Archive for the ‘Torca – Perspettivi’ Category

  • DAK L-ELEMENT TA’ UNIĊITÀ

    F’dinja fejn ħafna donnhom jippruvaw jimitaw moda jew mit biex finalment jispiċċaw qishom kopji sbieħ ta’ xulxin, jispikka u jiġi apprezzat ħafna iżjed dak l-individwu liVictoria Theuma jfittex li jkun differenti mill-oħrajn. U bl-istess mod, f’dinja teknoloġika fejn il-magni kapaċi jagħmlu eluf ta’ oġġetti perfetti u simili fi ftit tal-ħin, tixgħel aktar u aktar dik il-kapaċità ta’ biċċa xogħol unika maħduma bl-idejn. F’tal-aħħar, personalment jiġbidni l-ħsieb li bniedem poġġa bil-qiegħda u sawwar xi ħaġa fil-gosti tiegħu u bl-immaġinazzjoni tiegħu. F’kelma waħda, nifhem li meta nkun qed takkwista xi ħaġa maħduma bl-idejn, inkun qed nikseb ukoll parti mill-ħsibijiet u l-ideat ta’ dak l-individwu. “Kull oġġett li nagħmel ikollu parti mill-personalità tiegħi,” ikkonfermatli Victoria Theuma, id-diżinjatriċi tal-ġojjelli li kellimt dil-ġimgħa.

    Skoprejt it-talent ta’ Victoria b’kumbinazzjoni waqt li kont qed indur fil-Facebook. L-ewwel ma laqtuni kienu r-ritratti sbieħ li hi tħobb tiġbed tal-ġojjelli tagħha, tant li l-ewwel darba li rajthom, waqaft għal ftit tal-ħin biex nifli t-teknika tal-fotografija. Imbagħad għajnejja bdew jiffukaw aktar fuq l-oġġetti nfushom li kienu qed jidhru fir-ritratti u rrealizzajt kemm kienu partikolari u kreattivi. L-idea għal din l-intervista nħolqot hekk kif intbaħt li dawk il-ġojjelli kienu kollha maħduma bl-idejn. Ma stajtx nirreżisti milli niltaqa’ mal-persuna li kienet taħdimhom.

    Iltqajna d-dar tagħha, proprju fil-kamra fejn hi tħobb toħloq dawn il-ġojjelli tant għal qalbha. Moħbija fil-kxaxen u magħluqa f’diversi kaxxi, Victoria stqarret li kellha għadd kbir ta’ affarijiet lesti biex jagħmlu parti minn xi ġiżirana, brazzuletta, misluta… eċċetra eċċetra.

    “Ġieli nixtri xi ħaġa u ddum hemmhekk ix-xhur u mbagħad inkun qed inqalleb u nsibha u ngħid ill-aħwa, x’nagħmel biha din! L-istess ġieli jiġrili bid-diżinji li nħażżeż fl-Brazzuletta 2isketch books tiegħi hekk kif tiġini xi idea interessanti u npinġiha malajr ħalli ma ninsihiex. Imma sikwit jgħaddi ż-żmien minn fuqhom u għal xi raġuni jew oħra, ma nagħmel xejn bihom sakemm fl-aħħar tiġi dik il-ġurnata meta niddeċiedi li nagħti l-ħajja lil xi diżinn minnhom u allura nintefa’ hawnhekk, nifrex qabda oġġetti quddiemi u noqgħod inqabbel il-materjali, il-kuluri, il-perli, il-ħġieġ, il-buttuni, iċ-ċfuf u mitt ħaġ’oħra, u nieqaf biss meta fl-aħħar noħloq kumbinazzjoni oriġinali bihom.”

    Meta sirt naf minn fejn iġġib ċerti materjali biex taħdem bihom, ikolli ngħid li aktar inġbidt lejn ix-xogħol ta’ Victoria.

    “Ikun hemm mumenti meta niltaqa’ ma’ xi ħaġa interessanti b’kumbinazzjoni, bħal meta nkun qiegħda f’xi suq inħuf għal xi ħaġa individwali u jolqotni xi oġġett. Per eżempju darba minnhom ħadt grazzja ma’ kikkra u plattina tal-porċellana żgħar li jilgħabu bihom it-tfal u meta ħadthom id-dar, ommi qaltli li meta kienet żgħira hi, min jaf kemm lagħbet b’settijiet bħalhom! Minn dawn ir-rakkonti tagħha, ġietni l-idea li nagħmel xi ħaġa bl-isfond ta’ l-istorja ta’ Alice in Wonderland. Kont ilni ffissata li rrid noħloq xi ħaġa bit-tema ‘Down the rabbit hole’ u għalhekk bnejt din il-headband fuq il-karattru tal-Mad Hatter: bil-kikkra u l-plattina mwaħħla fuq u mżejjna b’xibka li tintuża għall-kpiepel.

    Ikun hemm drabi oħra meta mmur f’xi ħwienet li jbiegħu l-antikitajiet u hemm insibilhom xi ġojjelli ta’ valur imma li forsi jkunu nkisru jew tqaċċtu xi ftit, u jiena nuża ż-żibeġ u l-perli singulari tagħhomGizirana 1 sabiex nagħti dik il-laqta unika lix-xogħolijiet tiegħi. Xi minn daqqiet insib ukoll xi ġojjelli partikolari f’xi ħwienet li jbiegħu dawn l-affarijiet u jkolli nixtri ġiżirana sħiħa għax tolqotni xi żibġa minnhom. Sfortunatament, ċerti stili jew qisien ta’ żibeġ jew perli, ma ssibx tixtrihom bil-wieħed u għalhekk ikolli nixtri l-ornament sħiħ u mbagħad nieħdu d-dar, nifirdu, u nieħu dak li jkolli bżonn, sakemm xi darba nsib użu wkoll għall-biċċiet l-oħra.

    Imbagħad ġraw każi fejn il-materjal sabni hu flok sibtu jien… bħal meta dan l-aħħar kont qiegħda nilgħab f’bajja mat-tifel u hekk kif ħfint ir-ramel f’idi u ħarist lejh, ilmaħt għadd ta’ ħġieġ żgħir ikkulurit u għedt “Hawn aħna! Ġejja idea oħra!”

    Napprezzahom ferm nies bħal dawn li jirnexxielhom jibdlu ħafna mill-esperjenzi ta’ ħajjithom f’mumenti maġiċi. Infatti, l-idea biex tibda tagħmel dawn il-ġojjelli, seħħet madwar sena ilu, meta Victoria kienet wieqfa mix-xogħol tagħha bħala għalliema tal-Ingliż, peress li kellha l-ewwel tarbija tagħha.

    “L-affarijiet kreattivi minn dejjem kienu jinteressawni. Jiena ġejja minn familja ta’ ħajjata: in-nanna kienet tħit il-ħwejjeġ għat-tiġien u ommi hija ħajjata kapaċi ħafna wkoll, apparti li oħti, Fiona Vella, hi Imsieletdiżinjatriċi tal-ħwejjeġ. Ta’ 11-il sena, ommi kienet diġà qed tgħallimni nħit il-ħwejjeġ tiegħi u b’hekk stajt insostni l-gosti tiegħi li sikwit kienu jvarjaw minn dak li jkun hemm għall-bejgħ fil-ħwienet. Għall-ewwel bdejt bil-ħwejjeġ; meta ma kontx insib xi ħaġa li togħġobni, kont inħitha. Wara dort għall-ġojjelli, fejn kont nixtri xi ġiżirana jew imsielet, inneħħilhom xi żibeġ milli jkollhom u nibdilhom ma’ oħrajn, sempliċiment biex ikunu differenti mill-bqija.

    Dan il-passatemp li nagħmel il-ġojjelli ħa l-ewwel forma tiegħu madwar sena ilu meta darba kelli bżonn ġiżirana partikolari u ma stajt insib imkien bħala hawn Malta. Kont diġà ntfajt infittex fuq l-internet meta ħabta u sabta ġietni l-idea li nipprova nagħmilha jien. Għalhekk bdejt infittex iż-żibeġ li kelli bżonn, irriċerkajt ftit fuq l-internet dwar kif isiru dawn l-affarijiet u x’għodda u materjali jintużaw, ordnajt kwantita’ varja ta’ żibeġ biex ikolli biex nibda u bdejt nesperimenta. Imbagħad ħaġa ġġib lill-oħra sakemm illum wasalt biex dawn il-ġojjelli ma nagħmilhomx għalija biss imma bnejt anki klijentela sabiħa.”

    L-oriġinalità hija element kruċjali ħafna fil-ħajja ta’ Victoria.

    “Iddejjaqni dik li tkun liebsa xi ħaġa, speċjalment waqt xi okkażjoni, u tara lil xi ħaddieħor liebes eżatt l-istess ħaġa bħalek. U huwa għalhekk li ħafna mill-ġojjelli li nagħmelBrazzuletta arlogg 1 ikunu ‘one of a kind’, jiġifieri naħdimhom darba u daqshekk, tant li lanqas kopja għalija ma nerġa’ nagħmel jew inżomm. Ħalliha li mbagħad issib lil xi ħadd li jaqbad u jikkupjak u joħloqlok problema. Imma! Però anki dawk il-ġojjelli li nagħmel aktar minn kopja waħda bħalhom, ma nagħmilx aktar minn għaxra l-istess, sabiex dejjem inżomm dak iċ-ċertu livell, dik l-uniċità li tant ngħożż.”

    Xtaqt inkun naf x’jispiraha u jekk għandiex xi stil partikolari?

    “Kollox jispirani u għall-kuntrarju ta’ ħafna diżinjaturi tal-ġojjelli li jkollhom stil wieħed, jiena ma nħossx li għandi xi linja speċifika li nżomm magħha. Anzi! Min-natura tiegħi stess, jiena persuna li ħobb nibdel sikwit u għaldaqstant il-ġojjelli li nagħmel huma versatili wkoll. Dan hu evidenti ħafna mill-albums varji li għandi fuq il-facebook fejn ir-ritratti juru t-temi diversi li nitratta. Ngħidu aħna ‘Pearls and high heels’ huma ġojjelli eleganti iddiżinjati għal xi okkażjoni, mentri ‘Girls just wanna have fun’ huma sajfin u ikkuluriti.

    Nistqarr li nippreferi l-aktar il-ġojjelli magħmula kbar għax it-toqol tagħhom jagħtini dik l-emozzjoni individwali ta’ preżenza meta nilbishom. Min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju, bħalissa qed nesperimenta b’ġojjelli li ż-żibeġ tagħhom qed naħdimhom jien stess mill-karti kkuluriti tar-rivisti u għalhekk dawn huma ħfief ħafna.

    Il-muża kollox! Biex nagħtik eżempju, dan is-sajf xtrajt qabda ward ta’ qisien differenti għax xtaqt noħloq tema tar-rebbiegħa u anki xi ftit sajfija bihom. Però mbagħad fl-istess ħin kont qiegħda f’ħanut uBrazzuletta għoġbuni xi blalen magħmulin mill-feltru u għalhekk sibt ruħi qed naħdem ukoll imsielet pjuttost xitwin.”

    L-għan ta’ Victoria huwa ċar u sempliċi. Hi tkun tixtieq li dawk li jogħġobhom jixtru l-ġojjelli tagħha jkunu jistgħu jgawdu minn dik ix-xi ħaġa unika li mhux ser isibu fil-ħwienet. B’xogħolijietha tkun trid iddewwaqhom dik il-benna ħelwa ta’ xi jfisser li jkollok fil-pussess tiegħek xi ħaġa li ġiet maħduma għalik biss u li b’hekk meta tkun qed tilbisha, tagħżlek mill-bqija.

    “Huwa għalhekk li meta nkun qed nibni ġojjell, ma mmur qatt għall-kumbinazzjonijiet ovvji li kulħadd kapaċi jagħmilhom. Ngħidu aħna ma nagħżilx kuluri kumplimentari u minflok immur għal dawk li joħolqu kuntrast. L-għażla tal-ġojjelli hija importanti ħafna għax jiena nemmen li dawn jirrakkuntaw xi ħaġa dwar il-karattru u l-personalità ta’ dawk li jilbsuhom.”

    Mhux il-ġojjelli kollha jixirqu lil kulħadd. Skont Victoria dan jiddependi ħafna mill-forma tal-wiċċ u l-għonq tal-persuna u mill-komportament ta’ kull individwu. Dan skoprietu ngħidu aħna meta marret biex tagħmel il-ġojjelli għal Stephanie Zammit, il-kantanta tad-diska Moondance mal-Baklava.

    “L-ewwel nett kelli d-diffikultà li ridt naħdem fuqhom fi żmien qasir imma Stephanie hija ħabiba kbira tiegħi u xtaqt naqdiha ħafna. Barra minn hekk, minħabba li dawn il-ġojjelli kienu ser jintlibsu għall-Il-brazzuletta ta' Moondancefuq il-palk, waqt il-finali tal-Eurosong, kien mistenni li jkunu kemm jista’ jkun oriġinali. It-tajba hi li ċerti disinji malajr timmaġinahom u tpinġiehom imma mhux daqstant faċli li tmur biex taħdimhom. Kont limitata wkoll bl-affarijiet li stajt insib f’ħin qasir u għalhekk ordnajt l-aċċessorji mill-Ingilterra għax kont naf li ser jaslu malajr. Ix-xogħol ħabbattni mhux ftit għax kellu jinħadem fil-kobor filwaqt li fl-istess ħin ridt inżommu ħafif kemm jista’ jkun biex ikun prattiku. Imma biss biss insemmilek li parti mill-misluta kienet pendent ta’ linfa! Eventwalment meta l-ġojjelli kienu lesti, kemm jiena u kemm il-kantanta konna sodisfatti ferm bir-riżultat. Barra minn hekk, meta Stephanie dehret qed tkanta bihom fuq it-TV, tant intogħġbu, li numru ta’ nies ikkuntattjawni biex nagħmlilhom xi ħaġa bħalhom.”

    Għalkemm hemm xi ftit tax-xogħolijiet minn tagħha li ma tasal qatt biex tbiegħhom, mhux darba u tnejn li xi ħadd ikkonvinċiha biex tbiegħlu xi oġġett li kien għal qalbha ħafna.

    “Nammetti li kultant insibha diffiċli wisq biex ngħid le għax wara kollox, l-affarijiet biex jinbiegħu qegħdin. Impossibbli li żżomm kollox. Apparti minn hekk, meta nara li wieħed ikun apprezza xi ħaġa li għamilt jien, tant li jibqa’ jinsisti li jrid jixtriha, akkost li ngħidlu li mhiex għall-bejgħ, tolqotni ħafna.

    Każ simili ġrali meta kont qiegħda nipparteċipa fil-fiera Patches. Dakinhar flimkien mal-ġojjelli li xtaqt inbiegħ, ħadt ukoll arloġġ sabiħ ħafna li kien veru għall-qalbi u kont ċerta mija fil-mija li ma ridtx inbiegħu tant li ktibtlu ‘sold’ fuqu biex żgur li ħadd ma jitħajjar għalih. Imma kien hemm waħda li rabtet qalbha miegħu u ġiet tliet darbiet għalih biex inbiegħhulha u fl-aħħar aċċettajt. Għadni qatt ma rnexxieli nerġa’ nagħmel arloġġ sabiħ daqsu imma tant naf li hu għal qalbha dan l-oġġett tiegħi, li ma ddispjaċinix li tajtulha.”

    Victoria issostni li kull oġġett li tagħmel ikollu parti mill-personalità tagħha fih. Iżda mhux biss! Ċerti ġojjelli jkunu mżejjna b’oġġetti tagħha personali u allura dawn l-Dettall mill-qrib - gizirana arlogg 2affarijiet saħansitra jippossjedu parti intrinsika mill-istorja tagħha.

    “U dawn l-affarijiet naturalment ikunu żgur ‘one of a kind’ għax diffiċilment li terġa’ ssib bħalhom x’imkien ieħor. Ma nsewwidx qalbi meta ninfired minnhom għax l-ewwel nett inżomm tifkira ta’ kull oġġett li naħdem permezz tal-kwantità kbira ta’ ritratti li neħdilhom. U apparti minn hekk, b’dan il-mod inħoss li lil dak li jkun qed jixtri minn għandi, inkun letteralment qed nagħtih xi ħaġa minn ‘tiegħi’.”

    L-aktar oġġetti li qed tbiegħ bħalissa huma ġiżirajjen ħelwin ħafna li fir-realtà jikkonsistu wkoll f’arloġġ. U issa li jiena wkoll għandi wieħed minnhom, nista’ nikkonferma li huma oġġetti mill-ifjen u li jiġbdu fuqhom kumplimenti mhux ħażin! Il-ġojjelli li taħdem huma kollha għan-nisa. Għal xi raġuni donnha ma tispirax ruħha fil-qasam maskili.

    “Probabbilment ir-raġuni hija illi Marco, ir-raġel tiegħi, ma jħobbx jilbes ġojjelli u allura dak is-settur bħalissa ma nitrattahx. Għalkemm darba student Ġermaniż tilef ġiżirana fil-baħar u meta talabni nagħmillu waħda bħalha, ħdimtielu.”

    Ftit ftit, kemm il-klijenti tagħha u wisq aktar sħabha, qed jikkonvinċu lil Victoria biex tkompli tesplora u tiftaħ iżjed dan it-talent tagħha…

    “Waħda mill-ħbieb tiegħi żżewġet das-sajf u talbitni nagħmlilha l-head dress. Għall-ewwel għedtilha li jien qatt m’għamilt xi ħaġa hekk, imma fl-aħħar dawwritni u spiċċajt biex għamiltilha head dressGizirana arlogg ħelwa ħafna. Allura hekk kif ftit taż-żmien wara kelli nattendi tieġ jien, għedt issa nagħmel waħda għalija u ħloqt head dress kollha ward. Inzerta li kont ilni biex nagħmel xi ħaġa hekk. Kultant ikolli ħafna ideat u ma nkunx naf kif ser naqbad nesprimihom, sakemm tiġi sitwazzjoni hekk u nsib is-soluzzjoni.

    Darb’oħra kien hemm koppja ħbieb tagħna li mhux darba u tnejn li xtraw xi ġojjelli minn għandi. Mela xi żmien qabel il-Milied, dan il-ħabib tagħna staqsini jekk stajtx naħdimlu ċurkett biex jipproponi bih lit-tfajla tiegħu. Inizzjalment iddubitajt ftit jekk kontx kapaċi nagħmel ċurkett tal-engagement imma wara ftit ħriġt b’idea sabiħa u partikolari ta’ ċurkett kif tħobbhom hi. Tajhulha f’lejlet il-Milied u tistgħu taħsbu x’ħassejt meta nirċievi messaġġ minn għandha li kien jgħid “Għedtlu iva taf!”

    Iddeċidiet li tiġbor dawn ix-xogħolijiet tagħha taħt l-isem Peaches and Cream għax temmen li dawn l-oġġetti li toħloq hi huma friski u ħelwin daqs din id-deżerta.

    “Inzertajt li nħobb ħafna l-ħlewwiet u donni li anki f’dan ix-xogħol, dejjem indaħħal dak l-element ta’ ħlewwa f’kull oġġett. Fil-fatt il-motto tiegħi jgħid li meta wieħed ikollu aptit xi ħaġa ħelwa, minflok jiekol xi biċċa ċikkulata, jista’ jixtri xi ħaġa ħelwa minn għandi!”

    Meta kienet studenta l-università, Victoria studjat l-arti imma donnha qatt ma setgħet issib medium li jgħodd għaliha.Dettall fil-gojjelli

    “Iżda fl-aħħar naħseb li qtajt xewqti għax permezz ta’ dawn il-ġojjelli nħoss li tassew nista’ nesprimi ruħi. Huwa wkoll passatemp li jagħtini ħafna serħan u kuntentizza. L-apprezzament tan-nies lejn dawn l-oġġetti li noħloq jien jgħini nħossni tajjeb ħafna. Għandi wkoll is-sodisfazzjon li kemm il-Maltin u anki l-barranin ġew u xtraw xi ħaġa minn tiegħi u għalhekk issa nista’ ngħid li hemm biċċiet tax-xogħol tiegħi madwar id-dinja wkoll.”

    Għal dawk li jixtiequ jaraw dawn ix-xogħolijiet, illum il-Ħadd, 4 ta’ Settembru 2011, Victoria Theuma ser tkun qed tieħu sehem fil-fiera Patches li ser issir fil-ġnien tal-Barrakka ta’ Fuq bejn l-4:30pm u l-10:00pm.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-4 ta’ Settembru 2011)

    2011.09.04 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • INT, SA FEJN KAPAĊI TASAL?

    Jiġu mumenti f’ħajtek meta tħossok waħdek wisq. Qalbek titqal u bħal taqa’ dalma quddiem għajnejk. Ġewwa fik tibda tħoss bħal vojt profond li m’għandu l-ebda qiegħ. Il-Woman answering phonekwistjonijiet ta’ madwarek  jibdew jidhru bla tarf u mingħajr ebda soluzzjoni. Nies f’dinjietek kemm trid imma ħadd minnhom li tista’ tafda b’dak li tant qed jifnik. Huma waqtiet fejn donnok tisma’ lil ruħek tixher għall-għajnuna, għall-attenzjoni, għall-imħabba. Tixxennaq imqar għal stranġier, li akkost li ma jafekx, xorta waħda lest li jagħtik ftit widen. Imqar leħen ħabib li jtaffilek kemmxejn mis-sikta u mis-solitudni tal-lejl. Imqar xi ħadd li jgħinek tara d-dawl mill-ġdid…

    “Is-solitudni hija l-akbar povertà” qalet darba Mother Theresa. “Waħda mill-agħar mardiet hija li ma tkun ħadd għal ħadd,” sostniet darb’oħra. Ma kienet tieqaf qatt tinkoraġġixxi lil dak li jkun biex jgħin “Jekk ma tistax titma’ mitt persuna, almenu itma’ waħda.” U finalment ammettiet illi “Il-miraklu mhux li aħna nwettqu dan ix-xogħol imma li aħna kuntenti li nagħmluh.”

    Dawn il-kwotazzjonijiet dwew f’moħħi hekk kif kont qed nisma’ dak li kellhom x’jgħiduli l-intervistati ta’ din il-ġimgħa. Svetlana Camilleri, il-Leader tas-Supportline 179 tal-Aġenzija Appoġġ, flimkien ma’ voluntier ta’ dan is-servizz, spjegawli dak li jiltaqgħu miegħu ta’ kuljum waqt il-ħabtiet meta jċempel it-telefon.

    “Fl-ewwel ġranet tiegħi bħala voluntier, nistqarr li kont nibża’ daqsxejn, għax meta terfa’ t-telefon, ma tkunx taf x’każ ser jippreżentalek dak li qiegħed iċempel. Imma mbagħad, ftit ftit, tibda tagħmel il-kuraġġ u t-taħriġ li tieħu flimkien mal-għajnuna kontinwa li jagħtuk l-istaff tal-Aġenzija Appoġġ, jgħinuk tidħol dejjem aktar fl-ambjent ħalli tkun ta’ għajnuna għal ħaddieħor,” beda jispjegali l-voluntier.

    Bl-għajnuna ta’ numru ta’ voluntiera, is-servizz tas-Supportline 179 ilu għaddej għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena, u preżentament l-Appoġġ għandha madwar 78 voluntiera f’dan il-qasam.

    “Għandna voluntiera li ilhom magħna mill-bidu,” infurmatni Svetlana. “Madanakollu kull sena ssir sejħa għall-voluntiera oħra sabiex inkunu nistgħu noffru servizz aħjar lil dawk li huma fil-bżonn. Is-sena li għaddiet irċevejna 16,446 telefonata u 10,868 minnhom kienu każijiet ġenwini.”

    X’tip ta’ telefonati jwieġbu dawn il-voluntiera?

    “Tista’ tgħid li jkun hemm telefonati ta’ kull xorta għax is-Supportline huwa vast ħafna. Ikun hemm min iċempel għax ikun qed ibati mis-solitudni u jkun jixtieq lil xi ħadd jisimgħu. Ikollu l-bżonn li jiftaħ qalbu ma’ xi ħadd li lest li jiddedikalu ftit ħin sakemm itarrafflu l-problemi tiegħu u dak li jkun għaddej minnu. Kultant tasal xi telefonata mingħand xi ġenituri li jkollhom id-dubju li wliedhom huma involuti fid-droga u allura dawn ikunu jeħtieġu parir dwar kif ser jaffrontaw din is-sitwazzjoni. Imbagħad nirċievu wkoll telefonati li jkollhom bżonn intervent immedjat bħal per eżempju meta qed iċċempillek mara li sabet ruħha barra t-triq flimkien mat-tfal tagħha, wara li kellha titlaq malajr mid-dar minħabba sitwazzjoni ta’ vjolenza domestika. F’sitwazzjonijiet bħal dawn il-voluntier jiggwida lil mara biex tmur għand il-pulizija sabiex tagħmel rapport, filwaqt li jibda wkoll iċempel lix-xelters adegwati li forsi jkunu jistgħu joffru rifuġju temporanju lil din il-familja. Ikun hemm każijiet oħra fejn il-voluntier jeħtieġlu jsegwi b’attenzjoni lil xi ħadd li qed iċempel minħabba li għandu f’moħħu li jwettaq xi suwiċidju. Infatti, waqt dawn it-telefonati jkun hemm individwi li diġà jkollhom il-pjan lest ta’ kif ser ineħħu ruħhom b’idejhom. Oħrajn ikollhom il-ħsieb li xi darba jaslu għal din id-deċiżjoni u allura hawn tidħol l-abbiltà tal-voluntier li jkellem u jiggwida lill-persuna biex tersaq għall-għajnuna.

