħha, waqt iċ-ċelebrazzjoni tat-80 anniversarju mit-twaqqif tagħha.
Bidla fil-kultura
Maż-żmien dan l-atteġġjament inbidel kompletament, hekk kif stajt nifhem meta tkellimt ma’ Isaac Scicluna; tifel ta’ 11 il-sena li hu l-iżgħar bandist ta’ din is-soċjetà.
Fatt kurjuż huwa li Scicluna tħajjar jissieħeb maż-Żejtun Band Club eżatt bl-istess mod kif ġralu Vella; jiġifieri, waqt il-festa ta’ Santa Katarina tal-2011. Bħal Vella, hu wkoll kellu xi membri tal-familja li kienu jdoqqu, fosthom lil missieru, lil nannuħ u lil bużnannuħ li kollha kienu bandisti ferventi. L-istess bħal sieħbu akbar minnu, Scicluna ħassu pjuttost konfuż meta fl-età ta’ 8 snin daħal għall-ewwel darba biex jitgħallem ma’ din is-Soċjetà u sab ruħu affaċċjat bin-noti tat-teorija flok bl-istrument li xtaq!
Iżda t-tixbiħ ma’ Vella s’hawn jieqaf peress li bil-bidla fil-kultura, li fil-preżent aktar tikkunsidra li tgħin milli li żżomm dixxiplina iebsa, huwa jsib għajnuna kbira kemm mill-ġenituri tiegħu u kif ukoll mill-għalliem meta jkollu bżonn l-assistenza tagħhom.
“Fl-ewwel lezzjoni ntroduċewni man-noti tal-mużika,” qalli Scicluna. “Ftit ftit bdejt nitgħallem isimhom, it-tip u l-valur tagħhom. Imbagħad ngħatajt sett noti mużikali u ġejt mitlub nikkupjahom u nistudjahom. Missieri għeni nsib it-triq sakemm ġejt fuq saqajja u stajt inkompli naħdem waħdi. Fir-realtà, anki jekk issib tant sapport, jiddependi ħafna mill-ambizzjoni tiegħek sabiex tirnexxi għax aktar ma jgħaddi ż-żmien, il-lezzjonijiet kull ma jmur jitqalu. Meta tkun għadek student l-iskola, jeħtieġlek ukoll titgħallem tqassam ħinek sewwa ħalli tlaħħaq mal-istudju tal-iskola u xorta ssib ħin x’tiddedika għall-banda.”
“Peress li jiena xellugi, kelli nderri lili nnifsi biex nitgħallem inżomm ir-ritmu b’saqajja l-leminija u ngħodd in-noti b’idejja l-leminija sabiex inkompli mal-bqija tal-grupp. Wara xi żmien nistudja, intlabt ukoll nibda nkanta n-noti ħalli b’hekk widnejja jintunaw ruħhom għall-mużika bi preparazzjoni għall-istrument li kont se ndoqq.”
Filwaqt li Vella dam aktar minn tliet snin jistudja t-teorija, Scicluna kien meqjus pront biex jitgħallem l-istrument f’nofs dak il-perjodu. Min-naħa l-oħra, mentri Vella ġie rrakkommandat idoqq is-saksafon peress li kien twil imma minflok għażel il-klarinett bħal dak li kien idoqq missieru, Scicluna li xtaq idoqq is-saksafon, kellu joqgħod għall-klarin peress li subgħajh għadhom wisq qosra għall-istrument l-ieħor.
L-iżgħar bandist
Sadanittant, is-sena 2013 kienet waħda sinifikanti ferm għal Scicluna u l-familja tiegħu, meta hu ġie ntrodott bħala l-iżgħar bandist taż-Żejtun Band Club. Fatt interessanti huwa illi din iċ-ċelebrazzjoni kienet pjuttost insolita peress li s-soltu, bandist ġdid jiddaħħal fil-banda biss waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira. Iżda, minħabba l-mewt għall-għarrieda tal-arċipriet taż-Żejtun, Dun Eric Overend, bosta mill-attivitajiet kellhom jiġu posposti u b’hekk Scicluna ngħata l-opportunità li jdoqq għall-ewwel darba waqt il-Programm Mużikali Annwali tal-2013.
Nibqa’ ndoqq sal-aħħar
Illum, kemm Vella u Scicluna, huma ħerqana biex ikomplu jagħtu s-servizz tagħhom f’din il-banda u għalkemm hemm baħar jaqsam bejn l-età ta’ dawn iż-żewġ individwi, it-tnejn sostnew li xtaqu jkomplu jdoqqu sakemm Alla jibqa’ jagħtihom is-saħħa. Għalissa, Scicluna daqq biss maż-Żejtun Band Club iżda xorta waħda, hu diġà kellu ċ-ċans jieħu sehem f’funzjonijiet importanti bħal meta l-banda daqqet fil-funeral tal-eks-ministru, Wistin Abela.
Ir-rwol tal-banda
“Ir-rwol tal-banda hu li tferraħ in-nies bil-mużika tagħha,” qalli Vella. “Madanakollu, bħal f’kollox, anki din għandha l-lati diffiċli tagħha. Ngħidu aħna, għalkemm jiena nħobb nisma’ ħafna l-marċi funebri illi l-banda tagħna ddoqq waqt l-attivitajiet tal-Ġimgħa l-Kbira, meta nsib ruħi qiegħed nakkumpanja funeral bid-daqq tiegħi, inħossni emozzjonat. Minn dejjem kont hekk, imma din is-sensazzjoni kompliet tiżdied wara li kelli ndoqq waqt il-funeral ta’ missieri u hemm ħassejt l-uġiegħ u n-niket li kapaċi jiġi espress permezz tal-istrumenti differenti. Dakinhar, deherli li l-ħoss tagħhom kien jixbaħ il-bikja tas-soċjetà li kienet għadha kif tilfet lil wieħed mill-membri tagħha.”
Anki t-tfajjel Scicluna qabel ma dan.
“Jien ukoll inħossni daqsxejn skomdu meta jkolli ndoqq waqt funeral. Imma fl-istess ħin, jien konxju li bil-mużika tiegħi nkun qed nuri rispett lil dak l-individwu li jkun ħalliena. Xorta waħda nħares dejjem il-quddiem biex jiġi ż-żmien tal-festi meta nkunu nistgħu nferrħu n-nies bid-daqq tal-istrumenti tagħna.”
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela MINN RITRATT (14 il-Parti) fit-Torċa tal-21 ta’ Ġunju 2015)