Posts Tagged ‘1565’

  • Djarju ta’ poeta, suldat fl-Assedju l-Kbir

    450 sena ilu, Malta kienet għaddejjha minn wieħed mill-agħar perjodi fl-istorja tagħha, hekk kif din ġiet attakkata minn armata kbira Torka li kienet ħalfet li se teqred lill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann minn wiċċ id-dinja. It-Torok ma kellhom l-ebda dubju li dil-gżira ċkejkna kienet ser tiġi f’idejhom f’qasir żmien u waqt bosta mumenti, anki l-kavallieri għaddielhom minn moħħhom l-istess ħsieb. Imma wara assedju kbir li ħalla warajh mijiet ta’ mejtin u midruba, fosthom lill-magħruf Dragut, Malta, il-Maltin u l-kavallieri, irnexxielhom joħorġu rebbieħa u t-Torok ġew f’sitwazzjoni fejn kellhom jirtiraw b’mod immedjat.

    Affreski li juru xeni mill-assedju tal-1565

    Fatt interessanti huwa illi l-aktar episodji sinifikanti li seħħu waqt dan l-assedju ġew impinġija mill-artist Taljan, Matteo Perez d’Aleccio. Huwa ġie kkummissjonat jagħmel dax-xogħol minn Fra Jean l’Evesque de La Cassiere, li kien il-Gran Mastru ta’ Malta bejn is-snin 1572 u l-1581. Is-sett ta’ affreski tal-Assedju l-Kbir tal-1565 kellu l-għan li jikkommemora dawn il-ġrajjiet tremendi imma erojċi li kienu ġraw xi ftit tas-snin qabel. M’hemmx xi ngħidu, rebħa monumentali bħal dik li kisbu l-kavallieri f’pajjiżna, kienet ġibdet ir-rispett u l-ammirazzjoni ta’ bosta pajjiżi, tant li l-Ordni mhux talli reġgħet ġiet fuq saqajha imma saret akbar milli qatt kienet qabel. Illum dawn l-affreski jinsabu ġewwa waħda mis-swali tal-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta u huma xhieda ta’ dak li għadda minnu pajjiżna fis-sena 1565.

    It-taqtiegħa bejn l-Ordni u t-Torok

    LimissoGħal mijiet ta’ snin, il-Kavallieri ta’ San Ġwann u l-Ottomani kienu mqabbdin f’xulxin kemm fuq kwistjoni ta’ reliġjon u anki minħabba l-għatx li kellhom għall-poter sabiex jakkwistaw l-artijiet.

    Għalkemm oriġinarjament, l-Ordni kellha l-funzjoni li tilqa’ u tieħu ħsieb il-pellegrini li kienu jaslu f’Ġerusalemm, maż-żmien din evolviet natura militari sabiex tiddefendi b’mod attiv il-pellegrini u r-reliġjon Kristjana. Naturalment, dan l-aġir tal-kavallieri, ma damx ma daħħalhom f’taqtiegħat mal-Musulmani, u aktar ma għaddew is-snin, dan il-ġlied beda jiżdied fil-feroċità tiegħu.

    Hekk kif l-Ordni bdiet tikseb is-simpatija tan-nobbli, tar-rejiet u tal-Papiet, din bdiet tiġbed lejha wkoll bosta donazzjonijiet ta’ flus, rikkezzi, artijiet u privileġġi. B’hekk beda jikber ukoll il-poter tal-membri tagħha u dan wassal biex attira diversi tfal tan-nobbli li bdew jieħdu l-voti sabiex isiru kavallieri.

    L-Ordni ta’ San Ġwann f’Rodi

    L-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann damet f’Ġerusalemm sal-1187, sakemm finalment, din il-belt waqgħet taħt il-kmand tas-Sultan Saladin. B’hekk il-kavallieri kellhom jibdlu l-kwartieri tagħhom u jimxu lejn Margat fis-Sirja, imbagħad f’Acre fi Tripli u eventwalment f’Limassol f’Ċipru. Madanakollu, x-xewqa tal-kavallieri kienet li jirnexxielhom jakkwistaw il-gżira ta’ Rodi, u fl-1309, huma rebħuha mingħand il-Biżantini.