    Huwa importanti li niċċaraw illi l-voluntiera fl-ebda mument ma jkunu weħidhom waqt dawn it-telefonati. Fil-ħinijiet tal-uffiċċju ser isibu l-ħaddiema tal-Appoġġ bħala referenza, u wara dan il-ħin dejjem ikun hemm supervisors on call li ġeneralment dejjem ikunu social workers. Dan ifisser li matul l-24 siegħa li jkun għaddej is-servizz, il-voluntiera dejjem ikunu jistgħu jirreferu ma’ xi ħadd li huwa professjonali f’dan il-qasam.”

    Staqsejt min jista’ japplika biex isir voluntier u x’qiegħed ikun mistenni minnhom?

    “Fir-realtà kull min għandu ‘l fuq minn 21 sena jista’ jkun voluntier. L-importanti huwa li dawn l-individwi jkunu lesti li jieħdu dan l-impenn bis-serjetà u b’responsabbiltà. Aħna nistennew minnhom li jkunu jistgħu jattendu għal tliet xiftijiet fix-xahar, kull xift ta’ 4 siegħat. Hekk kif il-voluntiera jintagħżlu biex jagħtu dan is-servizz, huma jingħataw taħriġ bażiku sabiex jakkwistaw il-ħiliet neċessarji. Barra minn hekk, kull xahrejn, aħna norganizzaw support groups għall-voluntiera sabiex inkunu nistgħu niddiskutu dwar id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom waqt dan ix-xogħol. B’dan il-mod, apparti li l-voluntiera jkunu qed jingħataw is-sosteniment regolari min-naħa tal-aġenzija, huma jkunu qed jitħarrġu dejjem iżjed f’ċirkustanzi varji li jistgħu jiltaqgħu magħhom.

    Bħala Supportline, bħalissa l-aktar li għandna bżonn ta’ voluntiera huma fil-weekends, fil-ġranet pubbliċi u fix-xift ta’ fil-għaxija, jiġifieri bejn it-8.00pm u nofs-il-lejl. Peress li dan is-servizz jibqa’ għaddej 24 siegħa kuljum, huwa jagħti lok lil dawk l-individwi li jaħdmu imma li jixtiequ jagħtu daqqa t’id, sabiex isibu l-ħin adegwat li jistgħu jgħinu fih.

    Bħalissa għandna l-applikazzjonijiet miftuħa għal dawk li jixtiequ jagħtu s-sehem tagħhom bħala voluntiera u b’hekk min jixtieq isir jaf aktar dwar dan is-servizz, jista’ japplika sas-7 ta’ Settembru 2011. Wara din id-data, aħna nibagħtu għal dawk li jkunu applikaw sabiex jattendu għal interview. L-applikanti jiġu mistiedna wkoll bħala grupp ħalli b’hekk inkunu nistgħu nosservaw kif huma jirrelataw ma’ persuni oħra. Minn hawn ukoll, aħna nkunu nistgħu nindividwaw x’tip ta’ persuni qed japplikaw u fejn naħsbu li jistgħu jkunu l-aktar ta’ servizz, peress li l-voluntiera jistgħu anki jgħinu fis-servizz Programm Ulied Darna.”

    Tlabt lil Svetlana tgħidli aktar dwar dan is-servizz …

    “Il-voluntiera ta’ Programm Ulied Darna jmorru fid-djar ta’ familji li diġà qed jirċievu xi servizz ieħor li toffri l-Aġenzija Appoġġ, jew Aġenzija oħra fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali.Svetlana Camilleri L-għan tal-voluntiera jkun li jgħinu lill-familji biex jakkwistaw ċerti abilitajiet sabiex ikunu jistgħu jiffunzjonaw bl-aħjar mod possibbli bħal ngħidu aħna, jorganizzaw attivitajiet għat-tfal, jgħinu fl-interazzjoni u fil-komunikazzjoni bejn il-ġenituri u l-ulied billi per eżempju juruwhom kif jgħinu lit-tfal jagħmlu l-homework jew kif iżommu d-dixxiplina b’mod kostruttiv. Dawn il-voluntiera jistgħu wkoll jiddirezzjonaw aħjar lill-ġenituri f’kif jużaw il-flus tagħhom b’mod aktar effiċjenti, kif iqassmu x-xogħol tad-dar jew kif isajru ikel aktar bnin u tajjeb għas-saħħa.

    Fir-realtà dawn huma affarijiet prattiċi tal-ħajja ta’ kuljum, iżda li jagħmlu differenza kbira jekk ikunu nieqsa f’familja. Għaldaqstant meta nirrealizzaw li ċerti familji partikolari, b’dik id-daqsxejn għajnuna tal-voluntier, jistgħu jiġu lura fuq saqajhom, aħna noffrulhom dan is-servizz. Huwa importanti li nsemmu illi l-voluntier mhux ser imur fid-djar u jagħti xi lecture lill-membri tal-familja jew li min-naħa l-oħra ser ixammar il-kmiem u jagħmel ix-xogħol kollu hu. Infatti aħna nitolbu lil dawn il-familji biex meta l-voluntier ikun id-dar tagħhom, huma jibqgħu għaddejjin bir-rutina ta’ kuljum sabiex il-voluntier ikun jista’ josserva fejn hemm il-bżonn li l-familja tingħata l-għajnuna ħalli tissaħħaħ.”

    Waqt ir-riċerka tiegħi għal din l-intervista, iltqajt ukoll mal- Emotional Support Helpline 116 123.

    “Biex inżommu mal-linja tal-Unjoni Ewropeja dan in-numru joffri s-servizz tas-Supportline lil dawk l-individwi li jkunu jinsabu barra minn pajjiżhom, ħalli b’hekk ikun hemm numru ġenerali magħruf fejn wieħed jista’ jersaq għall-għajnuna. Dan ifisser li min forsi kien imdorri jċempel fuq il-helpline tal-pajjiż tiegħu, jista’ juża l-istess numru, u fil-każ ta’ Malta, it-telefonata tkun iddirezzjonata għall-voluntieri tas-Supportline 179.”

    Tlabt lill-voluntier li kien magħna waqt din l-intervista biex jgħaddili ftit l-esperjenza tiegħu f’dan ix-xogħol li qed jagħmel…

    “Issa ilni voluntier mas-Supportline għal dawn l-aħħar sitt snin u nista’ ngħid li sa llum għadni nħoss ħafna sodisfazzjon li qed inkun ta’ għajnuna għal dawk li jċemplu. Niftakar li għall-bidu ma kontx naf eżattament x’inhu r-rwol ta’ voluntier fuq Supportline imma meta mbagħad ingħatajt it-taħriġ, mill-ewwel għoġbitni n-natura tax-xogħol għalkemm irrealizzajt li kienet ġenerika ħafna.

    Waħda mill-aktar affarijiet li jolqtuni f’dan ix-xogħol hija l-opportunità li tmiss tassew mal-polz tas-soċjetà. Permezz tas-Supportline tesperjenza ġrajjiet li bosta nies qed jgħixu fil-magħluq. Dawn ma jkunux affarijiet li tista’ titkellem dwarhom ma’ kulħadd u allura f’ċirkustanzi regolari tal-ħajja, rari niltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum. Huma realtajiet ta’ tbatija u żminijiet diffiċli li jgħaddu minnhom ċerti individwi li forsi nies oħra lanqas joħolmu biss li jeżistu. Fil-fatt jiġu mumenti fejn li kieku ma nkunx konxju li qed naħdem fuq sitwazzjoni vera, nasal biex nemmen li dak li qed nisma’ mhux tassew minnu!

    Minħabba dax-xogħol tibda tara l-ħajja minn lenti differenti. Tibda tapprezza ħafna iżjed l-affarijiet iż-żgħar f’ħajtek, bħal ngħidu aħna s-saħħa fiżika u mentali u l-affarijiet materjali li tgawdi minnhom. Man answering phoneTitgħallem tgħożż aktar lin-nies ta’ madwarek: lill-familjari, lill-ħbieb u lil bosta individwi oħra li tgħix magħhom ta’ kuljum, l-aktar meta tara x’iġarrbu n-nies li jkunu tilfu lil xi ħadd għażiż għalihom u l-proċess diffiċli li jgħaddu minnu sakemm jirkupraw. L-istess meta ttiegħem is-solitudni ta’ dawk li jċemplulek. Kif tista’ ma titqanqalx meta tara li ċerti nies iċemplu sempliċiment biex jitkellmu ftit għax m’għandhomx mod ieħor ma’ min jitkellmu? Tibda tifhem li inti tgawdi bosta affarijiet li ħaddieħor m’għandux u għalhekk apparti li tibda tapprezza aktar dak li għandek, tħoss aktar il-ħtieġa li tgħin.

    Meta jgħaddu s-siegħat li nqatta’ fuq is-Supportline nipprova ma nibqax naħseb dwar dak li nkun smajt għalkemm ikolli nammetti li mhux dejjem jirnexxieli għax ċerti sitwazzjonijiet li jgħixu wħud, imissulek qalbek wisq. Imma grazzi għat-taħriġ li ningħata regolarment mill-Aġenzija, jiena nitgħallem kif naqta’ ċertu linja bejn kemm ninvolvi ruħi ħalli hekk inkun fi stat tajjeb li ngħin lil ħaddieħor. Trid iżżomm ċar f’moħħok li mhux dejjem ser taqdi għal kollox lil dak li jkun għax jiġu waqtiet fejn dan ma jkunx possibbli. Fuq kollox trid iżomm lura milli tiġġudika, akkost liema sitwazzjoni tisma’ dwarha.

    Min-naħa tiegħi, nixtieq nagħmel kuraġġ lil dawk li huma mħajjra biex jingħaqdu bħala voluntiera mal-Appoġġ. Hemm ħafna x’tagħti f’dan ix-xogħol imma żgur li tieħu wisq aktar lura. Jiena għandi fiduċja kbira fit-taħriġ li jingħata u għalhekk jekk forsi hemm xi ħadd li jaħseb li din hija biċċa xogħol kbira wisq għalih, inħajjru jipprova xorta waħda, japplika, jattendi għat-taħriġ u mbagħad jieħu deċiżjoni wara. Ċertament irid ikollok xeħta u ħajra għal xogħol bħal dan. Nagħlaq billi nfakkar illi jekk ma tippruvax, żgur li ma tkunx taf sa fejn inti kapaċi tasal!”

    L-applikazzjonijiet jagħlqu fis-7 ta’ Settembru 2011. Għal aktar informazzjoni tistgħu ċċemplu fuq is-Supportline 179 jew 22959000. Inkella tistgħu tapplikaw permezz tal-websites: www.appogg.gov.mt jew www.fsws.gov.mt, jew tniżżlu applikazzjoni u tibgħatuha bil-posta, indirizzata lil: Christine Zammit, Aġenzija Appoġġ, 36 St Luke’s Road, G’Mangia, PTA 1318.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-28 t’Awwissu 2011)

    2011.08.28 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • TFAL, TITĦAJRU GĦAL AVVENTURA?

    Xi minn daqqiet jiġu mumenti meta ħabta u sabta, għal ftit sekondi, inħoss is-sensazzjoni ta’ memorji li għaddejt minnhom matul ħajti. Daqqa niftakar f’xi post uniku li żort, drabi oħra nxomm xi fwieħa li dari kont inħobb nuża, f’waqtiet oħrajn nisma’ xi kliem li darba qalli xi ħadd u f’okkażżjonijiet oħra narani nilgħab b’xi ġugarell favorit li kelli…. Huma pawsiet irreali imma sbieħ wisq, speċjalment meta jiġu hekk bis-serqa, bla mistennija. Huma intervalli li jiftħulna għajnejna dwar kemm hu importanti li lit-tfal tagħna noħolqulhom tfulija sabiħa sabiex xi darba meta huma wkoll isiru adulti, il-passat tagħhom ikun jista’ jħollomhom b’esperjenzi armonjużi. “It-tfal huma messaġġi ħajjin li aħna nibagħtu fi żmien li qatt mhu ser naraw,” kiteb l-awtur Amerikan, Neil Postman. Min minna ma jixtieqx li wliedu jgħixu aħjar milli qatt għex hu?

    Dawn il-ħsibijiet jitgerrbu f’moħħ il-ġenituri ta’ sikwit u mhux dejjem tkun faċli biex jagħrfu l-aħjar triq. Ħadd mit-tfal ma jitwieled bl-istruzzjonijiet miegħu u għalhekk il-Martin Borgġenituri jeħtieġ li jitgħallmu bl-esperjenza u bit-tagħrif li jsibu madwarhom. Akkost l-attenzjoni kontinwa, l-iżbalji jsiru xorta waħda speċjalment meta d-dinja ta’ madwarhom tinbidel b’rata tant mgħaġġla u t-tfulija li jiftakru huma ma jkollha x’taqsam xejn ma’ dik ta’ wliedhom. Niftakar li fi tfuliti, il-ġenituri tiegħi kienu  jispjegawli kif fi żmienhom kienu jilagħbu bix-xejn, b’xi ballun tal-karti jew b’xi ġugarell tal-injam u jien f’qalbi bilkemm ma kontx nitħassarhom. U allura kultant meta nara lil binti tilgħab b’logħob teknoloġiku tant żviluppat, bħal nitħasseb x’jidhrilha hi mill-logħob li kont nilgħab jien! Madanakollu Martin Borg, l-individwu li ntervistajt dil-ġimgħa, jemmen bis-sħiħ li t-tfal ta’ llum qed jitilfu ħafna f’ħajjithom, l-aktar meta qed jingħalqu f’did-dinja teknoloġika u strutturata bla ma jiddedikaw l-ebda mument għan-natura sabiħa ta’ madwarhom.

    “Jien ngħid li xi darba għad jibdew jimanifatturaw il-karozzi mingħajr it-twieqi ta’ wara għax ma jkunx hemm bżonnhom aktar. Illum hemm tfal li wara li jagħmlu ġurnata sħiħa jilagħbu bil-kompjuter, meta jiġu biex joħorġu, jaqbdu f’idejhom xi logħba elettronika oħra u jibqgħu deħlin jilagħbu biha fil-karozza. Lanqas titwila waħda barra ma jkunu taw! Karozzi oħrajn għandhom il-monitors ġol-headrest tas-seat ta’ wara u hemmhekk it-tfal jistgħu jilagħbu xi logħba jew jaraw xi film favorit tagħhom,” kompla jispjegali.

    Għalhekk huwa interessanti li tisma’ l-perspettiva ta’ nies differenti. Nistqarr li qatt ma kont irriflettejt dwar dawn il-karozzi b’dan il-mod. Anzi! Karozza hekk dejjem ikkunsidrajtha bħala lussu sabiħ u ftit li xejn għaddieli minn rasi li b’hekk, akkost li tkun qiegħda tivvjaġġa, iġġib ruħek daqs li kieku kont għadek magħluqa bejn erbgħa ħitan!

    “Dan il-kunċett huwa spjegat b’mod ċar ħafna fil-ktieb ‘Last child in the woods’ ta’ Richard Louv, fejn l-awtur juri l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ kuntatt man-natura fuq it-tfulija. Infatti, bħal bosta studjużi oħra, dan l-awtur jinsisti li n-natura hija punt kruċjali ħafna fis-saħħa fiżika u psikoloġika tat-tfal peress li din saħansitra tgħin fl-iżvilupp fiżiku, mentali u emozzjonali tagħhom.

    Preżentament, il-ħajja tat-tfal saret strutturata mmens. Hekk kif jitwieldu, it-tfal ikunu diġà miktuba f’xi pre-school li min-naħa tagħha jkollha programmi strutturati ta’ dak li hu mistenni mit-tfal li ser jattendu. Minn hemm it-tfal jimxu għall-kindergarten li wkoll hija skola strutturata b’qafas ta’ mġieba u pjan ta’ tagħlim adegwat. Sentejn wara t-tfal jibdew il-primarja u anki hawn b’mod strutturat jibqgħu telgħin it-taraġ delineat sena wara sena biex jilħqu l-kwalifiċi neċessarji. F’kelma waħda, ħajjet it-tfal tibqa’ sejra hekk sakemm dawn jikbru u jidħlu fid-dinja strutturata tax-xogħol.

    Sfortunatament anki l-postijiet ta’ divertiment tat-tfal huwa strutturat illum. Tara’ ġonna sbieħ ħafna imma kollha ippjanifikati: għandek fejn tista’ tirfes u fejn le, għandek fejn tista’ tieqaf tħares lejn il-fjuri Kreattivita' fit-tfaljew lejn xi vaska sabiħa. Tmur f’adventure park u ssib il-logħob f’forma ta’ struttura wkoll: titla’ minn dak is-sellum, tgħaddi minn fuq dak il-pont u mbagħad tinżel minn dik iż-żurżieqa. Il-libertà tat-tfal fejnha? Rarament ikun hemm biċċa art vojta fejn it-tfal jistgħu jesprimu l-immaġinazzjoni tagħhom u jagħmlu dak li jiġi f’moħħhom. Jiena nisfida lil xi ħadd biex iħalli borġ ġebel fi spazju vojt fejn it-tfal jinġabru biex jilagħbu u joqgħod jinnuta x’kapaċi jagħmlu u jitgħallmu permezz tiegħu. Żgur li l-ewwel narawhom telgħin u neżlin fuq dal-ġebel, imbagħad narawhom jintebħu li ġebla kwadra żżommok filwaqt li oħra aktar tonda titgerbeb bik. Wara ftit jindunaw li jistgħu jibnu xi ħaġa bihom u allura jagħrfu li l-ġebel il-kbir irid joqgħod taħt u l-iċken fuq għax inkella jaqa’ kollox. Imbagħad jibda jitwieled il-logħob u narawhom jisfidaw lil xulxin dwar min minnhom ser iwaddab il-ġebla l-aktar il-bogħod? Xejn partikolari ma trid biex toħloq biċċa spazju bħal dan. Imma minflok donna aktar nippreferu nagħlqu t-tfal f’bozza u mmexxuhom biss minn fejn ngħidu aħna. U hekk x’jiġri? Nipproteġuhom veru imma neqirdulhom il-kreattività.”

    Dawn l-ideat qanqlu lil Martin biex joħloq xi ħaġa differenti għat-tfal. Huwa uża l-isfond tax-xogħol tiegħu biex biż-żmien adattah f’ dinja avventuruża u mimlija sfidi eċċitanti għat-tfal.

    “Jiena ġej minn kamp militari fejn għal 25 sena iffurmajt parti mill-forzi armati fejn kont membru mill-korp tas-salvataġġ bil-helicopter. Kien xogħol li tani ħafna sodisfazzjon, kemm għax żammni fiżikament b’saħħti u anki għax tani l-opportunità li ngħin lil min kien fil-bżonn. Dax-xogħol tellagħni wkoll f’ambjent ta’ dixxiplina, dedikazzjoni u responsabbiltà.

    Maż-żmien dħalt ngħin lil Dr Michael Aquilina fit-taħriġ tal-istudenti tal-università li jkunu għażlu l-linja bħala għalliema tal-edukazzjoni fiżika, u hawnhekk huwa introduċieni mal-qasam tal-Outdoor Education. Ftit ftit bdejt nifhem kemm dawn l-attivitajiet kienu neċessarji għat-tfal u kemm huma kienu jixtiequhom u b’hekk bdiet titnissel f’moħħi l-idea li nħajjar aktar tfal biex jipprattikawhom. Dr Aquilina inkoraġġieni ħafna biex inwettaq dawn l-ideat tiegħi. Sfortunatament, madwar sena u nofs ilu Dr Aquilina ħalliena u jiena sibt ruħi qed nieħu ħsieb dan il-qasam tal-Outdoor Education u kif ukoll dak tal-Water Rescue Unit tal-università.

    Meta spiċċajt mill-armata u kelli aktar ħin fuq idejja, sirt aktar determinat li niżviluppa dan il-potenzjal. L-affarijiet seħħew bil-mod imma b’mod konsistenti. Iddeċidejt li naqbad l-attivitajiet militari li Waħda mill-bunkers li bnew it-tfalkont tħarriġt jien stess fihom bħala suldat, u nadattahom biex ikunu ta’ aspett edukattiv għat-tfal. Bnejt sett ta’ attivitajiet u permezz tal-kuntatti li kelli mal-għalliema tal-edukazzjoni fiżika, maż-żmien sibt ruħi qed norganizza fun days, korsijiet tal-first-aid, abseiling, fire-fighting, zip-line u affarijiet bħal dawn f’diversi skejjel. Ikkonfermajt li t-tfal huma għatxana għal dan it-tip ta’ taħriġ li huma jikkunsidrawh ukoll bħala divertiment. Infatti, bi ftit ħsieb, ħafna drabi laqqgħajna dawn l-attivitajiet ma’ suġġetti oħra edukattivi bħal per eżempju darba minnhom ħadna grupp ta’ studenti fil-fortizza ta’ Selmun u hemmhekk dawn ġew introdotti ma’ diversi aspetti, fosthom dak storiku, edukattiv, sportiv u anki ambjentali speċjalment meta ddiskutejna l-vandaliżmu li kien qed isofri minnu s-sit. Darba’oħra waħħadna dawn l-attivitajiet mas-suġġett tal-PSD fejn ġiet trattata t-tema ta’ Calculated Risk-Taking permezz tal-abseiling. Niftakar li l-aktar mument sinifikanti dakinhar kien meta student magħruf sewwa bħala bully beża’ jagħmel l-abseiling, filwaqt li student ieħor li t-tfal sikwit jaqbdu miegħu, irnexxielu jagħmel dan l-isport mingħajr diffikultà ta’ xejn. F’temp ta’ ftit minuti l-folja nqalbet u dan it-tifel spiċċa l-eroj tal-klassi!”

    Dawn l-attivitajiet servew ukoll biex Martin skopra kemm fir-realtà, aktar ma titlob mit-tfal, aktar jikkonfermawlek kemm huma kapaċi jagħtuk lura.

    “Nistqarr li fil-bidu kont influwenzat b’ċertu ideat fissi, bħal ngħidu aħna li l-abseiling kienu kapaċi jagħmluh biss individwi ta’ 18-il sena ‘l fuq. Imma darba minnhom żewġt iħbieb tiegħi li kienu fil-boyscouts u li kien għad kellhom biss 16-il sena, xtaquni nurihom kif isir l-abseiling u ntbaħt li wara kollox anki huma kienu kapaċi jagħmlu sports bħal dan. Maż-żmien bdejt inħarreġ anki lill-istudenti li kienu jattendu l-Forms IV u V f’dan il-qasam u allura l-età li wieħed seta’ jipprattika l-abseiling fiha niżlet għal 14-il sena. Bqajna sejrin hekk sakemm darba minnhom, waħda ġabet lil ħuha magħha li kien għad kellu biss 7 snin u anki hu ma kellu l-ebda problema biex jirnexxi. Illum il-ġurnata ngħidlek li anki tfal ta’ 5 snin kapaċi jwettqu dan l-isport, naturalment b’tagħmir apposta għalihom.”

    Eventwalment Martin fetaħ l-Adventure School tiegħu taħt l-isem Kamaja Outdoors fejn matul l-istaġun tas-sajf, kull nhar ta’ Tlieta u kull nhar ta’ Ħamis, mid-9:00am san-Adventure school12:30pm huwa joffri taħriġ f’attivitajiet maħsuba li jagħtu l-libertà lit-tfal, filwaqt li fl-istess ħin jiffurmawlhom il-karattru tagħhom.

    “Il-ħsieb wara dan il-proġett tiegħi huma mnissla fuq tliet prinċipji fundamentali: id-dixxiplina, id-dedikazzjoni u r-responsabbiltà li jien tgħallimt fil-militar u li finalment iwasslu biex  it-tfal jitilgħu b’karattru aktar sod. Kollox isir taħt il-forma ta’ logħob iżda l-logħob innifsu huwa minsuġ ma’ tagħlim importanti għall-ħajja. Ngħidu aħna jitgħallmu jkunu ddixxiplinati billi jidraw jistennew wara xulxin, jitgħallmu d-dedikazzjoni meta jifhmu li jridu jqumu kmieni ħalli jkunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet kollha u jsiru responsabbli meta jieħdu ħsieb ħwejjiġhom u tagħhom infushom.”

    L-aħħar żvilupp fil-proġett ta’ Martin nhieda l-idea tal-bootcamp fejn it-tfal qed jiġu offruti l-opportunità li jipprattikaw diversi attivitajiet avventurużi waqt tliet ijiem li huma jagħmlu jgħixu flimkien ġewwa fortizza storika!

    “Fir-realtà ma vvintajt xejn ġdid għax il-bootcamps ilhom isiru għal diversi snin f’pajjiżi oħra. Xorta waħda nistqarr li għall-ewwel, anki jien kelli daqsxejn ta’ dilemma dwar liema tfal stajt nindirizza b’opportunità bħal din peress li f’pajjiżna għandna kultura protettiva ħafna fejn jidħlu t-tfal. Imma bil-mod il-mod, anki hawn ikkonfermajt li saħansitra minn età żgħira, ħafna tfal kapaċi jinqatgħu għal ftit tal-ġranet minn mal-ġenituri tagħhom mingħajr problemi ta’ xejn u jiddevertu bil-kbir għall-attivitajiet li noħolqilhom. Bl-eċitament li jkollhom biex ifittxu jibdew l-attivitajiet, ma niltaqa’ mal-ebda diffikultà biex iqumu kmieni, anzi jekk ma ngħidlikx li jqumu qabel il-ħin miftiehem! Barra minn hekk jidraw malajr li jridu jieklu f’ċertu ħin u li jridu jimxu minn attività għall-oħra bla waqfien. Nassigurak li tant ikunu qed jieħdu gost li ġieli jinsew iċemplu d-dar u hekk kif isir il-ħin tal-irqad, tant ikunu għejjew b’dak kollu li nkun ippreparajtilhom, li l-maġġoranza tagħhom jorqdu f’ħakka t’għajn.

