Archive for September, 2016

  • It-traġedja tal-patrol boat

    Kelmtejn qabel: Ktibt din il-ġrajja fl-1986, meta kelli 15 il-sena. Kienu għaddew sentejn mit-traġedja li laqtet lill-kuġinti Mary Farrugia fis-7 ta’ Settembru 1984, imma ż-żmien ftit li xejn kien taffa’ min-niket. Għaldaqstant kont qbadt pinna f’idi u ħażżiżt il-memorji tiegħi fuq il-karti sabiex b’hekk almenu moħħi u qalbi setgħu jistrieħu kemmxejn mit-toqol li din l-esperjenza kienet ħalliet fuqi wkoll. Għal xi raġuni ddeċidejt li nikteb il-ġrajja minn fomm kuġinti. Xejn minn dak li ktibt m’huwa mmaġinat għax dawn l-emozzjonijiet, il-ħsibijiet, u t-tifkiriet miktuba hawnhekk, smajthom u ġarrabthom flimkien magħha u ma’ wliedha. F’Diċembru 1987 iddeċidejt li nittajpja din il-kitba u bgħattha lill-bord editorjali tar-rivista Sagħtar sabiex jikkunsidrawha għall-pubblikazzjoni. Victor Fenech, wieħed mill-membri tal-bord editorjali, kien kitibli ittra sabiħa ferm fejn kien għarraffni kemm kienet qanqlitu din il-ġrajja. Eventwalment din ġiet ippubblikata fis-Sagħtar tal-ħarġa ta’ Frar 1987.

    It-traġedja tal-patrol boat

    Qomt daqsxejn kmieni aktar mis-soltu dakinhar peress li żewġi Twanny kellu jmur għax-xogħol. Ippreparajtlu daqsxejn ħobż, geżwirtulu f’karta, u poġġejtulu ġol-haversack ċkejken tiegħu.

    Wara li libes il-ħwejjeġ tad-Dejma, inġabar flimkien miegħi mal-mejda biex nieħdu l-kolazzjon ta’ fil-għodu. Wara bies lit-tfal u hekk kif bies lili qalli li jekk idum daqsxejn ma jiġi, ma kelliex għalfejn ninkwieta peress li ma’ xi suldati oħra tad-Dejma kellu jmur jarmi xi murtali lejn Kemmuna. Kien għoddu ħareġ meta ftakar li kien nesa l-ġiżirana tad-deheb tiegħu. Magħha kellha mdendel salib kbir bi Kristu msallab fuqu. Kienet għal qalbu wisq dik il-ġiżirana u qatt ma kien jonqos milli jeħodha miegħu.

    Qajjimt lit-tfal u tajthom jieklu u wara poġġejthom f’kamrithom biex jilgħabu daqsxejn sakemm jien innaddaf id-dar. Ma tantx stajt nitħabat peress li kont tqila bit-tielet tarbija tiegħi, iżda xi tfarfira ‘l hawn u ‘l hemm stajt nagħmilha faċilment.

    Xi ftit ħin wara ġiet it-tifla ta’ ziti Fiona biex tgħini daqsxejn. Ħaslitli l-art u l-ħwejjeġ u b’hekk ħelsitni mix-xogħol iebes tiegħi. Qabel telqet wegħedtha li għal xil-5:00pm, x’ħin kellu jiġi Twanny, kellna neħduha magħna l-baħar. Sadanittant, biex ngħaddi ftit tal-ħin, qbadt żewġ ħbula u waħħalthom flimkien f’forma ta’ bandla bil-ħsieb illi la jiġi Twanny idendilha x’imkien fejn it-tfal ikunu jistgħu jitbandlu fuqha.

    Għaddejt il-ħin tal-ġurnata bħas-soltu. Kienu saru xil-5:15pm meta smajt taħbita fuq il-bieb. Ħsibt li kien ġie Twanny iżda kienu xi zijiet tiegħi. Staqsewni jekk Twanny kienx irritorna d-dar. Għedtilhom li le u kollha ħarsu lejn xulxin b’ħarsa li tfisser ħafna. Għall-ewwel ma ndunajt b’xejn iżda meta bdew jiżdiedu aktar zijiet u nies li jiġu minni, bdejt nitħasseb. Fuq wiċċhom stajt naqralhom xi dulur jew biża’ li kien qiegħed inikkithom.