    Il-kavallieri ma damux ma għarfu u sarrfu l-kwalitajiet ta’ Rodi li kienet gżira b’pożizzjoni tassew strateġika hekk kif din kienet tgħaqqad id-dinja tal-Lvant ma’ dik tal-Punent. Huma bidlu lil din il-lokalità f’belt iffortifikata u maż-żmien, bnew flotta liema bħalha li bdiet tattakka b’mod regolari x-xwieni tal-Ottomani. Iżda dan ma kienx biżżejjed għall-kilba tal-poter u l-flus għax apparti x-xwieni, l-Ordni bdiet taħbat ukoll għal xi bliet u kastelli Ottomani, sakemm finalment, it-Torok ġew urtati mhux ħażin.

    Il-kavallieri kienu saru xewka tweġġa’ ħafna qalb l-imperu Ottoman u t-Torok ma tħallew bl-ebda għażla ħlief li jaraw kif se jsibulhom tarfhom. Huma attakkaw lil Rodi għal diversi drabi imma qatt ma rnexxielhom iġibuha żewġ. Sakemm finalment, fl-1522, Sultan Suleiman ħa r-riedni f’idejh u ma qgħadx bi kwietu qabel niżżel il-kavallieri għarkubbtejhom wara sitt xhur ta’ kumbattimenti. Fuq deċiżjoni tal-istess sultan, l-Ordni tħalliet titlaq minn Rodi b’mod ċivili u dakinhar anki numru ta’ nies minn Rodi ngħataw il-libertà li jsegwuhom. Ftit kien jaf Suleiman, kemm xi snin wara, huwa kien ser jiddispjaċih bil-kbir talli wera tant irġulija mal-kavallieri.

    Il-Kavallieri jsibu ruħhom Malta

    Infatti, wara li l-kavallieri għamlu sebgħa snin iterrqu u jsalpaw minn art għall-oħra, mingħajr l-ebda post li setgħu isejjħulha darhom, huma ġew mogħtija l-gżejjer tagħna mill-Imperatur Charles V. Kien l-14 t’Ottubru 1530 meta huma middew l-ewwel passi tagħhom fuq l-art li eventwalment kellha tifforma parti tant importanti mill-istorja tal-Ordni.

    Anki Malta nzertat li kellha pożizzjoni ġeografika sinifikattiva ħafna bħal dik ta’ Rodi, hekk kif din kienet tinsab f’nofs il-Mediterran bejn l-Ewropa u l-Afrika. Naturalment, il-kavallieri ma damux ma bnew fuq dan il-potenzjal sabiex jibdlu lil Malta f’fortizza. Filwaqt li n-nobbli ta’ Malta kienu jgħixu fl-Imdina, il-kavallieri ppreferew jistabilixxu ruħhom il-Birgu, l-aktar minħabba l-viċinanza tal-baħar. Dak iż-żmien, il-Birgu kien jikkonsisti biss f’raħal ċkejken tas-sajjieda li kellu kastell antik. Imma l-paġna ta’ dan il-post ma damitx ma nqalbet ta’ taħt fuq meta l-kavallieri bdew jibnu l-palazzi tagħhom u l-parroċċa tal-Birgu nbidlet fil-Knisja Konventwali tal-Ordni.

    It-Torok jaħilfu li jeqirdu l-Ordni darba għal dejjem

    (c) National Maritime Museum; Supplied by The Public Catalogue FoundationFi ftit tas-snin, l-Ordni reġgħet issaħħet u l-qawwa tal-flotta tagħha bdiet tintuża biex mill-ġdid tattakka x-xwieni tal-Ottomani li kienu jsalpaw fl-ibħra tal-qrib. Il-ġarra ġejja u sejra fl-aħħar tinkiser u l-istorja rrepetiet ruħha, hekk kif mill-ġdid, it-Torok daħħluha f’rashom li jrażżnu lill-Ordni – issa, darba għal dejjem.