    Infatti l-idea tal-bootcamp għandha l-iskop li dderri bil-mod il-mod it-tfal biex jibdew jinħallu minn mal-ġenituri tagħhom u jagħrfu s-sabiħ li tkun indipendenti. Jitgħallmu jikkomunikaw aħjar peress li m’hemmx il-preżenza tal-ġenituri li soltu jistrieħu fuqha. B’hekk jagħmlu wkoll ħbieb ġodda u jsibuha aktar faċli biex jaħdmu fi grupp, xi ħaġa li jsibu essenzjali f’ħajjithom, aktar ma jgħaddi ż-żmien.

    Fuq kollox l-attivitajiet huma maħsuba biex iqanqlu l-kreattività tat-tfal. Biex indaħħlek fl-istampa, attività minnhom tinvolvi li t-tfal jibnu bunker jew kamra bl-affarijiet li jsibu madwarhom, bħal pellets, tankijiet, ġebel, zkuk u friegħi tas-siġar eċċ. Hemmhekk it-tfal iġibulek għajnejk wara widnejk x’kapaċi jagħmlu u kemm jafu jikkoordinaw bejniethom! U għal min għandu xi dubju, m’hemm l-ebda differenza bejn subien u bniet għax kollha jidħlu b’ruħhom u ġisimhom biex jibnu l-aktar kamra prattika li kapaċi tagħtihom protezzjoni f’każ ta’ attakk. Is-sabiħ f’dan il-logħob huwa li m’hemmx strutturi u t-tfal jitgħallmu jaħdmu b’dak li jsibu.”

    Ikolli nammetti li bdejt inħoss ċertu għira għal dawn it-tfal, l-aktar meta Martin kompla jispjegali li waqt lejl minnhom, it-tfal jarmaw haversack, flixkun ilma u torch uAttivita' tal-bootcamp jerħulha għal night trekking. Barra minn hekk fost l-attivitajiet, huma jipparteċipaw fi treasure hunts, kompetizzjonijiet bil-qaws u t-tuffieħa bħal ta’ William Tell, operazzjonijiet ta’ salvataġġ taħt l-isem ‘Save the commander’, jagħmlu ħuġġieġa, volley ball fix-‘xita’, il-famuża aerial ropeway fejn it-tfal jiżżerżqu b’veloċità ma’ ħabel fejn l-aktar avventurużi jistgħu anki jinżlu rashom ‘l isfel u ħafna aktar.

    “Min japplika għal dawn il-bootcamps jirċievi lista b’dak kollu li jeħtieġlu jġib miegħu għal dawk it-tliet ijiem. Barra minn hekk it-tfal jiġu mitluba jagħżlu l-menu li jippreferu sabiex Janice, li hija Qualified Camp Cook tieħu ħsieb ta’ kollox. Min-naħa l-oħra Kayleigh għandha r-responsabbiltà tal-programm tal-attivitajiet u minn ġranet qabel hija tikkonferma wkoll li l-attrezzatura li ser jużaw it-tfal huma kollha sikuri.”

    Oh żmien ħelu kif għaddejtli… ħarbitli minn fommi. Imma Martin infurmani li għal min jixtieq, ċerti attivitajiet, fosthom tal-abseiling, isiru anki għall-adulti.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-21 t’Awwissu 2011)

    2011.08.21 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • ID-DESTIN: JEŻISTI JEW LE?

    Kien film li rajna dil-ġimgħa li beda l-istorja kollha…. il-ġrajja kienet qed tesplora l-potenzjal ta’ teknoloġija li tieħdok fil-futur sabiex tevita inċidenti li jistgħu jseħħu. U Paul P Borgf’ħin minnhom, hekk kif l-attur prinċipali rnexxielu jibdel id-destin ta’ waħda li kellha tmut, staqsejna – imma allura, jekk destinha kien li tmut hekk, issa x’inbidel? Jekk dak kien destinha, il-loġika tgħidlek li suppost dik il-mara xorta waħda kellha tmut b’xi ħaġ’oħra dakinhar stess. Jew? Din id-dilemma tal-eżistenza tad-destin minn dejjem qanqlet bosta diskussjonijiet u fehmiet. L-awtur Amerikan Henry Miller sostna illi “Kull bniedem għandu d-destin tiegħu u l-unika għażla li għandu hija li jsegwih u li jaċċettaħ, jieħdu fejn jieħdu”. Min-naħa l-oħra Anthony Robbins, konsulent Amerikan,  jemmen illi “Huwa fil-mumenti meta nieħdu ċerti deċiżjonijiet li d-destin tagħna jitfassal”. Fuq nota aktar skjetta xi ħaddieħor darba ikkummenta illi “Id-destin hu xi ħaġa li vvintajna aħna għax ma nifilħux naċċettaw il-fatt li kull ma jiġri huwa aċċidentali”. Imbagħad allura x’taqbad taħseb meta kumbinazzjoni aktar tard dil-ġimgħa ltqajt mal-awtur Paul P Borg u fost l-oħrajn skoprejt illi x-xogħolijiet l-aktar għal qalbu kienu jduru proprju ma’ dawn it-tip ta’ mistoqsijiet?

    “Waħda mill-ewwel kitbiet tiegħi kienet tnisslet sewwasew minn dawn il-mistoqsijiet li jitturmentaw lill-bniedem f’xi mument jew ieħor f’ħajtu. Jiena għext tfuliti f’Birkirkara imma kelli n-nanniet tiegħi joqogħdu Selmun. Fid-dar tagħna, fl-ambjent urban ta’ Birkirkara, la kellna bitħa u lanqas ġnien u meta toħroġ, kont tidħol dritt ġol-karozza u tmur għal triqtek. Għalhekk, meta ommi kienet tibgħatni nqatta’ xi ftit tal-ġranet man-nanniet, fl-ambjent agrikolu ta’ Selmun, kont inħossni qed ngħix f’dinja oħra u kont nimmaġinani xi re tal-irdumijiet, tal-baħar u tax-xagħri, hekk kif kont nintefa’ man-nannu naħrat jew indur bin-ngħaġ. Meta kbirt, ħassejtni ixxurtjat li esperjenzajt daż-żewġ realtajiet differenti u kull tant żmien kont nistaqsi, x’kien jinbidel minni li kieku jiena twelidt f’ambjent divers? Kont bdejt nirrifletti u nhewden dwar Alla u l-eżistenza tiegħu u dwar kemm il-bniedem kien jgħix tassew fil-libertà? Sikwit kont nitħasseb jekk it-triqat li kont qed nagħżel u d-deċiżjonijiet li kont qed nieħu, kontx qed nagħmilhom jien jew jekk kienx diġà fassalhom Alla għalija? U jekk kien tal-aħħar, allura jien x’saħħa kelli fuq l-għażliet tiegħi f’ħajti?

    Kelli xi tmintax-il sena meta ddeċidejt li nistħarreġ dawn it-taħbiliet permezz tal-kitba, li għall-ewwel żviluppaw f’novella qasira bl-isem ‘Dal-Lejl Ġie Alla’. Dan kien perjodu wkoll meta kont qed ngħix it-taqbida politika-reliġjuża. Mhux darba u tnejn li kont ikkunsidrajt li nsir qassis imma l-ġrajjiet li seħħew f’dawk is-snin affettwawni ħafna. Missieri kien Laburist kbir. Xogħolu kien bħala xufier mas-servizzi u mad-dockyard u dejjem bis-sensja mdendla fuq rasu. Kont inħoss wisq meta kont nisimgħu jgħid li tawh 3 soldi biss żieda. Ommi kellha tagħmel pont ħjata biex iġġannat u tara kif tagħmel ħalli tgħaddi l-familja. Kont konxju li kien jeħtieġ li jsir xi ħaġa biex il-qagħda ta’ ħajjitna titjieb.

    Meta mort il-Ġermanja biex nistudja d-diżinn fl-inġinerija, dawn il-ħsibijiet baqgħu jduru f’moħħi. U meta kont insib ftit ħin ħieles mill-istudju, kont nintasab f’xi lwog kwiet u hemm sibt ruħi nħarbex mill-ġdid in-novella ‘Dal-Lejl Ġie Alla’ f’aktar tul sakemm finalment saret ktieb.”

    Iżda għalkemm għaddew is-snin Paul ħass li ċerti mistoqsijiet minn dawn kien għadu ma analizzahomx sal-aħħar…

    “Issa li xjaħt u għaddejt minn ċerti esperjenzi fil-ħajja, xtaqt nifli mill-ġdid dawn id-dilemmi.  Fosthom staqsejt jekk dak li ngħixu kienx jiddependi minħabba ċ-ċirkustanzi li nitwieldu fihom, jew dal-lejl-gie-alla---rajt--l-alla-jibkiminħabba l-ambjent li nitilgħu fih, inkella sforz l-għażliet li nkunu għamilna, jew għax Alla hekk ried, jew f’kelma waħda, għax hekk kellu jkun? Minn dawn il-mistoqsijiet wellidt storja li tkompli ma’ dik ta’ qabilha, did-darba bl-isem ta’ ‘Rajt ‘l Alla Jibki’ fejn fiha nsibu l-protagonist ta’ l-ewwel ktieb jgħix dawn it-taħbiliet. Ngħidu aħna, f’mument minnhom dan ir-raġel li hu miżżewweġ u għandu t-tfal, narawh fil-bitħa tad-dar tiegħu u min-naħa l-oħra qed tħares lejh il-mara ta’ xi ħaddieħor. Titqanqal dilemma fir-raġel hekk kif jibda jixtarr xi jkunu l-konsegwenzi li kieku hu kellu jiltaqa’ ma’ dik il-mara? Imbagħad ir-raġel jibda jistaqsi dwar li kieku din l-għażla kellha tkun predestinata u allura hu setax qatt jaħrabha?

    Użajt dan il-ktieb biex nistaqsi diversi mistoqsijiet kruċjali. Weġibthom jew ma weġibthomx? Assolutament lanqas jien stess ma naf. Imma nħossni sodisfatt ħafna b’dan il-ktieb għax nista’ ngħid li għalija kien bħal terapija tremenda.”

    Infatti hekk kif it-taħdita tagħna żvolġiet aktar, Paul stqarr illi akkost li għarbel fuq li għarbel dwarhom, ċertu mistoqsijiet partikolari baqa’ ma weġibhomx.

    “U qatt mhu ser jirnexxieli nweġibhom! Iżda almenu permezz ta’ din l-analiżi wasalt fil-kundizzjoni li niddeċiedi li ma nibqax naħseb aktar għax kollu għalxejn. Għalhekk għażilt li ma nistaqsix aktar bħal kif finalment għaraf li għandu jagħmel il-poeta Dun Karm Psaila fil-poeżija twila tiegħu ‘Il-Jien u Lil’Hinn Minnu’, li personalment nemmen li hi l-isbaħ kitba li qatt inkitbet f’kull lingwa li qatt qrajt. Il-konklużjoni ta’ dan il-poeta għenitni ħafna u fakkritni li meta kont żgħir, kont niġri għand ommi meta jkolli bżonn l-għajnuna. Madanakollu meta kbirt, kelli bżonn lil xi ħadd oħla minn hekk għax id-diffikultajiet kienu akbar. U f’dawn il-każi għand min trid tirrivolġi? Sejjaħlu Alla, sejjaħlu li trid, imma tistaqsix aktar u aċċetta l-imħabba li tirċievi u li tagħti.”

    Ma tridx wisq biex tifhem li dan l-awtur huwa profond ħafna fi ħsibijietu. Imma għal aktar minn darba huwa stqarr li jiġu mumenti fejn jixxennaq li kien kapaċi jaħseb anqas.

    “Ma nafx ma nagħtix każ u nibqa’ għaddej minn fuq ċerti sitwazzjonijiet bħal kif jagħmlu individwi oħra. B’hekk inħoss ħafna u nbati kultant, apparti li ħafna affarijiet ikidduni. Imma m’għandix għażlaDemgħat għax hekk jien magħmul u dawn l-esperjenzi nara kif nibdilhom f’kitba. Fil-ġimgħat li ġejjin, uħud minn dawn in-novelli ser ikunu qed jiġu ppubblikati fit-Torċa. Ġeneralment ser inkun qed nikteb dwar affarijiet li jseħħu fis-soċjetà. Se niddeskrivi diversi sitwazzjonijiet fejn ngħidu aħna, dak li jkun xtaq jagħmel xi ħaġa u m’għamilix għax beża’. Se nitratta anki suġġetti li jnikktuna u li forsi soltu nippreferu nikinsuhom taħt it-tapit, bit-tama li xi darba ninsewhom. Imma huma realtajiet li s-soċjetà hija għaddejja minnhom. Fid-dinja jiġu mumenti meta niltaqgħu ma’ ċertu stejjer li xtaqna li ma smajna qatt. Imma x’nagħmlu? Ma niktbux fuqhom? Nagħmlu tajjeb li ninjorawhom bħallikieku mhux qed jiġru tassew?”

    L-awtur kompla jirrakkuntali kif kien hemm mumenti fejn akkost li xogħolu ġie apprezzat ħafna b’mod letterarju, min-naħa l-oħra, l-istess xogħol ġie iċċensurat.

    “Darba ħadt sehem f’konkors bid-dramm għat-TV ‘Il-Madonna x’ġenn!’ u dan ġie ġġudikat l-ewwel premju. Imma dal-premju qatt ma ħadtu għax ftit wara ħarġet deċiżjoni li l-premju ma jingħatax u d-dramm tiegħi ġie skwalifikat. Ir-raġuni kienet li peress li d-dramm kien jitratta l-mard mentali, ġie konkluż li dan seta’ jweġġa’ lil xi wħud u allura ma kellux jidher fil-pubbliku!

    Storja simili seħħet bid-dramm għall-palk ‘Dubbiena Kukkużejt’ fejn did-darba akkost li ngħatajt l-ewwel premju, min kien qed imexxi l-ġurija, iddeċieda li jiddistakka ruħu minn din id-deċiżjoni.  Dan qal li kellu ċerti riservi dwar kemm id-dramm tiegħi seta’ jidher fuq il-palk minħabba li kien jitratta l-pedofilja. U infatti la dan id-dramm u lanqas ta’ qablu qatt ma ntwerew lill-pubbliku.”

    Mit-titli tal-kotba tiegħu ‘Rajt ‘l Alla Jibki’, ‘Beżgħat’, ‘Demgħat’ u issa l-ktieb li ħiereġ dalwaqt ‘Weġgħat’, ħadt l-impressjoni li Paul hu bniedem kemmxejn pessimist. Iżda hu Beżgħatirribatta aktar minn darba li l-flixkun jarah nofsu mimli u li bl-ebda mod ma jiddeskrivi ruħu b’dan il-mod.

    “Ikun aktar korrett li kieku ssejjaħħli realistiku. Jiena nemmen li l-kittieb juża l-kelma mhux għan-nom tiegħu biss imma biex jirrapreżenta anki l-ħsibijiet, id-dwejjaq, il-ferħ u l-protesti tal-bqija tas-soċjetà. Il-letteratura hija riflessjoni soċjali li qed turi l-kuxjenza ta’ kulħadd. Ċertament jien kittieb li nikteb fuq sitwazzjonijiet fejn, kif jgħid il-Malti, l-ilsien imur fuq id-darsa li tuġgħu. Ma nkunx qed nikteb xi terapija għall-qarrejja għax jien ma jien l-ebda psikologu. Imma nkun nixtieq li min jaqra l-kitba tiegħi, sempliċiment jaqsam u jirrifletti aktar dwar dak li qed iseħħ madwaru.”

    Paul qabel miegħi illi huma l-emozzjonijiet qawwija ħafna, dawk li jġiegħluk tmiss mal-laħam il-ħaj tal-ħajja, li jħeġġuk biex tikteb.

    “Ejja ngħiduha kif inhi, meta nkun ferħan u għaddej nidħak, ma nħossx dik l-imbutattura għall-kitba. U jiena jekk ma nħossx dik ix-xi ħaġa li tqanqalni, ma niktibx. Però mbagħad naf inkun fi kwalunkwe post u f’kull xorta ta’ sitwazzjoni, u hekk kif nisma’ xi ħaġa li tolqotni, bħal qisha tfaqqa’ xi ħaġa ġo fija u minn hemm jibdew sensiela ta’ ħsibijiet, kultant kapitli sħaħ ta’ kotba u f’xi daqqiet saħansitra xi soluzzjoni għal xi dilemma li kelli qabel! ”

    Fost il-kotba tiegħu, Paul għandu wkoll kitbiet etnografiċi u ambjentalisti bħal ‘Stejjer minn Wied Għarbiel’, ‘Minn Fuq għal Isfel’, ‘Snajja’ u Xogħol il-Maltin Vol. I u II’, u In-nannu Pawlu u n-nanna Ġużeppa‘Nismagħhem Jgħidu Vol. I’. Uħud minn dawn il-kotba ġew f’idejja ħafna drabi għax huma ideali għar-riċerka tal-proġetti tal-iskola. Iżda żgur li qatt ma kont bsart xi ġrajjiet ħelwin inizzjaw il-ħolqien tagħhom. Infatti n-nannu Pawlu, li għalih hu msemmi l-awtur, u n-nanna Ġużeppa, kellhom influwenza kbira fuq it-triq li qabad dal-kittieb. Paul urini ritratt tagħhom u hekk kif ilmaħt it-tbissima ħelwa tan-nanna Ġużeppa, mill-ewwel fhimt x’kien li jiġbed il-kittieb kull darba lejn Selmun…

    “Bqajt immur inżurhom anki meta kbirt u tgħarrast. Kienet tiġbidni dik it-trankwillità u l-paċi li kont inħoss meta kont inkun fil-kumpannija tagħhom. Kien nannuwi, li għalkemm ta’ ftit kliem, ħabbibni man-natura u urieni kif sa l-inqas ħaxixa u ġebla għandhom l-użu tagħhom. Huwa introduċieni mas-sengħa tal-bidwi u flimkien mal-bdiewa l-oħra tal-madwar fehemni tassew xi tfisser li tkun bidwi. Min-naħa l-oħra n-nanna żrat fija l-imħabba għall-kitba u għall-qari. Permezz tagħha, f’età żgħira, kont diġà qrajt il-kotba klassiċi kollha Maltin hekk kif akkost li hi ma kinetx taf taqra u tikteb, xorta waħda xtrat dawn il-kotba u kull darba kienet titlobni biex naqralha xi silta minnhom. F’kotba bħal ‘Il-Ħuġġieġa’ kien ikun hemm ukoll xi novella qasira, li kont naqra diversi drabi, sakemm darba minnhom tħajjart jien ukoll inħarbex xi ħaġa. In-nanna Ġużeppa kienet tħobb tirrakkuntali ħafna ġrajjiet u għajdut u sikwit kont naħseb dwar dik il-ġurnata meta xi darba nannti kienet ser tħallina u magħha kien ser jindifen u jmut dak kollu li kienet taf. Hekk kien qed jiġri diġà mill-anzjani l-oħra tal-madwar, li min jaf kemm kont ħadt gost nismagħhom jirrakkuntawli l-esperjenzi tagħhom! Darba minnhom ħadt deċiżjoni u mill-informazzjoni li kont ġbart mingħand in-nanniet tiegħi u minn xi dettalji oħra li kont ksibt jien, ippubblikajt il-ktieb bl-isem ‘Selmun u l-Inħawi’ u ftit tas-snin wara ‘Selmun – A story of Love’.

    U ħaġa twassal għall-oħra… biż-żmien indunajt ukoll li anki s-snajja’ ta’ dawn l-anzjani kienu qed jispiċċaw u jmutu. U għalhekk meddejt għonqi biex did-Snajja u Xogħol il-Maltin Vol. 1darba niġbor dawn id-dettalji. Bdejt minn anzjan mill-Mellieħa, ċertu Pietru Gauci il-Pirrex u minn hemm imxejt minn individwu għall-ieħor sakemm ifforma l-ewwel ktieb ta’ ‘Snajja’ u Xogħol il-Maltin’. Bdejt nara lil dawn l-anzjani bħala sors ta’ informazzjoni kbir u ma ridt nitlef l-ebda parti minnha. Għadni sal-llum niġbor dan it-tagħrif, bil-kliem preċiż kif jingħad u bid-diżinji ta’ dak li nkun qed nara. Kien Ġorġ Mifsud Chircop, espert tal-folklor, li għeni ħafna f’dal-qasam u tani pariri sbieħ fejn fosthom irrakkomandali biex nipprova ma nofthomx lill-bniedem mis-sengħa tiegħu.”

    L-ambjent huwa wisq għal qalb dan l-awtur, tant li spiss, tkellmu fuq xhiex tkellmu, d-diskors idur mill-ewwel dwar das-suġġett.

    “Inizzjalment meta bdejt nikteb il-ktieb ‘Selmun – A story of Love’ kelli ftehim mal-amministraturi Ġermaniżi li kienu jmexxu l-lukanda tal-palazz ta’ Selmun, sabiex jiffinanzjawli dan ix-xogħol. Imma meta darba minnhom intbaħt li dawn kienu qed jagħmlu ħsara permanenti lill-arkitettura antika ta’ Selmun u kxifthom, dak li wegħduni ma tawhuliex, iżda l-ktieb ħriġtu xorta waħda u ħallastu jien minn buti. Il-ħsara li saret kienet nikktitni u rrabjatni ħafna. Ix-xogħol sar bla ħniena u bla rispett lejn dan il-bini ta’ valur fejn fosthom graffiti ta’ xwieni antiki li lanqas ritratt ma lħaqt ħadtilhom, ġew sandblasted u meqrudin darba għal dejjem! Bit-tama li nevita li ssir aktar ħsara,  wasalt biex anki dħalt mal-lejl flimkien ma’ ibni, b’mod klandestin, bi ftehim ma’ wieħed mill-gwardjani tal-post, sabiex inħaffer u nikkonferma li fis-sit tal-palazz, kien hemm il-pedamenti ta’ kappella li nbniet fis-seklu 15. Infatti apparti li sibna dawn il-pedamenti, skoprejna wkoll għadd ta’ fuħħar u għadam ta’ skeletri li ndifnu fiz-zuntier tal-kappella. Mort malajr nirraporta għand stazzjon televiżiv lokali u għalkemm ġew mill-ewwel u ħarġu feature waqt l-aħbarijiet, din l-istorja mietet hemm. L-għada stess, il-ħaddiema ġarrfu kollox u ma lħaqt żammejt xejn minn dak kollu ħlief widna ta’ ġarra tal-fuħħar! L-istess xtaqt inkun naf x’sar mill-għamara li kien hemm f’dan il-palazz. Ċertu Diego Spiteri, anzjan ta’ 101 sena, illum mejjet, darba stqarr miegħi li meta hu mar iqatta’ xi ġimgħat għall-qamar il-għasel f’dan il-palazz, l-għamara li kien hemm hemm ġew tant kienet sabiħa li ridt sebgħa għajnejn biex tħares lejha! ”

    Fil-ktieb ‘Quest for Identity – the Mellieħa experience’ li għalih huwa ngħata l-unur prestiġġjuż Premio Gianfranco Merli per l’Ambiente, l-awtur ħareġ b’teorija partikolari dwar il-bdiewa.

    “Minn riċerka li wettaqt ma’ diversi bdiewa ta’ pajjiżi differenti, inklużi dawk Maltin u dawk li qrajt dwarhom fil-kotba klassiċi ta’ Tolstoy u Dostoyevsky, intbaħt illi teżisti linja li tgħaqqadhom kollha Quest for identityflimkien. Akkost li jgħixu f’ambjenti differenti, minn kliemhom tara li r-relazzjoni li dawn il-bdiewa għandhom mal-art hija l-istess kullimkien. Ir-rispett, il-kura u l-imħabba li jieħdu ħsieb l-għelieqi tagħhom biha dejjem għandhom għan speċifiku; dik li xi darba dawn ser jibqgħu jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet li ġejjin warajhom bħalma huma qed igawdu l-art li twasslet lilhom minn dawk ta’ qabilhom. ”

    Meta staqsejt lil Paul P Borg x’jixtieq fil-ħajja, hu qalli li bħalissa jħossu għaddej minn żmien kreattiv ħafna u jispera li daż-żmien ma jmurx. Bla dubju, ser inkunu nafu aktar dwar dan l-awtur permezz tal-għażla ta’ novelli li ser ikun qiegħed jippreżentalna fil-ġimgħat li ġejjin fit-Torċa.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-14 t’Awwissu 2011)

    2011.08.14 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • DAQQA T’ID LIŻ-ŻGĦAŻAGĦ

    Qawl Ċiniż jgħid: “Agħti ħuta lil xi ħadd u tkun tmajtu għall-ġurnata. Għallmu kif jistad u tkun tmajtu għal ħajtu.” L-għerf li hemm maħżun f’dan il-qawl huwa proprju l-Stephen Vella u Jessica Camillerigħan wara l-proġett Embark4Life. “Kull bniedem jiġi f’punt fejn irid jakkwista l-indipendenza f’ħajtu,” saħqu miegħi Stephen Vella, il-Project Leader, u Jessica Camilleri, il-Project Administrator ta’ dan il-proġett. “Imma hemm każi fejn individwu ma jkollux il-ħiliet bażiċi u lanqas l-għajnuna tant meħtieġa biex jilħaqhom, u għalhekk isibha diffiċli ferm biex ifendi għal rasu. Huwa hemm fejn nidħlu aħna biex nagħtu daqqa t’id. Iżda finalment huwa f’idejn iż-żagħżugħ li jagħraf il-bżonn li jaċċetta l-għajnuna tagħna u li jiddeċiedi li jibda kapitlu ġdid f’ħajtu.” X’hemm isbaħ milli wieħed jgħinek issib it-triq it-tajba u mbagħad iħallik fil-libertà biex tkompli miexi fejn tixtieq qalbek?

