Archive for July, 2015

  • L-attakk fuq l-isperun tal-Isla

    Għal dawk kollha li tinteressahom l-Istorja ta’ Malta, din is-sena hija waħda sinifikattiva ħafna, peress li qed jiġi kkommemorat l-450 anniversarju mill-Assedju l-Kbir li seħħ fil-gżejjer tagħna fl-1565. Diversi kotba, lekċers, blogs, u attivitajiet relatati ma’ din it-tema, qegħdin ikomplu jqanqlu l-entużjażmu sabiex wieħed isir jaf aktar dwar din il-battalja qalila, fosthom għaliex seħħet, kif żvolġiet, min ħa sehem, x’kienu l-istrateġiji użati, u kif finalment il-Kavallieri ta’ San Ġwann u l-Maltin ħarġu rebbieħa akkost id-diffikultajiet kollha.

    Sabiex jirrakkuntaw dawn il-fatti, nibtu wkoll numru ta’ paġni fuq Facebook u permezz tagħhom, wieħed jista’ jara biċ-ċar li mhumiex il-Maltin biss li qed jinvolvu ruħhom f’din il-kommemorazzjoni, imma anki għadd ta’ individwi minn madwar id-dinja kollha. B’hekk, din il-ġrajja tal-Assedju, qed isservi wkoll biex tiġbed l-attenzjoni tal-barranin lejn il-gżejjer tagħna u possibilment, uħud minnhom jafu jitħajjru jżuruna.

    Mudell li juri l-attakk fuq l-isperun tal-Isla

    Membri jahdmu fuq il-mudellWaħda minn dawn il-paġni tal-Facebook hija ‘The assault on the Spur, Isla, 15th July 1565’ li permezz ta’ bosta ritratti, qed turi u tispjega pass pass, it-tnissil u l-kostruzzjoni ta’ diorama, jew mudell, tal-isperun tal-Isla. Għall-ewwel, segwejt dan il-grupp permezz tar-ritratti li kien qed itella’. Iżda eventwalment, tant sibt ix-xogħol li kien qed jitwettaq intriganti, li deherli li kien jixraq li mmur nagħtih titwila ħalli narah b’għajnejja.

    “Huma ħafna dawk li qed juru x-xewqa li jiġu jaraw dan il-mudell,” stqarr Alex Schembri, President ta’ Society for Scale Modellers – IPMS Malta. “Napprezzaw ferm li l-pubbliku qiegħed isegwi x-xogħol tagħna b’tant ħeġġa u qed nagħmlu minn kollox biex sal-15 ta’ Lulju, inkunu nistgħu nvarawh ftit billi nippreżentaw diversi ritratti tiegħu.”

    Society for Scale Modellers – IPMS Malta

    Society for Scale Modellers ġiet imwaqqfa f’Jannar tal-1981. L-għan prinċipali ta’ dan il-klabb dejjem kien li jgħolli l-livell tal-iscale modelling f’pajjiżna sabiex jikkompara ma’ dak internazzjonali. Infatti l-klabb huwa affiljat mal-International Plastic Modellers Society li għandha rappreżentanti tagħha f’diversi pajjiżi madwar id-dinja.

    L-iscale modelling jieħdok sa fejn trid

    “Għalkemm dan il-qasam ġeneralment jitqies bħala passatemp, aħna xorta waħda nagħtuh attenzjoni kbira billi naraw li x-xogħol isir bi professjonalità. Imma fir-realtà, l-iscale modelling jieħdok sa fejn trid u infatti fost il-membri, għandna numru minnhom li huma esperti tassew, tant li rebħu diversi kompetizzjonijiet barra minn Malta. Oħrajn saru jipproduċu l-prodotti tagħhom u jbiegħuhom.”

    Kull sena, din is-Soċjetà ttella’ esebizzjoni bix-xogħolijiet li jkunu saru mill-membri tagħha u f’dak iż-żmien, ikun hemm numru ta’ nies li jitħajjru jingħaqdu magħha.