    Il-kavallieri kienu ilhom jisimgħu mingħand l-ispiji tagħhom li l-Ottomani kienu qed jippjanaw attakk kbir għal fuq Malta u min-naħa tagħhom, huma bdew jippruvaw jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jippreparaw il-gżira sabiex tilqa’ għal dan l-assedju. Madanakollu, hekk kif il-kavallieri sabu l-flotta massiċċa tat-Torok ma’ wiċċhom fl-għodwa tat-18 ta’ Mejju tal-1565, huma baqgħu bla kliem.

    Poeta jikteb djarju waqt li qed jieħu sehem fl-assedju

    Minn hemm bdew il-battalji ħorox bejn il-kavallieri u l-Ottomani li damu għaddejjin sa erbgħa xhur wara. Fatt kurjuż huwa illi fost is-suldati li kienu qed jipparteċipaw f’dan l-assedju flimkien mal-Ordni, kien hemm ukoll min niżżel xi noti dwar dak li kien qed iseħħ.

    Fost dawn, kien hemm Francesco Balbi di Correggio, poeta li kien jikteb bit-Taljan u bl-Ispanjol. Waqt l-assedju, huwa kellu 60 sena, u kien għażel li jservi bħala suldat minħabba li kien qed jgħix f’povertà kbira. Ta’ kittieb li kien, waqt dawn it-taqtiegħat storiċi, huwa żamm djarju fejn kważi ġurnata b’ġurnata jirrakkonta d-dettalji ta’ dak li għaddew minnu hu, sħabu u l-bqija tal-kavallieri, l-Maltin u t-Torok. Meta l-assedju spiċċa, huwa ra kif għamel biex ippubblika d-djarju tiegħu u llum xogħolu huwa meqjus bħala wirt storiku importanti ferm.

    Bis-saħħa ta’ Balbi, illum, wara 450 sena, aħna nistgħu nsegwu pass pass kif żvolġa dan l-avveniment, kif ittieħdu d-deċiżjonijiet, l-iżbalji u l-istrateġiji effettivi li seħħu u diversi esperjenzi oħra.

    Blog ta’ Heritage Malta dwar l-Assedju l-Kbir

    450 Great Siege logo MLT-05Sabiex taqsam dawn il-ġrajjiet interessanti mal-pubbliku, hekk kif dis-sena qed jiġi kkommemorat l-450 anniversarju mill-Assedju l-Kbir, Heritage Malta organizzat blog elettroniku fejn wieħed jista’ jaqra silta kuljum tal-aħbarijiet li jkunu ġraw f’dik il-ġurnata partikolari. F’dan il-blog, ma jonqsux ukoll xi fatti mhux tas-soltu u oħrajn kemmxejn kurjużi. Fl-istess blog, il-pubbliku se jkun jista’ jiskopri wkoll informazzjoni dwar numru ta’ oġġetti relatati mal-Assedju l-Kbir li bejn l-4 ta’ Settembru u s-6 ta’ Diċembru 2015, se jkunu qed jiffurmaw parti minn esebizzjoni internazzjonali li se tittella’ minn Heritage Malta fil-Kmamar Statali tal-Palazz tal-Gran Mastru l-Belt. Barra minn hekk, il-qarrejja ta’ dan il-blog se jkunu wkoll infurmati dwar id-diversi attivitajiet oħra relatati ma’ dan il-perjodu storiku li ser ikun qed jittellgħu minn żmien għall-ieħor.