    Il-proġett Embark4Life beda fl-2009 u bħalissa qed isiru arranġamenti sabiex jibqa’ għaddej sal-aħħar tal-2012. Qed jiġi ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-European Social Fund u huwa ikkoordinat mill-Aġenzija Appoġġ u mill-Aġenzija Sedqa b’kollaborazzjoni mal-ETC u mal-Awtorità tad-Djar. Dal-proġett ġie partikolarment imfassal sabiex jagħti għajnuna lil żgħażagħ ta’ bejn l-eta ta’ 16 u 24 sena ħalli jintegraw aħjar fid-dinja tax-xogħol u fis-soċjetà.

    “Dehrilna li jekk diversi entitajiet jgħaqqdu l-forzi tagħhom flimkien, il-proġett ikollu ċans akbar li jkun ta’ suċċess. B’hekk apparti li l-ebda entità ma tkun qed taħdem għal rasha u forsi anki tidduplika x-xogħol, b’kollaborazzjoni akbar bejniethom, l-entitajiet konċernati jkunu jistgħu joffru qafas aktar sikur għal din l-istrateġija mmirata biex tgħin liż-żgħażagħ li jkunu ser jiġu introdotti għad-dinja tax-xogħol. Għall-istess raġuni, qed naħdmu wkoll id f’id ma’ numru ta’ istituzzjonijiet li huma relatati b’xi mod jew ieħor ma’ dal-qasam, bħal ngħidu aħna: Aġenzija Appoġġ, Aġenzija Sedqa, Suret il-Bniedem, Dar Osanna Pia, u l-Probation Services.

    Ġie deċiż li naħdmu ma’ dik is-sezzjoni ta’ żgħażagħ li għandhom bejn l-età ta’ 16 u 24 sena minħabba li nemmnu li din hija l-faxxa l-aktar vulnerabbli biex tintegra fid-dinja tax-xogħol. Għażilna li l-età Embark4Life Poster 1tibda minn 16-il sena għax nixtiequ li għallinqas iż-żgħażagħ ikunu spiċċaw l-edukazzjoni formali tagħhom u idealment ikollhom l-ischool leaving certificate, ħalli b’hekk ikun hemm pedament sod ta’ edukazzjoni. Immirajna l-għażla tagħna sal-età ta’ 24 sena għax naħsbu illi f’dan il-perjodu, iż-żgħażagħ ikunu aktar miftuħa għat-tagħlim u għat-taħriġ. Barra minn hekk ġuvni ta’ 18-il sena li jsib ruħu fit-triq, ċertament issirlu iżjed ħsara u jista’ jiġi ħafna aktar sfruttat minn wieħed li jsib ruħu fl-istess kundizzjoni f’età akbar għax dan b’xi mod jew ieħor ikun tgħallem ikampa fil-ħajja u jkun diġà rabba ċertu qoxra.”

    Fhiex tikkonsisti l-għajnuna jew is-servizzi ta’ Embark4Life u għal min huma applikabbli ?

    “Hemm diversi servizzi li jingħataw u dawn dejjem jiddependu mill-ħtiġijiet partikolari ta’ kull individwu. Huma applikabbli għal żgħażagħ li qed isibu diffikultà biex jidħlu fil-qasam tax-xogħol minħabba diversi raġunijiet bħal ngħidu aħna dawk li jkunu trabbew f’xi istituzzjonijiet, dawk li qegħdin f’riskju li jiġu mkeċċija mill-familji tagħhom, dawk li kellhom problema ta’ droga u dawk li qegħdin fil-ħabs u qed jaħsbu kif ser jintegraw ruħhom meta joħorġu minn hemm ġew.

    Flimkien ma’ kull individwu aħna nfasslu pjan b’numru ta’ parametri li jkopru l-istili bażiċi li wieħed għandu bżonn biex jirnexxi fil-ħajja. Mhux kulħadd għandu l-istess ħtiġijiet. Ngħidu aħna, hemm min ikun falla ħafna lezzjonijiet meta kien l-iskola, tant li meta jiġi biex joħroġ, lanqas l-ischool leaving certificate ma jingħatalu. Hemm min għandu diffikultà biex jifhem il-lingwa Ingliża u allura mbagħad issibu jbati biex jgħaddi minn ċerti eżamijiet bħal per eżempju, biex iġib il-liċenzja tal-karozza. Żgħażagħ oħra jkun jonqoshom xi ‘O’ Levels u l-ġenituri tagħhom ma jkunux jifilħu jħallsulhom għall-lezzjonijiet. Lil dawn iż-żgħażagħ, aħna noffrulhom servizz ta’ taħriġ b’xejn, weħidhom jew fi grupp, biex jirkupraw l-edukazzjoni u ċ-ċertifikati li jkollhom bżonn. Nagħtu wkoll għajnuna f’dik li tikkonċerna l-komunikazzjoni u għaldaqstant inħarrġu liż-żgħażagħ kif jikkomunikaw aħjar, kif jużaw il-kompjuter, kif jidħlu fl-internet, kif jiktbu cv u kif jippreparaw ruħhom għal intervista.

    Sfortunatament naraw ukoll ħafna żgħażagħ li donnhom ma jkunu jistgħu joħorġu qatt mill-fażi tat-taħriġ. Jibqgħu jattendu għall-kors wara l-ieħor u jġibu ċ-ċertifikati kollha, imma mbagħad isibu Embark4Life Poster 2diffikultà biex jużaw dawk il-ħiliet li jkunu tgħallmu sabiex bihom isibu xogħol adattat. Lil dawn iż-żgħażagħ aħna ngħinuhom billi ninkoraġġuhom japplikaw għal xi xogħol, anki billi nuruhom bl-opportunitajiet kontinwi li jkun hemm fl-ETC. Kultant niltaqgħu ukoll ma’ żgħażagħ li ma jkunux qed japplikaw għax-xogħol peress li jidhrilhom li l-ebda pożizzjoni ta’ xogħol offruta ma tkun tixtraq għall-kwalifikazzjonijiet li jkollhom. F’dawn il-każi, aħna naħdmu ma’ dawn l-individwi biex infehmuhom li m’hemm xejn ħażin li tibda minn xogħol partikolari u mbagħad tibda tiela’ tarġa tarġa ‘l fuq. Bla dubju, jekk ma tibdiex minn x’imkien, żgur li ma tasalx u jekk ma taħdimx, ma jkollokx flus biex tmantni ruħek.”

    Iżda apparti mit-taħriġ edukattiv, Embark4Life joffri wkoll saqaf fuq ras numru ta’ żgħażagħ li jsibu ruħhom f’diffikultà…

    “Huwa inutli li tipprova tħajjar żagħżugħ biex imur jaħdem jekk dan m’għandux fejn joqgħod u ma jafx kif ser jiekol matul il-ġurnata! Daqstant ieħor hu impossibli li ssib impjieg lil xi ħadd li għandu problemi ta’ alkoħol jew droga. F’dawn il-każi partikolari aħna noffru wkoll sistemazzjoni temporanja fi djar jew hostels apposta bħal Suret il-Bniedem u Dar Osanna Pia, sakemm iż-żagħżugħ jitgħallem ħiliet biżżejjed u jsir aktar responsabbli tiegħu nnifsu sabiex jinqata’ minn dawn il-vizzji, jrabbi aktar fiduċja fih innifsu u jkun jista’ jvara ħajtu fid-dinja tax-xogħol. Nixtiequ niċċaraw li din is-sistemazzjoni hija waħda temporanja u allura matul numru stabbilit ta’ xhur, iż-żagħżugħ bl-għajnuna ta’ youth worker li tkun qed issegwih u tinkoraġġieh, irid juri biċ-ċar li lest li jgħin lilu nnifsu sabiex jirnexxi u allura jeħtieġ li jattendi għat-taħriġ li nippjanaw u li finalment jibda jmur jiċċekkja x’opportunitajiet hemm mal-ETC u anki jibda jirreġistra.  L-għajnuna tal-youth worker tinkludi wkoll taħriġ f’kif wieħed iqassam u jfaddal flusu ħalli fi ftit taż-żmien ikun jista’ jikri proprjetà għal rasu.

    Permezz ta’ Embark4Life, b’kollaborazzjoni mal-Awtorità tad-Djar, kull tant żmien, aħna nagħmlu sejħa pubblika għal dawk li għandhom xi appartamenti vojta u jkunu jixtiequ jikruhom lil dan il-proġett. Embark4Life Poster 3Eventwalment aħna nidħlu f’kuntratt mas-sid u nikru dawn il-postijiet għal mhux aktar minn sena. Fl-istess ħin, aħna nidħlu bi sħab maż-żagħżugħ jew żagħżugħa konċernata bi ftehim li huma jridu jħallsu d-dawl, l-ilma, l-ikel u l-ħtiġijiet l-oħra tal-post. Barra minn hekk, il-ftehim ikun jinkludi wkoll il-pjan li sa disgħa xhur wara, jridu jkunu bdew ifaddlu biżżejjed flus biex meta aħna noħorġu mill-kuntratt ta’ kiri, huma jkunu jistgħu jibqgħu jikru l-post bi flushom. Ovvjament dawn ir-regolamenti mhumiex inflessibli għax aħna nagħtu attenzjoni individwali lil kull każ. Infatti hemm każi fejn akkost li wieħed ikun tassew qed jgħin ruħu u jġemma’, ma jkunx irnexxielu jilħaq il-mira ppjanata saż-żmien stabbilit. Allura, anki biex ma jintilifx il-ġid kollu li nkunu għamilna miegħu, aħna nikkunsidraw li  nestendu das-servizz tagħna bi tliet xhur oħra.”

    Stephen u Jessica enfasizzaw kemm il-darba li s-suċċess ta’ dan il-proġett huwa rikonoxxut skont kemm jirnexxielhom jintegraw liż-żgħażagħ mal-bqija tas-soċjetà, b’mod speċjali fil-qasam tax-xogħol. Huma wrewni statistika ta’ kemm ġew mgħejuna żgħażagħ s’issa u kienu sodisfatti ħafna bir-riżultati li ottjenew kemm ilu li beda l-proġett.

    “Inħossu sodisfazzjon kbir meta naraw li ż-żgħażagħ qed jirrikorru b’mod konsistenti għall-għajnuna li qed noffru. Imma aktar minn hekk, il-ġid ta’ dan il-proġett ikun evidenti meta naraw bidla drastika jew aħjar tranżizzjoni f’dawn iż-żgħażagħ, fejn minflok li jirċievu biss, huma jsiru wkoll ċittadini parteċipi fis-soċjetà.

    Akkost li qed nuruk din l-istatistika, għalina kull każ partikolari huwa suċċess. Biex nagħtuk eżempju, dan l-aħħar koppja li ġew mgħejjuna permezz ta’ dan il-proġett, għażlu li jagħmlu l-festin tat-tieġ tagħhom proprju f’dawn l-uffiċini. Kien il-mod tagħhom kif ħallsuna lura ta’ dak li għamilna magħhom, billi wrewna wkoll li jqisuna bħala parti mill-familja tagħhom. Sfortunament fl-istess ħin, dan huwa wkoll eżempju ċar li jfissirlek is-sitwazzjoni li tinħoloq meta jkun hemm in-nuqqas tal-preżenza tal-familjari”.

    X’jista’ jagħmel żagħżugħ li jixtieq jipparteċipa f’dan il-proġett?

    “Min hu interessat jiġi referut mill-entitajiet li qed jipparteċipaw fil-proġett, prinċiparjament Aġenzija Sedqa u Aġenzija Appoġġ, Aġenzija Żgħażagħ u l-Probation Officers. Madanakollu, meta jkun hemm żgħażagħ li ma kellhomx kuntatt ma’ dawn l-entitajiet, aħna nirreferuhom lil waħda mill-entitajiet rikonoxxuti sabiex tirreferihom hi. Ġieli jiġu każi meta ma nkunux nistgħu nsibu post alternattiv għal xi żagħżugħ li jeħtieġu u allura, fejn ikun possibbli, ngħidulu jistaporti ftit ieħor sakemm nirranġaw is-sitwazzjoni. Min-naħa l-oħra, ġieli jersqu għandna żgħażagħ għax ikunu imbuttati minn ħaddieħor, iżda ma jkollhom l-ebda ħeġġa biex jikkollaboraw. Ikun hemm ukoll min jidhirlu li m’għandux bżonn l-għajnuna tagħna, akkost li xi ħadd jirreferih għandna. Min jiġi hawn irid ikun liberu li jixtieq l-għajnuna, ma jistax jiġi sfurzat. Naturalment aħna ma nkeċċu lil ħadd u nagħtu ċans lil dak li jkun biex jagħraf x’inhi l-aħjar triq għalih. Però finalment hemm ħafna żgħażagħ oħra għatxana li jagħmlu bidla f’ħajjithom u Embark4Life jiftaħ il-bibien tiegħu beraħ għal dawn!”

    Sabiex inkun nista’ nara b’għajnejja r-riżultati ta’ Embark4Life, iltqajt ma’ żagħżugħ li bħalissa qiegħed jipparteċipa f’dan il-proġett…

    “Għandi 17-il sena. Kienet social worker tal-Appoġġ li ntroduċietni għal Embark4Life. Nistqarr li għall-ewwel ma tantx kont ħadtu ħafna bis-serjetà dan il-proġett u llum nistħi meta niftakar kemm ġieli ħallejt nies jistennewni biex jagħtuni xi taħriġ u jiena ma attendejtx! F’ħajti jiena għaddejt minn ċerti diffikultajiet…dort f’diversi istituzzjonijiet, tlaqt mill-iskola mingħajr school leaving certificate u saħansitra għamilt perjodu l-ħabs. Illum, meta noqgħod naħseb, nirrealizza li kelli wisq libertinaġġ u qisni ftit li xejn kelli kontroll fuqi nnifsi.

    Illum qed ngħix f’dar li tilqa’ ż-żgħażagħ u s-servizz li qed jingħata lili qed jiġi ssapportjat finanzjarjament mill-proġett E4L. Hawnhekk jieħdu ħsiebi ħafna u fuq kollox qed jgħallmuni kif insir aktar Embark4Life Poster 4responsabbli, iddixxipplinat u indipendenti. Fl-uffiċini ta’ Embark4Life, attendejt għal taħriġ maħsub għalija fejn permezz tiegħu ġibt l-ischool leaving certificate. Barra minn hekk, bħalissa qed nistudja l-Malti, l-Ingliż u l-kompjuter. Preżentament inħossni kburi ħafna li rnexxieli nżomm ix-xogħol għal dawn l-aħħar disgħa xhur u nofs, xi ħaġa li qatt ma kont kapaċi nagħmel qabel. Kien permezz ta’ dan ix-xogħol li ndunajt li togħġobni l-kċina u għalhekk ser nibda nieħu taħriġ fl-ITS.

    Hawnhekk għenuni ħafna speċjalment meta emmnu fija u meta ħallsuli dak li kelli bżonn biex niġi fuq saqajja. Għallmuni ħafna affarijiet tal-ħajja fosthom kif nikteb cv, kif insib xogħol u kif infaddal. Għamluli r-referenzi u sabuli dar fejn noqgħod temporanjament sakemm nitgħallem noqgħod għal rasi, għalkemm nammetti li s’issa din l-idea li noqgħod waħdi, tbeżżagħni xi ftit. F’dawn l-uffiċċji niltaqa’ wkoll ma’ sħabi, li forsi barra t-triq kienu jdaħħluni fl-inkwiet, imma hawn nieħu gost narahom jieħdu l-għajnuna u jitgħallmu bħali.

    Nirrakomanda liż-żgħażagħ li għandhom bżonn l-għajnuna sabiex jagħrfu jaċċettawha u jieħdu l-ġid minnha. Jekk f’qalbhom veru jħossu l-bżonn li jitgħallmu xi ħaġa, hawnhekk tajjeb ħafna. Żgur aħjar milli toqgħod tiġri barra bla skop!”

    Għal aktar informazzjoni dwar il-proġett Embark4Life, wieħed jista’ jċempel fuq 21323520. Jista’ wkoll jibgħat email fuq e4l.fsws@gov.mt jew jidħol fil-website www.fsws.gov.mt. L-uffiċini ta’ Embark4Life jinsabu f’168, Triq il-Wied, l-Imsida.

    Dan il-proġett qed jitmexxa mill-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali li tinkorpora Aġenzija Sedqa (www.sedqa.gov.mt), Aġenzija Appoġġ (www.appogg.gov.mt) u Aġenzija Sapport (www.sapport.gov.mt).

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-7 t’Awwissu 2011)

    2011.08.07 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • DIVERTIMENT F’POST L-INKWIET?

    Il-Milied li għadda, irċevejt email li ħallietni xxukkjata! Bagħtithieli ħabiba tiegħi barranija, studenta ta’ 18-il sena li ġiet Malta biex tistudja fl-Università tagħna. Tfajla kwieta, bilkemm tgħid kelma fil-klassi, aħseb u ara tinbex lil xi ħadd f’Paceville. “Qlajt xebgħa,” kitbitli. “Għandi mnieħri miksur u żewġ black eyes. Ġuvni barrani segwieni waqt li kont miexja lura lejn id-dar minn Paceville. F’ħin minnhom ħatafni u waddabni f’għalqa biswit ħafna djar. Ried bilfors ikollu x’jaqsam miegħi u meta rreżistejtu, qabad jagħtini bla ħniena bil-ponn f’wiċċi u telaqni biss meta ra xi nies resqin qrib.” Moħħi nixef u jdejja weħlu mal-keyboard. X’ser naqbad ngħidilha? Ċempiltilha wara ftit u għalkemm ippruvat tbellagħhieli li issa kienet aħjar, leħinha kien miksur u mbeżżgħa. Kien żmien meta suppost  kienet qed tistudja għall-eżamijiet u minflok kellha tgħaddi minn dit-trawma sħiħa f’pajjiżna! Tistgħu timmaġinaw x’baqa’ mill-ġenituri tagħha u mill-Maltin li kienu qed jilqugħha f’darhom.

    Din il-memorja reġgħet ġiet f’moħħi dil-ġimgħa hekk kif waqt li kont qed inqalleb il-paġni ta’ gazzetta lokali, nilmaħ dan il-kliem: “Did-darba lil ibni ġietu tajba… imma bħala ġenitur, missier ta’ erbgħa, inħossni nistħi li bqajt sieket għal tant żmien, akkost li kont konxju minn dak li qed jhedded liż-żgħażagħ, lil uliedi.” L-ittra kienet miktuba mill-avukat Dr Anthony P Farrugia li dan  l-aħħar għadda minn mumenti diffiċli wara li ibnu u t-tfajla tiegħu ġew attakkati minn grupp ta’ żgħażagħ li kienu għadhom kif serqu turist fl-inħawi tal-bajja ta’ San Ġorġ u dawn marru jagħtuh l-għajnuna. “X’nagħmel allura? Inwissi lil uliedi biex darb’oħra, jekk jaraw lil xi ħadd fil-bżonn, jibqgħu għaddejjin u ma jindaħlux sabiex ma jidħlux fl-inkwiet?”Dr Farrugia saħaq illi ġuvnott li kien magħhom, kellu jinżel saħansitra sa Spinola biex isejjaħ lill-pulizija. Huwa staqsa il-għala f’post fejn jinġabru tant żgħażagħ, m’hemmx aktar sorveljanza sabiex dawn jiġu protetti u anki biex tinżamm l-ordni pubblika?

    Naturalment, bħal kif jiġri s-soltu, il-karba ta’ dal-missier ma waqgħetx fuq widnejn torox u qamet agħa fost in-nies. Kulħadd jgħid tiegħu. Mitt bniedem, mitt fehma. Fosthom kien hemm min insista li dawn l-inċidenti jseħħu b’mod regolari mhux fl-inħawi ta’ Paceville biss imma anki fil-Gżira u f’Buġibba. Iżda oħrajn merewhom peress li kienu tal-fehma li fl-inkwiet jidħlu biss dawk l-individwi li jmorru fil-postijiet ‘żbaljati’ u li allura jkunu qed ifittxu l-ġlied. Dort dawra mal-gazzetti u fil-facebook u innutajt dak kollu li kien qed jintqal fuq ir-radju u fit-triqat. Ħassejt li b’mod ġenerali l-poplu huwa konxju li hemm problemi ta’ sigurtà f’dawn il-postijiet ta’ divertiment imma li ormaj tgħallem jgħix magħhom, hekk kif iċ-ċriev tgħallmu jgħixu mal-iljuni fil-ġungla. Infatti ż-żgħażagħ li ma jħossuhomx komdi f’dawn il-postijiet kellhom jagħżlu li jiltaqgħu f’inħawi oħra. Mentri oħrajn li sħabhom imorru hemm biss, jilludu ruħhom li lilhom qatt mhu ser jiġrilhom xejn għax huma ma jittantawx lix-xemx għaddejja. Innutajt li teżisti bħal passività “Għax hekk jew hekk x’tagħmel? Ma tmur imkien?” jistaqsuk. Donnu ħadd ma jrid joħroġ għonqu. Ta’ Maltin li aħna, ħafna minna nhedew inparlaw hekk kif il-media tiġbdilna l-ispaga sakemm imbagħad induru għal xi ħaġ’oħra u s-suġġett imut fuq ruħ ommu. U sadanittant l-impotenza tal-ġenituri li jipproteġu lil uliedhom kull darba li dawn joħorġu jiddevertu f’dawn il-postijiet, qiegħda tifni lil ħafna.

    Illum Paceville rari nitla’ iżda nistqarr li anki meta kont iżgħar, kont immur hemm għax bilfors. Hemmhekk kienu jinġabru l-maġġoranza ta’ sħabi u taż-żgħażagħ l-oħra u allura ma tantx kien hemm għażla. M’għandix xi memorji sbieħ tal-post, dejjem maħmuġ, bini fuq xulxin, taraġ imkisser mimli remettar (li llum wara tant snin ġie rranġat imma r-remettar għadu jkun hemm), nies jixorbu u jidħku jgħajtu biex jiġbdu l-attenzjoni, mużika għolja li ma tħallikx tgħid kelma ma’ dak li jkun, nies fis-sakra u oħrajn jilgħabuha li huma fis-sakra, barranin li donnhom qatt ma raw mara f’ħajjithom…. Ironikament kont nieħu r-ruħ meta jsir il-ħin biex nitlaq minn hemm, sakemm imbagħad kont niftakar li għad fadal saram ieħor. Kif ser immur lura d-dar? L-għażla kienet jew li noqgħod nittallab biex iwassalni xi ħadd minn sħabi, bit-tama li sakemm naslu biex nitilqu, ma jkunx xorob iżżejjed,  inkella li immur b’taxi, mgħaffġa bejn qabda żgħażagħ oħra li ma nafx, filwaqt li nispera li ser nasal sad-dar għax mhux darba u tnejn li kelli neħodha mas-sewwieqa biex ma jwaqqfunix f’xi pjazza wara li nkun ħallast biz-zalza! Meta ġibt il-liċenzja u xtrajt il-karozza ħsibt li kont akkwistajt il-libertà minn dan kollu. Fir-realtà spiċċajt is-sewwieqa ta’ ċertu sangisugi u meta kont nirrifjuta li nservihom, kont irrid naffaċċja t-triqat lura lejn il-karozza waħdi, fil-baħħ u fid-dlam.

    Sfortunatament mill-kummenti li bdejt naqra, għaraft li l-ħajja ma nbidlitx wisq għalkemm għaddew is-snin. Infatti bosta żgħażagħ ilmentaw li m’hux qed ikun hemm kontroll fuq l-età ta’ dawk li jitħallew jidħlu u wisq agħar jixorbu fil-clubs, b’uħud jinsistu li f’dawn il-postijiet, ċerti tfajliet taħt l-età qed ikunu wkoll ingaġġati bħala ‘żeffiena’. Barra minn hekk, akkost li kulħadd jaf li t-tipjip ġewwa dawn il-lwogi huwa projbit, jidher biċ-ċar li mhux kull post qed iżomm mar-regolamenti. Individwi oħra saħqu li oġġetti tal-ħġieġ f’dawn il-postijiet huma ta’ periklu kontinwu, hekk kif xi minn daqqiet, taf issib ruħek f’nofs ta’ ġlieda bla ma taf kif. Tfajla minnhom irrakkuntat kif proprju waqt ġlieda bħal din, hi spiċċat imwaddba fl-art minn bouncer tal-post, hekk kif dan ġera biex iferraq lill-ġellieda “u nara banketta għaddejja minn quddiem wiċċi!” Xi ħaddieħor kiteb: “Il-garanzija li jekk toqgħod attent ma jiġrilek xejn, hi biss illużjoni. Ċerti individwi juruk li jkunu għatxana biex jaqalgħu ġlieda u f’post fejn l-alkoħol (u mhux biss!) ikun għaddej bil-kwantità, tistenna li tinqala’ xi traġedja kbira xi darba.”

    Għalkemm numru ta’ żgħażagħ sostnew li l-preżenza tal-pulizija hija regolari f’Paceville u li meta jseħħ inċident, issibhom għall-għajnuna, oħrajn iddubitaw kemm in-numru ċkejken ta’ pulizija fuq il-post jista’ qatt ikun tassew effettiv meta f’ċerti ġranet ikun hemm tant nies miġburin f’dawn l-inħawi. Min-naħa l-oħra xi wħud dehrilhom li għalkemm il-pulizija jiġu fuq il-post, dawn ma jkunux ippreparati għal dak li jinqala’ … “meta ħabibti waqgħet u weġġgħet geddumha, lanqas stikka ma kellhom fuqhom!” kitbet waħda.

