Archive for September 29th, 2018

  • Novella – Li kieku stajt!

    Capture100 - CopyIt-tokki fondi tal-qniepen tal-knisja ta’ biswiti sirt nistennihom bħal ruħ għatxana għal ftit wens. Iżda l-għana tagħhom idum biss ftit sekondi u s-skiet jerġa’ jaqa’ mill-ġdid madwari; skiet li xi kultant jinkiser bi ħsejjes ta’ magni ta’ karozzi jsuqu minn quddiemi jew b’xi passi ħfief jgħaġġlu minn ħdejja.

    Ninstab sewwasew fil-bidu ta’ trejqa dejqa fil-Għargħur; dar imdaqqsa, antika u abbandunata. Mill-faċċata ċkejkna u mitluqa tiegħi, ħadd ma jobsor bil-kobor li hemm wara dak il-bieb antik u msewwes. Ftit huma dawk li għadhom jiftakru l-ġmiel ta’ dar li kont qabel għax issa ż-żmien għadda sewwa u miegħu kaxkar il-kumpanija tal-ħlejqiet li jien tant ħabbejt. Iva, iż-żmien seraq lilhom u lill-memorji tagħhom.

    It-trab qiegħed jinġabar ġewwa fija mhux ħażin u f’xi mumenti bħal inħossni midfuna ħajja. Il-madum kbir ikkulurit u mżejjen bħall-bizzilla ta’ lwien qiegħed jitgħatta ftit ftit u l-kuluri li darba kienu jżejjnuni, issa ntfew fi skala ta’ kuluri griżi u suwed.

    Id-dlam isaltan f’ħafna mill-ħin tal-ġurnata ġol-kmamar tiegħi. Jinkiser biss mid-dawl li jirnexxielu jidħol minn bejn ix-xquq tal-persjani tal-injam u minn ġoż-żewġt itwieqi tal-ħġieġ li nkissru bir-riħ, għalkemm dawn ma jdumux ma jinksew ukoll bix-xtieli li telgħin bla rażan mal-ħitan tal-ġnien tiegħi.

    Il-ġnien tiegħi?! Surtu nbidlet bosta. Il-ħaxix ħażin u l-fjuri slavaġ ħakmu kullimkien u s-siġar tal-larinġ li kien mogħni bihom qabel, issa ntlew bi pjanti xeblieka. U għalkemm is-siġar għadhom jagħmlu frott sabiħ u mimli, kif dan isir, jintrema’ mill-fergħa bit-toqol tiegħu stess u jinfaqa’ moħli mal-art. Iċ-ċangaturi rranġati f’mogħdijiet ħelwin mal-ġnien kollu, issa ħadu kulur ħadrani filwaqt li ħafna minnhom intradmu taħt il-ħamrija bl-ilmijiet tax-xita. Tassew! Il-ġnien ikompli jagħtini l-bixra ta’ xi dar tal-ħrejjef li ġiet mjassra b’xi seħer fuqha.

    capture 102Mitluqa hawn waħdi, sikwit nintefa’ ngħaddi ħini naħseb fl-imgħoddi, partikolarment fis-sidien tiegħi li ħadu ħsiebi b’għożża kbira. Għadni sa llum nisma’ leħinhom f’ħitani u l-passi tagħhom ferrieħa jew imkaxkra fuq arti. Għadhom jidhru sa llum it-tibdiliet li għamlu fija: xi kwadru mwaħħal mal-ħajt, xi armarju mħaffer fil-fond, xi żewġt imsiemer li kienu twaħħlu bi żball u tħallew hemm, it-tmermir bl-użu mal-poġġaman antik tat-taraġ hekk kif dawn kienu jżommu miegħu, huma u neżlin jew telgħin…

    Mijiet għandi ta’ memorji tagħhom li jiena nibqa’ ngħożż matul l-eżistenza tiegħi. Qalbi kienet titnikket ma’ kull sid ġdid li kien jiġi u jisraqli dawn it-tifkiriet sabiex jirranġani għall-gosti tiegħu. Madanakollu, biż-żmien kollox jindara u hekk ukoll tgħallimt kif naċċetta u nifhem il-bżonn li sid ġdid iħoss ħalli jarma daru skont il-ħtieġa tiegħu. Fuq kollox, ma domtx ma ntbaħt illi dawk it-tifkiriet li kienu tant għeżież għalija, għas-sid il-ġdid ma kienux ħlief imbarazz! Sadanittant, iż-żmien ukoll jagħtik parir u llum lesta li nitlef anki dawn il-memorji tiegħi sabiex sid ġdid jiġi jieħu ħsiebi u jsalvani minn din il-kundanna ta’ solitudni li sibt ruħi fiha.