    Waħda min dawn l-attivitajiet li ġġib l-isem 1565:First and Last Hope se tiġi organizzata fil-Forti Sant’Iermu bejn is-26 u t-28 ta’ Ġunju 2015. Hawnhekk, diversi atturi popolari Maltin ser ikunu qed jagħtu l-ħajja mill-ġdid lil uħud mill-avvenimenti li seħħu waqt l-assedju, filwaqt li jinvolvu anki lill-pubbliku preżenti.

    Il-blog tal-assedju qiegħed jinkludi wkoll xi filmati relatati ma’ dan iż-żmien. Intant, bħalissa, wieħed jista’ jsegwi filmat qasir li jirrakkonta d-destin kiefer tal-Kappella ta’ Sant’Anna li tinsab fil-Forti Sant’Iermu.

    Il-poplu Malti qed jiġi mħeġġeġ isegwi dan il-blog sabiex jagħraf dak li għaddew minnu missirijietna u b’hekk japprezza aktar il-ħila ta’ niesna, il-kapaċità militari tal-Ordni, l-istorja tal-fortifikazzjonijiet u mitt ħaġa oħra. Fl-istess ħin, huwa qed jiġi mistieden jaqsam ħsibijietu dwar dak li jkun qed iseħħ billi jħalli l-kummenti tiegħu fil-blog stess.

    Tista’ tibda tinvolvi ruħek mill-llum stess billi tidħol www.heritagemalta.org/1565

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela MINN RITRATT (13 il-Parti) fit-Torċa tal-14 ta’ Ġunju 2015)

    2015.06.14 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • Wiċċ imb’wiċċ ma’ Patri Gerard

    Ma tistax ma tieqafx tiċċassa lejh meta tara ritratt ta’ ras ta’ skeletru ta’ bniedem iddekorata! Aktar u aktar meta ssir taf li dik hija relikwa ta’ individwu magħruf ħafna madwar id-dinja. U li din tinsab f’monasteru f’Malta.

    Patri Gerard Sasso: il-Fundatur tal-Ordni ta’ San Ġwann

    Relikwa - Patri Gerard Sasso (Ritratt - Fiona Vella)Iltqajt għall-ewwel darba ma’ din l-immaġni waqt xi xogħol li kont qed nagħmel relatat mal-Assedju l-Kbir li seħħ fl-1565. Skoprejt li dik ir-ras kienet maħsuba li tappartjeni lill-Patri Gerard Sasso, il-Fundatur tal-Ordni ta’ San Ġwann, li għex bejn l-1040 u l-1120.

    Jingħad li Patri Gerard kien bniedem twajjeb ħafna u ta’ qalb kbira. Kien jifforma parti mill-Ordni Benedittina u fil-11 il-seklu, huwa rħielha lejn Ġerusalemm sabiex jagħti l-għajnuna tiegħu lill-pellegrini li kienu jżuru dik l-art fi kwantitajiet kbar, akkost il-perikli u s-sofferenza.

     Il-perikli tal-pellegrini

     Dak iż-żmien ma kinetx xi ħaġa faċli li tmur pellegrinaġġ biex iżżur siti Kristjani, speċjalment meta dawn kienu f’art oħra li spiss kienet maħkuma mill-Misilmin. Apparti l-biża’ minn xi attakk fejn wieħed seta’ jiġi misruq jew maqtul, kien hemm ukoll id-diffikultà tat-tul tal-vjaġġ bl-inqas kumdità possibbli. Il-mard, l-inċidenti u l-mewt temmew il-ħajja ta’ bosta minn dawn il-pellegrini. Kienet meqjusa bħala xi ħaġa komuni li pellegrin jista’ ma jirritorna qatt lejn daru u fil-fatt kien hemm sistemi legali li kienu jorbtu lil dak li jkun biex iħallas dejnu qabel ma jitlaq fuq xi vjaġġ bħal dan.