    Kultant xi żgħażagħ jiftħu qalbhom mal-ġenituri dwar xi ġlieda li jkunu raw isseħħ quddiem għajnejhom jew li jkunu spiċċaw fiha u dawn jistaqsuhom jekk ċemplux lill-pulizija? Omm kitbet li binha weġibha: “Għalxejn ma, għax il-pulizija dejjem jiġu meta jkun għadda kollox u min ikun qala’ l-inkwiet, ikun laħaq dabbar rasu!” U allura bir-raġun, numru ta’ żgħażagħ u ġenituri staqsew għala l-pulizija għandha tasal fuq il-post wara li jsir l-inċident, meta jaf ikun tard wisq. Għala trid tmur tfittex int lill-pulizija? Għala m’hemmx proċedura ta’ prevenzjoni? Għala l-pulizija ma jkunux qed iduru fit-toroq kontinwament sabiex il-preżenza tagħhom isservi bħala deterrent? Oħrajn xtaqu jkunu jafu għaliex m’hemmx aktar CCTV cameras li jissorveljaw l-inħawi u jekk wara kollox, dawk li hemm bħalissa, humiex qed jaħdmu tassew? Mistoqsija relevanti kienet jekk dawn is-CCTV cameras hux qed ikunu segwiti minn xi ħadd responsabbli waqt li ż-żgħażagħ ikunu miġburin fl-inħawi, inkella jekk jintużax biss ir-recording tagħhom wara li jilħaq jiġri l-fatt? Individwu ieħor staqsa jekk il-pulizija għandhomx aċċess faċli għar-recordings ta’ dawn il-filmati… “Jekk ikun involut barrani f’xi każ, mhux jilħaq idabbar rasu mill-pajjiż sakemm il-filmati jaslu għand il-pulizija, dejjem jekk il-camera tkun irrikordjat veru xi ħaġa!”

    Ċertament, kif jgħid qawl Ingliż, il-prevenzjoni hija aħjar mill-kura. U għaldaqstant ir-rota kull darba ddur fuq il-perċezzjoni ġenerali li dawn iż-żoni mhux qed ikunu regolati adegwatement sabiex l-inċidenti jiġu evitati. “Fl-aħbarijiet nisimgħu biss b’dawk l-inċidenti li jkunu gravi. Imma l-ġlied fil-bars iseħħ kemm il-darba” qal żagħżugħ. Min-naħa l-oħra ġenitur minnhom widdeb illi jekk xi darba ċċempillu bintu u tgħidlu jitla’ Paceville malajr għaliha għax qed jheddidha b’xi periklu xi ħadd, “Ma nkunx responsabbli ta’ x’ifettilli nagħmel! Niġi naqa’ u nqum jekk insibx xi tifel taħt l-età quddiemi dak il-ħin għax b’li jiġi f’idejja niftaħlu rasu!” Kien hemm min issuġġerixxa li jibda jintuża s-servizz tal-pulizija pajżana jduru fost iż-żgħażagħ “Għax int tkun dejjem ikkontrollat mill-ħsieb li ta’ ħdejk jista’ jkun il-persuna li jwaqqfek milli titkessaħ ma’ persuna oħra.” Madanakollu oħrajn insistew illi l-pulizija pajżana mhumiex ta’ deterrent daqs kemm meta qed tara l-uniformi quddiemek u li allura jservu biss biex jikkontrollaw ġlieda meta tkun diġà qamet.

    Din il-kwistjoni nislet ukoll battalja bejn dawk li ma jridux li niġu f’sitwazzjoni ta’ “stat polizjesk” u dawk li jinsistu li “il-preżenza tal-pulizija iddejjaq biss lil min beħsiebu jaqla’ l-inkwiet jew jagħmel xi ħaġa li mhux suppost.” Kummenti oħrajn sostnew illi l-pulizija li jiġu assenjati r-responsabbiltà ta’ dawk l-inħawi, għandhom ikunu mħarrġa apposta f’dak ir-rigward. “Għandu jkun hemm preżenza utli u effettiva. Idealment xi skwadra ta’ pulizija li flimkien ma’ riżorsi oħra ta’ servizzi, inkluż dak tal-SAG, joħolqu ambjent ta’ dixxiplina. Sfortunatament il-perċezzjoni tan-nies f’dik li hija dixxiplina mill-pulizija mhiex tajba ħafna u allura l-immaġni tal-pulizija qed tbati ħafna.” Xi ħaddieħor qal: “Jien rajt gang qed tisraq handbag ta’ tfajla u akkost li din bdiet tibki kemm tiflaħ u ssejjaħ għall-għajnuna, ħadd ma ta kasha, tant li dawk li serquha baqgħu fil-viċin ħalli jaraw x’kien hemm tajjeb għalihom fil-handbag!” Bla dubju f’territorju fejn m’hemmx biża’ li wieħed jista’ jinqabad minħabba n-nuqqas ta’ordni, l-inħawi jsiru fertili fil-kriminalità … “bħal ħmieġ li jiġbor il-ġrieden”.

    Kien hemm min farfar dil-kwistjoni malajr billi semma’ illi f’pajjiżi oħra, fl-inħawi tad-divertiment, isir wisq agħar u allura relattivament Paceville huwa sikur. U allura għandna nikkuntentaw b’dan? Oħrajn semmew kif f’bosta mill-clubs, wieħed isib numru ta’ bouncers u allura hekk kif xi ħadd jaqla’ l-inkwiet “jintrema l-barra”. Imma mbagħad kien hemm min staqsa “U lil dak li jintrema’ barra min jiġbru? Aktarx ħadd u allura jmur jaqla’ l-inkwiet x’imkien ieħor, probabbilment fit-triq fejn in-nies m’għandhiex daqshekk protezzjoni”. Infatti suġġeriment għaqli ħafna insista illi s-servizzi ta’ sigurtà li hemm fl-inħawi idealment għandhom jaħdmu flimkien. Ngħidu aħna, jekk xi ħadd huwa tant fis-sakra li mhux qed jara art jew li wasal fi stat li jaqla’ l-inkwiet, dan l-individwu m’għandux jitħalla barra fit-triq bla ma jingħata għajnuna. Biss biss, jekk ma jagħmel ħsara lil ħadd, jaf jilħaq isib il-karozza tiegħu u jipprova jsuq lura lejn id-dar b’konsegwenzi oħra serji.

    L-awtoritajiet saħqu illi l-pulizija qed jagħmlu mill-aħjar li jistgħu hemmhekk. Iżda għalkemm bosta jaqblu ma’ dan, ħafna min-nies jistqarru wkoll illi kieku kellha tiżdied aktar il-preżenza tal-pulizija, iħossuhom ferm aktar protetti. “In-nies meqjusa bħala ‘importanti’ tarahom għaddejjin bil-bodyguards magħhom. Allura uliedna mhumiex meqjusa importanti biżżejjed biex ikollhom il-protezzjoni f’dawn il-postijiet? Ma jistax ikun li nwaqqaf lil uliedi milli joħorġu. U fl-istess ħin għaliex uliedi għandhom jiġu mċaħħda milli jmorru f’dawn l-inħawi sempliċiment għax m’hemmx kontroll biżżejjed?” staqsa ġenitur inkwetat għall-aħħar.

    Anki l-pieni li jingħataw lil dawk li jinqabdu qed iwettqu xi reat qed idarrsu lil ħafna. “Riċentement wieħed weħel multa u twiddiba. B’daqshekk? Issa x’ser jiġri? Il-weekend li ġej ser nerġgħu insibuh Paceville mill-ġdid fostna? Forsi wasal iż-żmien li bħal ma jagħmlu fil-grounds tal-futbol, min jaqla’ l-inkwiet, tinħariġlu ordni biex għall-ammont ta’ żmien partikolari ma jersaqx lejn Paceville iktar. Dak żgur deterrent, meta ż-żgħażugħ għandu t-theddida li jekk ma jġibx ruħu sew, ser jiġi mifrud mill-bqija ta’ sħabu u mċaħħad minn dawn il-postijiet ta’ divertiment. B’hekk anki l-pulizija stess tħoss li xogħolha sewa għal xi ħaġa. Mhux bħal kif jiġri issa, tarresta bniedem illum u l-ġimgħa ta’ wara terġa’ ssibu jaqla’ l-inkwiet mill-ġdid!”

    Nittama li did-darba dil-kwistjoni ma tingħalqx hawn…

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-31 ta’ Lulju 2011)

    2011.07.31 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • MHUX X’TGĦID JGĦODD, IMMA KIF TGĦIDU

    L-intervista li għamilt lil Trevor Zahra dil-ġimgħa kienet ilha snin sħaħ tinħema f’moħħi, probabbilment sa mill-ewwel ktieb tiegħu li ġie f’idejja ‘Dwal fil-fortizza’. Kien l-Trevor Zahraewwel awtur Malti li fi tfuliti ħabbibni mal-lingwa tiegħi u kien hu wkoll l-ewwel wieħed li ħollomni li forsi xi darba nsir kittieba bħalu. Iżda nistqarr li lil dan l-awtur irbattu ma’ tfuliti u ftit li xejn kont qrajt mill-kitba tiegħu għall-adulti, sitwazzjoni li ċertament kelli nikkoreġiha qabel niddeċiedi li nintervistah. L-għażla kienet vasta għax sadanittant dan l-awtur kiteb madwar 130 ktieb! Jiena u nerfa’ jdejja lejn il-qanpiena tal-bieb tiegħu, wara dak li qrajt, bsart li ser niltaqa’ ma’ bniedem differenti minn dak li kont geżwirt f’qalbi snin twal ilu u kont imħassba dwar x’kont ser insib. Imma Trevor laqgħani għandu b’ġentilezza kbira u qattajna s-sigħat nitkellmu flimkien. Fost id-diskussjoni tagħna sikwit ħareġ dak li darba qal wieħed mill-awturi favoriti tiegħu stess, Gabriel García Márquez…. “L-importanti fil-ħajja mhux dak li tgħaddi minnu imma x’tiftakar minnu u kif tiftakru.”

    Ħadt miegħi l-ktieb ‘Dwal fil-fortizza’ għax xtaqtu jiffirmahuli, bħal donni ridt nagħlaq xi ċirku li nfetaħ żmien ilu. Iżda minflok rbaħt il-privileġġ li niftaħ kapitlu ġdid ta’ ħbiberija, hekk kif Trevor beda jirrakkuntali bosta siltiet minn ħajtu. Skoprejt li wara kollox kien hemm ħafna affarijiet simili bejnietna, fosthom li fi tfulitna, it-tnejn konna mitlufin wara l-kotba ta’ Enid Blyton.

    “Meta kont żgħir, missieri kellu librerija mimlija kotba imma kważi l-ebda wieħed minnhom ma kien adattat għat-tfal. Għalhekk kont spiċċajt nipprova naqra l-kotbaDwal fil-fortizza maħsuba għall-qarrejja adulti.  Dawk tal-Ingliż kienu diffiċli ferm biex nifhimhom. Min-naħa l-oħra l-kotba bil-Malti kienu dawk ġeneralment b’ambjent storiku bħal ‘Raġel bil-għaqal’, li għalkemm kienu interessanti, żgur li ma kienux jipprovokawli daqstant l-imaġinazzjoni tiegħi. Kotba bil-Malti għat-tfal ma kinux jeżistu ħlief ‘Ġabra ta’ Ward’ li kellna l-iskola u l-ktieb ‘Ġoġo Rummiena’ li ħareġ Albert Cassola fil-ħamsinijiet.

    Imma darba waħda, meta kelli 12-il sena ġie f’idejja l-ktieb ‘The Treasure Hunters’ ta’ Enid Blyton u ġġennint fuqu, l-ewwelnett għax indunajt li wara kollox kont naf naqra bl-Ingliż u t-tieninett għax fetaħli beraħ l-immaġinazzjoni tad-dinja tat-tfal. Dal-ktieb tant għoġobni li meta tfarfart ftit, tħajjart nittraduċih għall-Malti biex bħallikieku nagħmlu tiegħi. Eventwalment, meta kbirt, bqajt nistaqsi lili nnifsi għala t-tfal Maltin ma kellhomx kotba sbieħ bħal dak, miktubin bil-lingwa tagħhom? Biex tagħqad, meta dħalt ngħallem il-Malti, bdejt ninnota ħafna mit-tfal tal-iskola jaqraw il-kotba ta’ Enid Blyton u allura aktar komplejt nikkonferma li kien hemm għatx kbir għal kotba bħal dawn.

    Hekk twieled l-ewwel ktieb tiegħi ‘Il-Pulena tad-Deheb’ u minn hemm għamilt għaxar snin sħaħ nikteb dan il-ġeneru ta’ kotba. Din is-sensielaFuklar qadim u bnadar imċarrta marret tajjeb ħafna mat-tfal imma mbagħad ġie żmien meta xtaqt nibdel ftit l-istil tal-kitba tiegħi. Iddeċidejt li nagħlaq bl-aħħar wieħed ‘Il-Miraklu tal-Ġiżirana’ imma meta l-pubblikatur baqa’ jitlobni li nikteb aktar minnhom, wara 12-il sena għalaqt is-sensiela tassew bil-ktieb ‘Fuklar Qadim u Bnadar Imċarrta’. Infatti dan tal-aħħar huwa differenti ferm mill-kotba l-oħra u huwa l-aktar wieħed għal qalbi minnhom ilkoll għax għandu l-iżjed plot impenjattiv.”

    Tlabtu jfehemni kif jislet ideat ġodda għall-kotba tiegħu u ntbaħt li Trevor għandu prattika rigoruża f’dan il-qasam.

    “Għal kull ktieb tieħu l-ideat minn xi ħaġa madwarek, minn xi post jew minn xi ġrajja ta’ tfulitek. Nista’ ngħid li fir-realtà, kull ktieb ikollu xi ħaġa minni nnifsi ġo fih. L-idea tibda qisha żerriegħa ġo qasrija u tkun tiddependi minni kemm insaqqiha. Għaldaqstant meta nara li idea partikolari tkun qed teċitani, kull darba li nsib mument kwiet, nibda naħdem fuqha bis-sħiħ sabiex nara nistax noħroġ xi ħaġa ġdida minnha. Ovvjament, bħall-pjanti, mhux kull waħda tibqa’ ħajja. Uħud imutu u jispiċċaw fix-xejn, oħrajn forsi neħel f’nofshom u nabbandunahom, imma n-notamenti nżommhom kollha.  Mhux darba u tnejn illi wara xi żmien ninduna kif dik l-idea setgħet tkompli tiżvolġi u nerġa’ nibda naħdem fuqha.

    Sikwit jistaqsuni kemm indum biex nikteb ktieb? Fil-verità aktar indum nippjana u nirriċerka dwaru milli niktbu. Ġieli domt għaddej nirriċerka xi suġġett is-snin, biex imbagħad wara kollox nuża bissĦolm tal-Milied qatra minn dak kollu li nsib. Jien inħobb inqabbel din il-fażi mal-ħwawar fil-borma, titfa’ biss nitfa kemm tħawwar u biex tirfina t-togħma, għax jekk titfa’ żżejjed taħli kollox. Biex nagħtik eżempju, meta ktibt ‘Ħolm tal-Milied’ kont mort nikkonsulta ma’ żewġ tobba dwar il-marda li kien ser ikollu l-karattru tal-istorja. Ridt inkun naf is-sintomi u kif it-tabib jinduna bihom, il-pazjent kif iħossu, il-kura li jrid jingħata, meta t-tabib jiddeċiedi li l-pazjent m’għadux ta’ jdejh aktar u xi jħoss il-marid fl-aħħar mumenti? B’hekk, min jaqra l-ktieb ikollu stampa aktar realistika u preċiża ta’ dak li jkun qed iseħħ, għalkemm fl-istess ħin ma tirrendihiex tqila u teknika żżejjed.

    Meta mbagħad nibda nikteb, il-ktieb ikun diġà ppjanat kollu. Il-karattri nkun għaġinthom sewwa u anki nibnilhom l-arblu tar-razza ħalli kull wieħed ikun mirqum kif imiss. Kull kapitlu nkun naf kif ser jibda u kif għandu jispiċċa. Dan il-metodu nsibu utli ħafna għax b’hekk moħħi ma jkunx imtaqqal minħabba l-plot imma jkun jista’ jiffoka kompletament fuq it-teknika tal-kitba, it-tiswir tal-metafora u l-ġmiel tal-lingwa. Fuq kollox, jiena nemmen ħafna fil-frażi: l-arti hija 90% perspirazzjoni u 10% ispirazzjoni. Għalhekk wara li l-muża tagħmel tagħha billi tipprovdini bl-idea oriġinali, ix-xogħol isir billi npoġġi moħħi hemm u naħdem sakemm inlesti. Naturalment, dan huwa l-istil tiegħi, kull awtur għandu s-sistema valida tiegħu.”

    Kif jiddeċiedi jekk l-idea li jkollu hux ser tissawwar f’novella jew fi ktieb?

    “Biż-żmien trabbi ċerta intwizzjoni. Il-ġmiel tan-novella huwa l-qosor tagħha u li ma tagħtikx lok biex tibni l-karattri b’dettalji. Infatti l-karattri jkunu bħall-pinzellati f’xiIl-praspar kollha ta' Kunċett u Marinton kwadru impressjonista ta’ Monet, jagħtuk biżżejjed tagħrif biex imbagħad inti tkompli l-istampa mentalment. Imbagħad hemm ħaġ’oħra li tkun trid taħseb fuqha: ser tuża din l-idea għall-kitba tat-tfal jew għal dik adulta? Ċertu ideat ikunu ċari fejn ser iwasslu, waqt li oħrajn jieħdu aktar żmien sakemm joqogħdu weħidhom fil-garżella tagħhom.”

    Fil-kotba tiegħu tat-tfal jogħġbuni ħafna l-istampi li hu stess joħloq. Iżda żgur li qatt ma bsart li dawk l-istampi kienu jirrapreżentaw nies tassew, hekk kif sibt li l-awtur kien iqabbad xi nies jippużawlu, l-aktar familjari tiegħu, jeħdilhom ritratt fil-qagħda li jkun jixtieq hu u mbagħad ipinġi minn fuq ir-ritratti. Urini album b’ritratti simili u ngħid is-sewwa għaraft xi wħud li dehru fil-ktieb.

    “Lil Stella kont neħdilha l-pedamenti ta’ moħħha, dejjem inredden fuq il-karattri li jkolli f’moħħi u hi tieħu paċenzja bija u tismagħni. Tant konna nsiru midħla ta’ dawn il-karattri li darba minnhom, meta kelli diffikultà biex insib tifel li jixbaħ lill-karattru ta’ Leli fil-ktieb ‘Ħolm tal-Milied’, għarafnieh flimkien hekk kif ħareġ tifel abbati fuq l-artal waqt quddiesa. It-tajba kienet li dan it-tifel inzerta li kien jiġi mill-familja tagħna! ”

    Nammetti li kont qed inħossni daqsxejn skomda mmiss mas-suġġett ta’ Stella għax f’kitbietu l-weġgħa tan-nuqqas tagħha għadha taqta’ bħal sikkina fil-laħam il-ħaj. Fil-ktieb tiegħu ‘Penumbra’, in-novella “L-Għanja tal-Milied tal-Bieraħ” nikktitni, imma novella oħra li ġġib l-isem “Meta Tagħmel L-ewwel Xita”, ħasditni fid-deskrizzjonijiet qawwija tagħha.

    “Stella ilha mejta aktar minn 20 sena issa. Imma hi kienet marti, omm uliedi u fuq kollox il-maħbuba tiegħi u għadni nħossu ħafna n-nuqqas tagħha. Illum sibt il-kuntentizza fis-sieħba tiegħi Catherine li hi Trevor u Stella fil-jum taż-żwieġ tagħhomwkoll hija armla u anki hi u żewġha kienu jinħabbu ħafna. Iżda ċertament, it-tnejn inħossuna konxji li ħadd minna ma jista’ jieħu post is-sieħeb jew is-sieħeb li darba konna żżewwiġna f’żgħożitna.

    Semmejtli ‘Penumbra’ li bħal kif jixhed ismu, l-ebda karattru fin-novelli li fih m’huma ċari. Jinkludi anki ftit novelli li jiena ktibt meta kont għaddej minn żmien diffiċli ħafna, kont waħdi, kont għadni kif tlift lil marti fl-isbaħ żmien ta’ ħajjitha, kont imdejjaq ħafna. Il-ħabib tiegħi Mario Cassar li kull darba ngħaddilu l-kotba tiegħi biex jaqrahom qabel nippubblikahom, peress li nemmen ħafna fil-pariri tiegħu, dwar dan il-ktieb qalli “Dan il-ktieb ‘Penumbra’ ferraħħni ħafna u nikkitni ħafna. Ferraħni għax huwa l-aħjar xogħol li qatt għamilt s’issa. Imma nikkitni għax fih rajtek diżilluż, imdejjaq u li tlift il-fiduċja fil-ħajja!” Fortunatament iż-żmien itaffi u ormaj tgħallimt ngħix ma’ dan-nuqqas.”

    Imma esperjenzi bħal dawn isaħħuk jew ikissruk bħala kittieb?

    “Naħseb li bħala kittieb isaħħuk ħafna jekk tagħraf tużahom sewwa. Jgħinuk tikseb ċertu perspettiva li ma ġġibha bl-ebda mod ieħor. Infatti kien hemm min ikkummenta fuq xogħoli li tista’ taqsmu fi Penumbratnejn: dak ta’ qabel Stella u dak ta’ wara, filwaqt li sostnew li l-kitba li saret wara, hija superjuri ħafna għal dik ta’ qabilha. Stella kienet estensjoni minn ħajti, kienet jien innifsi u meta tliftha, il-ħajja ħadet bixra oħra u kelli nerġa’ npoġġi mill-ġdid il-prijoritajiet tiegħi f’posthom. Ersaqt ħafna eqreb lejn uliedi tant li llum inqishom ukoll bħala l-aqwa żewġ ħbieb tiegħi. F’waħda mill-isbaħ kitbiet ta’ Oscar Wilde, ‘De Profundis’, li huwa niseġ waqt li kien il-ħabs, laqtitni l-frażi tiegħu meta qal li “l-isbaħ esperjenza tal-ħajja hija l-uġigħ” fejn ried ifisser li l-bniedem li qatt ma weġġa’, qatt ma jikber, eżatt bħal dak il-metall li jibbies l-aktar meta jiddaħħal fil-forġa. Huma esperjenzi li jittemprawk, għalkemm trid toqgħod attent li ma jfasslukx fi bniedem kontinwament imnikket.”

    X’jaħseb dwar il-mewt? Jibża’ minnha?

    “Ma nibża’ xejn mill-mewt, aktar nibża’ mill-uġigħ fit-tul li taf iġġib marda li twassal għall-mewt. Imma mbagħad niftakar fit-tbatija li għaddiet minnha Stella u ħafna nies oħra li naf, u ngħid jekk ikollu jkun hekk, m’hemmx x’tagħmel. Jiena m’għandi xejn aħjar minn ħaddieħor biex ikun jistħoqqli biex nevita tmiem bħal dan. Fl-istess ħin il-mewt fiha nnifisha nħossha tqanqalli ħafna kurżità ta’ x’hemm lest għalina wara dil-ħajja. Għalkemm kultant niddubita, nixtieq ħafna li hemm xi ħaġa għax nixxennaq għal dik il-ġurnata meta nkun nista’ niltaqa’ mill-ġdid mal-maħbubin tiegħi li telqu qabli.

    Tmien snin ilu kelli tumur fil-pulmun imma għall-grazzja t’Alla wara li għamilt operazzjoni, għadda kollox b’wiċċ il-ġid. Anki f’dak iż-żmien għaddejt minn trawma kbira sakemm irċevejt ir-riżultati. Tħassibt jekk kienx wasal il-mument biex nibda nippakkja l-bagalji. Imma mid-dehra kien għadu mhux destini.”

    Meta semma’ d-destin ma flaħtx ma nistaqsihx għax b’mod speċjali mill-awtobijografija tiegħu ‘Il-Ġenn Li Jżommni F’Sikti’ u mill-ktieb ‘Stella, Jien u Hu’, kont intbaħt li Il-ġenn li jżommni f'siktin-numru 17 feġġ kemm-il darba f’mumenti partikolari f’ħajtu: fis-17 t’April 1967 għamel il-kuraġġ u kellem lil Stella għall-ewwel darba, fis-17 ta’ Mejju 1967 taha l-ewwel bewsa, fis-17 t’April 1971 iżżewġu u fis-17 ta’ Diċembru 1989 Stella mietet. Jemmen fid-destin?

    “Jiena darba qrajt vers “Aħna destinati biex nagħżlu liberament”.  X’ironija hux? Id-destin huwa waħda mill-preokkupazzjonijiet tiegħi. Nemminha daqs kemm ma nemminhiex. Nemminha daqs kemm nixtieq li ma nemminhiex. Imma hemm xi ħaġa li ttektek fija u ssostni mod ieħor.  Dik li ngħidu li ħajjitna hi ppjanata u tagħmel x’tagħmel ma tistax teħles minn destinek, hija daqsxejn kerha żżejjed, kważi fatalista. Mill-banda l-oħra qisni ninnota forma ta’ destin limitat, biss biss per eżempju, meta twelidt fl-1947, il-fatt li ġejt raġel u mhux mara, li twelidt f’Malta u kelli  dawk il-ġenituri partikolari, dak diġà qed jurini li ħajti kellha l-limitazzjonijiet tagħha. Kieku kellha tinbidel ċirkustanza waħda minn dawn kollha, ħajti kienet tinbidel kompletament. Allura dak mhux forma ta’ destin?

    Ġbidtli l-attenzjoni fuq in-numru 17 u infatti ġratli biċċa xogħol stramba konnessa ma’ dan-numru. Intbaħt biha meta kont qed nagħmel il-proofreading tal-ktieb ‘Meta jaqa’ ċ-Meta jaqa' ċ-ċparĊpar’ peress li ridt nippubblikah b’format ġdid.  Hemm irrealizzajt li meta jiena għażilt id-data tas-17 ta’ Diċembru fis-sagħtejn ta’ fil-għodu, meta t-tfal tal-ktieb għaddew miċ-ċpar misterjuż, dik kellha tkun ukoll id-data u kważi l-ħin preċiż ta’ meta Stella għaddiet minn din il-ħajja u sabet ruħha fi żmien ieħor! Kien destin jew koinċidenza stramba, meta bla ma ntbaħt, ħdax-il sena qabel, antiċipajt id-data u l-ħin tal-mewt ta’ marti f’wieħed mill-kotba tiegħi?”