    Saru s-7:00pm u kont għadni ma naf b’xejn. Josef, it-tifel il-kbir tiegħi ta 5 snin, beda jilgħab mar-radju sa ma xegħlu. Kienu bdew l-aħbarijiet. Ma tajtx każhom sakemm smajt xi kliem li ġibidli l-attenzjon tiegħi….

    Spiċċaw il-punti ewlenin u l-qarrej beda jaqra l-aħbarijiet aktar fid-dettall. B’li smajt bqajt imbellha u msammra ma’ l-art! Qalbi bdiet tħabbat sitta sitta u ħassejtha trid tinqala’ minn postha bit-taħbit.

    Xtaqt inwerżaq imma ma flaħtx. Ħassejt rasi ddur bija. Ma ridtx nemmen lil widnejja li Twanny tiegħi kien… mejjet. Il-lanċa li fuqha kien żewġi flimkien ma’ xi suldati oħra kienet splodiet! Wieħed kien salva, erbgħa oħra sabuhom mejtin u mtertqin f’wiċċ l-ilma, u t-tnejn l-oħra baqgħu ma nstabux.

    Ġrejt lejn dar ommi biex inċempel lil dawk li kienu nkarigati. Kienu tawni aħbar li ħawditni. Ma kontx naf jekk kellix nittama jew nitbikkem: Twanny tiegħi kien wieħed minn dawk li ma nstabux.

    “Imma tgħid salva?” staqsejt bejni u bejn ruħi. “Forsi kien iffortunat u salva. Mhux li kien! Imma jekk le? Alla tiegħi għinni għax ser niġġennen,” bdejt ngħid imbeżżgħa, imħawwda, u mbellha.

    Xi wħud jaħsbu li t-tfal ma jifhmux xi jkun qed jiġri iżda dan mhu minnu xejn. Josef u Roderick, iż-żewġt itfal tiegħi, bdew jistaqsuni għal missierhom. Iż-żgħir ta’ sentejn beda jibki għax ried lil missieru ħdejh. Iżda l-aktar ħaġa li għaġġbitni kienet meta t-tifel żgħir ta’ ziti ta’ 4 snin resaq lejhom u qalilhom, “Għaliex qed tibku? Il-papà tagħkom miet għax waqa’ minn fuq id-dgħajsa. Issa ma jiġix għax miet.”

    Għalkemm ma ridtx nemmen, ħassejt li dan it-tifel ċkejken kien qed jgħid il-verità.

    Issa kien dalam sewwa u kulħadd qata’ qalbu milli għad jara lil Twanny ħaj. Kulħad inġabar lejn daru u raqqadt lil Fiona miegħi dakinhar biex teħodli ħsieb lit-tfal għax ma tantx kont qed inħossni fiha. Dakinhar ħadd ma seta’ jagħlaq għajn m’għajn u kull ħoss, anki l-iċken wieħed li beda jinstema’, bdejt nistħajjlu li żewġi ġie lura. Sa fl-aħħar moħħi ttaqqal bl-inkwiet u rqadt. Dħalt f’dinja ta’ ħolm ikreh liema bħalu; bdejt nara wiċċ żewġi mtertaq u mbiċċer b’ħarsa li twaħħax f’għajnejh.

    Qomt mis-sodda mbeżżgħa u sibt li kienu xil-5:00am. Ma stajt norqod b’xejn u qgħdt inħares lejn iż-żewġ uliedi reqdin qishom xi żewġ anġli. “Il-kbir jixbħu wisq!” għedt f’qalbi. Xagħru safrani u għajnejh koħol kienu bħal ta’ missieru. Intbaħt li dakinhar ibni ma kellux dik it-tbissima fuq fommu bħas-soltu u minn ħin għall-ieħor kien isejjaħ, “Papà, papa`.”

    Sejf ta’ dulur daħalli f’qalbi u f’dak il-ħin ftakart fit-tieġ tagħna. Kemm kont ħsibt li ser ngħaddi ħajja twila u ferħana miegħu. Għall-ħabta tas-6:00am qam kulħadd. Kull siegħa għaddejnieha nisimgħu l-aħbarijiet b’tama kbira iżda kien kollu għalxejn. Minn ħin għall-ieħor bdejt nirċievi telefonati mingħand niesi biex juruni s-sogħba tagħhom. Għal xil-11:00am irċevejt telefonata fejn għarrfuni li ġisem Twanny kien għadu ma nstabx. Qaluli wkoll li veru kellha tkun għalih il-mewt għax proprju dakinhar, hu ma kienx imissu jmur bil-murtali, imma kien ċeda lil ħabibu biex imur għall-festa. Twanny ma kien qalli xejn dwar dan għax kieku żgur li ma kontx inħallih imur.