    Jitwaqqaf sptar għall-pellegrini f’Ġerusalemm

    Dan it-tiġrib lill-pellegrini qanqal lil grupp ta’ negozjanti minn Amalfi sabiex iwaqqfu post fejn dawn in-nies setgħu jingħataw l-għajnuna u l-kura meħtieġa. Dan is-servizz tant kien utli u meħtieġ li finalment il-post inbidel fi sptar u dan beda jitmexxa minn Patri Gerard.

    Għalkemm oriġinarjament, dan il-post kien maħsub biex jilqa’ biss lill-pellegrini Kristjani, Patri Gerard ma kienx jagħmel din id-differenza bejn bniedem u ieħor. Jekk persuna kienet fil-bżonn, hu kien jilqagħha b’idejh miftuħa bla ma qatt jistaqsi xejn aktar.

    Titwaqqaf l-Ordni ta’ San Ġwann

    Dan l-aġir tiegħu sar magħruf sewwa man-nies, tant li finalment, aħbaru waslet għand Papa Paskal II. Dan tant ħass ammirazzjoni lejn ix-xogħol li kien qed iwettaq il-patri li fil-15 ta’ Frar 1113, huwa rrikonoxxa l-isptar u l-ordni tiegħu billi ħareġ Bulla Papali li fosthom ta lill-Ordni id-dritt li tagħmel ir-regoli tagħha u li tirrispondi direttament lill-Papa. Minn hemm, dan il-grupp ta’ patrijiet inbidel fl-Ordni ta’ San Ġwann.

    Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien din l-Ordni bdiet tiġbed ir-rispett tan-nies, l-aktar tan-nobbli li l-membri tal-familja tagħhom kienu ngħataw l-għajnuna minn dawn il-patrijiet waqt xi pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa. Bħala rikonoxximent, dawn l-individwi sinjuri bdew jibgħatu somom kbar ta’ flus sakemm il-ġid beda dieħel għand l-Ordni bir-radam.

    Għalkemm Patri Gerard kien l-ewwel mexxej tal-Ordni, qatt ma kibritlu rasu. Huwa baqa’ dejjem bniedem umli, jaqdi dmiru mal-fqir, il-marid u l-batut. Miet fl-1120 u postu ttieħed mill-Kavallier Franċiż Raymond du Puy. Dan ma kien jixbaħ xejn lil ta’ qablu għax apparti li kien reliġjuż, kien ukoll statista. Infatti, huwa ma damx ma bidel in-natura tal-Ordni, ikkodifika r-regoli tagħha u waqqaf grupp ta’ patrijiet li kienu lesti li jiġġieldu sabiex jipproteġu lill-pellegrini. Barra minn hekk, huwa ra kif joħloq mezzi oħra sabiex isaħħaħ il-qagħda finanzjarja tal-Ordni billi akkwista artijiet u rikkezzi oħra.

    Ġisem Patri Gerard jitqies b’relikwa

    Wara l-mewt ta’ Patri Gerard, ġismu nżamm fil-monasteru ta’ Ġerusalemm u l-Kavallieri raw kif għamlu biex ippreservawh bl-aħjar mod. Dan il-korp kien miżmum b’qima kbira tant li kull meta l-Kavallieri bidlu l-post tal-kwartieri tagħhom, huma ħaduh magħhom bħala relikwa prezzjuża.

    Ras Patri Gerard issib ruħha Malta

    Il-Monasteru ta’ Sant’Ursula l-BeltIżda ġara li għal xi raġuni, dan il-ġisem ma baqax intatt u fl-1749, ras il-patri sabet ruħha f’Malta wara li nġarret minn Monasque fi Franza fuq ordni tal-Gran Mastru Emmanuel Pinto. Dan it-tagħrif huwa kkonfermat minn dokumenti li hemm maħżuna ġol-kaxxa ċkejkna li fuqha sserraħ din ir-relikwa.