    Affarijiet li jkexkxuk! Kif taqbad tirrispondi għalihom? Fil-kitba tiegħu meta rrakkonta dwar il-marda ta’ martu, Trevor niżżel fid-dettal dak li għadda minnu. Semma’ sikwit kemm talab għall-fejqan tagħha… Wara esperjenzi hekk tibqa’ temmen f’Alla?

    “Jien ma nżommx lil Alla responsabbli la tat-tajjeb u lanqas tal-ħażin ta’ dak li jiġrilna. Pjuttost naħseb li n-natura hija kapriċċuża u tiġi taqa’ u tqum minn kulħadd u tqassam l-affarijiet bl-addoċċ, bla ma jimpurtaha. Darba wieħed xebbaħ il-ħolqien t’Alla ma’ wieħed li fassal programm tal-kompjuter, xegħlu u telaq u ħalla kollox ikompli waħdu. Illum nasal biex nemmen li hekk sar. Fl-istess ħin ngħix fl-ambigwità li meta nħoss il-bżonn, nitlob, forsi għax il-qalb tibqa’ tittama li hemm xi ħadd li qiegħed jisma’.”

    F’kitbietu Trevor tenna kemm-il darba li mingħajr il-ħbieb ħajtu kienet tkun traġedja.

    “Il-vistu tiegħi beda mhux meta mietet Stella imma meta bdew għaddejjin ix-xhur u sfajt waħdi. Għandi lil ħuti li għamlu ħafna miegħi, immaStella, Jien u Hu dawn huma miżżewġin u magħhom in-nuqqas ta’ marti kont inħossu doppju għax hi biss kienet tkun nieqsa. Maż-żmien bdejt nagħmel ċirku ta’ ħbieb ġodda, fosthom sħabi l-għalliema l-oħra fejn kont naħdem. Apprezzajthom għax għaraft li kienu ħbieb ġenwini. Kienu jkunu miegħi mhux għax jitħassruni imma għax iħobbuni u għax jieħdu gost bil-kumpannija tiegħi. Għalhekk il-ħbiberija għandha valur tant qawwi għalija.”

    F’silta oħra l-awtur iddeskriva lilu nnifsu bħala “tifel maqful ġo ġisem ta’ raġel”. Min hu sewwasew Trevor Zahra?

    “Jiena kelli tfulija ferrieħa ħafna u tliet kwarti tal-kitba tiegħi tinkludi t-tfulija tiegħi fiha, anki meta ma tidhirx, hemm tkun. Fortunatament irnexxieli nżomm lit-tifel żgħir ta’ tfuliti ħaj ġewwa fija u permezz tiegħu nsib il-bilanċ fil-ħajja. Huwa dak it-tifel li jgħinni biex ma noqgħodx nargumenta żżejjed mad-dilemmi. Hu jaf meta għandu jieqaf janalizza.

    Bħala bniedem inħoss li jien sempliċement bħal ħafna oħrajn.  Infatti ħadt gost meta wara li ħriġt l-awtobijografija tiegħi, bosta kellmuni u qaluli li ħassew daqslikieku qed niddeskrivi ħajjithom. Ġeneralment niddeskrivi lili nnifsi bħala bniedem li nħobb ngħix, inħobb niċċajta, inħobb ingawdi u nħobb il-kumpanija. Imma naf li l-ħajja mhiex dik biss, hemm affarijiet oħra li trid teħodhom bis-serjetà.”

    Qalli wkoll li f’dawn l-aħħar snin iħossu li sar “aktar imqareb” u infatti mn’Alla ammetta għax ċertu kotba tiegħu tawni dik l-impressjoni, bħal ngħidu aħna ‘Il-ĦajjaIl-Ħajja Sigrieta tan-Nanna Ġenoveffa Sigrieta tan-Nanna Ġenoveffa’, li dan l-aħħar ħareġ ukoll bil-lingwa Ingliża, fejn Trevor jittratta s-suġġett tas-sess b’mod li ma tantx imdorrijin bih f’pajjiżna. U meta dan l-aħħar iċċensuraw kittieba oħra, smajt lil min jikkummenta u jistaqsi kif imbagħad dil-kitba ta’ Trevor ġiet aċċettata?

    “Min iqabbel iż-żewġ tipi ta’ kitba jkun qed iħawwad, għax it-teknika hija kompletament differenti.  Jien immirajt lejn xogħol letterarju filwaqt li ħaddieħor x’aktarx immira lejn xogħol sensazzjonali. Ix-xogħol li qed issemmili jiena qrajtu wkoll. Fil-lat morali tiegħu ma rridx nidħol, iżda għalkemm ma nsiblux valur letterarju, xorta waħda nibqa’ niddefendilu sal-aħħar, id-dritt li jippubblikah. Allaħares f’Malta nkunu bl-inkwiżituri.

    Għall-kuntrarju ta’ dak li jistgħu jaħsbu wħud, jiena ma niktibx dwar is-sess biex nixxokkja. Ix-xokk għandu ħajtu qasira ħafna, malajr jindara u għalhekk ftit li xejn jibqa’ effettiv. Nikteb dwar is-sess sempliċiment għax is-sess jinteressani ħafna, mhux biss għall-gost fiżiku qed ingħid, imma għax hu parti integrali mill-ħajja. Jiena niddejjaq meta nara li f’pajjiżna, kitba jew taħdit dwar is-sess b’lingwi oħra naċċettawh daqslikieku xejn, imbagħad l-istess frażijiet bil-Malti nitkażaw bihom u nsejjħulhom vulgari! B’dan il-ħsieb, xi snin ilu iddeċidejt li nagħmel esperiment bil-play tiegħi Minn wara ż-Żipp li kienet kompletament dwar is-sess. Bi pjaċir ngħid li kemm meta tellgħajniha t-teatru Manoel u anki meta ppreżentajniha fit-teatru tal-Università, in-nies attendew kull darba bi ħġarhom u ntlaqgħet tajjeb immens mill-maġġoranza!”

    L-aktar kotba għal qalbu huma ‘Lubien’, ‘Provenz’, ‘Sepja’ u ‘Penumbra’ għax fihom seta’ jesprimi lilu nnifsu b’mod ċar. L-awtobijografija tiegħu kitibhaĦadd ma jista' jidħak jew jiekol pastizzi tal-piżelli għax xtaq jiċċara liema kienet il-verità u liema l-fantasija fil-kitbiet tiegħu. Fi żmien qasir ser jippubblika diversi kotba ġodda fostom: ‘Il-Ħrejjef Kollha ta’ Wied Peprina’, ‘Ħadd Ma Jista’ Jkanta Jew Idoqq Strument tal-Banda’, re-print ta’ ‘Qrempuċu f’Belt il-Ġobon’ u ktieb ta’ poeżiji għat-tfal bl-isem ‘Tqasqis’.

    Jiddeskrivi lilu nnifsu bħala kittieb u mhux bħala poeta akkost li jikteb poeżiji mill-aktar interessanti u umoristiċi speċjalment għat-tfal.  Ta’ min isemmi li dan l-aħħar, isem Trevor kien fuq l-ilsien ta’ ħafna minħabba t-taqbila li hu għamel dwar l-Arriva. Ma jinkwetax jekk xi darba jieqaf jikteb imma ma jistax jimmaġina ruħu ma jaqrax aktar. Isostni li l-kittieb huwa bniedem itturmentat u jgħix ħajja ta’ inċertezza kontinwa…

    “Issa li ktibt ħafna kotba aktar insibha diffiċli biex nikteb, għax irrid noqgħod attent li ma nirrepetix ruħi. Li jżommok tikteb huwa dak il-ħsieb li tkun xtaqt tgħid xi ħaġa, imma meta tiktibha, tinduna li ma rnexxilekx tikkonkretizzaha kollha kemm hi. Allura tikteb ktieb ieħor bit-tama li issa jirnexxilek tesprimi dak li kont ħallejt barra.  Imma lanqas dik id-darba ma tħossok sodisfatt. B’hekk mill-ġdid tikteb ktieb ieħor u tibqa’ sejjer hekk tiġri wara din l-idea li inti tixtieq tgħidha u qatt m’għedtha.”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-24 ta’ Lulju 2011)

    2011.07.24 / 5 responses / Category: Torca - Perspettivi

  • IS-SEĦER TA’ FILFLA

    Ilni niftakarha minn dejjem… tgħid hi kemm ilha tiftakru lil pajjiżna? Remota, solitarja, f’nofs ta’ baħar, f’distanza biżżejjed kemm ma nilħquhiex, imma fl-istess ħin, Filflatefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod, kemm naqbdu dgħajsa u nsibu ruħna fuqha. Uħud isostnu li mhiex ħlief ġebla insinifikanti u aċċettawha bħala parti mix-xenarju Malti, bħal kif draw wiċċ is-sieħeb jew is-sieħba tagħhom wara tletin sena żwieġ. Iżda oħrajn bħali jsibuha affaxxinanti u akkost li jafu li fir-realtà mhiex ħlief gżira ċkejkna ferm, konxji li fuqha hemm il-ħajja, saħansitra endemika, u infatti l-gżira hija riserva naturali. Filfla!

    Kemm il-darba xtaqt inżurha imma mhux la kemm issib min jieħdok  ħdejha għax biex tersaq qribha teħtieġ il-permess u neħħieha minn rasek jekk taħseb li qatt tista’ tinżel fuqha illum ħlief jekk tkun qed tagħmel xi riċerka jew għal raġunijiet edukattivi. Għalhekk il-kilba li mqar għal darba naraha wiċċ’imbwiċċ aktar żdiedet u naturalment ħtaft l-opportunità hekk kif dan l-aħħar, Heritage Malta organizzat mawra sa ħdejha. Fuq kollox, kien ser jakkompanjana wkoll il-Kuratur Prinċipali tal-Mużew tal-Istorja Naturali, John Joseph Borg, li għal dawn l-aħħar tletin sena wettaq riċerka siewja dwar din il-gżira u l-ekoloġija tagħha. Ċertament individwu hekk ma kontx ser inħallih jaħrabli kif ġieb u laħaq, għallinqas mhux qabel itarraffli dak kollu li jaf dwar Filfla. U bdejna….

    “Meta kont żgħir, sikwit kont immur nistad ma’ missieri u allura n-natura minn dejjem kont inħobbha. Maż-żmien niftakarni niffoka aktar fuq l-għasafar fejn għamilt tliet snin nistudja l-barbaġann,John Joseph Borg sakemm darba inqerdu kollha minn pajjiżna! Minn hemm bdejt ninteressa ruħi aktar fl-għasafar tal-baħar hekk kif kont narahom jittajjru madwarna waqt li nkunu għaddejjin bid-dgħajsa. Bdejt nitħarreġ biex insir bird-ringer u fl-1980 ingħaqadt ma’ grupp li kellu l-għan li jagħmel bird-ringing fuq l-għasafar li kienu jinsabu fuq Filfla. Ħassejtni eċċitat ħafna għax qatt ma kont irfist fuq dil-gżira qabel u hekk kif dħalt fid-dgħajsa li kellha twassalna sa ħdejha, kelli kurżità kbira x’kont ser insib. L-esperjenza kienet inkredibbli speċjalment hekk kif bdejna nersqu lejha u ntbaħt li fil-fatt il-gżira kienet ħafna akbar minn kemm kont immaġinajtha oriġinarjament. Il-ġebel tagħha kien imponenti ferm, qisek għandek ħajt quddiemek. Madwarha kien hemm qabda blat imfarrak. Imma l-aktar li laqgħatni kien l-għajjat tal-gawwi li qatt ma smajt imkien bħalu f’inħawi oħra fil-gżejjer tagħna. Nistqarr li Filfla serqitli qalbi mill-ewwel darba li rajtha u ma’ l-ewwel passi li meddejt fuqha. Dakinhar sibna madwar 400 kanġu ta’ Filfla u minn dik il-ġurnata bqajt niġbor kemm niflaħ materjal dwar din il-gżira u waħħaltha f’rasi li nidħol aktar fil-fond fl-istudju tal-għasafar tal-baħar li jinsabu fuqha.”

    Skoprejt li aktarx l-isem Filfla ġej mill-kelma filfel li hija l-kelma Għarbija għaż-żerriegħa tal-bżar. Probabbilment ingħatat dan l-isem peress li l-forma tal-gżira kienet tixbaħ lil diż-żerriegħa, jew inkella dari kienu jikbru l-pjanti tal-bżar fuqha. Bħalha hemm il-gżira ta’ Kemmuna li hija msemmija għaż-żerriegħa tal-kemmun (cumin-seed). Filfla tinsab 5km ‘l bogħod mill-kosta tan-nofsinhar ta’ Malta. Il-wiċċ tagħha għandu l-wesgħa ta’ 2.5 ettaru u ċ-ċirkomferenza tagħha hija madwar 800 metru. Il-ġnub tagħha huma irdumijiet għoljin 60 metru li jiffurmaw medda ta’ art watja fuq nett.

    “Dokument antik li ltqajt miegħu dwar Filfla huwa datat għall-1575 u jikkonsisti f’manuskritt relatat maż-żjara pastorali tal-Isqof Pietro Dusina f’Malta. Il-kitbaIl-kwadru tal-Assunzjoni li kien jintuża fuq Filfla tikkonċerna t-talba tal-kappillan biex jitneħħa l-benefiċju li kien hemm fuq il-kappella li kienet tinsab fuq dil-gżira. Skont ir-rapport jingħad li l-qassis responsabbli sikwit kien qiegħed jiltaqa’ ma’ diffikultà kbira biex jinżel fuq il-gżira ta’ Filfla minħabba l-baħar imqalleb. Imma jiena aktar nemmen illi s-sajjieda kienu tilfu l-interess li jaqdfu lejn il-gżira kull nhar ta’ Ħadd biex jisimgħu l-quddies biex imbagħad ikollhom jaqdfu mill-ġdid lura ‘l barra fejn kienu qed jistadu. Hi x’inhi r-raġuni, it-talba tal-kappillan ġiet milqugħa u l-kappella ma baqgħetx ikkonsagrata. Ta’ min jgħid illi akkost illi fuq xi mapep antiki naraw lil din il-kappella mpinġija b’ħafna kobor u dettalji, fir-realtà ma kinetx ħlief għar, b’ħajt imtella’ quddiemha. Aktarx li l-qassis ma kien iħalli xejn hemm, lanqas il-kwadru tal-Assunzjoni li għaliha kienet iddedikata il-kappella. Kien jieħu kollox miegħu biex jiċċelebra l-quddiesa u mbagħad iniżżilhom lura miegħu mill-ġdid. Illum ma fadal xejn ħlief dan il-kwadru triptiku li wieħed jista’ jara fis-sagristija tal-parroċċa taż-Żurrieq. Aktarx li din il-kappella kienet inbniet bħala wegħda minn xi individwu li kien salva minn tempesta qalila li ħakmet lill-gżejjer fl-1343. Eventwalment il-kappella ġġarrfet waqt terremot li seħħ fl-1856 u llum ma fadal xejn minnha.”

    Fuq Filfla kienu jinżammu xi provvisti tal-ikel ħalli f’każ ta’ emerġenza, s-sajjieda jkunu jistgħu jinżlu hemm. Imma mhux huma biss kienu jagħmlu użu minn dil-gżira. Kienu jużawha anki l-pirati!

    “Il-pirati kellhom ħabta jinżlu fuq Filfla u jużawha bħala moħba biex minn fuqha jattakkaw ix-xwieni li jersqu qrib. Fuq kollox dak iż-żmien il-gżira kienet mogħnija b’nixxiegħa naturali li kienet tfeġġ Filfla 1930sminn bejn saff tafli u għalhekk kienet anki mfittxija għall-ilma. Is-sitwazzjoni tant gravat li fl-1761 il-Kavallieri ta’ San Ġwann iddeċidew li jeqirdu l-fonti billi jisploduwha bil-porvli u hekk sar. Imma l-ilma baqa’ ħiereġ xorta waħda.”

    Il-kavallieri ma rnexxielhomx jeqirduha imma ħaddieħor warajhom irnexxielu – illum għadu jnixxi daqsxejn ilma mit-tafal li fadal! Sfortunatament minn informazzjoni li ġbart sibt illi matul is-snin, Filfla kienet sfat letteralment il-mira ta’ diversi ġnus barranin fosthom dawk Franċiżi, Ingliżi, Taljani, Torok u anki Amerikani li kollha, b’xi skuża jew oħra ħassew li setgħu jifqgħu l-armi tagħhom f’din il-‘blata’ tagħna. Infatti l-akbar ħsara fuqha seħħet matul l-aħħar gwerra dinjija meta minħabba li l-Ingliżi dehrilhom li l-gżira tixbaħ lil aircraft carrier, huma użawha biex jeżerċitaw il-forzi militari tagħhom.

    “Għal 200 sena sħaħ, Filfla kienet tigi bbumbardjata mill-Ingliżi u aktar tard mill-forzi tan-NATO kemm mill-art, mill-baħar u kif ukoll mill-ajru. Mill-art l-eżerċizzji kienu jsiru permezz tal-batterija tal-Bombi fuq l-art ta' FilflaQrendi u mbaghad kienu anki ppruvaw kanun ġdid minn Bengħajsa. Sa ċertu punt jiena nifhem dak il-perjodu u n-neċessitajiet fi żmien il-gwerra li wieħed jipprattika għal kull eventwalità li tista’ tinqala’. Iżda min-naħa l-oħra nirrabja meta akkost li nġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet dwar l-importanza tal-għasafar li kienu qed ibejtu fuq Filfla, dawn xorta baqgħu jibbumbardjawha għal snin wara. It-tkissir li hemm madwarha huwa riżultat ta’ dan. Barra minn hekk, meta fis-sebgħinijiet kien twaqqaf il-ħbit fuqha u xi għaxar snin wara ġew iżuruna xi uffiċċjali tan-Navy, l-FAM kienu marru fuq Filfla u splodew xi bombi li kienu sabu. Riżultat t’hekk il-ġebel li kien laħaq straħ reġa’ ċċaqlaq u mill-ġdid beda l-proċess ta’ deterjorament. Sal-ġurnata ta’ llum il-ġebel għadu nstabbli ħafna u din hija waħda mir-raġunijiet prinċipali għala ħadd ma jista’ jinżel fuq din il-gżira mingħajr permess. Dan biex ma nsemmux il-bombi mhux sploduti li wieħed għadu jiltaqa’ magħhom, kemm fuq l-art u kif ukoll taħt il-baħar.”

    Jingħad x’jingħad l-insensittività tal-ħakkiema lejn il-Maltin tixgħel bil-qawwi u dar-rakkont li ġej huwa wieħed mill-eżempji, meta bi żball, bombi li ġew sparati minn fuq il-baħar, flok laqtu l-Filfla, baqgħu deħlin l-art!

    “L-eżerċizzji ta’ bumbardamenti li saru fuq Filfla kollha ġew reġistrati b’dettall kbir mill-awtoritajiet barranin fejn saħansitra ġie mniżżel kemm ġew sploduti bombi kuljum u liema tip ta’ azzjoni twettqet. Bombi fuq l-art ta' Filfla - 2Fost korrispondenza u dokumenti li kont sibt, iltqajt ma’ każ interessanti li kien jiddeskrivi kif frejgata li kienet qed tipprattika fl-inħawi, meta sparat il-kanuni tagħha minn wara Filfla, flok laqtet il-gżira ċkejkna kif kien pjanat, il-bombi tagħha baqgħu sejrin il-ġewwa u laqtu razzett fil-Baħrija fejn qatlu xi bhejjem u għasafar. B’xorti tajba ma weġġa’ ħadd min-nies tal-post. Madanakollu s-sidien xtaqu xi forma ta’ kumpens u marru jieħdu parir mingħand membru parlamentari tal-fiduċja tagħhom. Min-naħa tiegħu dan il-membru parlamentari kiteb lill-ammiraljat fejn talab l-ewwelnett li dawn il-prattiċi militari kellhom jitwettqu b’aktar responsabbiltà u t-tieni li almenu s-sidien kellhom jingħataw xi forma ta’ kumpens għall-ħsara li ġarrbu. Il-korrispondenza tkompli bil-kaptan jistaqsi lill-ammirall “Who does this young upstart think he is, ordering his majesty’s navy around?” Sfortunatament ma sibtx aktar dokumenti biex nara kif spiċċat dil-biċċa. Iżda dak l-MP ma kien ħadd ħlief il-Perit Duminku Mintoff u l-istorja kulħadd jaf kif tkompli.”

    Ma stajtx nirreżisti milli taħrabli tbissima mqarba u ta’ sodisfazzjon… John kompla jirrakkuntali kif fiż-żminijiet antiki, Filfla kienet għadha tagħmel parti mill-gżira prinċipali.

    “Il-qasma ġeografika magħrufa bħala l-Magħlaq probabbilment kienet il-kaġun li Filfla sfat gżira. F’dak il-perjodu kienu qed iseħħu katakliżmi kbar. Jista’ jkun li dan seħħ meta diġà kien hawn il-bniedem għax nafu sewwa illi f’ċertu nħawi f’Malta, fit-tarf tal-irdumijiet, insibu cart-ruts li jaqtgħu direttament għal fuq il-baħar. Teżisti medda ta’ mijiet ta’ snin fi Żmien il-Bronż f’Malta fejn m’hemm l-ebda sinjali tal-bniedem ta’ dak iż-żmien. Immaġinak qed tara madwar 500 kilometru art lejn in-naħa tax-Xlokk ta’ Malta nieżla kollha taħt il-baħar! X’tagħmel kieku? Mhux iddabbar rasek? Jekk dak kien il-każ, meta l-bniedem irritorna lejn Malta sab illi f’dawk l-inħawi, il-baħar kien mela d-differenza bejn iċ-ċaqliq tal-art u l-partijiet għoljin tal-inħawi ta’ Filfla li issa kienet saret gżira.”

    Minn rapport li kien kiteb il-Kuratur tal-Arkeoloġija F.S. Mallia skoprejt illi kienu nstabu tliet fdalijiet arkeoloġiċi fuq Filfla li kienu jikkonsistu f’xi fuħħar u għadma ta’ Il-bebbuxu ta' Filflaannimal. Waqt riċerka oħra sirt naf illi waqt il-pesta ħarxa tal-1813 ċertu Ġanni Attard kien sab rifuġju fuq Filfla flimkien mal-familja tiegħu, fejn minn żmien għal żmien, qarib tiegħu kien jibgħatlu xi provvisti u b’hekk dawn  irnexxielhom isalvaw minn din l-epidemija. Lil dil-biċċa blata jafulha ħajjithom ukoll bosta sajjieda li waqt xi maltempata qasmu jew għamu lejha, hekk kif jixhdu xi ex-voto li hemm fil-knisja tal-Qrendi. Minn għadd ta’ materjal miġbur dwar Filfla, John urieni wkoll intervista fuq gazzetta li kienet saret lill-pilota Ġermaniż li kien twaqqa’ bl-ajruplan tiegħu viċin Filfla waqt it-tieni gwerra dinjija u dan għam sa fuqha sakemm ajruplan ieħor salvah u ħadu miegħu. Fl-1818 Filfla kienet tappartjeni lill-familja De Noto, filwaqt li llum hija proprjetà tal-gvern Malti.

    “Sad-19-il seklu kien għad hemm il-fniek slavaġ jiġru fuq il-gżira li kienu tħallew fuqha fis-snin l-imgħoddija bl-iskop tal-kaċċa. Uħud mill-ħlejqiet li hemm illum fuq Filfla saru endemiċi fosthom: il-Il-gremxula ta' Filflagremxula magħrufa bħala Podarcis filfolensis filfolensis li għall-kuntrarju ta’ x’jaħsbu bosta, għandha denb wieħed biss. Għandha qies aktar kabbari minn dak li naraw fuq il-gżejjer l-oħra (madwar 30 ċentimetru) u hija ta’ kulur sewdieni bi tbajja ħodor jew koħol. Tip ta’ bebbuxu magħruf bħala Helicella spratti var. despotti huwa wkoll endemiku għal dil-gżira. Fuq Filfla wieħed isib ukoll numru ta’ għasafar ibejjtu bħaċ-ċiefa u l-gawwija. Imma ċertament l-aktar għal qalbi huwa l-Kanġu ta’ Filfla magħruf ukoll bħala Storm Petrel jew Hydrobates pelagicus melitensis.

    Dokumenti antiki dwar Filfla ftit li xejn insibu u ħafna minnhom huma miktuba minn ornitoloġisti li marru jistudjaw l-ekoloġija tal-post. Fl-1954 l-ornitoloġista E.L Roberts, fil-ktieb tiegħu The Birds of Malta iddikkjara illi fuq Filfla kien għad fadal biss żewġ pari kanġi. Għaldaqstant tista’ timmaġina l-ferħ ta’ sħabi tal-Malta Ornithological Society (illum BirdLife Malta) meta marru jinvestigaw fl-1968 u sabu li kien għad hemm kolonja ta’ elf kanġu fuqha akkost li l-gżira kienet għadha qed tiġi bbumbardjata! Kien minn daż-żmien li din is-Soċjetà flimkien mal-Kunsill Ċiviku taż-Żurrieq għamlet talba biex jieqfu l-bumbardamenti fuq il-gżira. Imma dawn waqfu biss fl-1971.”

    John urieni xi ritratti tal-kanġu ta’ Filfla. Kemm kien jixbaħ lill-ħamiema! Imma saqajh kienu qishom ta’ papra ċkejkna.