    “Idealment l-età tal-membri tagħna tibda minn 17 il-sena sabiex wieħed jilħaq jitrawwem f’dan il-qasam. Niltaqgħu darba f’ġimgħa ħalli nuru x-xogħolijiet li qed nagħmlu u flimkien niddiskutu x’jista’ jsir aħjar. Hawnhekk kulħadd ikollu l-preferenzi tiegħu: min jaħdem il-mudelli tal-ajruplani, min il-figuri, min il-karozzi, oħrajn inġenji tal-baħar eċċ. U għalhekk, wieħed jgħin u jgħallem lill-ieħor sabiex il-mudell tiegħu ikun aktar perfett u komplet.”

    Proġett li ġabar flimkien lill-membri kollha

    IMG_8367Fil-fatt, matul dawn l-aħħar xahrejn, prattikament il-membri kollha qegħdin jagħtu daqqa t’id biex jissawwar dan il-mudell imdaqqas tal-isperun tal-Isla.

    L-għażla ta’ din it-tema oriġinat minn Ivan Cocker, wieħed mill-membri.

    “Dehrilna li peress li dis-sena qed nikkommemoraw l-450 anniversarju mill-Assedju l-Kbir, kien jixraq li niddedikaw xi biċċa xogħol għalih. Wara li ddiskutejt din l-idea ma’ sħabi u mal-Kuraturi ta’ Heritage Malta, Emmanuel Magro Conti u Liam Gauci, l-għażla tagħna waqgħet fuq l-isperun tal-Isla minħabba li fuq dan il-Post ta’ Don Francisco de Sanoguera kien hemm il-konċentrament tal-attakk u anki peress li dan il-lwog kien l-uniku wieħed waqt dan l-assedju li ġiet attakkat kemm mill-art u kif ukoll mill-baħar,” spjegali Ivan.

    Ir-riċerka nvoluta biex isir dan il-mudell

    Hekk kif intagħżel il-lwog li kienu se joħolqu l-mudell tiegħu, bdiet riċerka sfieqa ħalli tinkiseb kemm jista’ jkun informazzjoni, l-aktar minħabba li llum ftit li xejn fadal minn dan l-isperun.

    “Irreferejna ma’ għadd ta’ kotba, mapep, mużewijiet, u pitturi sabiex inkunu nistgħu noħolqu mudell kemm jista’ jkun viċin għal dak li kien jeżisti tassew f’dak il-perjodu. Ngħidu aħna biex bdejna nibnu l-isperun, imxejna mal-ktieb ta’ Balbi, li kien suldat li ħa sehem f’dan l-assedju. Rajna wkoll pjanti ta’ llum tal-Isla peress li sirna nafu li l-pedament tal-isperun għadu hemm. Fittixna wkoll kotba tal-istorja u tal-fortifikazzjonijiet li jsegwu dak li seħħ wara l-assedju ħalli b’hekk nagħrfu x’kienu dawk ix-xogħolijiet li saru wara, kemm mill-Kavallieri nfushom u kif ukoll mill-Imperu Ingliż.”

    Mudell maħdum fuq skala 1:72

    Oliver MifsudHuma użaw ukoll il-pjanti biex jiffurmaw l-iskala tal-mudell 1:72 ħalli b’hekk janalizzaw ukoll sa fejn se jkopri.

    “Ma stajnix nagħmlu l-Isla kollha, naturalment. Għalhekk iffukajna fuq l-isperun, u permezz tal-pjanti, ħriġna bl-iskala. Ħdimna b’reqqa kbira imma mbagħad kien hemm mument fejn kellna nagħlqu għajnejna. Dan seħħ per eżempju fil-każ tal-mitħna li fir-realtà kienet tinsab aktar lura minn fejn tidher fil-mudell. Madanakollu, peress li l-imtieħen lagħbu parti importanti f’din il-battalja, anki peress li biswiethom, l-Ordni kellha l-kanuni, ma kienx jagħmel sens li nħalluha barra,” infurmani Oliver Mifsud hekk kif beda jurini kif qed jinħadem dan il-mudell.