    Ilni f’din il-kundizzjoni għal madwar ħames snin; minn meta l-aħħar sid xwejjaħ tiegħi ġie nieqes. Għadni niftakar ċar kristall dik il-ġurnata meta ndunajt li erġajt sfajt waħdi. Il-werrieta ta’ sidi kienu ġew flimkien man-nutar u fost il-ħars ta’ disprezz li tawni, kienu ddeċidew li jbiegħuni.

    Immedjatament, bdew ġejjin aġent wara l-ieħor, iduru fil-kmamar tiegħi, iqallbu bla galbu l-affarijiet tas-sid li kelli, filwaqt li b’ton kiesaħ, kull wieħed minnhom kien jistmagħni bi prezz differenti! Il-mawriet tagħhom fija jdejjquni għax il-bruda ta’ leħinhom, huma u jdawwru lill-klijenti tagħhom madwari, tinħass minn sebgħa mili bogħod. Għal xi raġuni, donni ma tanx jien għal qalbhom. Probabbli m’għandix prezz għali biżżejjed biex jitħallsu sewwa huma u allura, ninbiegħx jew le, ma tagħmilx differenza għalihom. Iżda għalija tagħmel! U ħitani nħosshom ser jinqasmu kull darba li nara lin-nies il-ġodda li jkunu ġew jarawni, jagħtuni daharhom u joħorġu ‘l barra.

    Issa inti li qed taqra l-istorja tiegħi, agħlaq ftit għajnejk u oqgħod isma’ l-ħsejjes ta’ madwarek bil-kwiet, bla ma tagħmel xejn. Hekk biss tista’ tifhem ftit x’qed inħoss jien, marbuta hawn ma’ din l-art li jien mibnija fuqha, nitmermer ftit ftit u nistenna.

    Isma ftit! Il-muftieħ qiegħed idur fis-serratura tiegħi! Nistqarr li dan il-ħoss sirt ngħix għalih għax miegħu jġib it-tama tar-ritorn għall-ħajja. Iżda sfortunatament, jiena konxja li dan il-ħoss iġib miegħu wkoll il-possibilità tal-uġiegħ tar-rifjut.

    capture101Il-passi bdew jinstemgħu resqin lejn il-ġnien tiegħi u permezz ta’ fewġa riħ, irnexxieli ntajjar il-purtieri antiki, illum kważi trasparenti, bħala merħba. Id-dawra miegħi issa drajtha sewwa. U kull darba li xi ħadd mill-klijenti jieqaf iħares ċass lejja mħasseb, jiena nħares lejh lura sabiex nipprova nifhem mill-bixra ta’ wiċċu x’se tkun id-deċiżjoni tiegħu.

    Kemm nixtieq li stajt kont jien li nintroduċi lili nnifsi u nuri sbuħiti lill-klijenti. Li kieku stajt, kont inxarrab dan il-madum tiegħi u nesponih bħall-pittura mill-isbaħ. Li kieku stajt, kont inqalleb ftit il-ħamrija tal-ġnien tiegħi ħalli nerġa’ nagħtih il-ħajja. Li kieku stajt, kont infarfar ħitani kollha sabiex nikxef il-karattru distint tiegħi, illum moħbi wara munzell trab. Li kieku stajt, kont inħaffer bejn ix-xquq ta’ ġebla tqila li qed tagħlaq u tostor id-daħla ta’ kamra antika mimlija b’oġġetti imprezzabbli li darba wieħed mis-sidien ġodda tiegħi għatta mingħajr ma ntebaħ u li b’hekk intesiet għal kollox….

    Mitlufa kif kont fi ħsibijieti, lanqas intbaħt li l-klijenti kienu lestew mid-dawra tagħhom u ġejt f’sensija biss meta smajt il-bieb tiegħi jinfetaħ mill-ġdid. Rajthom mexjin il-barra, daharhom lejja, rashom baxxuta, passithom mgħaġġla biex ifittxu jitilqu.

    Karba tqila ġriet ma ħitani u persjana minnhom, bit-tregħida, nfetħet b’ħoss qawwi. Il-persuni li kienu ħerġin, daru lura maħsuda. Imma meta raw x’kien il-ħoss, daħku, għax ħasbu li kien ir-riħ!

    Il-bieb ingħalaq b’tisbita. U ftit tikħil ieħor waqa’ minn ma’ ħitani, bħal demgħa li tislet qalb muġugħa.

    2018.09.29 / no responses / Category: Uncategorized