    “Fit-18-il seklu Giovanni Pietro Agius de Soldanis, storiku magħruf Għawdxi, kien kiteb li sab tmien għasafar ġo għar ġewwa Għawdex li jixbħu lill-beċċun imma ma għarafhomx bħala kanġi. Matul is-sninIl-kanġu ta' Filfla kienu saru diversi riċerki minn bosta studjużi biex isibu din il-kolonja imma ħadd ma kien irnexxielu. Fl-1987 dan l-għasfur li minn rixu jarmi riħa qawwija ta’ żejt tal-ħuta, tani waħda mill-isbaħ ġranet ta’ ħajti meta jien irnexxieli nsib kolonja ta’ kanġi f’għar ġewwa Ta’ Ċenċ f’Għawdex li wisq probabbli kienet l-istess waħda li tkellem dwarha De Soldanis!”

    Minn fuq il-ktieb Bird Studies on Filfla ta’ Joe Sultana u Charles Gauci (li t-tnejn kienu hemm waqt l-ewwel żjara li saret fuq Filfla fis-snin sittin), John beda l-bażi tar-riċerka tiegħu u maż-żmien kompla jibni fuqha. Eventwalment huwa beda jaħdem flimkien ma’ Joe Sultana fejn qed jirriċerkaw il-gżira ta’ Filfla u l-ekoloġija tagħha.

    “Darba fis-sena ninżlu fuq il-quċċata ta’ Filfla permezz ta’ helicopter biex nispezzjonaw il-popolazzjoni tal-gawwi. Imbagħad darbtejn jew tlieta fis-sena immorru nqattgħu lejl fuq Filfla biex insegwu l-popolazzjoni taċ-ċief u tal-kanġu. Illum hemm madwar 200 par ċief, 150 par gawwi u bejn 5000 u 8000 par kanġi jbejtu fuq Filfla.”

    John stqarr miegħi li huwa jħossu tassew ixxurtjat illi xogħolu u l-passatempi tiegħu huma l-istess ħaġa.

    “Anki meta nsiefer, suppost għal vaganza, tista’ tgħid li nkun xogħol. Infatti nippreferi nżur il-gżejjer sabiex inkun nista’ nikkompara t-tajr tal-baħar ta’ pajjiżi barranin ma’ dawk ta’ Malta. B’mod speċifikuFriegħ tal-gawwi fuq Filfla fir-rigward tal-kanġu, f’dawn l-aħħar snin qiegħed nikkompara il-popolazzjoni ta’ kanġi li hemm f’Filfla ma’ dawk li hemm f’Ta’ Ċenċ u anki ma’ kolonji barranin bħal ngħidu aħna l-kolonja ta’ kanġi li hemm fuq il-gżira ċkejkna Marittimo li tinsab fil-punent ta’ Sqallija, fejn hemm jgħixu 2000 par, jew il-kolonja li tgħix f’għar faċċata tal-belt ta’ Benidorm fi Spanja. Interessanti nsemmi li f’kull każ l-esperjenza hija totalment differenti hekk kif l-ambjent jaffetwa ħafna l-aġir ta’ dawn l-għasafar, b’mod speċjali kif ibejtu.”

    Għalkemm Filfla kienet tiġbidni ħafna, qatt ma kont bsart li kien hemm daqshekk tagħrif x’tiġbor dwarha! Fil-fatt John qiegħedXiutu l-Kbir (Filfla) jipprepara biex jippublika ktieb dwar dil-gżira li dwarha ilu jirriċerka tant. Hekk kif kont qed nisma’ dar-rakkonti, minn taħt il-għajn kont qed insegwi d-dgħajsa tagħna toqrob dejjem aktar lejha. U hemm intbaħt li ħdejn Filfla kien hemm żewġ blatiet kbar li kienu magħrufa bħala Xiutu l-Kbir u Xiutu ż-Żgħir. Sfortunatament hekk kif ersaqna qrib Filfla, il-baħar tqawwa f’daqqa, tant li kien impossibli li nduru magħha kif kien maħsub. Għaldaqstant inxtħett nieħu r-ritratti ta’ Filfla bla heda hekk kif sibt ruħi daqstant viċin tagħha.

    “Għall-ornitoloġisti Filfla hija ġawhra u infatti meta nattendi għal xi konferenza u nuri r-ritratti ta’ dak li hemm fuqha, nogħxa nara l-barranin jgħiru għalina. Infatti jkollna diversi talbiet minn għandFriegħ tal-gawwi qed ifaqqas fuq Filfla bosta studjużi li jkunu jixtiequ jakkumpanjawna meta ninżlu fuqha. Ormaj żort ħafna gżejjer oħra imma Filfla hija unika għalija. Meta nkun fuqha, l-atmosfera ta’ x’ħin ikun qed jidlam u tkun qed tistenna l-ewwel kanġu jew l-ewwel ċiefa dieħla, ma nibdilha ma’ xejn!”

    Għajnejja ma stajtx naqlagħhom minn fuqha daqs kemm kont ilni nixxennaq għaliha. U ta’ belha li jien, akkost li bdew iwiddbuna biex inpoġġu bil-qiegħda, saqajja bħal weħlu mal-art u bqajt hemm b’għajnejja nixrob sa l-inqas dettall tagħha. Kont irrabbjata għal dak il-baħar li ma ħallinix ingawdiha ftit aktar iżda fl-istess ħin iggustajtu hekk kif stħajjiltu l-protettur tagħha, jżommna ‘l bogħod mill-maħbuba tiegħu Filfla. Forsi bħali, kien xeba’ jara ‘l min jagħmlilha l-ħsara!

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-17 ta’ Lulju 2011)

    2011.07.17 / 1 response / Category: Torca - Perspettivi

  • XENI ĦAJJIN TAL-PESTA TAL-1813 FIŻ-ŻEJTUN

    Għal żmien twil fl-istorja tal-bniedem ma kienu jinġabru l-ebda dettalji dwar il-popolazzjonijiet tal-pajjiżi. In-nies kienu jitwieldu, jiżżewġu, imutu u jindifnu mingħajr qatt Daqs li kieku qatt ma eżistewma titniżżel nota waħda dwarhom, daqs li kieku qatt m’eżistew! Din is-sitwazzjoni nbidlet meta l-Knisja bdiet iżżomm l-ewwel tagħrif dwar il-parruċċani tagħha. F’pajjiżna nistgħu niftaħru li għandna wħud minn dawn il-ġabriet ta’ informazzjoni l-aktar bikrija, ħafna minnhom relatati mal-magħmudijiet, fejn l-eqdem fosthom huma r-reġistri tal-Magħmudija tal-Imdina li jibdew mis-sena 1539. Dan l-aħħar kelli bżonn nagħmel ftit riċerka dwar id-demografija u għaldaqstant iddeċidejt li nagħti titwila lill-Arkivji Ekkleżjastiċi Parrokkjali tal-Parroċċa taż-Żejtun. Ma kontx naf x’ser insib ma’ wiċċi u infatti dak li sibt, impressjonani ferm. Qatt ma bsart kif erbgħa numri u kemmxejn dettalji kienu kapaċi jsemmgħawlek mill-ġdid it-taħbita ta’ qalb ta’ poplu li għex u għeb tant snin ilu. Daqstant ieħor, qatt ma ħsibt li għad intiegħem il-biża’ li ħassu l-abitanti ta’ dan il-villaġġ, partikolarment waqt il-pesta li ħakmet il-pajjiż fl-1813…

    Bil-għajnuna tal-Arċipriet taż-Żejtun Rev. Fr. Eric Overend u tal-Kanonku Fr. Joe Abela, sibt ruħi qed inqalleb paġni li nkitbu mijiet ta’ snin ilu. B’paċenzja kbira Dun Joe, kif inhu magħruf iż-Żejtun, introduċini mal-post u mar-reġistri antiki u fi ftit siegħat ħarriġni kif nagħraf il-kitbiet imħarbxa jew impittra nokkli nokkli, b’linka sewda faħma. Bosta mill-kitbiet kienu bil-Latin imma hekk kif dawn jibdew jirrepetu ruħhom u jekk tkun midħla tal-lingwa Taljana, ma ddumx wisq biex issib irkaptu sabiex tifhem x’hemm imniżżel.

    L-eqdem reġistru jmur lura għas-sena 1580 u jinkludi d-dettalji tal-magħmudijiet, żwiġijiet u mwiet li seħħew matul is-snin 1580 sa l-1606. Sfortunatament il-kundizzjoni tiegħu mhiex tajba ħafna. Il-L-eqdem manuskritt - 1580qoxra hija magħmula minn kartun iebes u hi meħjuta ma’ mazz karti li jiffurmaw ir-reġistru. Laqtuni l-qfieli tal-għażel li kienu qed jintużaw bħala ċoff biex jagħlqu sewwa l-ktejjeb. Huma proprju dawn l-irqaqat żgħar li jqarrbuk bil-ħsieb lejn min seta’ għamilhom. Mur għid lil min ħadmu illi wara dawn is-snin kollha, xi ħadd ser ikun qed jgħożż u jifli x-xogħol tiegħu!

    “Tieħux qatgħa!” serraħli rasi Dun Joe. “Dan l-agħar wieħed fosthom bħala kundizzjoni. L-oħrajn ma jinsabux daqshekk ħażin. Madanakollu trid tapprezza wkoll kemm għadda żmien minn fuq dar-reġistru, kemm ilu jinġarr minn hemm għal hawn u f’liema kundizzjonijiet seta’ sab ruħu. Fuq kollox, ċertu linka li ġiet użata fuqu, maż-żmien ħareġ li kienet tqatta’ l-karti u b’xorti ħażina, qed tintilef xi informazzjoni minnu minħabba dan.”

    Poġġejt bil-qiegħda ħdejn skrivanija u fis-skiet apprezzajt l-opportunità li nżomm reġistru bħal dak f’idi. Hekk kif Dun Joe beda jurini l-listi miktubin fuqu, f’mument minnhom moħħi ġera lura s-snin u bħal triegħext meta rrealizzajt li l-kappillan li kien kiteb dak ir-reġistru kien għex waqt l-Assedju l-Kbir… mill-1565, ħmistax il-sena biss kienu għaddew! L-ewwel listi kienu tal-magħmudijiet u hawnhekk stajt ninnota t-tendenza li t-tfal kienu jissemmew primarjament għall-qaddisin. Rajt ukoll kif ċertu ismijiet u kunjomijiet imniżżlin hemm, illum ma nsibuhomx aktar f’pajjiżna, filwaqt li numru ta’ kunjomijiet minnhom ġew evoluti f’oħrajn magħrufa sewwa fil-preżent. L-ewwel żwieġ irrekordjat sar fis-6 ta’ Jannar 1580, filwaqt li f’Jannar tal-1583 bdew jitniżżlu wkoll id-dettalji tal-imwiet. Minn wara dar-reġistru, il-manuskritti l-oħra (kif jippreferi jsejjħilhom Dun Joe) huma kollha fl-istil skont il-Konċilju ta’ Trent.

    Il-Konċilju ta’ Trent (1545 – 1563) ġie mniedi waqt il-Kontro-Riforma tal-Knisja fit-taqtigħa tagħha kontra l-Protestantiżmu. Il-Konċilju kellu l-iskop li jikkundanna t-tagħlim u l-prinċipji tal-Il-Kanonku Dun Joe Abela bl-eqdem manuskritt f'iduProtestantiżmu, li jistabilixxi t-tagħlim tal-Knisja Kattolika u li jwettaq riforma fid-dixxiplina u t-twemmin, kemm tal-Kleru nnifsu u kif ukoll ta’ dawk li kienu jħaddnu l-Kristjaneżmu. Waqt żjara pastorali li saret minn Mons. Pietro Dusina fil-1575 bil-għan li jara li kulħadd kien qed isegwi d-digrieti tal-Konċilju ta’ Trent, dan ordna illi kull kappillan kellu jżomm ħames reġistri b’konnessjoni ma’ ċertu sagramenti, ħalli jkun jista’ jiġi kkonfermat illi l-parruċċani kienu qegħdin jgħixu skont ir-regoli tat-tagħlim Kristjan. Dawn ir-reġistri kellhom joħorġu taħt dawn it-titli: Baptizatorum (magħmudija), Confirmatorum (ġriżma), Matrimoniorum (żwieġ), Mortuorum (mewt) u Liber Status Animarum (qrar u tqarbin).

    “Waqt din il-vista pastorali ta’ Mons. Dusina fl-1575, il-kappillan taż-Żejtun kien Dun Ġwann Mamo li kien mis-Siġġiewi u kellu 70 sena. Meta l-Monsinjur staqsa lill-kappillan jekk kienx qed iżomm ir-reġistri tal-parruċċani, dan wieġbu fl-affermattiv imma kif qed tara, hawnhekk ir-reġistri jibdew mill-1580. Jiena qed nassumi li Dusina ma kienx qagħad biss fuq il-kelma tal-kappillan imma li kien ra r-reġistri b’għajnejh u għalhekk probabbilment aktarx l-ewwel reġistri ntilfu. Ma rridux ninsew illi f’dak iż-żmien ir-reġistri kienu jinżammu fil-parroċċa ta’ Santa Katarina (illum magħrufa bħala Ta’ San Girgor) illi mhux darba u tnejn ħabtu għaliha l-furbani u ħallew ħerba sħiħa warajhom.”

    L-arkivji huma ħafna għal qalb Dun Joe imma nistqarr magħkom li għandi l-impressjoni li dan il-Kanonku stess hu arkivju ieħor ukoll! Hekk kif bi kburija beda jurini xkaffa wara l-oħra ta’ reġistri, huwa spjegali kif flimkien ma’ Walter Zahra, għal bosta snin, huwa ħadem biex ikklassifika dawn l-arkivji sabiex finalment inħoloq indiċi tar-reġistri kollha.

    “Għamilna anki werrej tal-indiċi nnifsu,” kompla jfehemni. “B’hekk ir-reġistri issa jistgħu jinżammu f’ordni aħjar u fl-istess ħin għamilna l-ħajja aktar faċli għar-riċerkaturi.”

    Il-kwantità tar-reġistri huma bla heda, hekk kif dawn jibqgħu sejrin sal-ġranet ta’ llum. Fost id-dettalji li wieħed isib fihom hemm dawk tal-magħmudija, preċett, griżma, żwieġ, tnhedijiet taż-żwieġ, L-ewwel manuskritt 1580 -1606imwiet, quddies u funerali, atti notarili dwar l-oqbra, konfraternitajiet, Liber Status Animarum, amministrazzjoni finanzjarja u inventarji. Ma’ l-ewwel daqqa t’għajn kitbiethom tidher li mhiex ħlief listi. Imma fir-realtà, dawn iħaddnu fihom informazzjoni mitqla deheb dwar il-popolazzjoni tal-villaġġ. Minnhom wieħed jista’ jikkalkula bidliet fil-qies, id-distribuzzjoni u l-kompożizzjoni tal-popolazzjoni matul is-snin. Bidliet drastiċi il-fuq jew ‘l isfel fil-popolazzjoni huma indikazzjonijiet ċari li jkunu seħħu xi ċirkustanzi partikolari li jkunu laqtu sewwa lin-nies tal-post. Ngħidu aħna lejn l-aħħar tas-16-il seklu u l-bidu tas-17-il seklu naraw żieda fil-popolazzjoni taż-Żejtun li kienet ikkawżata minn livell ta’ ħajja aħjar, miżuri aħjar relatati mas-saħħa u l-ħolqien ta’ aktar xogħol permezz tal-miġja tal-Kavallieri ta’ San Ġwann f’Malta. Min-naħa l-oħra naraw tnaqqis fil-popolazzjoni wara l-epidemija tal-kolera li ħakmet liż-Żejtun fl-1887 u li kkaġunat il-mewt ta’ 4.5% tal-popolazzjoni tal-villaġġ.

    Il-listi tat-twelid jagħtuk idea dwar ir-rata ta’ għajxien tat-trabi, filwaqt li juru wkoll id-daqs medju tal-familji. Madanakollu, fis-snin imbiegħda, it-trabi li kienu jitwieldu mejtin mhux dejjem kienu jiġu rreġistrati u għalhekk wieħed irid joqgħod attent għax mhux neċessarjament li jkun qed jaħdem b’dettalji preċiżi. Mid-dati taż-żwieġ u tat-twelid tal-ewwel tarbija, tista’ tifhem ukoll kemm trabi kienu jitwieldu illeġittimi u anki kemm kienet iddum koppja sakemm tasal biex ikollha l-ewwel tarbija. Mir-reġistri taż-żwieġ, wieħed jista’ jsegwi minn liema nħawi kienu l-għarajjes, ngħidu aħna jekk kienux jiżżewġu sieħeb jew sieħba mill-villaġġ stess jew minn irħula jew bliet oħra. U naturalment, ir-reġistri tal-mewt jagħtu stampa ċara tal-età medja li n-nies ta’ kull era kienu mistennija li jgħixu.

    Fir-realtà, din il-lista tibqa’ sejra mhux ħażin u f’idejn espert tad-demografija, permezz ta’ dawn ir-reġistri, wieħed jista’ jikteb kotba sħaħ. Min-naħa tiegħi għażilt li nifli xi żmien partikolari li kien affetwa lin-nies tal-post. Għall-ewwel tħajjart nirriċerka dwar l-imwiet li kienu seħħu fis-sena 1614, meta t-Torok kienu attakkaw bi ħruxija kbira l-inħawi taż-Żejtun, hekk kif tindika xi kitba li hemm fil-knisja ta’ San Girgor. Iżda sfortunatament Dun Joe għarraffni illi r-reġistri tal-mewt mis-sena 1610 sas-sena 1660 huma neqsin ukoll. Għaldaqstant iddeċidejt li nistħarreġ iż-żmien tal-1813, meta Malta ġiet maħkuma minn epidemija serja tal-pesta. Biex jgħini f’din ir-riċerka rreferejt mas-sors primarju l-Liber Status Animarum li jkopri s-snin 1803 – 1822.

    “Il-kitbiet kollha huma tal-kappillan Rev. Fr. D Bartholomeo Sant li kien ordnat qassis fl-24 ta’ Mejju 1769 u eventwalment kien wieħed mill-vittmi tal-kolera fl-1837,” kompla jurini Dun Joe. “Innota l-Tqarbin fi żmien il-pestakitba. Hemm partijiet miktubin tassew puliti u mbagħad hemm oħrajn kemmxejn imħarbxa meta l-kappillan kien għamel xi żmien ma jiflaħx.” Dal-kliem laqgħatni u għajnejja ġrew biex jiflu l-kitba. Tassew! Hekk kien. Quddiem għajnejja lmaħt il-kappillan iniżżel id-dettalji tal-parruċċani tiegħu fid-dawl kiebi ta’ xemgħa tnemnem u ppruvajt nimmaġina x’kien jgħaddi minn quddiem għajnejh u x’kien iħoss f’qalbu, hekk kif f’dik il-għodwa hu jkun difen xi tarbija li ġranet qabel ikun għammed jew xi xwejjaħ li kien ilu ħabib tiegħu s-snin. U xi ngħidu għall-biża’ tal-pesta, hekk kif il-kappillan ried jikkalma lin-nies, jgħinhom jittamaw f’Alla, iqarbinhom bil-periklu li jista’ jittieħed hu wkoll filwaqt li jordna d-dfin malajr malajr ta’ oħrajn li tkun ħafnithom il-mewt qerrieda. Biex imbagħad hu stess miet f’epidemija tal-kolera. Tgħid qatt basar li għad jispiċċa hekk?

    Stinkajt biex immur lura għal preżent hekk kif Dun Joe kien għadu għaddej jispjegali, “Fil-ġranet tal-Għid f’ċerti snin, hekk kif kien mistenni minnu, il-kappillan kien idur bieb bieb id-djar kollha li kienu jiffurmaw parti mill-parroċċa tiegħu. Kif qed tara hawnhekk, Dun Sant kien qasam iż-Żejtun f’erbgħa distretti: Casal Pasqualino, Casal Bisbut, Casal Gwiedi u Casal Ħerba u kien jinnumera kull dar li kien iżur fuq dan ir-reġistru peress li f’dawk iż-żminijiet id-djar ma kellhomx numri u t-triqat ma kellhomx isem. Infatti l-kappillan kien ‘isemmi’ t-triqat jew għal xi individwu magħruf li kien joqgħod fl-inħawi, inkella għal xi binja importanti bħal xi kappella. Tista’ tgħid li kien qisu speċi ta’ ċensiment fejn jitniżżlu d-dettalji ta’ dawk kollha li kienu joqogħdu f’kull dar, iżda b’żieda partikolari. Qed tinnota l-ittri c.c ħdejn l-ismijiet ta’ ħafna mill-adulti? Dawk l-ittri jfissru confessato e communicato, jiġifieri ‘ġie mqarar u mqarben’. Minn dawn in-noti, il-Kurja kien ikollha idea ta’ kemm in-nies kienu qed jobdu r-regoli tagħha.”

    Permezz ta’ dan ir-reġistru stajt nara illi bejn is-snin 1810 sal-1813, il-popolazzjoni taż-Żejtun kienet qed tiżdied b’rata regolari, sakemm fl-1813 din ir-rata medja ta’ żieda waqfet ħesrem u l-effetti jidhru li baqgħu jinħassu saħansitra sas-sena 1818.

    B’dawn id-dati imxejt fuq reġistru ieħor li kien juri l-magħmudijiet li saru bejn l-1807 u l-1818. Hawnhekk innutajt żewġ noti partikolari: waħda minnhom datata 20 ta’ Mejju 1813 kellha ddiżinjata pala ta’ id tipponta lejn kitba qasira li kienet tgħid li t-tarbija ta’ Antonij Seychell kienet mietet, filwaqt li n-nota l-oħra datata 23 t’Awwissu 1813 kienet tindika li dakinhar mietet tarbija infettata bil-pesta. L-istess reġistru wera illi bejn is-snin 1810 sa 1812 ir-rata medja tat-twelid kienet qed tiżdied iżda din waqfet bejn l-1813 u l-1814 fejn anzi naraw ir-rata tat-twelid tonqos speċjalment fit-trabi bniet. Madanakollu, kif sikwit jiġri wara epidemiji bħal dawn, hekk kif il-pajjiż ġie dikjarat ħieles mill-marda tal-pesta, sena wara, fl-1815 ir-rata tat-twelid splodiet il-fuq sakemm reġgħet lura għan-normal fl-1816.

    Naturalment idejja ġrew dritt għar-reġistru taż-żwiġijiet li saru bejn l-1806 u l-1822. Sibt li fl-1812 kien hemm imniżżel li saru 39 żwieġ, liema total niżel għal 13 fl-1813, biż-żwiġijiet jieqfu ħesrem f’Ġunju 1813 hekk kif il-pesta serqet l-ewwel vittma tagħha miż-Żejtun. Għalhekk kont sorpriża meta sibt nota ta’ żewġ żwiġijiet li seħħu f’Awwissu 1813 u ieħor f’Diċembru. Dan kollu jaqbel mad-direttiva li kien ħareġ l-Isqof ta’ dak iż-żmien fid-29 ta’ Mejju 1813 sabiex jingħalqu l-knejjes kollha bit-tama li jiġi evitat aktar tixrid ta’ mard. Bħal kif semmejt qabel, hekk kif il-periklu tal-epidemija għadda, fis-sena 1814 iż-żwiġijiet laħqu l-ammont ta’ 72.

    Ma stajtx nonqos li nifli r-reġistru tal-imwiet li kien ikopri s-snin 1802 sa l-1827. Bejn l-1810 u l-1812 innutajt rata medja ta’ mwiet, b’dik tat-tfal dejjem aktar għolja minn dik tal-adulti. Rata għola ta’ Il-knisja-ta-San-Girgor[1]mwiet, kemm fl-adulti u kemm fit-tfal kienet evidenti fis-sena 1813, li mbagħad bdiet tonqos gradwalment fis-snin ta’ wara sakemm irritornat għan-normal fl-1816. L-ewwel vittma adulta suspettata li mietet bil-pesta fiż-Żejtun seħħet fil-31 ta’ Mejju 1813 u kienet Gratia Bonavia fl-età ta’ 85 sena. Tlett ijiem wara, did-darba b’mewt kawżata ċertament mill-pesta kien Joseph Vella fl-età ta’ 40 sena. Jidher li dan l-individwu miet fil-Forti Manoel hekk kif dan beda jilqa’ ġewwa fih il-vittmi tal-pesta meta l-Lazzaretto imtela’. Kien żmien tal-waħx hekk kif meta l-marda ħraxet, il-morda kellhom jintefgħu kollha flimkien indipendentement mill-età jew is-sess tagħhom. Kif ikomplu jispjegaw in-notamenti antiki, il-vittmi bdew jindifnu f’ċimiterju apposta ‘għall-infetti’, probabbilment dak ta’ San Rokku li llum qiegħed biswit il-knisja ta’ San Girgor. Irnexxieli nsib madwar 20 individwi li jidhru li mietu kawża tal-pesta. Mid-dati tal-mewt tagħhom tifhem mill-ewwel kemm il-marda kienet tittieħed u kemm kienet fatali. B’għafsa ta’ qalb sibt koppja miżżewġa li mietu f’temp ta’ ftit jiem il-bogħod minn xulxin u anki żewġ familji partikolari fejn bosta mill-membri tagħhom, fosthom ġenituri u tfal inħasdu qatta’ bla ħabel minn wiċċ did-dinja. Ksaħt meta ftakart li kien hemm ordni ċivili li kienet tirrikkjedi li wieħed jirrapporta immedjatament dawn il-każi ta’ mard. Għiduli intom x’sofrew dawn in-nies hekk kif kellhom jinfurmaw lill-awtoritajiet biex jiġu jieħdu lill-uliedhom infettati sabiex dawn jittieħdu f’dak l-infern ta’ morda oħra jmutu kuljum madwarhom? U fl-istess ħin kif qatt tista’ tifhem dak it-terrur li ġġarrab hekk kif tiġi konxja li la kont qrib dawn il-familjari, anki inti jista’ jiġrilek l-istess? Min-naħa l-oħra kif tista’ qatt tagħżel li tabbanduna lil dawk li tħobb f’mumenti bħal dawn? Ċertament huma esperjenzi li jekk ma jeħdulekx ħajtek, almenu żgur li jqattgħuk minn ġewwa. Min jaf kemm kien hemm min siket u pprova jfejjaq lil xi membru tal-familja tiegħu biex imbagħad spiċċaw mejtin it-tnejn!