    Għall-ewwel, din ir-ras inżammet fil-Palazz Maġisterjali u aktar tard, din tmexxiet flimkien mar-relikwi l-oħra li kienu merfugħa fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann il-Belt. Eventwalment, fid-19 ta’ Ġunju 1830, din ir-ras ġiet fdata f’idejn is-sorijiet tal-Monasteru ta’ Sant’Ursula, il-Belt, fejn għadha sa llum, f’vetrina żgħira biswit l-altar tal-kor, ġewwa l-kappella tal-monasteru.

    Fil-21 ta’ Diċembru 2001, ir-relikwarju tal-injam li kienet miżmuma fih din ir-ras, inbidel ma’ wieħed tal-fidda u dan ġie rregalat mill-Prof. Dr Guglielmo de Giovanni-Centelles, Duka ta’ Precacore, flimkien ma’ martu Donna Carla.

    Wiċċ imb’wiċċ ma’ Patri Gerard

    Madre Prijoressa Sr. Agnese Zammit OSS biswit ir-relikwa ta' Patri Gerard Sasso (Ritratt - Fiona Vella)Wara li rriċerkajt din it-tema, ma stajtx ma nżurx il-post fejn tinsab din ir-relikwa. Akkost li l-monasteru jiġbor fih sorijiet tal-klawsura, it-talba tiegħi ġiet milqugħa mal-ewwel u ma domtx ma sibt ruħi wiċċ imb’wiċċ ma’ dan il-bniedem li tant nies jitkellmu b’rispett lejh.

    “Kull sena, jiġu għadd ta’ nies minn madwar l-Ewropa kollha biex iżuru din ir-relikwa,” infurmatni l-Madre Prijoressa Sr. Agnese Zammit OSS tal-Monasteru ta’ Sant’Ursula l-Belt.

    Il-Madre Prijoressa liebsa l-istolone u l-manto di punta“F’April li għadda, kellna anki żjara statali mill-Prinċep u Gran Mastru tal-Ordni ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm, ta’ Rodi u ta’ Malta, Frá. Matthew Festing. Għal din l-okkażjoni, peress li aħna sorijiet tal-Ordni, nilbsu l-abitu statali li jinkludi l-istolone u l-manto di punta”.

    Kull sena, fit-13 t’Ottubru, dawn is-sorijiet jorganizzaw quddiesa solenni b’rispett lejn Patri Gerard. Għal din iċ-ċelebrazzjoni, jattendu l-Kavallieri ta’ San Ġwann kollha li joqogħdu Malta u mill-ġdid huma jilbsu l-abitu statali.

    Ħadd ma jaf kien kien jidher wiċċu

    Ħadd ma jaf fiċ-ċert kif kien wiċċ Patri Gerard. Madanakollu, sforz ir-rispett kbir li n-nies minn dejjem kellhom lejh, saru diversi pitturi tiegħu fejn wiċċu ġie mmaġinat mill-artisti. Wieħed minn dawn il-kwadri li juri lil Patri Gerard qed jilqa’ lil Godfrey de Bouillon, Duka ta’ Lower Lorraine u mexxej tal-Ewwel Kruċjata ġie maħdum mill-pittur magħruf Antoine De Favray u jinsab esebit fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti fi Triq Nofsinhar il-Belt.

    Sadanittant, jekk qanqaltilkhom biżżejjed kurżità, tistgħu taraw ukoll kopja ta’ dan il-kwadru fuq il-blog tal-Assedju l-Kbir ta’ Heritage Malta – www.heritagemalta.org/1565

    Apparti kurżitajiet simili relatati mal-Ordni ta’ San Ġwann, f’dan il-blog tistgħu ssegwu wkoll rakkonti ġurnata b’ġurnata ta’ dak li għaddew minnu Malta, il-Maltin u l-Kavallieri waqt il-perjodu aħrax tal-Assedju l-Kbir li beda f’Mejju u ntemm f’Settembru tal-1565.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela MINN RITRATT (12 il-parti) fit-Torċa tas-7 ta’ Ġunju 2015)

    2015.06.07 / no responses / Category: Torca - Features & Articles