    Sabiex il-mudell ma jkunx tqil wisq, il-pedamenti tiegħu tfasslu mill-ġablo u mbagħad fuqu beda l-kisi ta’ materjal ieħor ħalli jiġu ffurmati l-art u l-fortifikazzjoni. Imbagħad, biex il-lewn ta’ dawn jiġi jixbaħ lill-ġebla tal-franka Maltija, ġie xkatlat il-ġebel fil-wiċċ, mgħejjun ukoll miż-żebgħa ħalli joqrob aktar lejn ir-realtà.

    Kull parti tal-mudell għandha l-istorja tagħha

    Dawwruni ftit mal-mudell biex inkun nista’ nifli d-dettalji li fih. Intbaħt li skont minn fejn tħares lejn dan il-mudell, tkun tista’ ssegwi parti mill-ġrajja ta’ dak li seħħ f’dan il-post waqt l-assedju.

    “Biex inkunu aktar preċiżi, segwejna wkoll mill-qrib kif saru l-attakki fuq dan l-isperun, ħalli b’hekk nagħrfu aħjar fejn saru l-ħsarat u t-tifrik, fejn tpoġġa ċertu lqugħ għad-difiża, fejn kien hemm il-katina biex iżżomm ix-xwieni tal-għadu milli jidħlu, u fejn il-Gran Mastru Jean de la Valette ordna biex isir l-ostaklu ġol-baħar li kellu jtellef lit-Torok milli jersqu bid-dgħajjes tagħhom,” qalli Ivan.

    Minkejja t-tiftix u r-riċerka, xorta jibqgħu numru ta’ mistoqsijiet dwar uħud minn dawn li semmejt peress li issa għadda ħafna żmien u wieħed ikollu joqgħod biss fuq dak li jirnexxielu jsib.

    Skoperti fatti kurjużi waqt il-ħidma ta’ dan il-mudell

    Ivan Cocker“L-ostaklu fil-baħar huwa eżempju minnhom,” fissirli Ivan. “Biex fassalnih, qgħadna ħafna fuq id-dettalji ta’ Balbi. Imma aħna u naħdmuh, ma stajniex nifhmu l-għala dan l-ostaklu ma sarx biex ikopri t-tul kollu tal-art imma tħalliet parti mikxufa minn fejn wieħed seta’ jidħol.”

    “Intant, meta bqajna niflu dan id-dettall, sibna li fejn inbena l-ostaklu, il-baħar kien aktar baxx, filwaqt li fil-parti l-miftuħa, il-baħar kien fond. Għalhekk, komplejna deħlin nistħarrġu l-istorja u ma domnix ma skoprejna li għall-attakk tal-15 ta’ Lulju 1565 fuq dan l-isperun tal-Isla, il-Kmandanti Ottomani kienu bagħtu suldati li ma jafux jgħumu ħalli b’hekk ma jkunux jistgħu jirtiraw billi jgħumu lura.”

    Uħud mill-membri li nġabru ħdejna ammettew illi qabel bdew jaħdmu fuq dan il-mudell, ftit li xejn kienu jafu dwar din il-parti tal-istorja ta’ Malta. Imma issa kien xort’oħra hekk kif bdew jinteressaw ruħhom dejjem aktar u l-għatx għall-informazzjoni kull ma jmur dejjem jikber.

    Parti mill-mudell tal-mitħna maħdum minn disinjatur industrijali Amerikan

    Il-mudell tal-mithnaBiċċa xogħol oħra li qanqlet riċerka kienet il-mitħna.

    “Ma stajniex noqogħdu biss fuq l-affreski ta’ D’Aleccio peress li fix-xogħolijiet tiegħu, dawn l-imtieħen ivarjaw. Jidher ċar li f’dan il-każ, l-artist uża l-immaġinazzjoni tiegħu u għalhekk aħna ridna nsibu x-xbieha reali tagħhom,” fissirli Alex.