    Kelli nagħlaq il-kotba f’salt għax ma flaħtx naħseb u nħoss aktar. L-aħħar vittma tal-pesta fiż-Żejtun mietet fil-25 ta’ Settembru 1813. B’xorti tajba fis-7 ta’ Marzu 1814, Malta ġiet meħlusa minn dil-pjaga, għalkemm imbagħad inħakmet il-gżira t’Għawdex. Minn popolazzjoni ta’ madwar 100,000 ruħ, din l-epidemija ħadet magħha madwar 4500 persuna. Kien fit-8 ta’ Settembru 1814 li ż-żewġ gżejjer ġew dikjarati salvi minn din l-epidemija qerrieda. Issa stajt nisma’ l-briju tan-nies f’widnejja hekk kif b’din l-aħbar, f’qalbhom reġgħet bdiet tħabbat it-tama għall-ħajja aħjar.

    Dik ma kientx l-aħħar darba li Malta ġiet maħkuma minn din l-epidemija. B’xorti tajba illum il-mikrobu tal-pesta  jista’ jiġi megħlub għal kollox permezz tal-penicillin. Meta tkellimt ma’ Dr Etienne Grech Karatteristiċi tal-bubonic plaguehuwa spjegali kif il-mikrobu Yersinia Pestis jikkawza il-bubonic plague. Dan il-mikrobu jinġarr mill-ġrieden u jsib ambjent adegwat biex jixtered meta jsib livell baxx ta’ sanità. Għalkemm forsi hemm min jaħseb li l-pesta spiċċat għal kollox, sfortunatament għad hemm popli li għadhom qed jgħixu f’faqar kbir u f’kundizzjonijiet mill-agħar ta’ saħħa. Ħafna minnhom jgħixu f’pajjiżi tropikali b’nuqqas ta’ ilma biex tinżamm l-indafa, mingħajr sistemi ta’ refriġerazzjoni biex iżommu l-ikel f’kundizzjoni tajba u eternità l-bogħod mill-mediċini adegwati. Bqajt issummata meta Dr Grech infurmani li dawn in-nies għadhom jgħaddu mit-tbatijiet u l-kefrija tal-pesta meta ironikament din tista’ titfejjaq b’sempliċi kaxxa penicillin li aħna nistgħu nixtru mingħand l-ispiżjar ta’ ħdejna!

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-10 ta’ Lulju 2011)

    2011.07.10 / 4 responses / Category: Torca - Perspettivi

  • STEDINA FIL-VILLA RUMANA TAŻ-ŻEJTUN

    F’dawn l-aħħar ħmistax ingħatajt l-opportunità li nipparteċipa fi skavi arkeoloġiċi proprju fis-sit fejn sentejn ilu kont mort nara x-xogħol li kien sar biex nagħmel featureFiona Vella - ritratt Keith Vella għal dil-gazzetta. Bilkemm stajt nemmen illi x-xewqa li ħassejt dakinhar biex ninżel inħaffer mal-gruppi li kien hemm hemm, issa kienet ser titwettaq! Mort armata b’ħafna ħeġġa u fl-istess ħin bi preokkupazzjoni dwar jekk kontx kapaċi nagħmel xogħol bħal dan. Finalment ikolli nistqarr li dawn il-ftit ġranet niskava kienu rivelatorji ħafna u anki speċi ta’ sfida biex nara jekk wara kollox dan il-qasam kienx jgħodd għalija jew le. Kull ġurnata ġabet żvolġiment ġdid magħha u ċertament issa nħossni mmaturajt ħafna iżjed f’das-suġġett. Flimkien magħkom ser naqsam xi esperjenzi tiegħi u ta’ sħabi, iżda idealment għandkhom tiġu intom stess taraw b’għajnejkhom nhar is-Sibt 9 ta’ Lulju 2011, bejn it-8:30am u l-11.30am hekk kif aħna qed nistednukhom biex indawwrukhom mas-sit ħalli nfhemukhom x’qegħdin nagħmlu u x’qegħdin insibu. Min jaf? Forsi s-sena d-dieħla jkun hemm xi ħadd minnkhom magħna…

    Il-post magħżul għal dawn l-iskavi kien is-sit tal-villa Rumana li jinsab fl-artijiet tal-iskola sekondarja tal-bniet, Carlo Diacono fiż-Żejtun. L-ewwel traċċiSkavar metikoluz ta’ binjiet antiki f’dawn l-inħawi kienu ġew skoperti fl-1960 waqt li kienet qed tiġi ppreparata l-art sabiex tinbena skola ġdida f’dan il-villaġġ. Fl-1964 saru xi skavi arkeoloġiċi fejn instabet ġiebja kbira, xi kanali li jagħtu għaliha u biċċa art pavimentata bil-ġebel. Fl-1972 l-iskavi komplew u did-darba nstab xi apparat li kien jintuża fi Żmien ir-Rumani sabiex jiġi prodott iż-żejt taż-żebbuġa. F’dan il-perjodu, instabet ukoll ġiebja oħra u żewġ fosos maqtugħin fil-blat mimlija bil-fuħħar ta’ Żmien il-Bronż. Ix-xogħolijiet tal-iskavar komplew f’fażijiet qosra sas-sena 1976 fejn dawn indikaw illi l-fdalijiet kienu ta’ villa Rumana li kellha parti residenzjali u parti oħra fejn kienet issir il-produzzjoni tal-għasir taż-żejt taż-żebbuġ. Sfortunatament rapport dettaljat ta’ dawn l-iskavi qatt ma ġie ippubblikat iżda bejn l-2006 u l-2009, l-iskavi għaddew f’idejn id-Dipartiment tal-Klassiċi u l-Arkeoloġija tal-Università ta’ Malta fejn issa l-għan aħħari ser ikun li l-informazzjoni kollha dwar ix-xogħol u s-sejbiet ta’ dan is-sit eventwalment jiġu ppubblikati f’rapport dettaljat.

    Fl-ewwel ġurnata tal-iskavi laqgħuni t-tined ħodor li kienu qed jimmarkaw l-inħawi fejn konna ser Skavi arkeoloġiċi - Villa Rumana Zejtun 2011naħdmu u li kienu wkoll qed joffrulna kenn mix-xemx qalila li fi ftit siegħat kienet ser tibda taħkem dak il-lwog. Ilbist l-ilbies protettiv: kappell f’rasi, nuċċali tax-xemx, ingwanti tax-xogħol u protezzjoni ma’ rkubbtejja. Kemm oġġetti ingumbranti, ħsibt għall-ewwel, sakemm beda x-xogħol tassew u f’qalbi rringrazzjajt lil min kien issuġġerihom. Flimkien ma’ sħabi l-oħra, meddejt għonqi biex nibdew ix-xogħol ta’ dan l-iskav. Xi ġranet qabel, xi ħaddiema mill-HSBC u numru ta’ studenti mill-kors tal-arkeoloġija, kienu marru jneħħu l-veġetazzjoni li kienet kibret fuq il-post u b’hekk stajna naħdmu aħjar. L-ewwel parti tax-xogħol kien jikkonsisti fit-tneħħija tal-materjal li kien twaddab fuq il-fdalijiet arkeoloġiċi mit-tim li kien qed jaħdem hemm sentejn ilu. Inizzjalment bqajt bla kliem meta sirt naf dan, imma Dr Nicholas C Vella li flimkien mal-Prof. Anthony Bonanno kien qed imexxi dawn l-iskavi, ikkonfermali li ma kienx jeżisti metodu ieħor biex post bħal dan jiġi konservat mill-elementi. Nistqarr li ħassejt demmi jiqras meta kompla jinfurmani li hekk kif inlestu did-darba, anki aħna konna ser nerġgħu ngħattu kollox mill-ġdid!

    “Jekk ma jkollokx mod kif tipproteġi s-sit għall-futur, l-aħjar metodu huwa li tgħattih għax ara per eżempju, hemm wara, fejn ma tgħattiex, xi problema kbira hemm! Idealment tgħatti kollox u infatti nixtieq ħafna li hawn jintela kollu bħal ma kien fl-antik, meta ma kien jidher xejn. Minkejja dan, qatt mhu ser jirnexxielna nagħmlu hekk għax m’għandnix biżżejjed materjal,” fissirli Dr Vella.

    Id-daħka li kelli fuq wiċċi fil-bidu bdiet togħsfor imma rassejt snieni bit-tama li nifhem aħjar aktar ma jgħaddi l-andament tal-iskavi. Barmil wara barmilTinkixef ix-xibka l-ħadra li kienet qed tgħatti l-wiċċ tal-iskavi ta’ trab u ġebel bdew jintremew il-barra mis-sit u f’ħin minnhom qisni iddubitajt li xi darba ser naslu sal-qiegħ. Imma l-ħeġġa tan-nies madwarek tinkuraġġik tagħti daqqa oħra ta’ pala u ġġorr barmil ieħor, sakemm finalment tfaċċat ix-xibka ħadra li kienet qed tgħatti l-wiċċ tal-iskavi u kien f’dan il-waqt li bdejt intiegħem l-ewwel kilba għall-iskopertà.

    Inqsamna fi gruppi. Jiena kont fin-naħa mmarkata ‘D’ fejn mid-dettallji li ngħatajna, fil-passat kienet instabet ġiebja kbira li qatt ma ġiet skavata qabel, peress li kienet ikkunsidrata bħala riskjuża.  Maxine Anastasi, esperta fil-qasam tal-fuħħar u waħda mill-mexxejja tal-gruppi waqt l-iskavi, infurmatni wkoll li f’dawn l-aħħar snin, fil-parti ‘tagħna’ kien instab numru konsiderevoli ta’ fuħħar taż-Żmien Puniku li jmur lura għal madwar ir-4 seklu Q.K. Mill-2006 ‘l hawn saru diversi investigazzjonijiet ta’ din in-naħa però l-iskop prinċipali għal dis-sena kien li nkomplu neskavaw il-mili li kien hemm madwar l-entratura tal-ġiebja.

    Taħt id-direzzjoni ta’ Dr Dennis Mizzi bdejna nnaddfu din il-parti billi nikinsu l-wiċċ tas-sit ħalli nkunu nistgħu nifhmu aħjar kif għandna nimxu. Fuq kolloxDr Nicholas C Vella jxarrab il-qiegħa tal-art ħalli jinkixfu s-saffi kellna nagħrfu s-saffi differenti li jindikaw perjodu minn ieħor, inizzjalment billi bdejna nqabblu l-pjanta li kienu ħallew l-iskavaturi ta’ l-2009 u mbagħad anki permezz ta’ modi oħra fostom billi  skavajna b’reqqa u f’każi oħra, xarrabna l-art ħalli joħorġu aktar il-kuluri varji tal-ħamrija jew tat-trab. Fil-bidu, bħala studenti tal-ewwel sena, konna kemmxejn mitlufin. Imma Jessica, li għadha kif lestiet it-tielet sena tal-istudji tagħha fl-arkeoloġija, malajr għamlitilna l-qalb hekk kif rajniha ma taqta’ qalbha minn xejn u tmidd idha għal kull biċċa xogħol li tinqala’. Sirt naf li din kienet it-tielet darba li Jessica kienet qed tieħu sehem f’xogħol ta’ skavar arkeoloġiku.“Jiena noħlom bihom l-iskavi għax f’dawn il-ftit ġimgħat fis-sena nkun nista’ nipprattika dak kollu li nkun studjajt dwaru fil-kotba. Hekk biss tifhem l-għerq ta’ dax-xogħol u allura l-opportunità trid taħtafha. Mill-iskavi jibda kollox fl-arkeoloġija u għaldaqstant nemmen li student f’dan il-qasam li ma jipparteċipax fl-iskavi, jkun qed jitlef ħafna.”

    Staqsejtha jekk qattx kienet sabet xi ħaġa interessanti waqt l-iskavi tagħha u mill-ewwel semmietli skopertà fis-sit ta’ Għar ix-Xiħ ġewwa Għawdex. “Wara ġimgħa nħaffer u ma sibt xejn, f’ħin minnhom, is-Ippjanar bir-reqqa tal-qtugħ fil-blatsena li għaddiet, proprju fl-Imnarja, tfaċċat munita f’idejja u l-agħa li qamet madwari ma ngħidlekx! M’għandix idea ta’ liema sena kienet il-munita għax naturalment kellha bżonn titnaddaf qabel. Imma  lanqas tant gawdejtha taf, ftit minuti kollox, u malajr ġie Dr Vella li ħatafhieli minn idi biex jara x’kienet!”

    Hekk bdew għaddejjin il-ġranet fejn ftit ftit bdejna niġu introdotti, din id-darba b’mod prattiku, għall-metodoloġija tal-iskavar arkeoloġiku. Ma tridx taqta’ qalbek fil-bidu u jeħtieġ li tkun tħobb tassew dan il-qasam għax ix-xogħol fiżikament kemmxejn skabruż, speċjalment meta tkun qed tħaffer jew tnaddaf il-qiegħa għarkubbtejk taħt is-sħana tas-sajf Malti. Psikoloġikament tkun trid iżżomm moħħok hemm biex tifhem sewwa x’għandek tagħmel u fl-istess ħin trid tidra l-karattri differenti ta’ sħabek sabiex kollox jimxi ħarir. Sa mn’Alla li jkun hemm xi wieħed bħal Mark ‘l Għawdxi li għal taparsi konna qisna kelb u qattus bejnietna bl-iskuża biex ngħidu xi ċajta ‘l hemm u ‘l hawn. U sadanittant maż-żmien sirna ħbieb ilkoll.

    Skont Graziana dawn l-iskavi kienu ta’ siewi biex neħħewlha l-istress li ħolqu l-eżamijiet. Min-naħa l-oħra Bernard stqarr li għalkemm sab ix-xogħol fiżikament impenjattiv, l-istennija minn mument għall-Jitnaddaf il-fuħħarieħor li ser isib xi ħaġa, nessietu d-diffikultà kollha. Indubbjament, hekk kif jibdew l-iskavi, bosta studenti jibdew japprezzaw ħafna aktar il-preġju ta’ dan ix-xogħol. Infatti Annalise żvelat li tixtieq tagħmel erbgħa ġimgħat minflok ħmistax biss peress li fil-bidu għamlet numru ta’ ġranet tnaddaf is-sit u ħasset li ma tantx kellha ħin tiskava. L-istess Christine, li hekk kif bdiet tiskava bdiet tħossha aktar ħerqana biex tieħu sehem f’dax-xogħol. Għal Chantal dil-ġibda tinsab fit-twemmin li hemm xi ħaġa antika li ilha mirduma għal bosta snin f’post partikolari u qed tistenna proprju lilha biex issibha. Għalkemm anki Kyle jieħu gost jiskava jidhirlu illi meta ma jsib xejn, iħossu daqsxejn frustrat u fil-fatt jippreferi jieħu l-livelli tal-oġġetti li jinstabu u tas-sit innifsu permezz tat-theodolite. L-istess Rebecca imma hi tippreferi wkoll tiddiżinja  l-pjanti. Grace ukoll għandha għal qalbha l-kejl u l-iddiżinjar tal-pjanti però l-aktar li tapprezza hija l-armonija tax-xogħol bħala grupp fejn għaliha, l-aktar ħaġa importanti u essenzjali hija li kulħadd jaħdem flimkien. Hija sabet ukoll li din l-esperjenza kienet ukoll kruċjali sabiex tikkonferma dak li kienet taħseb li hi l-arkeoloġija. U kif jgħidu, mitt bniedem, mitt fehma għax imbagħad Felix li huwa student Ġermaniż, saħaq li għalkemm f’din l-esperjenza tgħallem ħafna għax kellu ċ-ċans li jipprattika dak li tgħallem waqt il-lekċers u ħa anki gost jiskava, madanakollu l-fatt li jrid iqum tant kmieni u t-tip ta’ xogħol involut, urewh biċ-ċar li l-linja tal-arkeoloġija ma tgħoddx għalih.

    Iżda Dr Mizzi fehemni illi “Anki jekk finalment dan il-qasam tal-iskavar wieħed iħoss li ma jgħoddx għalih, xorta waħda jista’ jaqbad triqat oħra fl-arkeoloġija. Madanakollu l-Investigazzjoni tas-saffifatt li almenu jkun ipparteċipa għal staġun wieħed fi skavi, jagħtih aktar għarfien dwar kif isir dax-xogħol. B’hekk meta studjuż ikun qed jaqra jew jistudja rapport arkeoloġiku, huwa jkun konxju biżżejjed taħt liema kundizzjonijiet saru l-iskavi, kemm hi kbira l-possibilità li twettqu xi żbalji, ikun jista’ jifhem aħjar kif jinterpreta s-simboli tal-pjanti u anki liema oġġetti nstabu tassew u liema minnhom huma rikostruzzjoni.”

    Kif konna fid-daqqa, staqsejtu jekk iħossux inkwetat li aħna l-istudenti l-ġodda nagħmlu xi żball waqt l-iskavi? “Mhux daqshekk. Kif stajt tinnota inti, jiena nqatta’ ħafna mill-ħin nosserva x-xogħol li jkun qiegħed isir u nkun qed nevalwa mhux biss x’ikun qed jagħmel kull student fir-roqgħa tiegħu imma anki x’qiegħed jagħmel f’relazzjoni mal-bqija tas-sit. Peress li l-arkeoloġija hija proċess li jieħu ħafna żmien, l-iżbalji rari jkunu serji u jkunu jistgħu jiġu rekuperati b’modi oħra.”

    Kont naf li x-xogħol tal-arkeoloġija huwa metikoluż imma trid tippruvah biex tifhem aħjar il-paċenzja u d-dixxiplina li jirrikkjedi minnek, fostom meta tilmaħ xi biċċa fuħħar sabiħa sporġuta ħdejk u għalBiċċa manku tal-fuħħar jistenna lil xi ħadd jaqilgħu raġuni jew oħra ma jħallukx taqlagħha. Infatti hemm żewġ biċċiet hekk li qed jifnuli qalbi bħalissa meta nħares lejhom u jdejja jikluni biex inħaffer madwarhom ħa nara x’inhuma imma s’issa hemm għadhom u ħadd ma azzarda jmisshom! Hija interessanti li waqt dawn l-iskavi innutajt xi ħaġa li tittieħed u tinżillek ġol-vini, aktar ma ddum hemmhekk. Hekk kif xi ħadd isib ruħu qed iħaffer xi ħaġa mhux tas-soltu u javża lill-oħrajn biha, arana nsiru qisna grupp Draculi li qed jaraw xi għonq ta’ xi verġni u kollha jibdew jixxenqu biex jixorbulha demmha. U fil-fatt miskin int jekk tħalli l-post waħdu għax wara ftit tal-ħin issib l-oġġett skavat u lest minn ħaddieħor, qed jistenniek sabiħ sabiħ barra ġo xi borża immarkata u nnumerata!

    Għax għalkemm l-iskavi huma interessanti u bosta drabi neċessarji biex wieħed jifhem is-sit, l-arkeoloġist irid iżomm dejjem quddiem għajnejh li meta jħaffer, huwa qed jeqred saff stratigrafiku wara l-Waħda mill-ġiebji fil-villa Rumana taż-Żejtunieħor u qatt aktar ma jista’ jġibhom lura. Għaldaqstant il-professjonist irid jara jekk hemmx tassew il-bżonn li jsir tħaffir jew inkella jistax jinqeda b’teknoloġija apposta li tagħtih l-informazzjoni li jkollu bżonn mingħajr ma jħaffer. Fil-każ li jiddeċiedi li jħaffer għandu min-naħa l-oħra l-impenn li jipprovdi rapport dettaljat dwar dak kollu li jkun twettaq u nstab. Illum nifhem kemm huwa diffiċli li arkeoloġist jagħżel li ma jħaffirx għax l-emozzjoni li tħoss inti u tħaffer f’saffi antiki, ma tħossha mkien aktar. Hemm il-ġmiel li qed issib ruħek f’perjodi oħra u l-possibilità li ssib u tagħraf l-affarijiet li nies ta’ żminijiet oħra wettqu. Fuq kollox tħoss dik il-kilba tipikament umana biex tiskopri xi ħaġa ġdida. Infatti meta f’ġurnata minnhom sibt ruħi qed inħaffer f’dik li tista’ tkun l-entratura għat-tieni ġiebja, ġietni bħal saħħa barranija hekk kif bdejt nikkumbatti mat-trab li ma jispiċċa qatt, mad-djuqija skomda tal-post, mal-biża’ li jista’ jaqa’ kollox bija, mat-talb lil sħabi biex ibattluli l-bramel li bdew jimtlew f’ħakka t’għajn, mas-sħana, mal-għejja, mal-ġuħ u mal-għatx. Insomma! Kollox tinsa meta moħħok jeħel u jgħidlek biss “aħdem hemm ħa ssib xi ħaġa”, forsi għax fl-isfond, wieħed ikun konxju li l-ħin għad-dispożizzjoni tiegħu huwa limitat u li jekk ma jlaħħaqx jasal sa fejn irid, ikollu mill-inqas jistenna sena oħra sakemm ikompli. Forsi f’dal-punt ta’ min insemmi li meta l-komiku u attur Ingliż Eddie Izzard ħa sehem fi skav, kien tassew diżappuntat li skont hu ‘ma sab xejn’ għax kien qed jippretendi li jsib xi borża muniti antiki jew xi xabla jew xi elmu tal-Vikingi u mbagħad irrealizza li b’dawn ix-xewqat aktar kien qisu qiegħed fil-piraterija milli fl-arkeoloġija!

    “L-esperjenza tal-iskavi hija l-uniku mezz biex tifhem kemm hu diffiċli biex tagħmel sens mill-frammenti tal-oġġetti li ssib biex tikteb storja,” beda jispjegali Dr Vella. “Ara hawnhekk per eżempju fejnIs-sejba ta' iskrizzjoni fil-villa Rumana Żejtun sibna dawn il-kanali tal-ilma tant sbieħ u kompluti. Illum inti tifhem kemm ħadna xogħol u żmien biex sibnihom u investigajnihom. Imma finalment fir-rapport ma jidhirx ħlief sentenza jew tnejn li jfissrulek kif kienet taħdem is-sistema tal-ilma f’dak il-perjodu. Infatti għalkemm aħna nitkellmu dwar villa Rumana, fir-realtà hawnhekk qed naħdmu fil-pedamenti li kienu taħt l-art u li servew biex inbena l-bini fuqhom.”

    Fil-ħmistax li għamilna niskavaw fil-parti tagħna twettaq ħafna xogħol fejn weġibna wkoll bosta mistoqsijiet li morna biex nagħmlu. Sibna numru sabiħ ta’ fuħħar li wħud minnhom kienu jiddataw għall-perjodu Puniku. Kif kien ippjanat, skavajna aktar madwar il-ġiebja l-mikxufa u madwar l-oħra li qed niskopru bil-mod il-mod. Kellna wkoll iċ-ċans li naraw lil lekċerers tagħna f’burdata ħafna aktar ferrieħa u naturali minn dik li jkollhom fil-klassi! Insomma, kollha qbilna li kienet esperjenza indimentikabbli.

    Is-sit li fih madwar 1000 metru kwadru jeħtieġlu ħafna aktar xogħol li jrid isir qabel jitlesta għal kollox. Staqsejt lil Dr Vella x’inhu l-valur ta’ din il-villa fil-kuntest arkeoloġiku Malti?

    “Nibda biex ngħidlek illi l-aħħar darba li ġiet skavata villa Rumana b’mod xjentifiku f’pajjiżna, kienet din l-istess villa ġewwa l-art tal-iskola sekondarja taż-Żejtun fl-iskavi tas-sebgħinijiet immaL-ippjanar tas-sit sfortunatament m’għandnix noti u qatt ma sar rapport. Qabel din il-villa kien hemm il-villa ta’ San Pawl Milqi li ġiet skavata mill-Missione Archeologica Italiana fis-sittinijiet li għalkemm għandna rapport preliminari tagħha, m’għandnix ir-rapport finali. Allura din hija l-ewwel opportunita’ li fi żmien riċenti, taħt skav xjentifiku kif suppost, qed jiġi skavat sit ta’ villa Rumana. Dan is-sit huwa importanti wkoll għax bħalu ftit jeżistu f’Malta. Nafu b’ħafna però bosta minnhom ġew meqruda minħabba żvilupp: kien hemm waħda ħdejn l-ajruport preżenti, oħra il-Għargħur u oħra anki fl-Iklin. Fortunatament, peress li qiegħda fl-art ta’ skola, din il-villa ġiet protetta. Issa aħna qed nippruvaw nifhmu l-istorja tagħha biex xi darba nisperaw li l-post ikun jista’ jinfetaħ għall-pubbliku.”

    F’Mejju li għadda sar magħruf li Din l-Art Ħelwa qiegħda tgħin sabiex isir proġett ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit immexxi mill-Università ta’ Malta permezz tad-Dipartiment tal-Istudji Klassiċi u Arkeoloġija u tad-Dipartiment għall-Wirt Mibni.  Sadanittant l-organizzazzjoni volontarja Wirt iż-Żejtun ser tkun qed tagħti s-sehem tagħha lejn il-ħarsien ta’ dan is-sit permezz ta’ simpożju nazzjonali bit-tema, “Il-Villa Rumana taż-Żejtun, fil-kuntest ta’ Wirt Arkeoloġiku ieħor f’dawn l-inħawi” li ser isir nhar is-Sibt 17 ta’ Marzu 2012, fejn ser tinġabar riċerka u opinjonijiet ta’ akkademiċi u esperti dwar il-Villa Rumana taż-Żejtun u fdalijiet oħra li jinsabu fl-inħawi tal-madwar.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-3 ta’ Lulju 2011)

    2011.07.03 / no responses / Category: Torca - Perspettivi