    Bqajna nittamaw għal bosta u bosta ġranet, imma kien kollu ta’ xejn. Kull lejl bdejt ngħaddih nibki u nħares lejn is-saqaf. It-tfal bdew iħossu aktar u aktar it-telfa ta’ missierhom! “Imma,” kont naħseb, “kemm nista’ ndum nigdbilhom? It-tfal qed jindunaw li ġara xi ħaġa lil missierhom.”

    Iż-żmien itir bla ma biss tinduna u kollox jintesa miegħu. Hekk ukoll intesiet din it-traġedja iżda jien ma ninsiha qatt! Minn din il-ġrajja li ġrat sewwasew fis-7 ta’ Settembru 1984, għaddew sentejn…

    Ma kinetx l-unika telfa tiegħi dik ta’ żewġi. Bix-xokk u l-qatgħa li ħadt, it-tarbija tiegħi twieldet qabel iż-żmien u tpoġġiet f’inkubatur. Semmejtu Anthony-Paul għal żewġi u għal missieri li kien miet xi ftit ġimgħat biss qabel Twanny. Ibni dam jilgħabha mal-mewt għal tliet ġimgħat, iżda hekk kif kien kważi rebaħ din il-battalja qalila, l-aħħar frott ta’ żewġi miet u mar jingħaqad flimkien ma’ missieru. Għadni niftakar li ma ridtx nemmen lil għajnejja hekk kif rajt lill-għażiż ibni mejjet! Ma ridtx nitilqu minn idejja. Kien qisu eżatt bambin ċkejken. Id-dmugħ qabiżli minn xfar għajnejja hekk kif missejtlu jdejh u xofftejh tarija u rqaq.

    Kemm ħsibt li proprju b’dawk l-idejn għad imellisli wiċċi u proprju b’dawk ix-xufftejn għad isejjaħli, “Ma.” Iżda l-akbar għafsa ta’ qalb kienet meta firduli ‘l ibni minni u rajtu jgħib taħt it-trab għal dejjem! ….. Intlift minn sensija u ma nafx x’ġara aktar. Iżda meta stenbaħt sibt ruħi mdawwra b’uliedi, b’ommi, u b’zijieti.

    Il-memorja bdiet tiġini f’moħħi bil-mod il-mod. Iva, issa rajt kollox ċar. Issa ma kien fadalli lil ebda wieħed minnhom. F’inqas minn xahrejn kont tlift lil missieri, lil żewġi u lil ibni. Bkejt kemm flaħt sakemm dmugħ iżjed xi nxerred ma baqgħalix.

    Wara xi żmien, lil uliedi ħadthom iċ-ċimiterju biex isellmu lin-nannu u lil ħuhom. F’dik is-sikta tlabna flimkien għal ruħhom. F’qalbi kont qed nitlob għal ruħ żewġi wkoll. Kont mitlufa fi ħsibijieti meta ibni l-kbir reġa’ staqsieni l-istess mistoqsija li kien ilu jistaqsini għal bosta drabi, “Ma, bilħaqq il-papà għadu ma ġiex jara lil Anthony-Paul.”

    “Il-papà jiġi, dalwaqt jiġi,” erġajt tennejtlu l-istess tweġiba li kont ilni ngħidlu għal sena sħiħa.

    Dawwart wiċċi biex naħbi żewġ demgħat li ħarbuli minn għajnejja. Mur għidilhom lil uliedi li missierhom qiegħed jitlob għalihom mis-sema. Mur għidilhom li qatt u qatt m’hu ser jirritorna lura lejn id-dar! Tassew kienu tfal sfortunati aktar mill-oħrajn dawn uliedi għax lanqas ġisem missierhom ma nstab. F’jum il-missier, lanqas fjuri fuq qabru ma jistgħu jagħmlulu, għax ġismu qiegħed hemm, imtertaq taħt il-baħar, fis-skiet ta’ dejjem…..

    2016.09.10 / no responses / Category: Uncategorized