    “Inxtħetna nirriċerkaw dan is-suġġett u sibna li l-imtieħen tar-riħ ma kienux inbidlu wisq matul is-snin. Dorna anki diversi eżempji ta’ mtieħen li jinsabu hawn Malta u kif ukoll f’xi pajjiżi tal-Mediterran, sakemm finalment, ħriġna b’disinn li jqarreb kemm jista’ lejn l-oriġinal.”

    Fatt li ta’ min isemmi huwa illi meta dan il-grupp wasal biex jaħdem din il-mitħna, il-parti ta’ fuq, li hija l-aktar diffikultuża, spiċċat saret minn sors li ma kienux qed jistennew.

    “Kif taf inti, huma ħafna dawk li qed isegwu x-xogħol tagħna permezz tal-Facebook. Fosthom hemm Pete Hamann, disinjatur industrijali Amerikan, li tant apprezza dan il-proġett, li offra li jagħtina daqqa t’id. Hekk kif ġietna x-xoqqa f’moxtha, issuġġerejna li jaħdmilna l-parti ta’ fuq ta’ din il-mitħna li kienet tinsab fuq l-għolja tal-Isla u fi ftit taż-żmien, hu pprovdina bil-mudell 3D li ħadem apposta għalina.”

    Numru kbir ta’ figuri jagħtu l-ħajja lill-mudell

    IMG_8333Dettall ieħor li jien apprezzajt ferm kien in-numru kbir ta’ figuri li kienu qed ikomplu jagħtu l-ħajja lil dan il-mudell. Skoprejt li kien hemm madwar 400 figura mqassma bejn Kavallieri u Ottomani.

    “Dawk xtrajnihom bħala kits u issa qed niżbugħhom skont il-perjodu,” urini Alex hekk kif tani f’idejja numru minnhom.

    Id-dettall li kien fihom kien straordinarju u bla dubju maħdum b’ħila u b’paċenzja kbira.

    Mudell li jgħinek tara l-Istorja b’għajnejk

    Bħala waħda minn dawk li qed insegwi ġurnata b’ġurnata l-ġrajja tal-Assedju l-Kbir, nistqarr li apprezzajt ferm il-possibilità li nara b’għajnejja dan il-mudell u nifli d-dettalji li fih, hekk kif permezz tiegħu, stajt nifhem aħjar dak li kont qed naqra dwaru.

    Xena mill-mudell“Meta jitlesta dan il-mudell, nixtiequ ħafna nagħtuh bħala donazzjoni lil Heritage Malta sabiex b’hekk huwa jkun jista’ jservi bħala għodda edukattiva kemm għall-istudenti u kif ukoll għall-pubbliku li jżuru. Qed nittamaw li forsi dan il-mudell ikun jista’ jiġi nvolut ukoll fl-esebizzjoni internazzjonali li Heritage Malta se tkun qed torganizza fil-Palazz tal-Gran Mastru l-Belt bejn l-4 ta’ Settembru u s-6 ta’ Diċembru 2015.”

    Infatti mill-ġimgħa d-dieħla, fil-blog tal-Assedju l-Kbir ta’ Heritage Malta, www.heritagemalta.org/1565, wieħed se jkun jista’ jibda jiskopri uħud mill-oġġetti li se jkunu qed jiġu esebiti f’din l-esebizzjoni, li hi maħsuba li se tkun waħda mill-avvenimenti l-aktar importanti ta’ din is-sena relatati mal-ġrajja tal-Assedju tal-1565.

    Aktar tagħrif dwar Society for Scale Modellers – IPMS Malta jista’ jinkiseb minn SSM House, Sulphur Lane, Ħamrun, inkella permezz tas-sit www.ipmsmalta.com u l-email info@ipmsmalta.com, jew permezz tal-Facebook.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela MINN RITRATT (17 il-Parti) fit-Torċa tat-12 ta’ Lulju 2015)

    2015.07.12 / no responses / Category: Torca - Features & Articles